24.3.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 78/55 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-23 ta’ Marzu 2011
li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jiġi awtorizzat it-tqegħid fis-suq ta’ pakketti żgħar ta’ taħlitiet ta’ żrieragħ standard ta’ varjetajiet differenti ta’ ħxejjex li jappartjenu għall-istess speċi
(notifikata bid-dokument numru C(2011) 1760)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2011/180/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-marketing [it-tqegħid fis-suq] ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(3) tagħha,
Billi:
(1) |
Xi Stati Membri għarrfu lill-Kummissjoni li hemm domanda fis-suq għal pakketti żgħar ta’ taħlitiet ta’ varjetajiet ta’ ħxejjex tal-istess speċi. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti dettaljati fir-rigward ta' dawn il-pakketti żgħar. |
(2) |
Meta titqies id-domanda fl-Istati Membri kkonċernati, din id-Deċiżjoni għandha tkopri l-ispeċi kollha li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2002/55/KE. Id-daqs massimu għal dawn il-pakketti żgħar għandu jiġi espress bħala piż nett massimu taż-żrieragħ li jkun fih, u kif stabbilit fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Direttiva 2002/55/KE. |
(3) |
Għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati għat-tikkettar ta’ dawn il-pakketti żgħar sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà u l-informazzjoni xierqa għall-utenti. |
(4) |
L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni sal-aħħar tal-2012 dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta l-effettività ta’ din id-Deċiżjoni u sabiex tidentifika kwistjonijiet possibbli li jista’ jkollhom bżonn jiġu indirizzati aktar. |
(5) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u l-Materjal ta’ Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikoltura u l-Forestrija, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-proċeduri tagħhom stess għat-tqegħid fis-suq ta' pakketti żgħar ta' taħlitiet ta' żrieragħ standard tal-ispeċi elenkati fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2002/55/KE. Dawn il-pakketti żgħar jista’ jkun fihom varjetajiet differenti tal-istess speċi biss.
Artikolu 2
Il-pakketti żgħar imsemmija fl-Artikolu 1 jista’ jkun fihom żrieragħ sa piż nett kif stabbilit fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Direttiva 2002/55/KE.
Artikolu 3
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pakketti żgħar, kif imsemmija fl-Artikolu 1, ikollhom tikketta tal-fornitur jew avviż stampat jew ittimbrat.
Din it-tikketta jew dan l-avviż għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja:
(a) |
il-kliem “regoli u standards tal-UE”; |
(b) |
l-isem u l-indirizz jew il-marka ta’ identifikazzjoni tal-persuna responsabbli għat-twaħħil tat-tikketta; |
(c) |
is-sena tas-siġill espressa bħala: “siġillat … [is-sena]”, jew is-sena tal-aħħar teħid ta' kampjuni għall-iskopijiet tal-aħħar ittestjar tal-ġerminazzjoni espressa bħala: “teħid ta’ kampjuni … [is-sena]”; tista’ tiżdied l-indikazzjoni “uża qabel … [id-data]”; |
(d) |
il-kliem “taħlita ta’ varjetajiet ta’ … [l-isem tal-ispeċi]”; |
(e) |
id-denominazzjoni tal-varjetajiet; |
(f) |
il-proporzjon tal-varjetajiet, espress bħala piż nett jew bħala għadd ta’żrieragħ; |
(g) |
in-numru ta’ referenza tal-lott mogħti mill-persuna responsabbli għat-twaħħal tat-tikketti; |
(h) |
il-piż nett jew gross jew l-għadd taż-żrieragħ; |
(i) |
meta l-piż ikun indikat u jintużaw pestiċidi granulati, sustanzi fl-għamla ta’ pretkuni jew addittivi solidi oħra, in-natura tat-trattament kimiku jew l-addittiv u l-proporzjon approssimattiv bejn il-piż tal-ħbub jew taż-żrieragħ puri u l-piż totali. |
Artikolu 4
L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2011.
Għall-Kummissjoni
John DALLI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33.