5.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 89/21


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-31 ta' Marzu 2011

b’applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE fir-rigward ta' miżura ta' projbizzjoni adottata mill-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar tagħmir iggwidat li jwaqqaf il-waqgħa, tat-tip HACA Leitern 0529.7102

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 2010)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/211/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 89/686/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (APP) jistipula li fejn Stat Membru jiżgura li l-apparat personali protettiv bil-marka CE u użat għall-iskop maħsub tiegħu jista’ jikkomprometti s-sikurezza ta’ persuni, ta’ annimali domestiċi jew ta’ proprjetà, huwa għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex ineħħi mis-suq tali apparat personali protettiv u jipprojbixxi t-tqegħid tiegħu fis-suq jew iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tiegħu.

(2)

Skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 89/686/KEE, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati, hija mitluba tiddikjara jekk issibx din il-miżura ġġustifikata jew le. Jekk il-miżura tinstab li hija ġustifikata, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri biex dawn ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri xierqa kollha fir-rigward tat-tagħmir ikkonċernat, skont l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/686/KEE.

(3)

Fil-31 ta’ Jannar 2008, l-awtoritajiet tar-Renju Unit innotifikaw miżura lill-Kummissjoni Ewropea li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir iggwidat li jwaqqaf il-waqgħa, tat-tip HACA Leitern 0529.7102, immanifatturat minn HACA Leitern - Lorenz Hasenbach GmbH u. Co. KG, Diesselstrasse 12, D-65520 Bad Camberg. (HACA). Skont id-dokumenti mressqa lill-Kummissjoni, dan l-apparat protettiv kien soġġett għall-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Artikolu 11 A tad-Direttiva, iċċertifikata bid-dokumenti li ġejjin maħruġa minn EXAM BBG Prüf- und Zertifizier GmbH (li issa sar DEKRA EXAM GmbH) - Korp Innotifikat Nru 0158):

Nru ZQ/B 212/06;

Nru ZQ/B 212/07.

(4)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit indikaw li l-miżura tagħhom kienet imsejsa fuq il-fatt li t-tagħmir iggwidat li jwaqqaf il-waqgħa kkonċernat naqas milli jikkonforma mar-rekwiżiti bażiċi tas-saħħa u tas-sikurezza (basic health and safety requirements – BHSR) imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/686/KEE u, b’mod partikolari, mal-BHSR 3.1.2.2 u l-BHSR 1 u 1.1.1 fl-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE. L-Awtoritajiet tar-Renju Unit ressqu rapport tat-test mfassal minn TUV NEL Ltd. biex isostnu s-sejbiet tagħhom.

(5)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, b’mod partikolari fis-sitwazzjoni li tista’ titbassar fejn persuna waqgħet lura qabel ma waqgħet ‘l isfel (is-sitwazzjoni tal-“waqgħa lura”), l-apparat protettiv ma pprovdiex protezzjoni xierqa kontra r-riskji kollha li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom kif mitlub mill-BHSR 1 (2). Bħala riżultat, it-tagħmir iggwidat li jwaqqaf il-waqgħa ma kkonformax mal-BHSR 1.1.1 (3), li jirrikjedi li utent ikun jista’ jwettaq attività relatata ma’ riskju b’mod normali filwaqt li jgawdi minn protezzjoni xierqa sal-ogħla livell possibbli. Barra minn hekk, l-Awtoritajiet tar-Renju Unit spjegaw li l-apparat protettiv ma kkonformax mal-BHSR 3.1.2.2 (4) minħabba li t-testijiet urew li, taħt kundizzjonijiet ta’ użu li jistgħu jitbassru, il-waqgħa vertikali tal-utent ma ġietx imminimizzata biex ikun jista’ jevita l-kolliżjoni ma’ ostakli u l-forza tal-ibbrejkjar qabżet il-valur massimu li fih tista’ sseħħ ħsara fuq il-persuna.

L-Awtoritajiet tar-Renju Unit indikaw ukoll li kellhom l-intenzjoni jniedu oġġezzjoni formali skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva kontra l-istandard EN 353-1 – Apparat personali protettiv kontra waqgħat mill-għoli – Parti 1: Tip ta’ tagħmir iggwidat li jwaqqaf il-waqgħa li jinkludi ħabel riġidu għall-ankra, li jirreferi għall-istandard EN 364 – Apparat personali protettiv kontra waqgħat mill-għoli – metodi ta’ ttestjar.

(6)

Fl-1 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni kitbet lill-manifattur u, fis-26 ta’ Settembru 2008, lill-Korp Innotifikat li kien intervjena fil-fażi tal-kontroll tal-produzzjoni skont l-Artikolu 11 A tad-Direttiva 89/686/KEE, u ħeġġithom biex jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-miżura meħuda mill-awtoritajiet tar-Renju Unit.

(7)

Fit-tweġiba tagħhom bid-data tat-28 ta’ Ottubru 2008, l-HACA kkontesta s-sejbiet tat-testijiet imwettqa għall-Awtoritajiet tar-Renju Unit minn TUV NEL. B’mod partikolari, huma enfasizzaw li t-tagħmir tagħhom kien sikur għall-użu u kien jevita waqgħat mill-għoli, inkluża l-“waqgħa lura”, jekk jintuża bit-tipi t-tajbin ta’ ċinturin. L-HACA indika wkoll li t-test imwettaq minn TUV NEL ma kienx konformi mar-rekwiżiti tal-istandard EN 364 li ma kienx ibassar l-użu ta’ manikin antropomorfiku.

(8)

Fit-tweġiba tagħhom bid-data tal-15 ta’ Ottubru 2008, DEKRA EXAM ikkonfermaw li kienu ħarġu d-dokumenti rilevanti tal-Artikolu 11 A. DEKRA EXAM enfasizzaw li kienu twettqu testijiet skont l-istandard EN 353-1 u li l-kampjuni li ġew ittestjati kienu ssodisfaw ir-rekwiżiti kollha ta’ dak l-istandard. Huma spjegaw li t-test standard EN 364 kien jippermetti l-użu ta’ piż tal-azzar jew borża bir-ramel għat-test tal-prestazzjoni dinamika. Waqt l-ittestjar kienu użaw borża bir-ramel għall-kejl tal-forza tal-ibbrejkjar li dejjem kien aktar baxx mill-valur permess. Huma osservaw li TUV NEL kien uża piż tal-azzar li – fil-fehma tagħhom – jagħti forza tal-ibbrejkjar ogħla milli borża bir-ramel.

Fir-rigward tat-testijiet tal-“waqgħa lura” bl-użu ta’ manikin antropomorfiku, DEKRA EXAM fakkru li tali test ma kienx previst mill-EN 353-1. Huma qablu li s-sitwazzjoni ta’ “waqgħa lura” kienet tassew kundizzjoni ta’ użu li tista’ titbassar ta’ tali tagħmir iggwidat li jwaqqaf il-waqgħa. Madankollu, din is-sitwazzjoni ma ġietx indirizzata fl-istandard EN 353-1. Jistgħu jseħħu inċidenti skont it-tip ta’ tagħmir li jwaqqaf il-waqgħa użat u l-mudell ta’ rbit tas-sikurezza integrali li jilbes l-utent. Għalhekk kien meħtieġ li tingħata attenzjoni li jintuża t-tagħmir li jwaqqaf il-waqgħa li jaqbel mal-irbit tas-sikurezza integrali, li għandu jkun speċifikat mill-manifattur fl-informazzjoni li tingħata lill-utent.

(9)

Minħabba l-kumplessità tal-fajl, il-Kummissjoni kisbet l-għajnuna ta’ espert indipendenti. Il-Kummissjoni ltaqgħet mal-Awtoritajiet tar-Renju Unit. L-Awtoritajiet tar-Renju Unit spjegaw il-metodi ta’ ttestjar eżatti li kien jiddependi fuqhom u wrew vidjo tat-tests.

TUV NEL kien wettaq żewġ serji ta’ testijiet għall-Awtoritajiet tar-Renju Unit. Matul it-tieni sensiela ta’ testijiet kien preżenti rappreżentant tal-manifattur. Kull sensiela kienet tinkludi test tal-prestazzjoni dinamika bl-użu ta’ piż tal-azzar u testijiet tal-“waqgħa lura” bl-użu ta’ manikin antropomorfiku. It-tagħmir li jwaqqaf il-waqgħa tal-HACA ma kien għadda mill-ebda wieħed mit-testijiet.

Ir-Renju Unit qies li l-użu tal-piż tal-azzar għat-test tal-prestazzjoni dinamika ta riżultati aktar kredibbli milli borża bir-ramel u seta’ jispjega d-differenza bejn ir-riżultati miksiba minn TUV NEL u dawk miksuba minn DEKRA EXAM.

Fir-rigward tat-test tal-“waqgħa lura”, ir-Renju Unit kien wettaq testijiet bl-użu ta’ manikin antropomorfiku sabiex jissimula b’mod kemm jista’ jkun preċiż is-sitwazzjoni li tista’ titbassar tal-“waqgħa lura”. Ir-riżultati ta’ dawn it-testijiet urew li t-tagħmir li jwaqqaf il-waqgħa tal-HACA ma kienx jevita waqgħa b’mod xieraq f’dik is-sitwazzjoni. Dawn ir-riżultati żvelaw ukoll difett fl-istandard armonizzat rilevanti EN 353-1 għaliex l-istandard ma kienx iqis is-sitwazzjoni tal-“waqgħa lura”. Din kienet ir-raġuni ewlenija għall-oġġezzjoni formali mressqa mir-Renju Unit kontra l-istandard.

(10)

Ir-rapport tal-espert indipendenti (5) kkonkluda li l-“waqgħa lura”, minn pożizzjoni ta’ bilqwieqfa jew bilqiegħda, hija sitwazzjoni li tista’ titbassar li ma titqisx fl-istandard EN 353-1.

(11)

Wara l-fehma pożittiva tal-Kumitat Permanenti stabbilita fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlamwent Ewropew u tal-Kunsill (6), fid-19 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira r-referenza tal-istandard EN 353-1 m’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(12)

Fid-dawl tal-dokumentazzjoni disponibbli, tal-kummenti tal-partijiet ikkonċernati u tar-rapport tal-esperti indipendenti, il-Kummissjoni tqis li t-tagħmir iggwidat li jwaqqaf il-waqgħa, tat-tip HACA Leitern 0529.7102 ma jikkonformax mal-BHSRs 1, 1.1.1 u 3.1.2.2 tal-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE, għaliex ma jevitax il-waqgħat f’sitwazzjoni ta’ “waqgħa lura” b’mod xieraq, u li dan in-nuqqas ta’ konformità jirriżulta f’riskju serju għall-utenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura meħuda mill-awtoritajiet tar-Renju Unit li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir iggwidat li jwaqqaf il-waqgħa, tat-tip HACA Leitern 0529.7102, immanifatturat minn HACA Leitern – Lorenz Hasenbach GmbH, hija ġġustifikata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi-President


(1)  ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18.

(2)  BHSR 1 – Rekwiżiti ġenerali li japplikaw għall-APP kollha

(3)  BHSR 1.1.1 – Ergonomija

(4)  BHSR 3.1.2.2 – Il-prevenzjoni ta’ waqgħat mill-għoli

(5)  Referenza Nru P804674.

(6)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.