|
17.3.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 70/47 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-16 ta’ Marzu 2011
li tistipula għat-tqegħid fis-suq temporanju ta’ ċertu żerriegħa tal-ispeċi Triticum aestivum li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE
(notifikata bid-dokument numru C(2011) 1634)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2011/164/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(1) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Fil-Pajjiżi l-Baxxi l-kwantità disponibbli ta’ żerriegħa tal-qamħ tar-rebbiegħa (Triticum aestivum) tal-kategorija “żerrieġħa ċċertifikata” li tappartjeni għall-varjetajiet Baldus, Granny, KWS Aurum, Lavett, Minaret, Pasteur, Taifun, Thasos, Trappe, Tybalt u Zirrus li hija adatta għall-kundizzjonijiet ambjentali nazzjonali u li tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 66/402/KEE li għandhom x’jaqsmu mal-ispezzjonijiet fuq il-post hija insuffiċjenti u għalhekk mhix tissodisfa l-bżonnijiet ta’ dak l-Istat Membru. |
|
(2) |
Id-domanda għal din iż-żerriegħa ma tistax tiġi sodisfatta miż-żerriegħa minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha stabbiliti fid-Direttiva 66/402/KEE. |
|
(3) |
Għaldaqstant, il-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ikunu awtorizzati biex jippermettu t-tqegħid fis-suq ta’ dawk il-varjetajiet suġġetti għal rekwiżiti inqas ibsin minn dawk li japplikaw għal żerriegħa ċċertifikata, għal perjodu li jiskadi fit-30 ta’ April 2011 u sa kwantità massima ta’ 330 tunnellata. |
|
(4) |
Barra minn hekk, l-Istati Membri l-oħra, li jinsabu f’pożizzjoni li jipprovdu lill-Pajjiżi l-Baxxi b’żerriegħa ta’ dawk il-varjetajiet, irrispettivament minn jekk tkunx inħasdet fi Stat Membru jew f’pajjiż terz, għandhom ikunu awtorizzati jippermettu t-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ din ix-xorta. |
|
(5) |
Huwa xieraq li l-Pajjiżi l-Baxxi jaġixxu bħala koordinatur sabiex jiġi żgurat li l-ammont totali ta’ żerriegħa awtorizzat skont din id-Deĺiżjoni ma jaqbiżx il-kwantità massima koperta minn din id-Deċiżjoni. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żerriegħa u l-Materjal Propagattiv għall-Agrikultura, l-Ortikultura u l-Forestrija, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. It-tqegħid fis-suq fl-Unjoni ta’ żerriegħa tal-qamħ tar-rebbiegħa (Triticum aestivum) tal-kategorija “żerrieġħa ċċertifikata” li tappartjeni għall-varjetajiet Baldus, Granny, KWS Aurum, Lavett, Minaret, Pasteur, Taifun, Thasos, Trappe, Tybalt u Zirrus li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva 66/402/KEE fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post għandu jkun permess.
Dan il-permess għandu jingħata għal kwantità totali ta’ sa 330 tunnellata u għal perjodu li jagħlaq fit-30 ta’ April 2011.
2. Minbarra li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-ittikkettjar tad-Direttiva 66/402/KEE, it-tikketta uffiċjali għandha tgħid li ż-żerriegħa ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-punt 7 tal-Anness I ma’ dik id-Direttiva fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post.
Artikolu 2
1. Kull fornitur li jixtieq iqiegħed fis-suq iż-żerriegħa, imsemmija fl-Artikolu 1, għandu japplika għall-awtorizzazzjoni lill-Istat Membru fejn ikun stabbilit jew li jimporta fih. L-applikazzjoni għandha tispeċifika l-kwantità ta’ żerriegħa li l-fornitur ikun jixtieq iqiegħed fis-suq.
2. L-Istat Membru kkonċernat għandu jawtorizza lill-fornitur, b’konformità mal-Artikolu 1, biex iqiegħed iż-żerriegħa fis-suq, sakemm:
|
(a) |
ma jkunx hemm biżżejjed evidenza biex ikun hemm dubju dwar jekk fornitur ikunx kapaċi jqiegħed fis-suq l-ammont ta’ żerriegħa li jkun applika għal awtorizzazzjoni għaliha; jew |
|
(b) |
wara li titqies l-informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru koordinatur, kif imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3, l-għoti tal-awtorizzazzjoni ma twassalx biex tinqabeż il-kwantità massima totali ta’ żerriegħa msemmija fl-Artikolu 1(1); |
Fir-rigward tal-punt (b), fil-każ li l-kwantità massima totali tippermetti biss l-awtorizzazzjoni ta’ parti mill-kwantità speċifikata fl-applikazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jawtorizza lill-fornitur iqiegħed dik il-kwantità iżgħar fis-suq.
Artikolu 3
L-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin amministrattivament fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Il-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jaġixxu bħala l-Istat Membru koordinatur sabiex jiżguraw li l-kwantità ta’ żerriegħa awtorizzata għat-tqegħid fis-suq fl-Unjoni mill-Istati Membri skont din id-Deċiżjoni, ma taqbiżx il-kwantità massima totali ta’ żerriegħa msemmija fl-Artikolu 1(1).
Kull Stat Membru li jirċievi applikazzjoni skont l-Artikolu 2 għandu javża minnufih lill-Istat Membru koordinatur bl-ammont kopert mill-applikazzjoni. L-Istat Membru koordinatur għandu jgħarraf minnufih lil dak l-Istat Membru dwar jekk l-awtorizzazzjoni tistax twassal biex tinqabeż il-kwantità massima.
Artikolu 4
L-Istati Membri għandhom javżaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-kwantitajiet li tkun ingħatatilhom l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont din id-Deċiżjoni.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fit-30 ta’ April 2011.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2011.
Għall-Kummissjoni
John DALLI
Membru tal-Kummissjoni