29.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-24 ta' Ġunju 2010

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Internazzjonali fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku

(2011/189/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) , flimkien mal-Artikolu 218 (5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni hija kompetenti li tadotta miżuri għall-konservazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar taħt il-politika komuni tas-sajd u li tidħol fi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

(2)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE (1), l-Unjoni hija Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982, li tirrikjedi lill-membri kollha tal-komunità internazzjonali jikkooperaw fil-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi bijoliġiċi tal-baħar.

(3)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/414/KE (2), l-Unjoni hija Parti Kontraenti għall-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Ħażniet ta' Ħut Migratorju f'Żona Limitata (straddling) u Ħażniet ta' Ħut Ferm Migratorju.

(4)

Fis-17 ta' April 2007 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f'isem il-Komunità, Konvenzjoni dwar Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO) fin-Nofsinhar tal-Paċifiku għal riżorsi tas-sajd li għadhom mhumiex koperti bl-RFMO eżistenti.

(5)

In-negozjati ġew konklużi b'suċċess f’Auckland, New Zealand, fl-14 ta’ Novembru 2009, bl-adozzjoni ta' abbozz ta' test tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Internazzjonali fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Konvenzjoni”), li, taħt l-Artikolu 36(1) tagħha, hija miftuħa għall-firma għal perijodu ta' 12-il xahar mill-1 ta' Frar 2010.

(6)

L-objettiv tal-Konvenzjoni huwa biex tiżgura, permezz tal-implimentazzjoni effettiva tagħha, il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli fit-tul tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni.

(7)

Ġaladarba bastimenti li jtajru l-bandieri tal-Istati Membri tal-Unjoni jistadu għal riżorsi fiż-żona tal-Konvenzjoni, huwa fl-interess tal-Unjoni li hija taqdi rwol effettiv fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni.

(8)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Internazzjonali fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Konvenzjoni”) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni ta' din il-Konvenzjoni (3).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jaħtar il-persuna/i mogħtija s-setgħa jiffirma/w il-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BLANCO LÓPEZ


(1)  ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 189, 3.7.1998, p. 14.

(3)  It-test tal-Konvenzjoni ser jiġi ppublikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tagħha.