14.4.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 100/51 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/235/PESK
tat-12 ta’ April 2011
dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Billi:
(1) |
Fil-21 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill tenna t-tħassib kbir tiegħu rigward id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
(2) |
Il-Kunsill enfasizza b’mod partikolari ż-żieda drammatika tal-esekuzzjonijiet fix-xhur reċenti u r-ripressjoni sistematika taċ-ċittadini Iranjani, li qed jiffaċċjaw vessazzjoni u arresti għax ikunu qed jeżerċitaw id-drittijiet leġittimi tagħhom tal-libertà ta’ espressjoni u l-assemblea paċifika. L-UE tenniet il-kundanna qawwija tagħha għall-użu tat-tortura u ta’ trattament ieħor krudili, inuman u degradanti. |
(3) |
F’dan il-kuntest, il-Kunsill irriafferma d-determinazzjoni tiegħu li jibqa’ jindirizza l-abbużi dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u ddikjara li huwa lest jintroduċi miżuri restrittivi immirati lejn dawk responsabbli għall-vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. |
(4) |
Il-miżuri restrittivi għandhom ikunu diretti lejn persuni, entitajiet u kopri kompliċi fi jew responsabbli għall-ordni jew l-implimentazzjoni ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem matul it-trażżin ta’ dimostraturi paċifiċi, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, studenti jew persuni oħra li jesprimu ruħhom b’difiża għad-drittijiet leġittimi tagħhom, inkluż l-libertà tal-espressjoni, kif ukoll persuni kompliċi fi jew responsabbli għall-ordni jew l-implimentazzjoni ta’ ksur serju tad-dritt għal proċess xieraq, tortura, trattament krudili, inuman u degradanti, u l-applikazzjoni indiskriminata, eċċessiva u li qed tiżdied tal-piena tal-mewt, inklużi l-eżekuzzjonijiet pubbliċi, it-taħġir, it-tagħliq jew l-eżekuzzjonijiet ta’ delinkwenti minorenni bi ksur tal-obbligi internazzjonali tal-Iran rigward id-drittijiet tal-bniedem. |
(5) |
Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni tad-dħul fi, jew it-transitu minn ġewwa, it-territorji tagħhom tal-persuni responsabbli għall-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, u l-persuni assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness.
2. Il-paragrafu 1 m’għandux jobbliga Stat Membru biex jiċħad id-dħul fit-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.
3. Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut minn obbligu taħt id-dritt internazzjonali, jiġifieri:
(a) |
bħala pajjiż ospitanti għal organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali; |
(b) |
bħala pajjiż ospitanti għal konferenza internazzjonali msejħa min-Nazzjonijiet Uniti, jew taħt l-awspiċji tagħha; |
(c) |
taħt ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet; jew |
(d) |
taħt it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni tal-1929 (il-Patt Lateran) konkluż mis-Santa Sede (Stat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja. |
4. Il-paragrafu 3 għandu jiġi kkunsidrat bħala applikabbli wkoll f’każijiet fejn Stat Membru jkun pajjiż ospitanti għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).
5. Il-Kunsill għandu jkun infurmat debitament fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafu 3 jew 4.
6. L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt il-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat minħabba ħtieġa umanitarja urġenti, jew minħabba attendenza f’laqgħat intergovernattivi, inklużi dawk promossi mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza kurrenti tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fil-Iran.
7. Stat Membru li jixtieq jagħti eżenzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 6 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies bħala mogħtija sakemm Membru wieħed jew aktar tal-Kunsill ma joġġezzjonax bil-miktub fil-jumejn ta’ xogħol wara li tiġi rċevuta l-eżenzjoni proposta. Fil-każ li Membru wieħed jew aktar tal-Kunsill iqajmu oġġezzjoni, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ madanakollu jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.
8. Fil-każijiet fejn skont il-paragrafi 3, 4, 6 jew 7, Stat Membru jawtorizza d-dħul fi, jew it-transitu minn ġewwa, it-territorju tiegħu tal-persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-fini li għaliha tkun ingħatat u għall-persuni kkonċernati minnha.
Artikolu 2
1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni responsabbli għall-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, u l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni, entitajiet u korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.
2. L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, b’mod dirett jew indirett, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness.
3. L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tawtorizza r-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, taħt tali kondizzjonijiet li hi tikkunsidra adatti, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:
(a) |
meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness u l-membri tal-familja dipendenti minnhom, inklużi pagamenti għal ikel, kera jew ipoteki, mediċini u kura medika, taxxi, premiums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta’ servizzi pubbliċi; |
(b) |
maħsubin esklussivament għall-pagament ta’ onorarji professjonali raġjonevoli u għar-rimborż ta’ spejjeż magħmula assoċjati mal-forniment ta’ servizzi legali; |
(c) |
maħsubin esklussivament għall-pagament ta’ miżati jew ħlasijiet għal servizzi fiż-żamma jew manteniment ta’ rutina ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew |
(d) |
meħtieġa għal spejjeż straordinarji, dment li l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tikkunsidra li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika mill-inqas ġimgħatejn qabel l-awtorizzazzjoni. |
L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.
4. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma soġġetti ta’ garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrarja stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna jew l-entità msemmija fil-paragrafu 1 ġiet inkluża fl-Anness, jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrarja mogħtija qabel dik id-data; |
(b) |
il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklussivament sabiex jintlaħqu l-pretensjonijiet żgurati minn tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f’tali sentenza, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet; |
(c) |
il-garanzija jew is-sentenza mhix għall-benefiċċju ta’ persuna jew entità elenkata fl-Anness; u |
(d) |
ir-rikonoxximent tal-garanzija jew tas-sentenza ma jmurx kontra l-linji politiċi pubbliċi fl-Istat Membru kkonċernat. |
L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu.
5. Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni lil persuna,jew entità elenkata milli tagħmel ħlas dovut taħt kuntratt li daħal fis-seħħ qabel id-data li fiha tali persuna jew entità tkun ġiet elenkata fl-Anness, dment li l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermuna li l-ħlas ma jiġix riċevut direttament jew indirettament minn persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1.
6. Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda ma’ kontijiet iffriżati ta’:
(a) |
imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew |
(b) |
pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew irriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2, |
dment li kwalunkwe tali imgħax, dħul ieħor u pagamenti jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.
Artikolu 3
1. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness.
2. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna jew l-entità kkonċernata, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, sabiex tali persuna jew entità tingħata l-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.
3. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn jiġu ppreżentati provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew l-entità kkonċernata kif adatt.
Artikolu 4
1. L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati.
2. L-Anness għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu identifikati l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-persuni, tali informazzjoni tista’ tinkludi ismijiet, inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, tali informazzjoni tista’ tinkludi ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.
Artikolu 5
Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-miżuri, l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi Stati terzi sabiex jadottaw miżuri restrittivi simili.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-13 ta' April 2012. Hija għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Hija għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ April 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
C. ASHTON
ANNESS
Lista ta' persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikoli 1 u 2
Persuni
|
Isem |
Informazzjoni identifikattiva |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
1. |
AHMADI-MOQADDAM Esmail |
Post tat-twelid: Teħeran (Iran) - Data tat-twelid: 1961 |
Kap tal-Pulizija Nazzjonali tal-Iran. Il-forzi taħt il-kmand tiegħu wettqu attakki brutali fuq protesti paċifiċi, u attakk vjolenti mal-lejl fuq id-dormitorji tal-Università ta' Teħeran fil-15 ta' Ġunju 2009. |
|
2. |
ALLAHKARAM Hossein |
|
Kap tal-Ansar-e Hezbollah u Kurunell fl-IRGC Huwa kien ko-fondatur tal-Ansar-e Hezbollah. Din il-forza paramilitari kienet responsabbli għall-vjolenza eċċessiva waqt ir-repressjoni kontra l-istudenti u l-universitajiet fl-1999, l-2002 u fl-2009. |
|
3. |
ARAGHI (ERAGHI) Abdollah |
|
Viċi Kap tal-Forzi tal-Art tal-IRGC Huwa kellu responsabblità diretta u personali għar-repressjoni tal-protesti matul is-sajf kollu tal-2009. |
|
4. |
FAZLI Ali |
|
Viċi Kmandant tal-Basij, ex Kap tal-Korpi Seyyed al-Shohada tal-IRGC, Provinċja ta' Teħeran (sa Frar 2010). Il-Korpi Seyyed al-Shohada huma inkarigati bis-sigurtà fil-provinċja ta' Teħeran u kellhom rwol prinċipali fir-repressjoni brutali ta' dawk li pprotestaw fl-2009. |
|
5. |
HAMEDANI Hossein |
|
Kap tal-Korpi Rassoulollah tal-IRGC inkarigat minn Greater Tehran minn Novembru 2009. Il-Korpi Rassoulollah huma inkarigati mis-sigurtà fi Greater Tehran u kellhom rwol prinċipali fit-trażżin vjolenti ta' persuni li ħadu sehem fi protesti fl-2009. Responsabbli għar-repressjoni tal-protesti matul l-avvenimenti ta' Ashura (Diċembru 2009) u sa issa. |
|
6. |
JAFARI Mohammad-Ali (magħruf ukoll bħala “Aziz Jafari”) |
Post tat-twelid: Yazd (Iran) - Data tat-twelid: 01.09.1957 |
Kmandant Ġeneral tal-IRGC. L-IRGC u l-Bażi ta' Sarollah taħt il-kmand tal-Ġeneral Aziz Jafari kellhom rwol prinċipali fl-indħil illegali tal-Elezzjonijiet Presidenzjali tal-2009, bl-arrest u ż-żamma ta' attivisti politiċi, kif ukoll bil-konfrontazzjonijiet kontra persuni li ħadu sehem fi protesti fit-toroq. |
|
7. |
KHALILI Ali |
|
Ġeneral tal-IRGC, Kap tat-Taqsima Medika fil-Bażi ta' Sarollah. Huwa ffirma ittra li ntbagħtet lill-Ministeru tas-Saħħa fis-26 ta' Ġunju 2009 li tipprojbixxi l-preżentazzjoni ta' dokumenti jew records mediċi lil persuni li ndarbu jew ġew ospitalizzati matul avvenimenti li seħħew wara l-elezzjonijiet. |
|
8. |
MOTLAGH Bahram Hosseini |
|
Kap tal-Korpi ta' Seyyed al-Shohada tal-IRGC, Provinċja ta' Teħeran. Il-Korpi ta' Seyyed al-Shohada kellhom rwol prinċipali fl-organizzazzjoni tar-repressjoni tal-protesti. |
|
9. |
NAQDI Mohammad-Reza |
Post tat-twelid: Najaf (Iraq) – Data tat-twelid: Madwar 1952 |
Kmandant tal-Basij. Bħala kmandant tal-Forzi tal-Basij tal-IRGC, Naqdi kien responsabbli għal, jew kompliċi fl-abbużi tal-Basij li seħħew tard fl-2009, inkluż għar-reazzjoni vjolenti għall-protesti ta' Jum l-Ashura f'Diċembru 2009, li wasslet għall-mewt ta' madwar 15-il persuna u l-arrest ta' mijiet ta' persuni li pprotestaw. Qabel il-ħatra tiegħu bħala kmandant tal-Basij f'Ottubru 2009, Naqdi kien il-kap tal-Unità tal-Intelligence tal-Basij responsabbli għall-interrogazzjoni ta' dawk li ġew arrestati matul ir-repressjoni li seħħet wara l-elezzjonijiet. |
|
10. |
RADAN Ahmad-Reza |
Post tat-twelid: Isfahan (Iran) - Data tat-twelid:1963 |
Viċi Kap tal-Pulizija Nazzjonali tal-Iran. Bħala Viċi Kap tal-Pulizija Nazzjonali mill-2008, Radan kien responsabbli għal swat, qtil u arresti u detenzjonijiet arbitrarji ta' persuni li ħadu sehem fi protesti, imwettqa mill-forzi tal-pulizja. |
|
11. |
RAJABZADEH Azizollah |
|
Ex Kap tal-Pulizija ta' Teħeran (sa Jannar 2010). Bħala Kmandant tal-Forzi ta' Infurzar tal-Liġi fi Greater Tehran, Azizollah Rajabzadeh huwa l-akkużat bl-aktar kariga għolja fil-kawża tal-abbużi fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Kahrizak. |
|
12. |
SAJEDI-NIA Hossein |
|
Kap tal-Pulizija ta' Teħeran, ex Viċi Kap tal-Pulizija Nazzjonali tal-Iran responsabbli għall-Operazzjonijiet tal-Pulizija. Huwa inkarigat, mill-Ministeru tal-Intern, bil-koordinazzjoni ta' operazzjonijiet ta' repressjoni fil-belt kapitali Iranjana. |
|
13. |
TAEB Hossein |
Post tat-twelid: Teħeran - Data tat-twelid: 1963 |
Ex Kmandant tal-Basij (sa Ottubru 2009). Fil-preżent viċi kmandant tal-IRGC għall-Intelligence. Forzi taħt il-kmand tiegħu ħadu sehem fi swat tal-massa, qtil, detenzjonijiet u torturi ta' persuni li pprotestaw b'mod paċifiku. |
|
14. |
SHARIATI Seyeed Hassan |
|
Kap tal-Ġudikatura ta' Mashhad. Proċessi taħt is-superviżjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati, u kienu bbażati fuq stqarrijiet li ġew akkwistati bl-użu ta' pressjoni u tortura. Peress li sentenzi ta' eżekuzzjoni nħarġu bil-massa, inħarġu pieni kapitali mingħajr osservanza tajba ta' proċeduri ta' smigħ ġust. |
|
15. |
DORRI-NADJAFABADI Ghorban-Ali |
Post tat-twelid: Najafabad (Iran) - Data tat-Twelid: 1945 |
Ex Prosekutur Ġenerali tal-Iran sa Settembru 2009 (ex Ministru tal-Intelligence matul il-Presidenza ta' Khatami). Bħala Prosekutur Ġenerali tal-Iran, huwa ordna u ssorvelja l-proċessi spettaklu b'segwitu għall-ewwel protesti ta' wara l-elezzjonijiet, fejn l-akkuzati kienu miċħuda d-drittijiet tagħhom, avukat. Huwa responsabbli wkoll għall-abbużi ta' Kahrizak. |
|
16. |
HADDAD Hassan (magħruf ukoll bħala Hassan ZAREH DEHNAVI) |
|
Imħallef, Qorti Revoluzzjonarja ta' Teħeran, fergħa 26. Huwa kien inkarigat mill-każijiet tad-detenuti relatati mal-kriżijiet ta' wara l-elezzjoni u hedded regolarment familji ta' detenuti sabiex jissilenzjahom. Huwa kien strumentali fil-ħruġ ta' ordnijiet ta' detenzjoni għaċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Kahrizak. |
|
17. |
Hodjatoleslam Seyed Mohammad SOLTANI |
|
Imħallef, Qorti Revoluzzjonarja ta' Mashhad, Proċessi taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati. Peress li sentenzi ta' eżekuzzjoni nħarġu bil-massa, inħarġu pieni kapitali mingħajr osservanza tajba ta' proċeduri ta' smigħ ġust. |
|
18. |
HEYDARIFAR Ali-Akbar |
|
Imħallef, Qorti Revoluzzjonarja ta' Teħeran. Huwa ħa sehem fil-proċessi ta' persuni li pprotestaw. Huwa ġie interrogat mill-Ġudikatura dwar atroċitajiet ta' Kahrizak. Huwa kien strumentali fil-ħruġ ta' ordnijiet ta' detenzjoni biex detenuti jintbagħtu fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Kahrizak. |
|
19. |
JAFARI-DOLATABADI Abbas |
|
Prosekutur Ġenerali ta' Teħeran minn Awwissu 2009. L-uffiċċju ta' Dolatabadi akkuża numru kbir ta' persuni li pprotestaw, inklużi individwi li ħadu sehem fil-protesti ta' Jum l-Ashura f'Diċembru 2009. Huwa ordna l-għeluq tal-uffiċċju ta' Karroubi f' Settembru 2009 u l-arrest ta' diversi politiċi riformisti, u pprojbixxa żewġ partiti politiċi riformisti f'Ġunju 2010. L-uffiċċju tiegħu akkuża lil persuni li pprotestaw bl-akkuża tal-Muharebeh, jew mibegħda kontra Alla, li ġġorr sentenza kapitali, u caħad proċess dovut lil dawk li kienu qed jiffaccjaw sentenza kapitali. L-uffiċċju tiegħu fittex u arresta wkoll riformisti, attivisti tad-drittjitiet tal-bniedem, u membri tal-midja, bħala parti minn repressjoni wiesgħa tal-oppożizzjoni politika. |
|
20. |
MOGHISSEH Mohammad (magħruf ukoll bħala NASSERIAN) |
|
Imħallef, Kap tal-Qorti Revoluzzjonarja ta' Teħeran, fergħa 28. Huwa inkarigat bil-każijiet ta' wara l-elezzjoni. Huwa ħareġ sentenzi ta' priġunierija fit-tul matul proċessi inġusti għal attivisti u ġurnalisti soċjali, politiċi, u diversi sentenzi kapitali għal persuni li pprotestaw u attivisti soċjali u politiċi. |
|
21. |
MOHSENI-EJEI Gholam-Hossein |
Post tat-twelid: Ejiyeh - Data tat-twelid: madwar 1956 |
Prosekutur Ġenerali tal-Iran minn Settembru 2009 u kelliem għall-Ġudikatura (ex Ministru tal-Intelligence matul l-elezzjonijiet tal-2009). Waqt li kien Ministru tal-Intelligence matul l-elezzjoni, aġenti tal-intelligence taħt il-kmand tiegħu kienu responsabbli għad-detenzjoni, tortura u l-akkwist ta' stqarrijiet foloz bl-użu ta' pressjoni mingħand mijiet ta' attivisti, ġurnalisti, dissidenti u riformisti politiċi. Barra minn hekk, figuri politiċi kienu mġiegħla jagħmlu stqarrijiet foloz taħt interrogazzjonijiet insapportabbli li kienu jinkludu tortura, abbuż, rikatti, u t-theddid ta' membri tal-familja. |
|
22. |
MORTAZAVI Said |
Post tat-twelid: Meybod, Yazd (Iran) - Data tat-twelid: 1967 |
Kap tat-Task Force tal-Iran kontra l-Kuntrabandu, ex Prosekutur Ġenerali ta' Teħeran sa Awwissu 2009. Bħala Prosekutur Ġenerali ta' Teħeran, huwa kien ħareġ ordni ġenerali għad-detenzjoni ta' mijiet ta' attivisti, ġurnalisti u studenti. Huwa ġie sospiż mill-kariga f'Awwissu 2010 wara investigazzjoni mill-ġudikatura Iranjana dwar ir-rwol tiegħu fl-imwiet ta' tliet irġiel miżmuma fuq l-ordinijiet tiegħu wara l-elezzjoni. |
|
23. |
PIR-ABASSI Abbas |
|
Qorti Revoluzzjonarja ta' Teħeran, fergħat 26 u 28. Huwa inkarigat bil-każijiet ta' wara l-elezzjoni, ħareġ sentenzi ta' priġunierija fit-tul matul il-proċessi inġusti kontra attivisti għad-drittijiet tal-bniedem u diversi sentenzi kapitali għal persuni li pprotestaw. |
|
24. |
MORTAZAVI Amir |
|
Viċi Prosekutur ta' Mashhad. Proċessi taħt il-prosekuzzjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati. Peress li sentenzi ta' eżekuzzjoni nħarġu bil-massa, inħarġu pieni kapitali mingħajr osservanza tajba ta' proċeduri ta' smigħ ġust. |
|
25. |
SALAVATI Abdolghassem |
|
Imħallef, Kap tal-Qorti Revoluzzjonarja ta' Teħeran, fergħa 15. Inkarigat bil-każijiet ta' wara l-elezzjoni, huwa kien l-Imħallef li ppresieda l-“proċessi spettaklu” fis-sajf 2009, huwa kkundanna għall-mewt żewġ monarkisti li dehru fil-proċessi spettaklu. Huwa kkundanna aktar minn mitt priġunier politiku, attivisti għad-drittijiet tal-bniedem, u dimostranti għal sentenzi ta' priġunerija fit-tul. |
|
26. |
SHARIFI Malek Adjar |
|
Kap tal-Ġudikatura tal-Lvant tal-Ażerbajġan. Huwa kien responsabbli għll-proċess ta' Sakineh Mohammadi-Ashtiani. |
|
27. |
ZARGAR Ahmad |
|
Imħallef, Qorti ta' Appell ta' Teħeran, fergħa 36. Huwa kkonferma mandati ta' priġunerija fit-tul u mandati kapitali kontra persuni li pprotestaw. |
|
28. |
YASAGHI Ali-Akbar |
|
Imħallef, Qorti Revoluzzjonarja ta' Mashhad. Proċessi taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati. Peress li sentenzi ta' eżekuzzjoni nħarġu bil-massa, inħarġu pieni kapitali mingħajr osservanza tajba ta' proċeduri ta' smigħ ġust. |
|
29. |
BOZORGNIA Mostafa |
|
Kap tas-Sala 350 fil-Ħabs ta' Evin. F'diversi okkażjonijiet uża vjolenza sproporzjonata fuq il-priġunieri. |
|
30. |
ESMAILI Gholam-Hossein |
|
Kap tal-Organizzazzjoni tal-Ħabsijiet tal-Iran. F'din il-kariga, huwa kien kompliċi għad-detenzjoni massiva ta' persuni li pprotestaw għal raġunijiet politiċi u għal ħabi ta' abbużi mwettqa fis-sistema ta' priġunerija. |
|
31. |
SEDAQAT Farajollah |
|
Assistent Segretarju tal-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Ħabsijiet f'Teħeran - Ex Kap tal-ħabs ta' Evin, Teħeran sa Ottubru 2010, perijodu li matulu twettqet it-tortura. Huwa kien gwardjan u hedded u għamel pressjoni fuq il-priġunieri bosta drabi. |
|
32. |
ZANJIREI Mohammad-Ali |
|
Bħala Viċi Kap tal-Organizzazzjoni tal-Ħabsijiet tal-Iran, responsabbli għall-abbużi u ċ-ċaħda tad-drittijiet fiċ-ċentru ta' detenzjoni. Huwa ordna t-trasferiment ta' ħafna ħabsin għal detenzjoni solitarja. |
|