|
7.4.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 93/9 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-31 ta’ Marzu 2011
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja
(2011/220/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 81(3), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Unjoni qed taħdem għall-istabbiliment ta’ żona ġudizzjarja komuni bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet. |
|
(2) |
Il-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja (“il-Konvenzjoni”) tikkostitwixxi bażi tajba għal sistema dinjija ta’ kooperazzjoni amministrattiva u għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet dwar manteniment u arranġamenti ta’ manteniment, filwaqt li tipprevedi assistenza legali bla ħlas fi kważi l-kawżi kollha ta’ manteniment tat-tfal u proċedura integrata għar-rikonoxximent u l-infurzar. |
|
(3) |
L-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni jippermetti li Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika bħall-Unjoni jiffirmaw, jaċċettaw, japprovaw u jaċċedu għall-Konvenzjoni. |
|
(4) |
Materji rregolati mill-Konvenzjoni huma ttratti wkoll fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (1). L-Unjoni għandha tiddeċiedi, f’dan il-każ partikolari, li tiffirma l-Konvenzjoni waħedha u li teżerċita kompetenza fil-materji kollha rregolati minnha. |
|
(5) |
Id-dikjarazzjonijiet u r-riżervi adatti kollha għandhom isiru mill-Unjoni fil-mument tal-approvazzjoni tal-Konvenzjoni. |
|
(6) |
F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(7) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, annessa għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja (“il-Konvenzjoni”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea (2).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar lill-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
VÖLNER P.
(2) It-test tal-Konvenzjoni ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tagħha.