22.3.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 76/68 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/173/PESK
tal-21 ta' Marzu 2011
dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bosnja-Ħerzegovina
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Billi:
(1) |
Fl-14 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill ikkonferma d-determinazzjoni tiegħu li jappoġġa l-Ftehim ta' Qafas Ġenerali għall-Paċi Dayton/Paris u li huwa lest jikkunsidra proposti għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni li tikkomunika b'mod effettiv mal-Bosnja-Ħerzegovina f'dan ir-rigward. |
(2) |
F'dan il-kuntest, għandhom jiġu imposti miżuri restrittivi kontra ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi li l-attivitajiet tagħhom jheddu s-sovranità, l-integrità territorjali, l-ordni kostituzzjonali u l-personalità internazzjonali tal-Bosnja-Ħerzegovina, jheddu serjament is-sitwazzjoni ta' sigurtà jew jheddu l-Ftehim ta' Qafas Ġenerali għall-Paċi u l-Annessi tiegħu. |
(3) |
Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul, jew it-transitu, fit-territorji tagħhom tal-persuni li l-attivitajiet tagħhom:
(a) |
jheddu s-sovranità, l-integrità territorjali, l-ordni kostituzzjonali u l-personalità internazzjonali tal-Bosnja-Ħerzegovina; |
(b) |
jheddu serjament is-sitwazzjoni ta' sigurtà fil-Bosnja-Ħerzegovina; jew |
(c) |
jheddu l-Ftehim ta' Qafas Ġenerali għall-Paċi Dayton/Paris u l-Annessi tiegħu, inklużi l-miżuri stabbiliti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim imsemmi, |
u l-persuni assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness.
2. Il-paragrafu 1 ma jobbligax Stat Membru biex jiċħad id-dħul fit-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.
3. Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut minn obbligu taħt il-liġi internazzjonali, jiġifieri:
(a) |
bħala pajjiż ospitanti għal organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali; |
(b) |
bħala pajjiż ospitanti ta' konferenza internazzjonali msejħa min-NU, jew taħt l-awspiċi tagħha; |
(c) |
taħt ftehim multilaterali li jagħti privileġġi u immunitajiet; jew |
(d) |
taħt it-Trattat ta' Konċiljazzjoni tal-1929 (il-Patt Lateran) konkluż mis-Santa Sede (Stat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja. |
4. Il-paragrafu 3 għandu jiġi kkunsidrat bħala li japplika wkoll f’każijiet fejn Stat Membru jkun pajjiż ospitanti għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).
5. Il-Kunsill għandu jkun infurmat debitament fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafi 3 jew 4.
6. L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt il-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat abbażi ta' ħtieġa umanitarja urġenti, jew abbażi tal-attendenza f'laqgħat intergovernattivi, inklużi dawk promossi mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza attwali tal-OSKE, fejn jitmexxa djalogu politiku li jippromwovi direttament id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fil-Bosnja-Ħerzegovina.
7. Stat Membru li jixtieq jagħti eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies bħala mogħtija sakemm Membru wieħed jew aktar tal-Kunsill ma joġġezzjonax bil-miktub fil-jumejn ta' xogħol wara li tiġi rċevuta l-eżenzjoni proposta. Fil-każ li membru wieħed jew aktar tal-Kunsill joġġezzjonaw, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.
8. Fil-każijiet fejn skont il-paragrafi 3, 4, 6 u 7, Stat Membru jawtorizza d-dħul, jew it-transitu, fit-territorju tiegħu tal-persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-fini li għaliha tkun ingħatat u għall-persuni kkonċernati minnha.
Artikolu 2
1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għal, huma proprjetà ta’, miżmumin jew ikkontrollati minn persuni li l-attivitajiet tagħhom:
(a) |
jheddu s-sovranità, l-integrità territorjali, l-ordni kostituzzjonali u l-personalità internazzjonali tal-Bosnja-Ħerzegovina; |
(b) |
jheddu serjament is-sitwazzjoni ta' sigurtà fil-Bosnja-Ħerzegovina; |
(c) |
jheddu l-Ftehim ta' Qafas Ġenerali għall-Paċi Dayton/Paris u l-Annessi tiegħu, inklużi l-miżuri stabbiliti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim imsemmi; |
u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi assoċjati magħhom, kif elenakti fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.
2. L-ebda fond jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi elenkati fl-Anness.
3. L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista’ tawtorizza r-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, taħt tali kondizzjonijiet li hi tikkunsidra adatti, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:
(a) |
meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni fiżiċi elenkati fl-Anness u l-membri tal-familja dipendenti minnhom, inklużi pagamenti għal ikel, kera jew dejn, mediċini u kura medika, taxxi, premiums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta' servizzi pubbliċi; |
(b) |
maħsubin esklussivament għall-ħlas ta' onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta' spejjeż magħmula li huma assoċjati mal-provvista ta' servizzi legali; |
(c) |
maħsubin esklussivament għall-pagament ta' miżati jew ħlasijiet għal servizzi għaż-żamma jew manteniment ta' rutina ta' fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi; jew |
(d) |
meħtieġa għal spejjeż straordinarji, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tikkunsidra li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, mill-inqas ġimgħatejn qabel l-awtorizzazzjoni. |
Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.
4. B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, sakemm jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma soġġetti ta' garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika msemmija fil-paragrafu 1 ġiet inkluża fl-Anness, jew ta' sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data; |
(b) |
il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklussivament biex jissodisfaw pretensjonijiet magħmula bis-saħħa ta' tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f'tali sentenza, fi ħdan il-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li għandhom tali pretensjonijiet; |
(c) |
il-garanzija jew is-sentenza mhix għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika elenkata fl-Anness; u |
(d) |
ir-rikonoxximent tal-garanzija jew tas-sentenza ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat. |
Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu.
5. Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni persuna indikata milli tagħmel ħlas dovut taħt kuntratt li daħal fis-seħħ qabel l-elenkar ta' tali persuna, dment li l-Istat Membru rilevanti jkun iddetermuna li l-ħlas ma jiġix riċevut direttament jew indirettament minn persuna imsemmija fil-paragrafu 1.
6. Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta’:
(a) |
imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew |
(b) |
il-ħlasijiet dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li kienu ġew konklużi jew inħolqu qabel id-data li fiha dawn il-kontijiet saru soġġetti għal din id-Deċiżjoni, |
dment li kwalunkwe imgħax, qligħ u pagamenti oħrajn bħal dawn jibqgħu soġġetti għall-paragrafu 1.
Artikolu 3
1. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista li tinsab fl-Anness.
2. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna kkonċernata, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar tagħha fil-lista, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' notifika, li tipprovdi lil tali persuna bil-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet.
3. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna ikkonċernata skont il-każ.
Artikolu 4
1. L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar ta' persuni kkonċernati.
2. L-Anness għandu jkun fih ukoll, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, inkluż il-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.
Artikolu 5
Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-miżuri restrittivi stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-22 ta' Marzu 2012.
Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Marzu 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
C. ASHTON
ANNESS
Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi msemmija fl-Artikoli 1 u 2
…