5.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 89/24


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-4 ta’ April 2011

li temenda d-Deċiżjoni 2009/996/UE dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-2009 li tkopri n-nefqa mġarrba mill-Ġermanja, Spanja, l-Italja, Malta, l-Olanda [il-Pajjiżi l-Baxxi], il-Portugall u s-Slovenja bl-għan li jiġu miġġielda organiżmi ta’ ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 2126)

(It-testi bl-Olandiż, bil-Ġermaniż, bit-Taljan, bil-Malti, bil-Portugiż, bis-Sloven u bl-Ispanjol biss huma awtentiċi)

(2011/212/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23(5) tagħha,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2000/29/KE, tista’ tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lill-Istati Membri biex ikopru n-nefqa relatata direttament mal-miżuri meħtieġa li jkunu ttieħdu, jew li huma ppjanati li jittieħdu, bl-għan li jiġu miġġielda organiżmi ta’ ħsara introdotti minn pajjiżi terzi jew minn żoni oħra fl-Unjoni, biex jinqerdu jew, jekk dan ma jkunx possibbli, biex jiġu ristretti.

(2)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(5) tad-Direttiva 2000/29/KE, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni fuq kontroll tas-saħħa tal-pjanti għandha tkopri sa massimu ta’ 50 % tan-nefqa relatata direttament mal-miżuri meħtieġa msemmija fl-Artikolu 23(2) ta’ dik id-Direttiva u, fil-każ tal-kumpens għat-telf tal-qligħ imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) ta’ dik id-Direttiva sa massimu ta’ 25 %.

(3)

Għall-2009, l-Unjoni allokat kontribuzzjoni finanzjarja totali ta’ EUR 14 049 023 biex tkopri n-nefqa mġarrba mill-Ġermanja, Spanja, l-Italja, Malta, l-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall u s-Slovenja, kif stipulat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/996/UE tas-17 ta’ Diċembru 2009 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-2009 biex tkopri n-nefqa mġarrba mill-Ġermanja, Spanja, l-Italja, Malta, l-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall u s-Slovenja bl-għan li jiġu miġġielda organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti (2).

(4)

Kif stipulat fit-Taqsima III tal-Anness mad-Deċiżjoni 2009/996/UE, Spanja u l-Italja rċevew kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għas-sostituzzjoni ta’ siġar li nqerdu. Spanja rċeviet kontribuzzjoni ta’ EUR 289 144 għas-sostituzzjoni ta’ siġar koniferi fl-2009 affettwati mill-organiżmu ta’ ħsara Bursaphelenchus xylophilus. L-Italja rċeviet kontribuzzjoni ta’ EUR 14 525 għas-sostituzzjoni ta’ speċi varji ta’ siġar fil-Lombardia fl-2008 affettwati mill-organiżmi ta’ ħsara Anoplophora chinensis fiż-żona ta’ Gussago u Anoplophora glabripennis fiż-żona ta’ Corbetta.

(5)

Din in-nefqa ta’ Spanja u l-Italja kienet relatata direttament mal-projbizzjoni tal-użu fil-futur ta’ siġar partikolari li jospitaw l-organiżmi ta’ ħsara kkonċernati, skont it-tifsira tal-Artikolu 23(2)(c) tad-Direttiva 2000/29/KE. Din in-nefqa ma tikkonċernax il-kumpens għat-telf tal-qligħ imsemmi fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) ta’ dik id-Direttiva.

(6)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(5), tad-Direttiva 2000/29/KE, il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għalhekk għandha tkopri sa massimu ta’ 50 % tan-nefqa kkonċernata, u ma għandhiex tkun ristretta għall-massimu ta’ 25 % kif kien stipulat bi żball fid-Deċiżjoni 2009/996/UE. B’riżultat ta’ dan, il-kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Unjoni għal programmi rilevanti mressqa minn Spanja u mill-Italja għandha tiżdied b’EUR 289 145 u EUR 14 525 rispettivament, u l-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni għall-2009 għandha tiżdied għal EUR 14 352 693.

(7)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2009/996/UE għandha tiġi emendata kif xieraq.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2009/996/UE hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 2(1) jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Is-somma totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 1 hija ta’ EUR 14 352 693.”

2.

Fit-Taqsima I tal-Anness, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames ringiela jinbidlu b’dan li ġej:

“Spanja

Bursaphelenchus xylophilus

Siġar koniferi

2008 u 2009

1 u 2

3 386 573

1 693 286

L-Italja, il-Lombardia

(Iż-żona ta’ Gussago)

Anoplophora chinensis

Bosta speċi ta’ siġar

l-2008 u parti mill-2009 (sat-30 ta’ April)

1 u 2

302 683

151 341

L-Italja, il-Lombardia

(Iż-żona ta’ Corbetta)

Anoplophora glabripennis

Bosta speċi ta’ siġar

2007 u 2008

1 u 2

302 683

103 221 ”

3.

It-Taqsima III tal-Anness titħassar.

4.

Fl-aħħar tal-Anness, l-indikazzjoni “Kontribuzzjoni totali tal-Komunità (EUR): 14 049 023” tinbidel ma’ “Kontribuzzjoni totali tal-Komunità (EUR): 14 352 693”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika tas-Slovenja.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ April 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  ĠU L 339, 22.12.2009, p. 49.