22.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Frar 2011

li temenda d-Deċiżjoni C(2008) 4617 fir-rigward tar-Regoli għall-preżentazzjoni ta’ proposti u għall-proċeduri ta’ evalwazzjoni, selezzjoni u allokazzjoni għall-azzjonijiet indiretti taħt is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-azzjonijiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ demostrazzjoni (2007-2013) u taħt is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għal attivitajiet ta’ riċerka u taħriġ nukleari (2007-2011)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/161/UE, Euratom)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f’azzjonijiet taħt is-Seba’ Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1908/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet f’azzjoni taħt is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007 sa 2011) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni fasslet regoli li jirregolaw il-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ proposti, kif ukoll għall-proċeduri relatati ta’ evalwazzjoni, selezzjoni u allokazzjoni (“ir-Regoli”).

(2)

L-iskop tar-Regoli huwa li jistabbilixxu qafas għall-ġestjoni ta’ proposti fis-Seba’ Programm Kwadru (KE u Euratom). Dawn għandhom jiżguraw metodu koerenti fost il-Programmi speċifiċi kollha (bl-eċċezzjoni ta’ IDEAT), filwaqt li jippermettu miżura ta’ flessibilità fejn meħtieġ.

(3)

Ir-Regoli jispeċifikaw ukoll ir-rwol u l-obbligi tal-esperti indipendenti li, skont ir-Regolamenti (KE) Nru 1906/2006 u (Euratom) Nru 1908/2006, se jassisti lill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-proposti għal azzjonijiet indiretti, inkluż il-mudell tal-ittra tal-ħatra li se jiġi konkluż magħhom.

(4)

Dawn ir-regoli ġew debitament adottati mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Marzu 2007 (COM/2007/1390), u riveduti, taħt proċedura ta’ delega, fit-13 ta’ Frar 2008 (DL(2008) 314), u għal darb’oħra fil-21 ta’ Awwissu 2008 (C(2008) 4617). Issa huwa meħtieġ li jiġu introdotti ċerti modifiki oħrajn, biex jiġu ċċarati għadd ta’ punti bbażati fuq l-esperjenza miksuba sal-lum. Fl-istess ħin, it-test isir konformi mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni C(2008) 4617 huwa sostitwit bl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Ir-Regoli għall-preżentazzjoni tal-proposti, u għall-proċeduri relatati ta’ evalwazzjoni, selezzjoni u allokazzjoni għall-azzjonijiet indiretti taħt il-Programmi Speċifiċi “Kooperazzjoni”, “Kapaċitajiet”, “Nies” u l-Programmi Speċifiċi tal-Euratom tas-Seba’ Programm Kwadru (2007-2013) għandhom ikunu applikabbli għas-sejħiet għal proposti kollha li jiġu ppubblikati mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 391, 30.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 1.


ANNESS

ANNESS

REGOLI GĦALL-PREŻENTAZZJONI TA’ PROPOSTI, U GĦALL-PROĊEDURI RELATATI TA’ EVALWAZZJONI, SELEZZJONI U ALLOKAZZJONI

(Version 4)

WERREJ

Kuntest u ambitu 4

1.

Introduzzjoni 4

2.

Preżentazzjoni 6

2.1.

Sejħiet għal proposti 6

2.2.

Kontrolli qabel il-proposti 6

2.3.

Preżentazzjoni tal-proposti 6

2.4.

Wasla tal-proposti għand il-Kummissjoni 7

2.5.

Kontroll tal-eliġibbiltà 7

2.6.

Kumitat tal-analiżi tal-eliġibbiltà 8

3.

Evalwazzjoni tal-proposti 8

3.1.

Rwol tal-esperti 8

3.2.

Ħatra tal-esperti 8

3.3.

Termini ta’ ħatra, Kodiċi ta’ mġiba u Kunflitt ta’ interess 9

3.4.

Osservaturi indipendenti 10

3.5.

Kriterji ta’ evalwazzjoni 11

3.6.

Punteġġ tal-proposta 11

3.7.

Limiti u piżijiet 11

3.8.

Deskrizzjoni dettaljata tal-evalwazzjoni tal-proposta 12

3.9.

Tagħrif li jinbagħat lill-applikanti 15

4.

Finalizzazzjoni tar-riżultati tal-evalwazzjoni 16

4.1.

Lista kklassifikata mill-Kummissjoni 16

4.2.

Lista ta’ riżerva tal-Kummissjoni 16

4.3.

Deċiżjonijiet ta’ rifjut tal-Kummissjoni 17

5.

Negozjati u allokazzjoni 17

5.1.

Negozjati tal-proposti 17

5.2.

Allokazzjoni tal-għoti ta’ għajnuna 18

5.3.

Assistenza, inkjesti u rimedju 18

5.4.

Rappurtar dwar ir-riżultat tas-sejħiet għall-proposti 19

Anness A –

Proċeduri tal-Analiżi tal-Etika 20

Anness B –

Il-Ġestjoni ta’ azzjonijiet RTD sensittivi mill-aspett tas-sigurtà 24

Anness C –

Il-proċeduri ta’ preżentazzjoni u evalwazzjoni tal-proposti f’żewġ stadji 26

Anness D –

Skemi ta’ preżentazzjoni kontinwa 27

Anness E –

Proċeduri għall-Preżentazzjoni tal-Proposta fuq il-karta 28

Anness F –

Ittra ta’ ħatra għal Esperti Indipendenti 29

Anness G –

Evalwazzjoni ta’ Proposti preżentati għall-Programm Speċifiku ‘Nies’ 43

KUNTEST U AMBITU

Dan id-dokument jistabbilixxi r-regoli tal-Kummissjoni (1) għall-preżentazzjoni tal-proposti, u għall-proċeduri relatati ta’ evalwazzjoni, selezzjoni u allokazzjoni (minn issa ‘l quddiem ‘ir-Regoli’), fir-rigward tas-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea (2) għal riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni u s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għal attivitajiet ta’ riċerka u taħriġ nukleari (3) (minn issa ‘l quddiem ‘FP7’), kif meħtieġ mir-regoli rispettivi tagħhom għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet f’azzjonijiet taħt is-Seba’ Programmi Kwadru u għat-tixrid ta’ riżultati ta’ riċerka (4) (minn issa ‘l quddiem ‘Regoli għall-Parteċipazzjoni tal-KE’ u ‘Regoli għall-Parteċipazzjoni tal-Euratom’). Dan jiddeskrivi l-proċeduri bażiċi li l-Kummissjoni se ssegwi skont ir-Regoli għall-Parteċipazzjoni, ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5) (minn issa ‘l quddiem ‘Regolament Finanzjarju’), u r-Regoli ta’ Proċedura (6) tagħha.

Dawn ir-Regoli ma japplikawx għal (a) proċeduri ta’ akkwist pubbliku (7), (b) impriża konġunta jew xi struttura oħra mwaqqfa skont l-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jew skont l-Artikolu 185 tat-TFUE jew l-Artikolu 45 tat-Trattat Euratom, (c) azzjonijiet diretti mwettqa miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea; u (d) il-Programm Speċifiku ‘Ideat’.

1.   INTRODUZZJONI

Ġeneralment, l-applikazzjonijiet għal appoġġ finanzjarju skont il-Programm Kwadru (FP7) isiru fl-għamla ta’ proposti ppreżentati lill-Kummissjoni. Il-proposti jistipulaw dettalji ta’ xogħol ippjanat, min se jwettaqhom, u kemm se jkunu jiswew.

Il-Kummissjoni tevalwa l-proposti sabiex tidentifika dawk li l-kwalità tagħhom tkun tajba biżżejjed għall-finanzjament potenzjali. Il-Kummissjoni għandha taħtar esperti indipendenti (minn issa ‘l quddiem ‘esperti’) biex jassistu fl-evalwazzjoni tal-proposti.

Il-Kummissjoni tidħol f’negozjati mal-koordinaturi tal-proposti li jgħaddu b’suċċess mill-fażi tal-evalwazzjoni, u li għalihom hemm baġit disponibbli.

Jekk in-negozjati jiġu konklużi b’suċċess, il-proġett jintgħażel u jiġi stabbilit ftehim ta’ għotja, mal-applikanti, li jipprovdi għal kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea jew tal-Euratom.

Dawn ir-regoli huma bbażati fuq għadd ta’ prinċipji stabbiliti sew:

(i)   Eċċellenza: Il-proġetti magħżula għall-finanzjament għandhom juru kwalità għolja fil-kuntest tas-suġġetti u l-kriterji stabbiliti fis-sejħiet (8).

(ii)   Trasparenza: Id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament għandhom ikunu bbażati fuq regoli u proċeduri deskritti b’mod ċar, u l-applikanti għandhom jirċievu rispons adegwat dwar ir-riżultat tal-evalwazzjoni tal-proposti tagħhom.

(iii)   Ġustizzja u imparzjalità: Il-proposti kollha ppreżentati għal sejħa għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali. Dawn għandhom jiġu evalwati b’mod imparzjali fuq il-merti tagħhom, irrispettivament mill-oriġini tagħhom jew mill-identità tal-applikanti.

(iv)   Kunfidenzjalità: Il-proposti kollha u d-dejta, l-għarfien u d-dokumenti relatati mgħoddija lill-Kummissjoni għandhom jiġu ttrattati b’mod konfidenzjali (9).

(v)   Effiċjenza u veloċità: Il-preparazzjoni tal-evalwazzjoni, l-allokazzjoni u l-għotja għandha tkun veloċi kemm jista’ jkun, proporzjonata għaż-żamma tal-kwalità tal-evalwazzjoni, u tkun tirrispetta l-qafas legali.

(vi)   Kunsiderazzjonijiet etiċi u ta’ sigurtà: Kwalunkwe proposta li tikser il-prinċipji etiċi fundamentali (10), jew li ma tkunx konformi mal-proċeduri rilevanti tas-sigurtà (11) tista’ tiġi eskluża mill-proċess tal-evalwazzjoni, selezzjoni u allokazzjoni fi kwalunkwe ħin (ara l-Annessi A u B).

Il-programmi ta’ ħidma li jimplimentaw il-Programmi Speċifiċi jistgħu jistipulaw kriterji speċifiċi ta’ evalwazzjoni jew jipprovdu aktar dettalji dwar l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni, li se jkunu riflessi fis-sejħa għall-proposti.

Is-sejħa u l-Gwida għall-Applikanti assoċjata jistgħu jispjegaw f’iktar dettall il-mod li bih dawn ir-regoli u proċeduri ser jiġu implimentati u, fejn rilevanti, liema alternattivi għandhom jiġu segwiti.

L-istadji differenti involuti fil-proċeduri tal-proposta, preżentazzjoni, evalwazzjoni u selezzjoni huma mqassra fid-dijagramma li ġejja:

Image

2.   PREŻENTAZZJONI

2.1.   Sejħiet għal proposti

Il-proposti jiġu ppreżentati bi tweġiba għas-sejħiet għal proposti (‘sejħiet’) (12). Il-kontenut u ż-żmien tas-sejħiet huma stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma. Notifiki ta’ sejħiet għal proposti huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. It-‘testi tas-sejħiet’ huma ppubblikati fuq il-websajt(s) tal-Kummissjoni, u jinkludu referenzi għat-temi tal-programm ta’ ħidma li huma mistiedna proposti relatati magħhom, baġits indikattivi tas-sejħiet, skemi ta’ ffinanzjar disponibbli, skadenzi għall-preżentazzjoni, u konnessjonijiet għas-Servizz Elettroniku għall-Preżentazzjoni tal-Proposti (EPSS) (ara t-taqsima 2.3). Din il-websajt tipprovdi aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa għal dawk li jixtiequ japplikaw għas-sejħiet. B’mod partikolari, għal kull sejħa tiġi prodotta gwida jew gwidi għall-applikanti. Dawn il-gwidi jispjegaw il-proċess ta’ preżentazzjoni, u kif l-applikanti jistgħu jfittxu assistenza jew informazzjoni fuq kwalunkwe kwistjoni relatata ma’ sejħa. Dettalji ta’ kuntatt huma stabbiliti għall-Punti Nazzjonali ta’ Kuntatt, u s-Servizz ta’ inkjesta tal-FP7 tal-Kummissjoni. Jiġi pprovdut help-desk dedikat għal kwistjonijiet relatati mal-EPSS.

Is-sejħiet huma kkunsidrati ‘miftuħa’ sal-iskadenza speċifika.

Skont l-għanijiet tas-sejħa, il-programm ta’ ħidma u s-sejħa jistgħu jagħmlu distinzjoni bejn tipi differenti ta’ proġett kollaborattiv, forom differenti tal-iskema ‘Riċerka għall-appoġġ ta’ gruppi speċifiċi’, u bejn tipi ta’ azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u appoġġ.

Fis-sejħa għandu jiġi speċifikat jekk il-preżentazzjoni u l-proċedura ta’ evalwazzjoni għandhomx isiru fi stadju wieħed jew f’żewġ stadji. Għall-aħħar każ, l-applikanti l-ewwel jissottomettu proposti ridotti jew fil-qosor. Dawk biss li l-proposti tagħhom ġew evalwati b’mod pożittiv fl-ewwel stadju jiġu mistiedna biex jippreżentaw proposti kompluti fit-tieni stadju (13) (ara l-Anness C għad-dettalji ta’ din il-proċedura).

L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jaħtar, permezz ta’ sottodelegazzjoni, ‘koordinatur tas-sejħa’ għal kull sejħa. Din il-persuna taġixxi bħala punt ta’ kuntatt għal mistoqsijiet prattiċi assoċjati mas-sejħa, u tiżgura l-ippjanar u l-organizzazzjoni globali tal-wasla tal-proposta u l-proċess ta’ evalwazzjoni.

Barra minn hekk, għandu jiġi nnominat uffiċjal wieħed jew iżjed tal-Kummissjoni, li jkunu responsabbli biex jagħtu direzzjonijiet dwar kif jiġu ttrattati kwalunkwe mistoqsijiet sensittivi li jistgħu jinqalgħu matul il-proċess ta’ preżentazzjoni u evalwazzjoni, inkluż dawk relatati ma’ kunflitti ta’ interess potenzjali (ara t-taqsima 3.3).

2.2.   Kontrolli qabel il-proposti

Meta meħtieġ min-natura ta’ sejħa partikolari, il-Kummissjoni tista’ toffri servizz informali u konsultattiv ta’ kontroll qabel proposta. L-għan huwa li jingħata parir lill-applikanti potenzjali dwar jekk il-proposti jidhrux li huma eliġibbli u fl-ambitu tas-sejħa. Jekk applikabbli, id-dettalji tal-proċedura għall-kontrolli qabel il-proposti għandhom jiġu stabbiliti fil-Gwida rilevanti għall-Applikanti.

2.3.   Preżentazzjoni tal-proposti

Il-proposti jiġu ppreżentati elettronikament (14) permezz tas-Servizz Elettroniku għall-Preżentazzjoni tal-Proposti (EPSS) ibbażat fuq l-Internet.

Fost l-applikanti f’konsorzju ta’ proposta, il-koordinatur tal-proposta biss (identifikat mill-identifikazzjoni u l-password tal-utent) għandu l-awtorizzazzjoni li jissottometti proposta.

Il-preparazzjoni u t-tlugħ tad-dejta kollha tal-proposta, u l-qbil tal-applikanti mal-kundizzjonijiet għall-użu tas-sistema u tal-evalwazzjoni għandu jsir qabel it-tentattiv li tiġi ppreżentata l-proposta.

L-EPSS se jwettaq għadd ta’ kontrolli bażiċi ta’ verifika, inkluż dak tal-kompletezza tal-proposta, il-konsistenza tad-dejta interna, l-assenza ta’ infezzjoni b’virus u l-konformità mat-tipi tal-fajls u l-limitazzjonijiet tad-daqs li huma speċifikati. Ikun biss wara t-tlestija ta’ dawn il-kontrolli, li ma jissostitwixxux il-kontrolli formali ta’ eliġibbiltà deskritti fit-taqsima 2.5, li l-EPSS jippermetti lill-applikant jippreżenta l-proposta. Il-preżentazzjonitiġi meqjusa li sseħħ fil-mument meta l-koordinatur tal-proposta jibda l-proċess ta’ preżentazzjoni finali, kif indikat mill-EPSS, u f’ebda waqt qabel dan.

Il-proposti preżentati permezz tal-EPSS jiddaħħlu fid-dejtabejżis wara l-għeluq tas-sejħa. Il-Kummissjoni m’għandha l-ebda aċċess għall-proposta qabel ma tgħaddi l-iskadenza tas-sejħa (jew sa wara d-data temporanja ta’ cut-off, fil-każ ta’ skemi ta’ preżentazzjoni kontinwa, kif deskritt fl-Anness D).

Verżjonijiet tal-proposti mibgħuta fuq karta (ħlief wara l-proċedura u fil-każijiet deskritti fl-Anness E), mezz ta’ ħażna elettronika li tista’ titneħħa (eż. CD-ROM, diskett), bil-posta elettronika jew bil-faks mhux se jiġu kkunsidrati bħala li waslu għand il-Kummissjoni.

Proċedura għall-irtirar ta’ proposta mill-koordinatur tagħha tingħata fil-gwida għall-applikanti. Proposta li tiġi sussegwentement irtirata ma tiġix ikkunsidrata mill-Kummissjoni.

Jekk aktar minn kopja waħda tal-istess proposta tkun riċevuta qabel l-iskadenza tas-sejħa, il-verżjoni l-aktar riċenti biss tiġi kkunsidrata għall-kontroll tal-eliġibbiltà u l-evalwazzjoni possibbli.

Il-proposti huma arkivjati f’kundizzjonijiet sikuri l-ħin kollu. Wara t-tlestija tal-evalwazzjoni u kwalunkwe negozjati sussegwenti, jiġu meqruda l-kopji kollha ħlief dawk meħtieġa għall-finijiet ta’ arkivjar u/jew verifika.

2.4.   Wasla tal-proposti għand il-Kummissjoni

Id-data u l-ħin tal-wasla tal-aħħar verżjoni tal-proposti ppreżentati huma rreġistrati. Wara l-għeluq tas-sejħa (jew id-data temporanja ta’ cut-off fil-każ ta’ skemi ta’ preżentazzjoni kontinwi), tintbagħat konferma tal-wasla tal-proposta lill-koordinatur tal-proposta bil-posta elettronika li jkun fiha:

It-titolu tal-proposta, akronimu u identifikatur uniku tal-proposta (numru tal-proposta);

L-isem tal-programm u/jew qasam tal-attività/riċerka u l-identifikatur tas-sejħa li l-proposta ġiet indirizzata lilu;

Id-data u l-ħin tal-wasla tal-proposta (li huwa stipulat għall-ħin tal-iskadenza tas-sejħa għall-proposti preżentati elettronikament).

Normalment ma jkunx hemm aktar kuntatt bejn il-Kummissjoni u l-applikanti dwar il-proposta tagħhom sa wara li titlesta l-evalwazzjoni, ħlief għall-proposti li huma soġġetti għal seduti (ara t-taqsima 3.8). Il-Kummissjoni tista’, madankollu, tikkuntattja applikant (normalment permezz tal-koordinatur) sabiex jiġu ċċarati kwistjonijiet bħall-eliġibbilità (ara t-taqsima 2.5).

2.5.   Kontroll tal-eliġibbiltà

Biex jinżammu għall-evalwazzjoni, il-proposti għandhom jissodisfaw il-kriterji kollha tal-eliġibbiltà. Dawn il-kriterji jiġu applikati b’mod rigoruż. Fil-każ ta’ preżentazzjoni tal-proposta f’żewġ stadji, kull stadju huwa suġġett għal kontroll ta’ eliġibbiltà. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà li ġejjin japplikaw għall-proposti kollha preżentati taħt sejħa (15).

Il-wasla ta’ proposta għand il-Kummissjoni qabel id-data u l-ħin tal-iskadenza stabbiliti fis-sejħa, jekk applikabbli;

Kundizzjonijiet minimi (bħall-għadd ta’ parteċipanti), kif imsemmija fis-sejħa għall-proposti;

Kompletezza tal-proposta, jiġifieri l-preżenza tal-formoli amministrattivi mitluba u d-deskrizzjoni tal-proposta (N.B. il-kompletezza tal-informazzjoni li tinsab fil-proposta għandhom jivvalutawha l-esperti; il-kontrolli tal-eliġibbiltà japplikaw biss għall-preżenza tal-partijiet xierqa tal-proposta);

Ambitu tas-sejħa: il-kontenut tal-proposta għandu jirrigwarda t-tema/i u l-iskema/i ta’ finanzjament stabbiliti f’dik il-parti tal-programm ta’ ħidma miftuħa fis-sejħa. Proposta titqies li hija ineliġibbli għal raġunijiet ta’ ‘ambitu’ f’każijiet ċari biss.

Jekk qabel, matul jew wara l-fażi ta’ evalwazzjoni, jirriżulta li kriterju wieħed jew aktar minn kriterju wieħed tal-eliġibbiltà ma jkunux ġew issodisfati, il-proposta tiġi ddikjarata ineliġibbli mill-Kummissjoni, u tiġi rtirata minn kwalunkwe verifika ulterjuri. Meta jkun hemm dubju dwar l-eliġibbiltà tal-proposta, il-Kummissjoni żżomm id-dritt li tkompli bl-evalwazzjoni, sakemm tittieħed deċiżjoni finali dwar l-eliġibbiltà. Il-fatt li proposta hija evalwata f’dawn iċ-ċirkostanzi ma jikkostitwixxix prova tal-eliġibbiltà tagħha.

2.6.   Kumitat tal-analiżi tal-eliġibbiltà

Jekk il-kwistjoni tal-eliġibbiltà ma tkunx ċara u analiżi aktar komprensiva tal-każ titqies bħala meħtieġa, il-koordinatur tas-sejħa jista’ jlaqqa’ kumitat ta’ analiżi tal-eliġibbiltà intern.

Ir-rwol tal-kumitat huwa li jiżgura interpretazzjoni legali koerenti ta’ dawn il-każijiet u trattament indaqs tal-applikanti.

Dan il-kumitat, magħmul minn persunal tal-Kummissjoni li għandu l-kompetenza meħtieġa fl-affarijiet legali, kontenut tax-Xjenza u t-Teknoloġija, u/jew sistemi ta’ informazzjoni, huwa ppresedut mill-koordinatur tas-sejħa. Dan jeżamina l-proposta u, jekk ikun meħtieġ, iċ-ċirkostanzi tal-preżentazzjoni tagħha; u jipprovdi pariri speċjalizzati biex jappoġġja d-deċiżjoni dwar jekk jippermettix li proposta tiġi evalwata, jew dwar jekk tintlaqax jew le għal raġunijiet ta’ eliġibbiltà. Il-kumitat jista’ jiddeċiedi li jikkuntattja lill-applikant sabiex jiċċara xi kwistjoni partikolari.

3.   EVALWAZZJONI TAL-PROPOSTI

3.1.   Rwol tal-esperti

Il-Kummissjoni tevalwa l-proposti bl-assistenza ta’ esperti indipendenti (16) biex tiżgura li jintgħażlu għall-finanzjament dawk il-proposti tal-ogħla kwalità biss. Minħabba l-wisa’ u d-diversità tal-oqsma ta’ riċerka koperti mill-Programmi Kwadru, dawn l-esperti jkunu esterni għall-Kummissjoni.

L-esperti jistgħu jiġu mistiedna biex iwettqu l-evalwazzjoni totalment jew parzjalment fid-dar tagħhom jew fil-post tax-xogħol (‘evalwazzjoni mill-bogħod’), jew fis-sit tal-Kummissjoni.

Xi kultant, meta tagħrif speċjalizzat rilevanti jinżamm internament, il-persunal tal-Kummissjoni jista’ jaħdem bħala esperti flimkien ma’ esperti esterni. Kull wieħed minn dawn l-esperti interni se jaħdmu flimkien man-numru minimu meħtieġ għas-sejħa (ara t-taqsima 3.8. (b)) (17).

L-unika eċċezzjoni għall-użu tal-esperti hija fil-każ ta’ azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u appoġġ imsemmija fl-Artikolu 14 tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni tal-KE, u l-Artikolu 13 tar-Regoli ekwivalenti għall-Parteċipazzjoni tal-Euratom, fejn esperti indipendenti huma maħtura biss jekk il-Kummissjoni tqis li dan huwa xieraq (18).

3.2.   Ħatra tal-esperti

L-esperti huma meħtieġa li jkollhom ħiliet u għarfien xierqa fl-oqsma tal-attività fejn huma mitluba li jassistu. Huma għandu jkollhom ukoll livell għoli ta’ esperjenza professjonali fis-settur pubbliku jew privat f’wieħed jew aktar minn wieħed mill-oqsma jew attivitajiet li ġejjin: riċerka fl-oqsma rilevanti xjentifiċi u teknoloġiċi; amministrazzjoni, ġestjoni jew evalwazzjoni tal-proġetti; użu tar-riżultati tar-riċerka u proġetti ta’ żvilupp teknoloġiku; trasferiment u innovazzjoni tat-teknoloġija; kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u t-teknoloġija; żvilupp tar-riżorsi umani. L-esperti jistgħu jkunu ċittadini ta’ pajjiżi li mhumiex Stati Membri jew pajjiżi assoċjati mal-Programmi Kwadru.

Il-Kummissjoni tistabbilixxi dejtabejż ta’ esperti li jkun fiha d-dettalji ta’ kandidati xierqa fuq il-bażi ta’ sejħiet għall-applikazzjonijiet ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Sejħa waħda għandha tkun indirizzata lill-individwi u oħra lill-organizzazzjonijiet rilevanti bħal aġenziji nazzjonali tar-riċerka, istituzzjonijiet tar-riċerka u intrapriżi.

Il-Kummissjoni tista’ fi kwalunkwe żmien tinkludi fid-dejtabejż, jekk xieraq, kwalunkwe individwu bil-ħiliet xierqa li ma jkunx fil-listi miksuba permezz tas-sejħiet imsemmija hawn fuq. L-esperti fid-dejtabejż jistgħu jiġu mistiedna biex jassistu lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ attivitajiet minbarra l-evalwazzjoni tal-proposti ta’ riċerka, jekk dawn ikunu indikaw ir-rieda tagħhom li jiġu kkunsidrati għal kompiti bħal dawn. Id-dejtabejż tista’ ssir disponibbli, fuq talba, għal korpi ta’ finanzjament tar-riċerka b’missjoni ta’ servizz pubbliku, fl-Istati Membri u pajjiżi assoċjati mal-Programmi Kwadru, u għal strutturi oħra li jimplimentaw attivitajiet ta’ riċerka tal-UE, maħluqa b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ dan l-aċċess għandhom isiru mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ Riċerka u Innovazzjoni, jew mir-rappreżentant(i) tiegħu/tagħha. Id-dejtabejż tista’ tintuża’ wkoll miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni għall-għażla ta’ esperti fl-appoġġ ta’ attivitajiet ta’ riċerka mwettqa bħala azzjonijiet diretti (19).

Sabiex tevalwa l-proposti preżentati bi tweġiba għal sejħa, il-Kummissjoni tfassal lista ta’ esperti xierqa (inkluż, jekk meħtieġ, lista ta’ riżerva). Il-listi huma mfassla primarjament permezz tal-kriterji ta’ selezzjoni:

Livell għoli ta’ kompetenza;

Firxa xierqa ta’ kompetenzi.

Sakemm il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq jistgħu jintlaħqu, jiġu kkunsidrati wkoll kriterji oħra:

Bilanċ xieraq bejn ħila akkademika u industrijali u l-utenti;

Bilanċ raġonevoli bejn is-sessi (20);

Distribuzzjoni raġonevoli ta’ oriġini ġeografiċi (21);

Rotazzjoni regolari ta’ esperti (22)

Meta tikkostitwixxi l-listi tal-esperti, il-Kummissjoni tqis ukoll, kif meħtieġ, il-kapaċitajiet tagħhom li japprezzaw id-dimensjoni industrijali u/jew dik għas-soċjetà, u r-rilevanza tal-politika, tat-temi koperti mis-sejħa. L-esperti għandu jkollhom ukoll il-ħiliet lingwistiċi xierqa meħtieġa għall-proposti li għandhom jiġu evalwati.

F’każijiet fejn l-esperti jkollhom jittrattaw l-informazzjoni klassifikata, l-approvazzjoni tas-sigurtà xierqa għandha tkun meħtieġa qabel il-ħatra (23).

Il-lista ta’ esperti li għandhom jintużaw għas-sessjonijiet ta’ evalwazzjoni hija deċiża mill-uffiċjal rilevanti li jawtorizza permezz ta’ sottodelega jew delegati debitament maħtura. L-ismijiet tal-esperti assenjati lill-proposti individwali ma jiġux ippubblikati. Madankollu, darba fis-sena, il-Kummissjoni tippubblika fuq l-Internet il-lista ta’ esperti użati għall-Programmi Kwadru u f’kull Programm Speċifiku.

3.3.   Termini ta’ ħatra, Kodiċi ta’ mġiba u Kunflitt ta’ interess

Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ‘ittra ta’ ħatra’ b’kull espert, fuq bażi tal-mudell mogħti fl-Anness F.

L-ittra ta’ ħatra torbot lill-espert b’kodiċi ta’ mġiba, tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet essenzjali rigward il-kunfidenzjalità, u, tispeċifika b’mod partikolari, id-deskrizzjoni tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ ħlas, u r-rimborż tal-ispejjeż (ara l-Anness F).

Meta taħtar l-esperti, il-Kummissjoni (24) għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura li dawn ma jkollhomx kunflitt ta’ interess fir-rigward tal-proposti li huma meħtieġa li jagħtu opinjoni fuqhom. Għal dan il-għan, l-esperti huma meħtieġa li jiffirmaw dikjarazzjoni li ma jeżisti l-ebda tali kunflitt ta’ interess (ara l-Anness F) fil-ħin tal-ħatra tagħhom u li huma jintrabtu li jinfurmaw lill-Kummissjoni kemm dwar l-eżistenza kif ukoll in-natura tiegħu jekk jinqala’ wieħed waqt li jwettqu d-dmirijiet tagħhom. Meta tiġi infurmata dwar dan, il-Kummissjoni tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex tneħħi l-kunflitt ta’ interess. Barra minn hekk, l-esperti kollha huma meħtieġa li jikkonfermaw li m’għandhom ebda kunflitt ta’ interess għal kull proposta li huma mitluba li jeżaminaw fil-mument tal-evalwazzjoni.

Id-dikjarazzjoni tagħmel distinzjoni bejn kunflitti ta’ interess ta’ ‘skwalifika’ u ‘potenzjali’.

Meta kunflitt ta’ interess ta’ skwalifika huwa rrappurtat mill-espert jew stabbilit mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ kwalunkwe sors ta’ informazzjoni disponibbli, l-espert m’għandux jevalwa l-proposta kkonċernata (grupp ta’ kunsens), u lanqas jieħu sehem f’xi analiżi tal-panil (inkluż seduti possibbli) fejn il-proposta tiġi kkunsidrata (25).

Esperti li huma impjegati minn waħda mill-organizzazzjonijiet applikanti fi proposta huma normalment meqjusa li jaffaċċjaw kunflitt ta’ interess ta’ ‘skwalifika’. Madankollu, meta ġustifikata mill-ħtieġa li taħtar l-aqwa esperti disponibbli u mid-daqs limitat tal-grupp ta’ esperti kwalifikati, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tistieden lil dawn l-esperti biex jieħdu sehem fis-sessjoni tal-analiżi tal-panil, jekk l-espert jaħdem f’dipartiment/laboratorju/istitut differenti minn dak li fih għandu jsir ix-xogħol, u jekk il-korpi kostitwenti jaħdmu b’livell għoli ta’ awtonomija. F’dan il-każ, l-espert għandu jastjeni mid-diskussjoni (jew forum elettroniku) jekk il-panil jiddiskuti fid-dettall il-proposta li tinvolvi l-organizzazzjoni kkonċernata. Dawn l-esperti m’għandhom jipparteċipaw fl-ebda seduta, jekk il-proposta kkonċernata tilħaq l-istadju ta’ seduta.

F’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, l-esperti fiċ-ċirkostanzi deskritti hawn fuq jistgħu jipparteċipaw ukoll fil-grupp ta’ kunsens għall-proposta in kwistjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-esperti l-oħra fil-grupp tal-affiljazzjoni dwar l-espert ikkonċernat.

Meta kunflitt ta’ interess potenzjali jiġi rrappurtat mill-espert jew jinġab għall-attenzjoni tal-Kummissjoni bi kwalunkwe mod, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra ċ-ċirkostanzi tal-każ u tiddeċiedi, fuq il-bażi tal-elementi oġġettivi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, dwar l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interess effettiv (26). Jekk dan il-kunflitt effettiv jiġi stabbilit, l-espert jiġi eskluż bl-istess mod bħal f’kunflitt skwalifikat. F’każijiet oħra, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ u wara li tqis ir-riskji assoċjati kif xieraq, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tippermetti lill-espert biex jagħmel l-evalwazzjoni. L-espert għandu jiffirma dikjarazzjoni li tikkonferma li huma se jaġixxu b’mod imparzjali.

Il-Kummissjoni tista’ tieħu kwalunkwe miżuri xierqa biex tipprevjeni kunflitt ta’ interess. Ir-rwol tal-espert jista’ jkun ristrett għal reviżjoni tal-panil. F’dan il-każ, l-espert għandu jitlaq mill-kamra (jew mill-forum elettroniku) jekk il-panil jiddiskuti l-każ individwali tal-proposta jekk jeżisti xi kunflitt.

Jekk kunflitt li ma kienx previst isir evidenti matul l-evalwazzjoni, l-espert għandu jħabbar il-fatt minnufih lil uffiċjal tal-Kummissjoni. Jekk il-kunflitt jinstab li jkun wieħed jwassal għal skwalifika, l-espert għandu jastjeni minn evalwazzjoni ulterjuri li tinvolvi l-proposta kkonċernata. Kwalunkwe kummenti u punteġġi għall-proposta konċernata magħmula qabel minn dak l-espert jiġu skontati. Jekk ikun meħtieġ, l-espert għandu jiġi sostitwit.

Jekk l-espert jaħbi intenzjonalment kunflitt ta’ interess potenzjali jew li jwassal għal skwalifika, u dan isir magħruf matul l-evalwazzjoni, l-espert għandu jiġi eskluż immedjatament, u s-sanzjonijiet indikati fl-ittra ta’ ħatra u/jew fir-Regolament Finanzjarju u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu għandhom japplikaw. Kwalunkwe grupp ta’ kunsens li jkun/tkun ipparteċipa(t) fih għandu jiġi ddikjarat null u bla effett, u l-proposta(i) kkonċernata għandha tiġi evalwata mill-ġdid.

B’analoġija mal-Artikolu 265a(3) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni għar-Regolament Finanzjarju, ksur tal-kodiċi ta’ mġiba jew imġiba ħażina serja oħra mill-espert jista’ jiġi kwalifikat bħala mġiba ħażina professjonali gravi u jista’ jwassal għall-esklużjoni ta’ dan l-espert mil-lista mfassla wara s-sejħa għal espressjoni ta’ interess prevista fl-Artikolu 179a tar-Regolament Finanzjarju. Skont din l-esklużjoni, l-espert jitneħħa mid-dejtabejż u jiġi pprojbit milli jerġa’ jirreġistra għat-tul tal-esklużjoni.

3.4.   Osservaturi indipendenti

Bl-għan li tiżgura livell għoli ta’ trasparenza, il-Kummissjoni tista’ taħtar esperti independenti biex jaġixxu bħala osservaturi (minn issa ’l quddiem ‘osservaturi’) tal-proċess ta’ evalwazzjoni mill-perspettiva tal-ħidma u l-eżekuzzjoni tagħha. Ir-rwol tagħhom huwa li jagħtu parir indipendenti lill-Kummissjoni dwar l-imġiba u l-ekwità fl-istadji kollha tas-sessjonijiet ta’ evalwazzjoni, dwar il-modi li bih l-evalwaturi esperti japplikaw il-kriterji ta’ evalwazzjoni, u dwar il-modi li bihom il-proċeduri jistgħu jiġu mtejba. Bħala tali, dawn għandhom jivverifikaw li l-proċeduri stabbiliti jew imsemmija f’dawn ir-Regoli jiġu osservati, u jirrapportaw is-sejbiet tagħhom u r-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni. Huma mħeġġa wkoll biex jidħlu f’diskussjonijiet informali mal-uffiċjali tal-Kummissjoni involuti fis-sessjonijiet ta’ evalwazzjoni u jissuġġerixxu lill-Kummissjoni kull titjib possibbli li jista’ jitqiegħed fil-prattika immedjatament. Madankollu, fil-qafas tal-ħidma tagħhom, dawn m’għandhomx jesprimu fehmiet dwar il-proposti evalwati jew l-opinjonijiet tal-esperti dwar il-proposti.

Għal dan il-għan, mhuwiex meħtieġ li l-osservaturi jkollhom kompetenza esperta fil-qasam tal-proposti li qed jiġu evalwati. Fil-fatt, huwa meqjus vantaġġuż li jiġi evitat li jkun hemm osservaturi b’wisq għarfien fil-fond dwar il-qasam partikolari tax-Xjenza & Teknoloġija sabiex jiġu evitati kunflitti bejn l-opinjonijiet tagħhom dwar ir-riżultat tal-evalwazzjonijiet u l-funzjonament tas-sessjonijiet. Fi kwalunkwe każ, dawn m’għandhomx jesprimu opinjonijiet dwar il-proposti eżaminati jew l-opinjonijiet tal-esperti dwar il-proposti.

L-osservaturi huma mistiedna li jkunu preżenti mill-bidu tas-sessjonijiet ta’ evalwazzjoni meta l-esperti jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni. Meta parti minn evalwazzjoni sseħħ ‘l bogħod mis-sit tal-Kummissjoni (‘evalwazzjoni mill-bogħod’), l-osservatur jista’ jevalwa dak l-istadju wara l-avveniment fuq il-bażi tad-diskussjoni mal-esperti wara li jkunu nġabru fi Brussell (jew f’sit ċentrali ta’ evalwazzjoni ieħor).

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitati tal-programmi dwar l-għażla ta’ esperti bħala osservaturi, u t-termini ta’ referenza tagħhom kif ukoll dwar is-sejbiet tal-osservaturi u tista’ tagħmel disponibbli pubblikament sommarju tar-rapport tagħhom.

L-osservaturi huma meħtieġa li jirrispettaw l-istess obbligi bħall-esperti rigward il-kunfidenzjalità u l-evitar tal-kunflitti ta’ interess, u jiffirmaw l-istess dikjarazzjoni f’dan is-sens (ara l-Anness F). Mhumiex awtorizzati jiżvelaw dettalji tal-proposti, l-esperti assenjati biex jeżaminaw il-proposti, u lanqas id-diskussjonijiet fil-panils ta’ evalwazzjoni. L-osservaturi għandhom jirrispettaw kodiċi ta’ mġiba anness għall-ittra tal-ħatra tagħhom.

3.5.   Kriterji ta’ evalwazzjoni

Il-proposti eliġibbli kollha jiġu evalwati mill-Kummissjoni, megħjuna minn esperti fejn previst, biex tevalwa l-mertu tagħhom rigward il-kriterji ta’ evalwazzjoni rilevanti għas-sejħa.

Il-kriterji u s-sottokriterji dettaljati tal-evalwazzjoni (27), u l-piżijiet u limiti assoċjati, huma stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma, fuq bażi tal-prinċipji mogħtija fil-Programmi Speċifiċi, u fuq il-kriterji mogħtija fir-Regoli għall-Parteċipazzjoni. Il-kriterji jikkonsistu fi kriterji ta’ selezzjoni u ta’ allokazzjoni skont it-tifsir tar-regolament finanzjarju (l-Artikolu 115) u r-regoli tal-implimentazzjoni tiegħu (28) (l-Artikolu 176 u 177).

Il-mod li bih dawn se jiġu applikati jiġi spjegat aktar fis-sejħa għall-proposti u l-Gwida għall-Applikanti assoċjata.

3.6.   Punteġġ tal-proposta

L-esperti jeżaminaw il-kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati li jinkludu kull kriterju ta’ evalwazzjoni, u jagħtu punteġġ ta’ dawn fuq skala minn 0 sa 5. Jistgħu jingħataw punteġġi ta’ nofs punt.

Għal kull kriterju eżaminat, il-valuri tal-punteġġi jindikaw il-valutazzjonijiet li ġejjin:

0 –

Il-proposta ma tindirizzax il-kriterju eżaminat jew ma tistax tiġi aġġudikata minħabba informazzjoni nieqsa jew mhux kompluta;

1 –

Fqira. Il-kriterju huwa indirizzat b’mod adegwat, jew hemm nuqqasijiet inerenti serji;

2 –

Mhux Ħażina. Għalkemm il-proposta tindirizza l-kriterju b’mod wiesa’, hemm nuqqasijiet sinifikanti;

3 –

Tajba. Il-proposta tindirizza l-kriterju sew, għalkemm huwa meħtieġ titjib;

4 –

Tajba Ħafna. Il-proposta tindirizza l-kriterju b’mod tajjeb ħafna, għalkemm xorta hu possibbli ċertu titjib;

5 –

Eċċellenti. Il-proposta tindirizza b’suċċess l-aspetti rilevanti kollha tal-kriterju inkwistjoni. Kwalunkwe nuqqasijiet huma minuri.

3.7.   Limiti u piżijiet

Limiti

Huma stabbiliti limiti għal uħud jew il-kriterji kollha, b’tali mod li kwalunkwe proposta li ma tilħaqx il-punteġġi ta’ limitu tiġi miċħuda. Barra minn hekk, għandu jiġi stabbilit ukoll limitu globali. Il-limiti li għandhom jiġu applikati għal kull kriterju, kif ukoll kwalunkwe limitu ġenerali huma stabbiliti fil-programm ta’ ħidma u s-sejħa.

Jekk il-proposta ma tilħaqx limitu għal kriterju, l-evalwazzjoni tal-proposta tista’ tiġi mwaqqfa.

Jista’ jiġi deċiż li l-evalwazzjoni tinqasam f’diversi stadji bil-possibbiltà li esperti differenti jeżaminaw il-kriterji differenti. Meta l-evalwazzjoni ssir fi stadji diversi suċċessivi, kwalunkwe proposta li ma tilħaqx punteġġ ta’ limitu ma tistax tgħaddi għall-istadju li jmiss. Dawn il-proposti jistgħu jiġu kkategorizzati minnufih bħala miċħuda.

Piżijiet

Skont in-natura speċifika tal-iskemi ta’ finanzjament u s-sejħa, jista’ jiġi deċiż li l-kriterji jiġu mwieżna. Il-piżijiet li għandhom jiġu applikati għal kull kriterju huma stabbiliti fil-programm ta’ ħidma u s-sejħa.

3.8.   Deskrizzjoni dettaljata tal-evalwazzjoni tal-proposta  (29)

(a)   Ir-riassunt lill-esperti

Il-Kummissjoni hija responsabbli għar-riassunt lill-esperti qabel sessjonijiet ta’ evalwazzjoni. Ir-riassunt lill-esperti jkopri l-proċessi u l-proċeduri ta’ evalwazzjoni kif ukoll il-kriterji ta’ evalwazzjoni li għandhom jiġu applikati, u l-kontenut u l-impatti previsti tat-temi ta’ riċerka kkunsidrati. Twissijiet speċifiċi dwar il-kunfidenzjalità, l-imparzjalità u l-ħabi ta’ kunflitt ta’ interess se jkunu inklużi.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-riassunt tal-esperti li jaħdmu mill-bogħod, meta jkun meħtieġ materjal adattat b’mod speċjali (eż. CD-ROMs, preżentazzjonijiet onlajn). Jinżamm kuntatt mill-qrib mal-esperti individwali biex jassistihom rigward kwalunkwe mistoqsija.

(b)   Evalwazzjoni individwali tal-proposti

Il-proposti jiġu evalwati minn minimu ta’ tliet esperti. Mill-inqas ħames esperti japplikaw għal proposti għan-Netwerks ta’ Eċċellenza, u f’każijiet oħra fejn speċifikat fil-Gwida għall-Applikanti rilevanti.

Fil-fażi inizjali tal-evalwazzjoni kull espert jaħdem individwalment, u jagħti punteġġi u kummenti għal kull kriterju kif deskritt fil-programm ta’ ħidma u s-sejħa.

Dawn jindikaw ukoll jekk il-proposta:

Taqax kompletament barra mill-ambitu tas-sejħa għal proposti;

Tittrattax kwistjonijiet etiċi sensittivi;

Teħtieġx aktar skrutinju fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà (ara l-Anness B).

Meta tintuża evalwazzjoni mill-bogħod, il-Kummissjoni tgħaddi kopji tal-proposti li għandhom jiġu eżaminati lil kull espert individwali. Dan jista’ jsir billi tibgħat kopji fuq karta bil-posta jew servizz ta’ kurrier jew billi tagħmel il-proposta disponibbli elettronikament.

Ġustifikazzjoni tal-punteġġ

L-esperti huma meħtieġa jipprovdu kummenti li jakkumpanjaw kull punteġġ tagħhom. Dawn il-kummenti għandhom ikunu konsistenti ma’ kwalunkwe punteġġi mogħtija u jservu bħala input għal kwalunkwe diskussjoni ta’ kunsens u rapport ta’ kunsens relatat.

Riżultat tal-evalwazzjoni individwali

Wara l-evalwazzjoni individwali ta’ proposta, l-espert jimla rapport ta’ evalwazzjoni individwali li jikkonferma l-qari u valutazzjoni individwali tiegħu. Fil-każ ta’ evalwazzjoni mill-bogħod, ir-riżultati jiġu mgħoddija lill-Kummissjoni bil-posta jew elettronikament. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni individwali tal-espert m’għandux jiġi mibdul sussegwentement. Meta jiffirma (jew japprova b’mezzi elettroniċi) rapport ta’ evalwazzjoni individwali, kull espert jikkonferma li m’għandu l-ebda kunflitt ta’ interess rigward l-evalwazzjoni ta’ dik il-proposta partikolari.

F’xi każijiet, l-esperti jistgħu jintalbu li jwettqu biss l-evalwazzjoni individwali. F’dan il-każ, ir-rapport tagħhom ta’ evalwazzjoni individwali jintbagħat lill-esperti involuti fil-fażi ta’ kunsens (ara hawn taħt) biex jiġi kkunsidrat fil-preparazzjoni tar-rapport tal-kunsens.

Jekk proposta titqies li hija barra mill-ambitu mill-esperti individwali kollha, tista’ tiġi kkunsidrata mhux eliġibbli u tista’ ma tgħaddix għall-istadju ta’ kunsens.

(c)   Kunsens

Ladarba l-esperti kollha li tkun ġiet ippreżentata proposta lilhom ikunu wettqu l-evalwazzjonijiet individwali tagħhom, l-evalwazzjoni timxi għal valutazzjoni ta’ kunsens, li tirrappreżenta l-opinjonijiet komuni tagħhom.

Dan normalment jinvolvi laqgħa ta’ kunsens (jew forum elettroniku) biex jiddiskutu l-punteġġi mogħtija u biex jippreparaw il-kummenti.

Id-diskussjoni ta’ kunsens hija mmoderata minn rappreżentant tal-Kummissjoni (‘il-moderatur’). Ir-rwol tal-moderatur huwa li jfittex kunsens bejn il-fehmiet tal-esperti individwali bla ħsara għal jew kontra proposti partikolari jew l-organizzazzjonijiet involuti, u li jiżgura evalwazzjoni ġusta u ekwa ta’ kull proposta skont il-kriterji ta’ evalwazzjoni meħtieġa.

Il-moderatur għall-grupp jista’ jinnomina espert biex ikun responsabbli għall-abbozzar tar-rapport ta’ kunsens (‘rapporteur’).

L-esperti jippruvaw jaqblu dwar punteġġ ta’ kunsens għal kull wieħed mill-kriterji li jkunu ġew evalwati u dwar kummenti xierqa biex jiġġustifikaw il-punteġġi. Il-kummenti għandhom ikunu adattati biex jintbagħtu lill-koordinatur tal-proposta għar-reazzjoni tiegħu. Il-punteġġi u l-kummenti huma stabbiliti f’rapport ta’ kunsens.

Jekk applikabbli, huma jaslu wkoll għal fehma komuni dwar il-kwistjonijiet tal-ambitu, l-etika u s-sigurtà, kif imsemmi fil-punt (b) hawn fuq.

Jekk matul id-diskussjoni ta’ kunsens jinstab li jkun impossibbli li l-esperti kollha jaslu biex jaqblu dwar punt ta’ fehma komuni rigward kwalunkwe aspett partikolari tal-proposta, l-uffiċjal tal-Kummissjoni responsabbli għall-evalwazzjoni jista’ jitlob sa tliet esperti addizzjonali biex jeżaminaw il-proposta.

Riżultat tal-kunsens

Ir-riżultat tal-istadju ta’ kunsens huwa r-rapport tal-kunsens, iffirmat (jew approvat b’mezzi elettroniċi) mill-moderatur u l-esperti kollha, jew bħala minimu, mill-moderatur u r-‘rapporteur’. Il-moderatur huwa responsabbli biex jiżgura li r-rapport tal-kunsens jirrifletti l-kunsens milħuq, espress fil-punteġġi u kummenti. F’każ li jkun impossibbli li jintlaħaq kunsens, ir-rapport jistipula l-opinjoni tal-maġġoranza tal-esperti iżda jelenka wkoll kwalunkwe opinjonijiet kuntrarji, possibilment fl-anness, ta’ kwalunkwe espert(i) partikolari.

Il-Kummissjoni se tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura l-kwalità tar-rapporti tal-kunsens, b’attenzjoni partikolari għaċ-ċarezza, konsistenza u livell xieraq ta’ dettall. Jekk ikunu meħtieġa bidliet importanti, ir-rapporti għandhom jintbagħtu lura lill-esperti kkonċernati.

L-iffirmar (jew approvazzjoni elettronika) tar-rapport tal-kunsens jikkompleta l-istadju tal-kunsens.

Evalwazzjoni ta’ proposta preżentata mill-ġdid

Fil-każ ta’ proposti li ġew ippreżentati preċedentement lill-Kummissjoni fl-FP7, il-moderatur jagħti lill-esperti l-aħħar sommarju tar-rapport ta’ evalwazzjoni (ara hawn taħt) fl-istadju tal-kunsens, jekk l-evalwazzjoni preċedenti tkun saret f’kundizzjonijiet komparabbli (eż. temi u kriterji ġeneralment simili ta’ programm ta’ ħidma). Jekk ikun meħtieġ, l-esperti se jkunu meħtieġa jipprovdu ġustifikazzjoni ċara għall-punteġġi u l-kummenti tagħhom jekk dawn ikunu differenti ħafna minn dawk mogħtija lill-proposta preċedenti.

(d)   Analiżi tal-panil

Dan huwa l-istadju finali li jinvolvi l-esperti. Dan jippermettilhom li jifformulaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni wara li jkunu taw ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati tal-istadju ta’ kunsens. L-arranġamenti prattiċi huma stabbiliti fid-dawl tan-natura tas-sejħa u n-numru ta’ proposti preżentati lilha.

Għal sejħa partikolari, jew parti minn sejħa, jista’ jkun possibbli li jsir ftehim biex l-esperti kollha jeżaminaw il-proposti kollha, u jwettqu r-reviżjoni finali tagħhom fl-istess ħin li jwettqu r-rapporti tal-kunsens. Dawn l-esperti huma għalhekk meqjusa li jikkostitwixxu l-panil.

Inkella, jinħoloq panil ġdid li jista’ jinkludi esperti involuti fl-istadju tal-kunsens, esperti ġodda, jew taħlita tat-tnejn li huma. Jista’ jkun hemm panil wieħed li jkopri s-sejħa kollha jew diversi panils li jkopru attivitajiet, temi, jew skemi ta’ finanzjament differenti.

Ir-rwol tal-panil

Il-kompitu prinċipali tal-panil huwa li jeżamina u jqabbel ir-rapporti tal-kunsens f’qasam partikolari, li jikkontrolla l-konsistenza tal-marki u l-kummenti applikati matul id-diskussjonijiet tal-kunsens u, fejn ikun meħtieġ, jipproponi sett ġdid ta’ marki jew reviżjoni tal-kummenti.

Il-kompiti tal-panil jistgħu jinkludu wkoll:

Seduti mal-applikanti ta’ dawk il-proposti li jkunu għaddew mil-limiti (ara hawn taħt);

Riżoluzzjoni ta’ każijiet fejn opinjoni ta’ minoranza tkun ġiet imniżżla fir-rapport ta’ kunsens;

Rakkomandazzjoni ta’ ordni ta’ prijorità għal proposti bl-istess punteġġ (jekk ikun meħtieġ biss, filwaqt li jitqies il-baġit disponibbli, jew kundizzjonijiet oħra tas-sejħa stabbiliti fil-programm ta’ ħidma);

Li jsiru rakkomandazzjonijiet dwar raggruppament possibbli jew taħlita ta’ proposti.

Il-panil huwa ppresedut mill-Kummissjoni, jew minn espert maħtur mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni għandha tiżgura trattament ġust u ugwali tal-proposti fid-diskussjonijiet tal-panil. ‘Rapporteur’ tal-panil (li jista’ jkun ukoll il-president tal-panil) jista’ jinħatar biex jabbozza l-parir tal-panil.

Seduti mal-applikanti

Seduti mal-applikanti jistgħu jiġu organizzati bħala parti mid-deliberazzjonijiet tal-panil. Is-seduti jistgħu jkunu utli b’mod partikolari fis-sejħiet, jew partijiet tas-sejħiet, li jattiraw proġetti kollaborattivi ta’ integrazzjoni fuq skala kbira u/jew Netwerks ta’ Eċċellenza.

Meta jsiru seduti, jintbagħtu stediniet lill-koordinaturi ta’ dawk il-proposti li għandhom punteġġi ta’ kunsens ogħla mil-limiti individwali u globali. F’xi sejħiet jista’ jiġi deċiż li l-istedina tiġi estiża lir-rappreżentanti ta’ dawk il-proposti li ssodisfawl-limiti individwali, iżda li ssodisfawx il-limitu ġenerali.

Fi kwalunkwe każ, il-kundizzjoni għall-ħruġ tas-sejħiet għandha tiġi applikata b’konsistenza fir-rigward tal-proposti kollha preżentati għal sejħa, jew parti mis-sejħa taħt linja tal-baġit indikattiva partikolari fil-programm ta’ ħidma.

Is-seduti jipprovdu input sabiex jiċċaraw il-proposti aktar u biex jgħinu lill-panil jistabbilixxi l-klassifikazzjoni finali u l-punteġġi tiegħu għall-proposti. Huma maħsuba biex itejbu l-ftehim tal-esperti dwar il-proposta iżda mhux li jemendaw jew b’xi mod itejbu l-proposta nnifisha. L-applikanti, għalhekk, mhux se jkunu mistiedna jippreżentaw il-proposta tagħhom, iżda biex jipprovdu spjegazzjonijiet u kjarifiki għad-domandi ppreżentati lilhom bil-quddiem.

Kwalunkwe kwistjonijiet partikolari mqajma minn proposti individwali li jeħtieġu kompetenza esperta speċifika jistgħu jiġu ttrattati billi jiġu mistiedna esperti addizzjonali xierqa għas-seduti ta’ dawk il-proposti. F’dan il-każ, l-esperti addizzjonali huma mistiedna biss biex jikkummentaw dwar il-kwistjoni partikolari li jkollhom kompetenza esperta fuqha u mhux fuq il-proposta kollha kemm hi.

Jekk konsorzju li jissottometti proposta ma jattendix is-seduta, iżda jirrispondi bil-miktub għad-domandi li jkunu ntbagħtu, ir-risposti bil-miktub tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati. Jekk konsorzju ma jirrispondix id-domandi u ma jattendix is-seduta, il-panil jasal għall-punteġġ finali u kummenti għall-proposta fuq il-bażi tal-materjal sottomess oriġinarjament biss.

F’xi ċirkostanzi tista’ ssir seduta kollha kemm hi permezz ta’ proċedura bil-miktub.

Alternattivament, is-seduti jistgħu jiġu organizzati permezz tat-telefown, jew billi jużaw faċilitajiet ta’ vidjowkonferenza.

Arranġamenti speċifiċi għal seduti se jiġu deskritti fil-Gwida għall-Applikanti.

Riżultat tal-analiżi tal-panil

Ir-riżultat tal-analiżi tal-panil huwa rapport li jinkludi, prinċipalment:

Sommarju ta’ rapport ta’ evalwazzjoni (SRE) għal kull proposta, li jinkludi kummenti u punteġġi, b’kunsiderazzjoni ta’ kull seduta. Fejn rilevanti, kwalunkwe kwistjonijiet etiċi u konsiderazzjonijiet tas-sigurtà jiġu rrapportati;

Lista ta’ proposti li jissodisfaw il-limiti kollha, flimkien ma’ punteġġ finali għal kull proposta li tissodisfa l-limiti u r-rakkomandazzjonijiet tal-panil għall-ordni ta’ prijorità;

Lista ta’ proposti evalwati li ma ssodisfawx limitu jew diversi limiti;

Lista ta’ kwalunkwe proposti li nstabu ineliġibbli matul l-evalwazzjoni;

Rekord tas-seduti (jekk applikabbli);

Sommarju ta’ kwalunkwe rakkomandazzjonijiet oħra tal-panil.

Jekk l-istess panil ikun ikkunsidra proposti preżentati lil diversi partijiet ta’ sejħa (pereżempju skemi ta’ finanzjament differenti, jew suġġetti differenti li ġew allokati baġits indikattivi partikolari fil-programm ta’ ħidma), ir-rapport jista’ jkun fih diversi listi kif ikun xieraq.

Is-Sommarji tar-Rapporti ta’ Evalwazzjoni miftiehma mill-esperti tal-panil jistgħu jinkludu rakkomandazzjonijiet għal aktar titjib għal proposta li diġà għandha klassifikazzjoni għolja.

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jimmiraw għal implimentazzjoni aktar effiċjenti tal-ħidma proposta, pereżempju billi jimmodifikaw id-dettalji tal-metodoloġija, jew billi jneħħu pakketti ta’ ħidma superfluwi. L-esperti se jindikaw l-impatt probabbli fl-isforz u t-tagħmir, u jistgħu jindikaw l-impatt fuq il-baġit, ta’ kwalunkwe bidliet bħal dawn. L-esperti jistgħu jissuġġerixxu wkoll tnaqqis fl-isforz u/jew fil-baġit mingħajr bidla fil-kontenut, jekk ir-raġunijiet għal dan it-tnaqqis ikollhom bażi soda.

F’każijiet debitament ġustifikati, il-panil jista’ jirrakkomanda li jingħaqdu l-proposti, jew finanzjament sa ċertu punt bil-possibilità li jagħti finanzjament kumplimentari wara sejħa sussegwenti għal proposta.

Jekk applikabbli, l-esperti għandhom jagħmlu rakkomandazzjoni għall-finanzjament ta’ proġetti li jeħtieġu livell ogħla ta’ rimbors għal riċerka relatata mas-sigurtà u attivitajiet ta’ żvilupp teknoloġiku, meta dan ikun ġustifikat mill-iżvilupp ta’ kapaċitajiet f’oqsma bid-daqs tas-suq limitat ħafna u b’riskju ta’ ‘falliment tas-suq’ u għall-iżvilupp aċċellerat tat-tagħmir bħala reazzjoni għal theddid ġdid (30).

Ir-rapport tal-panil huwa ffirmat minn mill-inqas tliet esperti tal-panil, inkluż ir-‘rapporteur’ tal-panil (jekk dan l-espert ikun ġie maħtur), u l-president.

3.9.   Tagħrif li jinbagħat lill-applikanti

Il-Kummissjoni tibgħat ittra elettronikament (‘ittra ta’ informazzjoni inizjali’) lill-koordinatur ta’ kull proposta evalwata. L-ittra hija akkumpanjata minn SRE, ħlief fil-każ ta’ applikanti li jgħaddu l-ewwel stadju fi proċedura ta’ żewġ stadji, kif deskritt fl-Anness C. Il-ittra u s-SRE jistgħu jintbagħtu wkoll bil-karta. L-għan huwa li l-applikanti jingħataw indikazzjoni fil-pront dwar kif marru l-proposti tagħhom fl-evalwazzjoni tal-esperti. Madankollu, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni ma tistax timpenja ruħha rigward selezzjoni u finanzjament possibbli.

Il-Gwida għall-Applikanti għandha tindika d-data mistennija għal meta jintbagħtu dawn l-ittri (31).

Il-Kummissjoni m’għandhiex tibdel is-SRE li jiffurmaw parti mir-rapport tal-panil, ħlief jekk dan ikun meħtieġ biex ittejjeb il-leġġibbiltà jew, eċċezzjonalment, biex tneħħi xi żbalji fattwali jew kummenti mhux xierqa li ma jkunux ġew identifikati fil-qari tal-provi preċedenti. Il-punteġġi ma jiġu mibdula qatt. Is-SRE jirrifletti l-kunsens milħuq mill-esperti, inkluż l-analiżi finali mill-panil. Dan jinkludi kummenti u punteġġi dwar kull kriterju u punteġġ globali, kif ukoll jipprovdi kummenti ġenerali fejn xieraq. Il-kummenti mniżżla għandhom jagħtu raġunijiet suffiċjenti u ċari għall-akkwisti u, jekk xieraq, xi rakkomandazzjonijiet għal modifiki tal-proposta jekk il-proposta jkollha tinżamm għal negozjati. F’każijiet eċċezzjonali, possibilitajiet għal raggruppament jew taħlita ma’ proposti oħra jistgħu jkunu indikati.

Għal dawk il-proposti miċħuda wara li ma jkunux issodisfaw limitu ta’ evalwazzjoni, il-kummenti li jinsabu fis-SRE jistgħu jkunu kompluti biss għal dawk il-kriterji eżaminati sal-punt meta l-limitu ma ġiex issodisfat.

Il-koordinaturi ta’ proposti li jirriżultaw li mhumiex eliġibbli għandhom jiġu mgħarrfa bir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni.

Koordinaturi tal-proposti miċħuda minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà għandhom jiġu mgħarrfa bir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni.

4.   FINALIZZAZZJONI TAR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONI

F’dan l-istadju, il-persunal tal-Kummissjoni jirrevedi r-riżultati tal-evalwazzjoni mill-esperti, u jagħmel l-istima tiegħu tal-proposti, b’mod partikolari analiżi tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni jew tal-Euratom, fuq bażi tal-parir minn dawn l-esperti.

4.1.   Lista kklassifikata mill-Kummissjoni

Il-proposti għandhom jiġu kklassifikati skont ir-riżultati tal-evalwazzjoni. Id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament għandom isiru fuq il-bażi ta’ din il-klassifikazzjoni (32).

Id-dipartiment responsabbli jfassal il-lista finali tal-proposti għal finanzjament possibbli minn dawk li ssodisfaw il-limiti ta’ evalwazzjoni, fuq il-bażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni mill-esperti. Il-punteġġi riċevuti u kwalunkwe parir mill-esperti jitqies kif dovut. Dan għandu jqis ukoll il-baġit disponibbli, l-għanijiet strateġiċi tal-programm, il-politika tal-Unjoni jew tal-Euratom, kif ukoll il-bilanċ globali tal-proposti li għandhom jiġu ffinanzjati.

In-numru ta’ proposti fil-lista jiddependi fuq il-baġit disponibbli. Il-proposti huma kklassifikati fl-ordni ta’ prijorità, sakemm ma jkunx hemm baġit suffiċjenti biex jiffinanzja l-proposti kollha li jkunu ssodisfaw il-limiti meħtieġa.

Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni ssegwi l-ordni ta’ prijorità ta’ proposti suġġeriti mill-esperti. F’każijiet eċċezzjonali, ġustifikati u awtorizzati kif xieraq fil-livell xieraq, proposta tista’ titqiegħed f’ordni differenti minn dak issuġġerit mill-esperti. Ir-raġunijiet biex wieħed jasal għall-ordni, huma stabbiliti.

Għal-kull waħda minn dawn il-proposti tiġi ssuġġerita kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni jew tal-Euratom stabbilita fuq bażi tal-kummenti tal-esperti, u fuq l-analiżi tad-dipartiment stess. Tnaqqis fil-baġit huwa possibbli, imma m’għandux isir biex jappoġġja proġetti addizzjonali li kieku ma kinux jiġu ffinanzjati.

Id-dipartiment responsabbli mbagħad jikkonsulta d-dipartimenti interessati l-oħra u d-direttorati ġenerali fuq il-lista ta’ proposti li għandu l-intenzjoni li jagħżel għall-finanzjament, inkluż il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni jew tal-Euratom suġġerita għal kull proposta. Lista ta’ riżerva tista’ tiġi indikata (ara hawn taħt).

Il-konsultazzjoni interna tindirizza wkoll kwalunkwe aspetti li jeħtieġ li jiġu mmodifikati waqt in-negozjati, fuq bażi tal-parir tal-esperti. Dan jista’ jinkludi kundizzjonijiet speċjali dwar l-għaqda tal-proposti, jew finanzjament kundizzjonali ssuġġerit mill-esperti (ara t-taqsima 3.8).

Wara din il-konsultazzjoni interna, il-lista finali klassifikata tal-Kummissjoni u l-mandati tan-negozjati jiġu stabbiliti. Jekk il-konsultazzjoni turi li ħafna xogħol simili diġà ġie ffinanzjat x’imkien ieħor, jew jekk proposta tirriżulta f’xogħol li jkun espliċitament kontra l-politiki stabbiliti tal-Unjoni jew tal-Euratom, huwa possibbli li proġett li oriġinarjament ikun ġie ppreżentat għal finanzjament mid-dipartiment responsabbli ma jirriżultax fuq il-lista finali kklassifikata tal-Kummissjoni.

4.2.   Lista ta’ riżerva tal-Kummissjoni

Il-lista ta’ proposti li għandhom jinżammu għan-negozjati tqis il-baġit disponibbli (kif indikat fis-sejħa għall-proposti). Numru ta’ proposti jistgħu jinżammu f’riżerva f’każ ta’ eventwalitajiet bħall-falliment ta’ negozjati fuq proġetti, l-irtirar tal-proposti, tfaddil tal-baġit bi qbil waqt in-negozjati, jew id-disponibilità ta’ baġit addizzjonali minn sorsi oħra.

Il-koordinaturi ta’ kwalunkwe proposti miżmuma bħala riżerva jirċievu konferma li jistgħu jiġu offruti negozjati bl-għan li jitħejja ftehim ta’ għotja, iżda dan isir biss jekk isir disponibbli finanzjament ulterjuri. Din il-konferma tista’ tindika wkoll data li warajha x’aktarx li ma jsiru ebda offerti oħra ta’ negozjati.

Meta l-baġit għas-sejħa partikolari jkun ġie użat kollu, il-koordinaturi tal-proposti mingħajr finanzjament li jifdal mir-‘riżerva’ għandhom jiġu infurmati, u l-proposti jiġu miċħuda (ara hawn taħt).

4.3.   Deċiżjonijiet ta’ rifjut tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni formalment tiddeċiedi li tirrifjuta dawk il-proposti li jinstabu li mhumiex eliġibbli (kemm jekk qabel, kif ukoll jekk waqt l-evalwazzjoni), li ma jissodisfawx uħud mil-limiti għall-kriterji ta’ evalwazzjoni, u dawk li, peress li jaqgħu taħt ċertu klassifika, ma jistgħux jiġu ffinanzjati peress li l-baġit disponibbli ma jkunx biżżejjed. Il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta l-proposti kollha ta’ taħt ċerta klassifikazzjoni, irrispettivament mid-disponibbiltà tal-baġit u l-kummenti tal-esperti, jekk tqis li l-livell tal-kwalità ma jkunx suffiċjenti biex jistħoqqilhom appoġġ. Il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta wkoll proposti għal raġunijiet etiċi wara analiżi tal-etika (ara l-Anness A), jew għal raġunijiet ta’ sigurtà wara l-proċedura deskritta fl-Anness B.

Wara deċiżjoni ta’ rifjut, il-koordinaturi tal-proposti miċħuda jiġu infurmati bil-miktub dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-ittra li tinfurmahom tinkludi wkoll spjegazzjoni tar-raġunijiet għar-rifjut.

Il-Kummissjoni mhux se tirrifjuta proposti li huma s-suġġett ta’ proċedura ta’ rimedju kontinwa (ara t-taqsima 5.3).

5.   NEGOZJATI U ALLOKAZZJONI

5.1.   Negozjati tal-proposti

Il-koordinaturi tal-proposti li ma jkunux ġew miċħuda, u li għalihom huwa disponibbli l-finanzjament, huma mistiedna biex jibdew in-negozjati. Jekk dan iseħħ qabel ma l-lista kklassifikata tal-Kummissjoni u l-mandati tan-negozjati jkunu ġew iffinalizzati, l-istedina għandha tagħmilha ċara li n-negozjati jista’ jkollhom jiġu tterminati, jew il-mandat ta’ negozjati jiġi modifikat, jekk ikun meħtieġ hekk wara r-riżultati tal-konsultazzjoni mad-dipartimenti l-oħra.

Il-Kummissjoni tista’ tkun assistita minn esperti matul in-negozjati, possibilment inklużi dawk involuti matul l-istadju ta’ evalwazzjoni.

Minbarra kwalunkwe punti mqajma fis-SRE, l-applikanti jistgħu jirċievu talbiet għal aktar informazzjoni amministrattiva, legali, teknika u finanzjarja meħtieġa għall-preparazzjoni ta’ ftehim ta’ għotja (33). Il-Kummissjoni tista’ titlob tibdil, li possibilment jinkludi modifiki għall-baġit, f’konformità mal-mandat ta’ negozjati imsemmi hawn fuq (taqsima 4.1). Il-Kummissjoni għandha tiġġustifika t-tibdiliet mitluba kollha.

Il-bidliet għall-aspetti amministrattivi u xjentifiċi jkunu jkopru, b’mod partikolari, ir-reviżjonijiet għall-ħidma proposta kif stabbilit fil-mandat tan-negozjati deskritt fit-taqsima 4.1. L-aspetti legali jkunu jkopru, b’mod partikolari, il-verifika tal-eżistenza u l-istatus legali tal-parteċipanti, ir-reviżjoni ta’ kwalunkwe klawżoli speċjali fil-ftehim ta’ għotja, jew kundizzjonijiet meħtieġa għall-proġett, u aspetti oħra relatati mal-iżvilupp tal-ftehim ta’ għotja finali (inkluża d-data tal-bidu tal-proġett, il-ħin tar-rapporti u rekwiżiti legali oħra). L-aspetti finanzjarji jkunu jkopru t-twaqqif tal-kontribuzzjoni tal-KE, sa massimu stabbilit, l-ammont ta’ prefinanzjament, it-tqassim stmat tal-baġit u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni jew tal-Euratom għal kull attività u għal kull parteċipant, u l-valutazzjoni tal-kapaċità finanzjarja tal-koordinatur u kwalunkwe parteċipanti oħra, jekk ikun meħtieġ.

Għotjiet ma jistgħux jingħataw lil parteċipanti potenzjali li, fil-ħin tal-proċedura ta’ għotja, huma f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 93 u 94 tar-Regolament Finanzjarju (relatata, pereżempju, mal-falliment, kundanni, mġiba ħażina gravi professjonali, obbligi tas-sigurtà soċjali, attivitajiet illegali oħra, ksur preċedenti tal-kuntratt, kunflitti ta’ interess, rappreżentazzjoni ħażina).

Kwalunkwe parteċipant potenzjali li wettaq irregolarità fl-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe azzjoni oħra taħt Programm tal-Unjoni jew tal-Euratom jista’ jiġi eskluż mill-proċedura ta’ selezzjoni f’kull ħin, filwaqt li tingħata attenzjoni dovuta għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. Kwalunkwe proposta li tikser prinċipji etiċi fundamentali jew li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fil-programm ta’ ħidma jew fis-sejħa għall-proposti m’għandhiex tintgħażel (34).

F’konformità mal-Artikolu 54(5) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, nefqa kofinanzjata mill-FP7 m’għandhiex tirċievi assistenza mill-Fondi Strutturali.

Kwalunkwe arranġamenti għal proġetti li jingħaqdu huma trattati wkoll f’dan l-istadju, u kwistjonijiet etiċi (ara l-Anness A) jew kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà (ara l-Anness B) huma ċċarati u indirizzati, skont kif ikun meħtieġ.

Jekk jirriżulta impossibbli li jintlaħaq ftehim ma’ koordinatur, li jaġixxi f’isem il-konsorzju, fi skadenza raġonevoli li l-Kummissjoni tista’ timponi fuq kwalunkwe suġġett kopert matul l-istadju tan-negozjati, in-negozjati jistgħu jiġu tterminati u l-proposta miċħuda b’deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tista’ twaqqaf in-negozjati jekk il-koordinatur jipproponi li jimmodifika l-proġett f’termini tal-għanijiet tiegħu, il-kontenut tax-Xjenza & t-Teknoloġija, il-kompożizzjoni tal-konsorzju jew aspetti oħra, sal-punt li jsir differenti b’mod sinifikanti mill-proposta li kienet evalwata, jew b’mod li mhuwiex konformi mal-mandat tan-negozjati.

In-negozjati tal-proposti mill-lista ta’ riżerva jistgħu jibdew ladarba jkun ċar li baġit suffiċjenti sar disponibbli għall-finanzjament ta’ wieħed jew aktar minn wieħed minn dawn il-proġetti. Suġġett għad-disponibbiltà tal-baġit, in-negozjati għandhom jibdew bil-proposti fil-quċċata tal-lista ta’ riżerva u għandhom ikomplu fl-ordni tal-klassifikazzjoni finali.

5.2.   Allokazzjoni tal-għoti ta’ għajnuna

Jekk in-negozjati jkunu ta’ suċċess (jiġifieri, ladarba d-dettalji tal-ftehim tal-għotja jkunu ġew iffinalizzati mal-applikanti u l-verifiki meħtieġa kollha jitwettqu), il-Kummissjoni tlesti il-proċeduri interni finanzjarji u legali tagħha, il-proċedura għall-konsultazzjoni tal-kumitat tal-programm prevista fil-Programm Speċifiku u tadotta d-deċiżjoni ta’ selezzjoni rispettiva. Ladarba d-deċiżjoni ta’ selezzjoni tkun ġiet adottata, tiġi allokata għotja għall-finanzjament, permezz ta’ ftehim ta’ allokazzjoni formali bejn il-Kummissjoni, u l-koordinatur u l-parteċipanti l-oħra.

5.3.   Assistenza, inkjesti u rimedju

Il-Gwida għall-Applikanti għandha tispjega kif l-applikanti jistgħu jfittxu assistenza jew informazzjoni dwar kwalunkwe kwistjoni relatata ma’ sejħa għal proposti u l-proċeduri sussegwenti. Dettalji ta’ kuntatt jiġu pprovduti kemm għall-Punti Nazzjonali ta’ Kuntatt, kif ukoll għal help-desk tal-Kummissjoni. Għandha tiġi pprovduta help-desk dedikat għal kwistjonijiet relatati mal-EPSS.

Barra minn hekk, l-‘ittra ta’ informazzjoni inizjali’ imsemmija fit-taqsima 3.9 għandha tindika indirizz għal kwalunkwe domandi li jikkonċernaw ir-riżultati ta’ evalwazzjoni partikolari.

L-ittra għandha tipprovdi wkoll indirizz li għandu jintuża jekk il-koordinatur jemmen li kien hemm nuqqasijiet fit-trattament tal-proposta tiegħu, u li dawn in-nuqqasijiet ikkawżawlu ħsara fir-riżultat tal-proċess tal-evalwazzjoni. L-ittra għandha tispeċifika skadenza għall-wasla ta’ dawn l-ilmenti, li se tkun xahar mid-data li fiha tintbagħat l-ittra tal-Kummissjoni. Il-koordinatur għandu jipprovdi l-isem u l-identifikatur tas-sejħa, in-numru (jekk ikun hemm), l-isem u l-akronimu tal-proposta, u deskrizzjoni sħiħa tal-allegati nuqqasijiet. Il-metodu għall-preżentazzjoni tal-ilment għandhom jiġu deskritti fl-ittra (eż. permezz ta’ websajt apposta).

Kumitat ta’ analiżi tal-evalwazzjoni interna (‘kumitat ta’ rimedju’) imbagħad jitlaqqa’ sabiex jeżamina dawk il-każijiet li ġew ippreżentati mill-koordinaturi, qabel l-iskadenza msemmija hawn fuq, bil-metodu deskritt fl-ittra ta’ informazzjoni inizjali. Ilmenti li ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet, jew li ma jittrattawx l-evalwazzjoni jew il-verifika tal-eliġibbiltà ta’ proposta speċifika, m’għandhomx jiġu kkunsidrati.

Il-kumitat jista’ jiltaqa’ f’konfigurazzjonijiet differenti, skont is-sejħiet ikkunsidrati. Ir-rwol tal-kumitat huwa li jiżgura interpretazzjoni legali koerenti ta’ dawn it-talbiet u t-trattament ugwali tal-applikanti. Dan jipprovdi opinjonijiet speċjalizzati dwar l-implimentazzjoni tal-proċess ta’ evalwazzjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli relatata mal-proposta u l-evalwazzjoni tagħha. Huwa jaħdem b’mod indipendenti. Il-kumitat innifsu ma jevalwax il-proposta. Jekk il-kumitat iqis li kien hemm nuqqas fil-verifika tal-eliġibbiltà jew fil-proċess tal-evalwazzjoni li x’aktarx ikkomprometta d-deċiżjoni dwar jekk il-proposta tiġix iffinanzjata jew le, dan jista’ jissuġġerixxi evalwazzjoni ulterjuri tal-proposta kollha jew parti minnha mill-esperti indipendenti. Il-kumitat m’għandux jikkontesta d-deċiżjoni ta’ gruppi ta’ esperti kwalifikati b’mod xieraq.

Il-kumitat huwa magħmul minn persunal tal-Kummissjoni li għandu l-kompetenza esperta neċessarja f’affarijiet legali u proċedurali, kontenut tax-Xjenza u Teknoloġija, u/jew sistemi ta’ informazzjoni, u jvarja skont il-każijiet li jkun mitlub jikkunsidra. Huwa ppresedut minn uffiċjal minn dipartiment differenti minn dak responsabbli għas-sejħa. Il-koordinatur tas-sejħa (jew persuna oħra nominata mid-dipartiment responsabbli għas-sejħa) huwa membru tal-kumitat.

Jekk il-kumitat ikun meħtieġ li jikkunsidra kwistjonijiet ta’ eliġibbiltà, dan jista’ jitlob il-parir tal-kumitat ta’ analiżi tal-eliġibbiltà msemmi fit-taqsima 2.6 (jew jagħżel membri minn dan il-kumitat).

Fid-dawl tal-analiżi tiegħu, il-kumitat għandu jirrakkomanda azzjoni lill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għas-sejħa.

Tintbagħat risposta inizjali lil dawk li bagħtu l-ilmenti mhux aktar tard minn tliet ġimgħat wara l-iskadenza għat-talbiet ta’ rimedju, imsemmija hawn fuq. Din ir-risposta inizjali għandha tindika meta għandha tiġi pprovduta risposta definittiva.

Il-proċedura ta’ rimedju ma tissostitwixxix il-mezzi li japplikaw għall-azzjonijiet tal-Kummissjoni kollha, jiġifieri: is-Segretarjat-Ġenerali tal-Kummissjoni għall-ksur tal-kodiċi ta’ amministrazzjoni tajba (relazzjonijiet mal-pubbliku); l-Ombudsman Ewropew għal ‘amministrazzjoni ħażina’; il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja għal deċiżjoni li taffettwa persuna jew entità legali. Dawn il-mezzi huma disponibbli wkoll għal applikanti li jixtiequ jirreġistraw ilment wara l-iskadenza msemmija hawn fuq.

5.4.   Rappurtar dwar ir-riżultat tas-sejħiet għall-proposti

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni statistika dwar l-eżitu tas-sejħiet għall-proposti lill-kumitat tal-programm skont l-Anness V tal-Programmi Speċifiċi ‘Kooperazzjoni’ u ‘Kapaċitajiet’, u skont l-Anness II tal-Programm Speċifiku ‘Nies’.

ANNESS A

PROĊEDURI TAL-ANALIŻI TAL-ETIKA

INTRODUZZJONI

Sabiex jiġu implimentati l-Artikolu 6 tal-FP7 tal-KE, l-Artikolu 5 tal-FP7 tal-Euratom, l-Artikolu 15 tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni tal-KE, u l-Artikolu 14 tar-Regoli ekwivalenti għall-Parteċipazzjoni tal-Euratom, il-proċedura ta' evalwazzjoni deskritta f'dawn ir-regoli tinkludi identifikazzjoni inizjali ta' kwistjonijiet etiċi mqajma mill-proposti segwita minn eżami tal-etika tal-proposti kollha li jqajmu kwistjonijiet etiċi.

Analiżi tal-etika tal-proposti tista' sseħħ wara l-eżami tal-etika u qabel kwalunkwe deċiżjoni ta' selezzjoni mill-Kummissjoni skont ir-regoli stabbiliti. L-analiżi tal-etika hija obbligatorja għal proposti li jinvolvu intervent fuq il-bnedmin (35), riċerka li tinvolvi ċ-ċelloli staminali ta' embrijuni tal-bniedem u l-embrijuni tal-bniedem u primati mhux umani. L-eżami tal-etika u l-analiżi tal-etika (li għandu jkun hemm referenza għalihom b'mod konġunt bħala l-Proċedura tal-Analiżi tal-Etika f'dan l-Anness) huma mwettqa minn esperti indipendenti bil-ħiliet xierqa fl-etika.

L-għan tal-Proċedura tal-Analiżi tal-Etika huwa li tiżgura li l-Unjoni Ewropea u l-Euratom ma jappoġġjawx riċerka li tkun kuntrarja għal prinċipji etiċi fundamentali stabbiliti fir-regoli rilevanti tal-UE u tal-Euratom u li teżamina jekk ir-riċerka tikkonformax mar-regoli relatati mal-etika tar-riċerka stabbiliti fid-Deċiżjonijiet dwar l-FP7 u l-Programmi Speċifiċi. L-opinjonijiet tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u Teknoloġiji ġodda huma u se jiġu meqjusa.

Proposti

Fejn xieraq u/jew meħtieġ mis-sejħa, proposta għandha tinkludi Anness ta' Etika li:

Jidentifika u jiddiskuti l-kwistjonijiet potenzjali tal-etika li r-riċerka proposta tqajjem inkluż, fejn xieraq, l-għanijiet tagħha;

Tiddeskrivi u tiġġustifika d-disinn u l-metodoloġija tal-proġett ta' riċerka minn perspettiva tal-etika;

Tiddiskuti l-implikazzjonijiet potenzjali tar-riżultati tar-riċerka proposta minn perspettiva tal-etika;

Tiddeskrivi kif il-proposta tissodisfa r-rekwiżiti nazzjonali legali u etiċi tal-pajjiż fejn ir-riċerka hija ppjanata li ssir;

Tindika ż-żmien għall-applikazzjoni għall-opinjoni ta' Kumitat tal-etika xieraq u, fejn meħtieġ, l-approvazzjoni minn awtorità kompetenti fuq livell nazzjonali (bħall-awtorità tal-protezzjoni tad-dejta, l-awtorità tat-testijiet kliniċi eċċ).

Għal dan il-għan, l-applikanti għandhom jimlew it-‘Tabella tal-Kwistjonijiet Etiċi’ inkluża fil-Gwida għall-Applikanti.

MODALITAJIET PROĊEDURALI ĠENERALI

Għal proposti li jinvolvu l-użu ta' ċelloli staminali embrijoniċi (hESC), il-Kummissjoni ssegwi l-modalitajiet proċedurali speċifiċi deskritti aktar tard f'dan l-Anness.

Evalwazzjoni

L-esperti li jevalwaw il-kontenut tar-riċerka tal-proposti jindikaw jekk il-proposta tqajjimx xi kwistjonijiet etiċi fir-rigward tat-‘Tabella tal-Kwistjonijiet Etiċi’ mimlija mill-applikant. L-esperti jidentifikaw dawk il-proposti li jistgħu jeħtieġu valutazzjoni ulterjuri minħabba l-importanza tal-kwistjonijiet etiċi mqajma u/jew il-grad ta' adegwatezza tal-mod kif il-kwistjonijiet etiċi huma indirizzati fil-proposta. Jekk xi kwistjoni etika titqajjem mill-proposta u/jew tiġi identifikata waqt l-evalwazzjoni, għandu jiġi magħmul Rapport ta' Kwistjonijiet Etiċi (RKE) mill-esperti f'dan l-istadju flimkien mas-Sommarju tar-Rapport ta' Evalwazzjoni (SRE). Is-SRE għandu jinkludi kwalunkwe kummenti tal-esperti dwar kwistjonijiet etiċi mqajma mill-proposta. F'dan l-istadju biss is-SRE jintbagħat lill-applikant.

Fejn xieraq, il-panils ta' evalwazzjoni tal-esperti li jeżaminaw il-proposta jistgħu jinkludu esperti indipendenti speċjalizzati fi kwistjonijiet etiċi.

Analiżi tal-Etika

Wara l-evalwazzjoni tal-kontenut tar-riċerka, il-Kummissjoni twettaq analiżi etika tal-proposti li huma konformi mal-finanzjament u jqajmu kwistjonijiet etiċi.

Il-proċess ta' reviżjoni etika jinkludi żewġ fażijiet.

Fażi 1:   Eżami tal-Etika

Il-proposti kollha li huma konformi mal-finanzjament, u li jqajmu kwistjonijiet etiċi, jgħaddu minn eżami tal-etika, filwaqt li jitqies kwalunkwe RKE (ara hawn fuq). Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jitolbu wkoll eżami tal-etika ta' proposti li ma kinux indikati mill-esperti ta' evalwazzjoni. Il-proċess ta' eżami huwa mwettaq minn esperti indipendenti bil-ħiliet xierqa fl-etika tar-riċerka.

L-eżami tal-etika għandu l-għan li:

(a)

Jidentifika proposti li jaqgħu taħt il-liġi tal-UE u Euratom (protezzjoni tad-dejta, testijiet kliniċi, benessri tal-annimali eċċ) u li jeħtieġu, approvazzjoni u/jew opinjoni pożittiva fil-livell nazzjonali (36);

u

(b)

Jidentifika proposti li minbarra l-approvazzjonijiet nazzjonali, jeħtieġu Analiżi tal-Etika mill-Kummissjoni minħabba n-natura tal-kwistjonijiet etiċi mqajma (primarjament: intervent fuq il-bnedmin, l-użu ta' primati mhux umani fir-riċerka, ir-riċerka fuq embrijuni umani u ċelloli staminali embrijoniċi tal-bniedem).

Għal kull proposta eżaminata, l-esperti jippreparaw u jiffirmaw Rapport dwar l-Eżami Sistematiku tal-Etika li jinkludi taqsima ta' rekwiżiti. Dawn ir-rekwiżiti jiffurmaw il-bażi għal obbligi speċifiċi li għandhom jiġu inklużi fi ftehim ta' għotja sussegwenti. Għal proposti taħt il-kategorija (a) hawn fuq, ir-Rapport dwar l-Eżami Sistematiku tal-Etika jintbagħat lill-applikanti mingħajr ma jiżvela l-identità tal-esperti. Fid-deċiżjoni tagħha biex tiffinanzja proposta l-Kummissjoni tqis ir-riżultati tal-eżaminazzjoni tal-etika. Dan jista' jinvolvi tibdil fl-Anness I għall-ftehim ta' għotja wara n-negozjati, jew f'ċerti każijiet it-terminazzjoni tan-negozjati.

Proposti fil-kategorija (b) jintbagħtu lis-Settur tal-Analiżi tal-Etika tad-DĠ Riċerka u Innovazzjoni għall-Analiżi tal-Etika (ara l-fażi 2 hawn taħt). Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq proposti fil-kategorija (a) li jqajmu domandi tal-etika ġodda jew ta' sfida, f'Analiżi tal-Etika.

L-esperti involuti fil-proċess ta' eżami huma marbuta bir-rekwiżiti tal-Kummissjoni dwar kunflitt ta' interess u kunfidenzjalità, kif definit fl-Anness F.

Fażi 2:   Analiżi tal-Etika

Wara l-proċess tal-analiżi tal-etika u filwaqt li jitqies ir-Rapport tal-Analiżi tal-Etika (ara hawn fuq), il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq proposti li jaqgħu taħt il-kategorija (b) u proposti taħt il-kategorija (a) li jqajmu kwistjonijiet etiċi ta' sfida, quddiem panil ta' analiżi tal-etika. Minbarra t-tliet kategoriji obbligatorji msemmija hawn fuq (embrijoni umani, ċelloli staminali embrijoniċi umani, primati mhux umani u intervent fuq il-bniedem), tingħata attenzjoni partikolari għar-riċerka li tinvolvi t-tfal, riċerka mwettqa f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, u riċerka relatata mas-sigurtà.

Kompożizzjoni tal-Panil tal-Analiżi tal-Etika

B'mod simili għall-panils tal-Eżami tal-Etika, il-panils tal-Analiżi tal-Etika huma magħmula minn esperti speċjalizzati fi kwistjonijiet etiċi, li ġejjin minn diversi dixxiplini bħal-liġi, is-soċjoloġija, il-psikoloġija, il-filosofija, il-mediċina, il-bijoloġija molekolari, il-kimika, il-fiżika, l-inġinerija, ix-xjenzi veterinarji, eċċ. Il-kompożizzjoni ta' kull panil tiddependi min-natura tal-proposti analizzati u jsir kull sforz sabiex jinkiseb bilanċ ġeografiku u bejn is-sessi. Rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jistgħu jiġu mistiedna.

L-esperti huma marbuta mir-rekwiżiti legali li jikkonċernaw kunflitt ta' interess u kunfidenzjalità, kif definit fl-Anness F.

Rapport ta' Analiżi tal-Etika

L-esperti jaqraw il-proposti individwalment, u mbagħad jiltaqgħu bħala panil biex jiddiskutu u jipproduċu r-Rapport tal-Analiżi tal-Etika. Huma għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jaslu għal kunsens. Fil-każ li ma jkun jista' jintlaħaq ebda kunsens, ir-rapport jirrifletti l-opinjoni tal-maġġoranza tal-membri tal-panil.

Ir-Rapport tal-Analiżi tal-Etika jinkludi lista ta' kwistjonijiet etiċi, rapport dwar il-modi kif il-kwistjonijiet huma indirizzati mill-applikanti, u r-rekwiżiti u rakkomandazzjonijiet magħmula mill-panil. Ir-Rapport tal-Analiżi tal-Etika jista' jindika l-ħtieġa li tiġi organizzata verifika etika fi stadju aktar tard tal-implimentazzjoni tal-proġett. Ir-rapport huwa ffirmat mill-membri tal-panil.

L-applikanti huma informati dwar l-eżitu tal-analiżi tal-etika permezz tar-Rapport tal-Analiżi tal-Etika. Ir-Rapport jintbagħat lill-applikanti mingħajr ma tiġi żvelata l-identità tal-esperti.

Approvazzjonijiet nazzjonali tal-awtoritajiet kompetenti u l-opinjonijiet tal-kumitati tal-etika

Il-Kummissjoni taċċerta ruħha li l-applikanti jkunu rċevew approvazzjoni xierqa tal-awtorità kompetenti nazzjonali u/jew opinjonijiet favorevoli tal-kumitat tal-etika rilevanti qabel id-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' għotja jew qabel il-bidu tar-riċerka korrispondenti.

Negozjati

Matul in-negozjati tal-ftehim ta' għotja, għandhom jitqiesu r-riżultati tal-analiżi tal-etika. Dan jista' jinvolvi tibdil fl-Anness I għall-ftehim ta' għotja wara n-negozjati, jew f'ċerti każijiet terminazzjoni tan-negozjati. Hawn jista' jkun prevvist inseriment tal-klawżola/i rilevanti speċjali fil-ftehim tal-għotja.

Meta l-approvazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti u/jew opinjoni favorevoli tal-kumitat ta' etika rilevanti ma tkunx/jkunux miksuba qabel id-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' għotja, il-ftehim ta' għotja jinkludi klawżola/i speċjali li teħtieġ/jeħtieġu li l-awtorizzazzjoni jew opinjoni rilevanti tiġi miksuba qabel il-bidu tar-riċerka korrispondenti.

Segwitu u Verifika tal-Etika

Proposti li jgħaddu minn Eżami tal-Etika u/jew Analiżi tal-Etika jistgħu jkunu indikati mill-esperti bħala li jeħtieġu Segwitu/Verifika tal-Etika (EFA). EFA jitwettaq minn esperti speċjalizzati fi kwistjonijiet etiċi, mhux aktar kmieni mid-data tal-ewwel perjodu ta' rappurtar għall-proposta. L-għan tal-proċedura tal-EFA huwa li tassisti lill-benefiċjarji jittrattaw il-kwistjonijiet etiċi li jqumu mill-ħidma tagħhom u jekk meħtieġ tieħu miżuri preventivi u/jew korrettivi.

F'każijiet eċċezzjonali, il-proċess tal-EFA jista' jirriżulta f'rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni biex tittermina l-ftehim ta' għotja. L-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proċedura tal-EFA huma r-responsabbiltà tas-Settur tal-Analiżi tal-Etika tad-DĠ Riċerka u Innovazzjoni msemmi hawn fuq.

Help-Desk tal-Analiżi tal-Etika

Il-proġetti kollha ffinanzjati tal-FP7 jistgħu jitolbu assistenza speċifika fuq kwistjonijiet etiċi mill-Help-Desk tal-Analiżi tal-Etika, aċċessibbli permezz tal-websajt(s) tal-FP7 tal-Kummissjoni.

Implimentazzjoni

L-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-proċess tal-Analiżi tal-Etika, is-Segwitu u Verifika tal-Etika huma r-responsabbiltà tas-Settur tal-Analiżi tal-Etika tad-DĠ Riċerka u Innovazzjoni. Dan is-settur se jevalwa wkoll l-impatt tal-proċeduri tal-Analiżi u Verifika tal-Etika fuq il-benefiċjarji tal-għotja tal-FP7, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l-kumitati etiċi rilevanti. L-għan ta' din il-proċedura huwa li ttejjeb il-proċess tal-Analiżi tal-Etika, tivvaluta l-impatt tal-qafas tal-etika tal-FP7 fuq il-komunità tar-riċerka u tikkontribwixxi għall-inkorporazzjoni tal-etika fir-riċerka tal-UE.

MODALITAJIET PROĊEDURALI SPEĊIFIĊI GĦAL ATTIVITAJIET TA' RIĊERKA LI JINVOLVU ĊELLOLI STAMINALI EMBRIJONIĊI UMANI (37)

Meta tevalwa, u tagħżel proposti li jinvolvu l-użu ta' ċelloli staminali embrijoniċi umani (hESC) u tinnegozja l-ftehim ta' għotja b'rabta ma' dan, il-Kummissjoni tuża l-proċedura li ġejja:

Evalwazzjoni

Il-modalitajiet proċedurali ġenerali japplikaw. Barra minn hekk, l-esperti jevalwaw jekk:

Il-proġett jilħaqx miri ta' riċerka importanti għall-avvanz tal-għarfien xjentifiku fir-riċerka bażika fl-Ewropa jew għaż-żieda tal-għarfien mediku għall-iżvilupp ta' metodi dijanjostiċi, preventivi u terapewtiċi li għandhom jiġu applikati għall-bnedmin;

L-użu ta' hESC huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet xjentifiċi stipulati fil-proposta. B'mod partikolari, l-applikanti għandhom jiddokumentaw li alternattivi xierqa u validati (b'mod partikolari, ċelloli staminali minn sorsi jew oriġini oħra) mhumiex xierqa u/jew disponibbli biex jinkisbu l-għanijiet mistennija tal-proposta. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma tapplikax għar-riċerka li tqabbel hESC ma' ċelloli staminali umani oħra.

Proċedura tal-analiżi tal-etika

Il-modalitajiet proċedurali ġenerali japplikaw. Barra minn hekk, il-panil jivvaluta speċifikament li:

Il-proposta ma tinkludix attivitajiet ta' riċerka li jippjanaw li jeqirdu l-embrijoni umani, inkluż għall-akkwist ta' ċelloli staminali (38); dan ifisser li huma l-attivitajiet ta' riċerka li jinvolvu hESC fil-kultura biss jistgħu jirċievu fondi tal-Unjoni;

L-applikanti kkunsidraw il-leġiżlazzjoni, regolamenti, regoli etiċi u/jew kodiċi ta' mġiba fis-seħħ fil-pajjiż(i) fejn ir-riċerka li tuża l-hESC għandha sseħħ;

Il-kunsens espress, bil-miktub u infurmat tad-donatur(i) kien ipprovdut liberament, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali qabel l-akkwist taċ-ċelloli;

L-embrijuni umani użati għall-ksib ta' ċelloli staminali jirriżultaw minn fertilizzazzjoni in vitro assistita medikament intiża biex twassal għat-tqala, u li ma kellhomx jintużaw aktar għal dak l-għan. Il-miżuri li jipproteġu d-dejta personali u l-privatezza tad-donatur(i), inkluża dejta ġenetika, ikunu fis-seħħ matul l-akkwist u għal kwalunkwe użu sussegwenti. Ir-riċerkaturi għandhom għaldaqstant jippreżentaw id-dejta kollha b'tali mod li jiżguraw l-anonimità tad-donaturi;

Il-kundizzjonijiet tad-donazzjoni huma adegwati, jiġifieri, li ma tqiegħdet l-ebda pressjoni fuq id-donatur(i) fi kwalunkwe stadju, li ebda tħajjir finanzjarju ma ġie offrut għad-donazzjoni għar-riċerka fi kwalunkwe stadju u li l-attivitajiet tat-trattament ta' nuqqas ta' fertilità u riċerka nżammu separati kif xieraq.

Approvazzjonijiet nazzjonali ta' awtoritajiet kompetenti u opinjonijiet tal-kumitat tal-etika

Il-Kummissjoni taċċerta ruħha li l-applikanti jkunu rċevew approvazzjoni xierqa tal-awtorità nazzjonali kompetenti u/jew opinjonijiet favorevoli tal-kumitat rilevanti tal-etika qabel id-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' għotja jew qabel il-bidu tal-parti rilevanti tar-riċerka.

Negozjati

Matul in-negozjati tal-ftehim ta' għotja, għandhom jitqiesu r-riżultati tal-analiżi tal-etika. Dan jista' jinvolvi tibdil fl-Anness I għall-ftehim ta' għotja wara n-negozjati, jew f'ċerti każijiet terminazzjoni tan-negozjati. Hawn jista' jkun prevvist inseriment tal-klawżola/i rilevanti speċjali fil-ftehim tal-għotja.

Meta l-approvazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti u/jew opinjoni favorevoli tal-kumitat ta' etika rilevanti ma tkunx/jkunux miksuba qabel id-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' għotja, il-ftehim ta' għotja jinkludi klawżola/i speċjali li teħtieġ/jeħtieġu li l-awtorizzazzjoni jew opinjoni rilevanti tiġi miksuba qabel il-bidu tar-riċerka korrispondenti.

Selezzjoni

Skont l-Artikolu 7(3b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/971/KE (39), l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/973/KE (40) u l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/974/KE (41), għall-approvazzjoni tal-finanzjament ta' azzjonijiet indiretti li jinvolvu l-użu ta' hESC għandha tapplika l-proċedura regolatorja stipulata fl-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE.

ANNESS B

IL-ĠESTJONI TA' AZZJONIJIET RTD SENSITTIVI MILL-ASPETT TAS-SIGURTÀ

A   Introduzzjoni

Proċeduri speċjali għandhom japplikaw għal riċerka relatata mas-sigurtà, minħabba n-natura sensittiva tas-suġġetti indirizzati, u d-differenzi partikolari fil-kapaċitajiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati biex jipproteġu ċ-ċittadini Ewropej. Azzjonijiet ta' Riċerka għandhom jiġu kklassifikati (42) jekk ikunu meqjusa bħala sensittivi.

Dawn il-proċeduri huma deskritti hawn taħt. Dawn se japplikaw għall-azzjonijiet RTD kollha taħt it-Tema ‘Sigurtà’ fil-Programm Speċifiku ‘Kooperazzjoni’. Dawn japplikaw għal temi oħrajn jekk ikun speċifikat hekk fis-sejħa rilevanti jew kif meħtieġ meta jiġu indirizzati suġġetti sensittivi mill-aspett tas-sigurtà.

B   L-identifikazzjoni tal-azzjonijiet RTD potenzjali klassifikati

Azzjoni RTD sensittiva mill-aspett tas-sigurtà hija azzjoni li jista' jkollha titratta informazzjoni klassifikata.

Indikazzjoni ta' ‘kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà’ għandha tkun assoċjata ma' proposta:

Meta l-applikant jiddikjara proposta bħala sensittiva;

Jekk l-evalwaturi esperti, il-Kummissjoni, jew membri tal-‘Kumitat tal-Programm’ rilevanti (minbarra t-Tema tas-Sigurtà: ara wkoll t-taqsima C, hawn taħt) jiskopru jew jissuspettaw xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

L-informazzjoni klassifikata hija, jew tista' tkun, użata bħala informazzjoni ta' sfond;

Xi tagħrif miksub huwa ppjanat li jiġi kklassifikat.

Kull meta indikazzjoni ta' ‘konsiderazzjonijiet ta' sigurtà’ tkun assoċjata ma' proposta, iċ-ċirkostanzi tax-xogħol ippjanat għandhom jiġu skrutinizzati aktar skont il-proċedura deskritta fit-taqsima C hawn taħt.

Ġeneralment, il-proposti taħt it-Tema ‘Sigurtà’, (u f'każijiet oħra jekk ikun meħtieġ hekk fil-Gwida rilevanti għall-Applikanti), għandhom jidentifikaw - jekk meħtieġ - l-isfond meħtieġ għat-twettiq tal-azzjoni RTD u t-tagħrif miksub ikklassifikat li se jiġi prodott mill-azzjoni. Fil-każ ta' proposta li tinvolvi informazzjoni klassifikata (ta' sfond u/jew tagħrif miksub), ‘Ittra dwar l-Aspetti tas-Sigurtà’ (SAL) (43) u l-anness tagħha ‘Gwida għall-Klassifikazzjoni tas-Sigurtà’ (SCG) (44) għandhom ikunu parti mill-proposta.

Is-SCG għandha tkopri:

Il-livell ta' klassifikazzjoni tal-informazzjoni ta' sfond u t-tagħrif miksub;

Liema parteċipant se jkollu aċċess għal liema informazzjoni.

Barra minn hekk, id-dokumenti li ġejjin se jkunu mitluba:

Kopja tal-‘Faċilità ta' Approvazzjoni ta' Sigurtà’ (FSC) (jew it-talbiet għall-FSC). Il-validità tal-FSC għandha tiġi vverifikata mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni permezz tal-mezz formali xieraq mal-Awtoritajiet Nazzjonali ta' Sigurtà (il-NSAs) involuti;

Awtorizzazzjoni formali bil-miktub mill-awtoritajiet ta' sigurtà rilevanti sabiex tintuża l-informazzjoni ta' sfond klassifikata.

Is-SAL u s-SCG, akkumpanjati minn dokumenti ta' sostenn, għandhom jiġu eżaminati wkoll fil-proċedura ta' skrutinju deskritta hawn taħt.

C   Skrutinju ta' Azzjonijiet potenzjali kklassifikati tal-RTD

Wara l-evalwazzjoni tal-kontenut ta' riċerka tal-proposti, dawn għandhom jiġu kklassifikati skont ir-riżultati tal-evalwazzjoni. ‘Lista prinċipali’ li tinkludi l-proposti li għandhom jiġu nnegozjati, jiġifieri li ma jkunux ġew miċħuda, u li għalihom huwa disponibbli finanzjament, flimkien ma' ‘lista ta' riżerva’ jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.

Kwalunkwe azzjoni tal-RTD fuq il-lista prinċipali u fuq il-lista ta' riżerva, li għandha l-indikazzjoni ‘kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà’, għandha tgħaddi minn proċedura ta' skrutinju. Dan għandu jiġi mwettaq minn sottokumitat ad-hoc tal-Kumitat tal-Programm tat-Tema tas-Sigurtà: il-‘Kumitat tal-Iskrutinju tas-Sigurtà’.

Dan il-‘Kumitat tal-Iskrutinju tas-Sigurtà’ huwa magħmul minn rappreżentanti ta' Stati Membri nominati b'rabta mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti ta' sigurtà nazzjonali, appoġġjati jekk xieraq minn rappreżentanti tal-Kumitat(i) tal-Programm rilevanti, f'konfigurazzjoni li tirrappreżenta l-pajjiżi tal-applikanti. Dan il-Kumitat huwa ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Għandu jiġi osservat li, minħabba s-sensittività intrinsika tat-tema ‘Sigurtà’, il-proposti kollha magħżula f'dik Tema għandhom jiġu skrutinizzati.

Dan il-Kumitat għandu jivverifika jekk l-aspetti kollha tas-sigurtà jkunux ikkunsidrati kif xieraq mill-applikanti. Il-proposti għandhom jiġu skrutinizzati minn membri tal-Kumitat mill-istess pajjiżi minn fejn ġejjin l-applikanti.

Dan il-proċess għandu jwassal għal pożizzjoni komuni bejn ir-rappreżentanti nazzjonali kkonċernati li tirriżulta f'waħda mir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

M'hemmx bżonn ta' klassifikazzjoni: negozjati tal-azzjoni RTD jistgħu jibdew (għalkemm xi rakkomandazzjonijiet għal negozjati jistgħu jinħarġu, jekk rilevanti);

Hemm bżonn ta' klassifikazzjoni: rakkomandazzjonijiet speċifiċi għan-negozjati huma mogħtija u n-negozjati għandhom ikunu suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet li għandhom jintlaħqu fil-Ftehim ta' Għotja. L-azzjoni RTD għandha ssir Azzjoni RTD Klassifikata (45) u għandha tkun ikklassifikata mill-UE fil-livell tal-ogħla klassifikazzjoni tal-informazzjoni użata/prodotta mill-azzjoni RTD kif indikat fis-SAL u s-SCG anness magħha.

Il-proposta hija sensittiva wisq biex tiġi ffinanzjata peress li l-applikanti m'għandhomx l-esperjenza, ħiliet jew awtorizzazzjonijiet xierqa biex jittrattaw sew l-informazzjoni klassifikata. F'dak il-każ, il-proposta tista' tiġi miċħuda. Jekk jiġri hekk, il-Kummissjoni għandha tispjega r-raġunijiet għar-rifjut, ħlief meta dawn ir-raġunijiet huma fihom infushom klassifikati.

Fuq bażi ta' din il-pożizzjoni komuni, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-livell ta' klassifikazzjoni. Bħala riżultat, il-Kummissjoni, flimkien mal-NSAs rilevanti, imbagħad għandha tivverifika, matul in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Għotja, li l-proċeduri meħtieġa u l-azzjonijiet kollha jitqiegħdu fis-seħħ sabiex tiggarantixxi li l-informazzjoni klassifikata tiġi trattata b'mod xieraq.

D   Liċenzji ta' Esportazzjoni & Trasferiment

Barra minn hekk, proposta tista' tkun meqjusa sensittiva wkoll, indipendentement minn kwalunkwe klassifikazzjoni ta' sigurtà, jekk ikollha l-pjan li tiskambja materjal suġġett għal liċenzji ta' trasferiment jew tal-esportazzjoni.

F'dak il-kuntest, l-applikanti għandhom jikkonformaw mal-liġijiet nazzjonali u r-regolamenti tal-UE (46). Jekk il-liċenzji tal-esportazzjoni (jew liċenzji intra-UE) jkunu meħtieġa għat-twettiq tax-xogħol ippjanat, l-applikanti għandhom jiċċaraw ir-rekwiżit li jkollhom dawn il-liċenzji tal-esportazzjoni jew trasferiment u għandhom jipprovdu kopja tal-liċenzji ta' esportazzjoni jew trasferiment (jew tat-talbiet).

E   Kooperazzjoni internazzjonali

It-tħassib dwar is-sigurtà ma jistax jiġi invokat bħala raġuni biex jiġu miċħuda proposti għal azzjonijiet RTD mhux klassifikati li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta' entitajiet minn pajjiż li la jkun Stat Membru tal-UE u lanqas pajjiż assoċjat mal-FP7. L-uniċi eċċezzjonijiet għal dan jistgħu jseħħu biss jekk:

It-tema kienet deskritta fil-programm ta' ħidma bħala mhux miftuħa għal kooperazzjoni internazzjonali: f'dak il-każ kwalunkwe proposta li tinkludi kooperazzjoni internazzjonali għandha tiġi ddikjarata ineliġibbli;

Tqajmet il-kwistjoni li hemm ‘kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà’, f'liema każ il-proposta għandha tiġi skrutinizzata skont il-proċedura deskritta hawn fuq.

ANNESS C

IL-PROĊEDURI TA’ PREŻENTAZZJONI U EVALWAZZJONI TAL-PROPOSTI F’ŻEWĠ STADJI

Is-sejħa għal proposti għandha tispeċifika meta tapplika proċedura f’żewġ stadji. Għal dan, l-applikanti għandhom l-ewwel jippreżentaw proposta ridotta jew fil-qosor, li l-‘parti B’ tagħha m’għandhiex tkun itwal minn 20 paġna. Id-daqs tat-tipa għandu jkun mill-inqa 11. Limitu tal-paġni aktar baxx, u/jew daqs tat-tipa akbar, jistgħu jkunu stipulati għal ċerti sejħiet. Din il-proposta fl-ewwel stadju hija evalwata skont il-kriterji għal dan l-istadju stabbiliti fis-sejħa.

F’ċerti każijiet, li għandhom jiġu speċifikati fis-sejħa, il-proposti fl-ewwel stadju għandhom jiġu evalwati fuq bażi kontinwa (ara l-Anness D). F’dawn il-każijiet, il-proposti kollha aċċettabbli preżentati matul ċertu perjodu għandhom jiġu mistiedna biex jibagħtu l-proposta tagħhom tat-tieni stadju sad-data ta’ skadenza jew id-data ta’ għeluq intermedja, kif speċifikat fis-sejħa.

Għall-proposti tal-ewwel stadju, il-proċess ta’ evalwazzjoni huwa bbażat fuq il-proċess għal proposti sħaħ kif dettaljat fit-taqsima 3. Proposti ridotti u fil-qosor huma evalwati minn minimu ta’ tliet esperti. Diskussjonijiet ta’ kunsens jistgħu jitlaqqgħu, fejn meħtieġ.

Għall-proposti fl-ewwel stadju, ir-rapport tal-kunsens jista’ jikkonsisti f’ġabra tar-rapporti ta’ evalwazzjoni individwali ffirmati minn kull wieħed mill-esperti. F’liema każ, il-punteġġi tal-kunsens għal proposta jistgħu jkunu bbażati jew fuq il-punteġġi medji mogħtija għal kull kriterju jew fuq il-ġudizzju tal-maġġoranza dwar jekk kull limitu applikabbli jkunx ġie ssodisfat jew le. Jekk din l-alternattiva tiġi użata, titħabbar fis-sejħa għall-proposti, flimkien mal-proċedura tal-punteġġ.

Il-koordinaturi ta’ dawk il-proposti li jkunu ssodisfaw il-limiti kollha huma mistiedna li jibgħatu proposta kompluta fi żmien perjodu stipulat.

Is-Sommarju tar-Rapport ta’ Evalwazzjoni (SRE) mill-evalwazzjoni tal-ewwel stadju ma jintbagħatx lil dawn il-koordinaturi ta’ suċċess fl-ewwel stadju, sakemm il-programm ta’ ħidma rilevanti ma jiddikjarax mod ieħor.

Il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ rifjut fuq il-proposti fil-qosor li ma jkunux issodisfaw il-limiti kollha. Wara din id-deċiżjoni, il-koordinaturi tal-proposti fil-qosor miċħuda jiġu infurmati bil-miktub bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u jirċievu s-SRE.

Proposti sħaħ għat-tieni stadju jiġu ppreżentati u evalwati skont l-istess proċeduri bħal proposti għal stadju uniku, kif deskritt fit-taqsima 3. Kriterji, limiti u piżijiet applikabbli għal dan it-tieni stadju huma dawk stabbiliti fis-sejħa.

Bl-għan li jiġi rispettat il-prinċipju ta’ trattament indaqs, proposti preżentati għat-tieni stadju jistgħu jiġu esklużi jekk l-ambitu tagħhom jiddevja sostanzjalment mill-proposta korrispondenti fl-ewwel stadju.

ANNESS D

SKEMI TA’ PREŻENTAZZJONI KONTINWA

Xi sejħiet għal proposti jistgħu jkunu kontinwament miftuħa (normalment għad-dewmien ta’ Programm Speċifiku) biex jippermettu l-preżentazzjoni tal-proposti fi kwalunkwe ħin, iżda jistgħu jispeċifikaw dati ta’ għeluq intermedji għall-wasla ta’ proposti li għandhom jiġu kkunsidrati fi kwalunkwe sessjoni ta’ evalwazzjoni partikolari. F'dan il-każ, il-proposti kollha li jaslu qabel xi dati ta’ għeluq intermedji jiġu evalwati f'sessjoni ta’ evalwazzjoni li normalment tiġi organizzata fi żmien xahar wara din id-data. Dati intermedji u finali tal-għeluq jiġu speċifikati fis-sejħiet rilevanti.

Sejħiet kontinwament miftuħa jistgħu jsegwu wkoll proċess ta’ preżentazzjoni tal-proposti u ta’ evalwazzjoni f'żewġ stadji. F'dan il-każ, proposti qosra fl-ewwel stadju (fil-qosor) jistgħu jiġu evalwati individwalment meta jaslu u data tal-għeluq għall-preżentazzjoni ta’ proposta sħiħa għal evalwazzjoni tat-tieni stadju tkun provduta fis-sejħa.

Is-sejħiet jistgħu jipprovdu wkoll li l-proposti jiġu evalwati individwalment meta jaslu qabel xi data ta’ għeluq intermedja jew finali. Imbagħad dawn jiġu rriveduti u kklassifikati kollha wara din id-data u r-riżultati tal-evalwazzjoni jsiru disponibbli minnufih.

Fil-każ ta’ sejħiet kontinwament miftuħa, għall-proposti kollha li jaslu mill-inqas tliet ġimgħat qabel kull data ta’ għeluq intermedja, il-Kummissjoni tista' twettaq verifiki qabel il-proposta (ara t-taqsima 2.2) meta jaslu l-proposti.

Meta proposta tinstab li ma tissodisfax ir-rekwiżiti kollha tas-sejħa jew meta jeżisti dubju dwar jekk il-proposta tissodisfax dawn ir-rekwiżiti, il-koordinatur tal-proposta jiġi kkuntattjat mill-Kummissjoni, fejn titlob informazzjoni ulterjuri biex tivverifika kwalunkwe rekwiżiti li ma jistgħux jiġu ġġudikati jew biex tindikah li l-proposta kif ippreżentata tista' ma tissodisfax ir-rekwiżiti tas-sejħa.

F'każijiet bħal dawn, il-koordinatur tal-proposta jista' jirtira l-proposta jew jista' jipprovdi informazzjoni addizzjonali, qabel l-għeluq intermedju tas-sejħa, biex jippermetti l-kontrolli li għandhom jimtlew. Jekk din l-informazzjoni addizzjonali ma tasalx jew il-proposta ma tiġix irtirata qabel l-għeluq intermedju tas-sejħa, il-proposta tiġi evalwata kif inhi. Rekord bil-miktub ta’ dawn il-kuntatti kollha hija mehmuża mal-fajl tal-proposta.

ANNESS E

PROĊEDURI GĦALL-PREŻENTAZZJONI TAL-PROPOSTA FUQ IL-KARTA

F'każijiet eċċezzjonali, jekk koordinatur ta’ proposta ma jkollu assolutament l-ebda mezz ta’ aċċess għall-EPSS, u jekk ikun impossibbli li jsir arranġament biex membru ieħor tal-konsorzju jagħmel dan, il-koordinatur tal-proposta jista' jitlob permess mill-Kummissjoni sabiex jippreżenta fuq il-karta. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom jingħataw fil-Gwida għall-Applikanti. Din it-talba, li għandha tispjega b'mod ċar iċ-ċirkostanzi tal-każ, għandha tasal għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn xahar qabel l-iskadenza tas-sejħa. Il-Kummissjoni għandha tirrispondi għal talba bħal din fi żmien ħamest ijiem minn meta taslilha. Jekk tingħata deroga, il-Kummissjoni għandha tibgħat formoli tal-proposta għal preżentazzjoni tal-karta lill-koordinatur konċernat.

Jekk il-karatteristiċi ta’ ċerta sejħa tfisser li preżentazzjonijiet ibbażati fuq l-Internet ġeneralment ma jkunux xierqa, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, preliminarjament, li taċċetta l-preżentazzjonijiet fuq il-karta. F'każijiet bħal dawn il-possibbiltà għandha tkun iddikjarata fis-sejħa għall-proposti, u formoli ta’ proposta għall-preżentazzjoni fuq il-karta għandhom isiru disponibbli b'mod ġenerali.

Meta preżentazzjoni fuq il-karta tkun awtorizzata, permezz ta’ deroga speċjali jew ġenerali kif deskritt hawn fuq, il-kunsinna ta’ pakketti li jkun fihom proposti fuq karta tista' ssir permezz tal-posta normali, servizz ta’ kurrier privat jew bl-idejn. Verżjonijiet tal-proposti għal azzjonijiet indiretti tal-RTD preżentati fuq mezz ta’ ħażna elettroniku li jista' jitħassar (eż. CD-ROM, diskett), bil-posta elettronika jew bil-faks għandhom jiġu esklużi. Proposti preżentati fuq il-karta għandhom jiġu ppreżentati f'pakkett uniku. Jekk l-applikanti jixtiequ jissottomettu tibdiliet għal proposta jew informazzjoni addizzjonali, dawn għandhom jindikaw b'mod ċar liema partijiet tal-proposta nbidlu u l-bidliet/partijiet addizzjonali għandhom jiġu ppreżentati u jaslu qabel l-għeluq tas-sejħa. Kontenut addizzjonali jew emendat tal-proposti li jasal wara l-għeluq tas-sejħa (jew data tal-għeluq intermedja għal sejħiet kontinwament miftuħa) ma jiġix ittrattat jew evalwat.

Il-Kummissjoni ma tieħu ebda responsabbilità għal dewmien ikkawżat mis-sistema postali jew servizzi tal-kurrier fit-trażmissjoni tal-materjal biex tiġi ppreparata l-proposta fuq il-karta. Pakketti li jkun fihom proposti jistgħu jinfetħu mill-Kummissjoni (47), meta jaslu, għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni tad-dettalji amministrattivi fid-dejtabejżis u biex jippermettu r-ritorn ta’ konferma tal-wasla tagħhom.

ANNESS F

ITTRA TA’ ĦATRA GĦAL ESPERTI INDIPENDENTI  (48)

[Belt], [data]

[isem tal-espert]

[funzjoni]

[indirizz postali]

[numru ta’ reġistrazzjoni tal-ittra]

Suġġett: [Identifikatur(i) tas-sejħa] [isem u tema tal-programm]

Għażiż [Titolu] [Isem]

[ALTERNATTIVA għall-Evalwatur]

[Grazzi talli qbilt li tassisti lill-Kummissjoni Ewropea (il-‘Kummissjoni’) bħala espert indipendenti, taġixxi bħala evalwatur, fl-evalwazzjoni ta’ proposti ta’ riċerka fir-rigward tas-sejħa t’hawn fuq għall-proposti.]

[ALTERNATTIVA għall-Osservatur]

[Grazzi talli qbilt li tassisti lill-Kummissjoni Ewropea (il-‘Kummissjoni’) bħala espert indipendenti, taġixxi bħala osservatur, waqt sessjoni ta’ evalwazzjoni ta’ proposti ta’ riċerka fir-rigward tas-sejħa t’hawn fuq għall-proposti.]

Id-deskrizzjoni tax-xogħol tiegħek bħala [evalwatur] [osservatur] hija speċifikata fl-Anness I għal din l-ittra ta’ ħatra.

Mal-firma tiegħek din l-ittra ta’ ħatra għandha tikkostitwixxi ftehim bejnek u l-[Unjoni Ewropea] [il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom)], rappreżentata mill-Kummissjoni, sabiex jikkontribwixxi għal [l-evalwazzjoni ta’ proposti preżentati lill-Kummissjoni] [is-sessjoni ta’ evalwazzjoni].

It-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fl-annessi għal din l-ittra ta’ ħatra jiffurmaw parti integrali ta’ din l-ittra ta’ ħatra.

KUNDIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

Dewmien tal-ftehim

Dan il-ftehim jidħol fis-seħħ fid-data tal-aħħar firma ta’ din l-ittra. Kopja oriġinali waħda tal-ittra ffirmata, inkluż il-Formola ta’ Identifikazzjoni Finanzjarja u l-Formola tal-entitajiet legali għall-individwi (Anness IV) kompluta u ffirmata dovutament għandha tasal għand il-Kummissjoni qabel [data fissa] [data tal-bidu tax-xogħol].

Il-ftehim għandu jitlesta fil-[data fissa] [data ta’ aċċettazzjoni tar-rapport(i)/riżultat(i)].

Arranġamenti għas-Sessjoni(jiet) ta’ evalwazzjoni

[XENARJU 0:   Sessjonijiet multipliċi ta’ evalwazzjoni (mill-bogħod u/jew ċentrali) - jistgħu jiġu magħquda ma’ xenarji indikati hawn taħt]

[In-numru massimu ta’ drabi li int tista’ tintalab tipparteċipa fil-laqgħat taħt dan il-ftehim, li jinvolvi vjaġġi separati għas-sit ta’ evalwazzjoni ċentrali, huwa [NUMRU].]

[In-numru massimu ta’ ġranet li jsiru fis-sit ta’ evalwazzjoni ċentrali huwa [NUMRU] ġranet.]

[L-għadd massimu ta’ ġranet li tista’ tintalab twettaq xogħol mill-bogħod (fid-dar jew fil-post tax-xogħol) huwa [NUMRU] ġranet.]

[L-iskeda indikattiva mehmuża fl-anness VII tistipula:

Il-perjodi tal-evalwazzjoni mill-bogħod, li għandha titwettaq fid-dar jew fil-post tax-xogħol;

Id-dati sa meta r-riżultat(i) jew rapport(i) għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni;

Id-dati u l-indirizz tal-evalwazzjoni ċentrali].

[Il-punt ta’ oriġini għall-ivvjaġġar taħt dan il-ftehim huwa [il-post ta’ residenza kif indikat hawn fuq fl-indirizz postali] jew [daħħal indirizz ieħor (li għandu jiġi miftiehem qabel l-iffirmar tal-ittra ta’ ħatra mal-Kummissjoni)].]

[XENARJU 1:   Evalwazzjoni ċentrali]

L-għadd massimu ta’ ġranet ta’ assistenza lill-Kummissjoni m’għandux ikun aktar minn [NUMRU] ġranet.

[Dan jinkludi [NUMRU] ġranet għall-preparazzjoni fid-dar jew fil-post tax-xogħol.]

Int mistieden tattendi s-sessjoni ta’ evalwazzjoni fi [daħħal indirizz] li tibda fil-[daħħal data tal-bidu tal-evalwazzjoni] u tispiċċa f’mhux iżjed tard mill- [daħħal data probabbli tat-tmiem tal-evalwazzjoni].

Il-punt ta’ oriġini għall-ivvjaġġar taħt dan il-ftehim huwa [il-post ta’ residenza kif indikat hawn fuq fl-indirizz postali] [daħħal indirizz ieħor (li għandu jiġi miftiehem qabel l-iffirmar tal-ittra ta’ ħatra mal-Kummissjoni)].

[XENARJU 2:   Evalwazzjoni mill-bogħod]

[L-għadd massimu ta’ ġranet ta’ assistenza lill-Kummissjoni m’għandux ikun aktar minn [NUMRU] ġranet].

[L-għadd ta’ ġranet li għandhom jitqiesu huwa definit fl-Anness VI.]

[Dan jinkludi [NUMRU] ġranet għall-attendenza ta’ sessjoni ta’ għoti ta’ informazzjoni inizjali li sseħħ fil-[daħħal l-indirizz] fil-[daħħal id-data].]

Inti mitlub tippreżenta r-rapporti ta’ evalwazzjoni individwali sa mhux iżjed tard mill-[daħħal data] u tipparteċipa fi kwalunkwe proċess ta’ kunsens sussegwenti dwar il-proposti li evalwajt.

[XENARJU 3:   Evalwazzjoni (evalwaturi) mill-bogħod + ċentrali)]

In-numru massimu ta’ ġranet ta’ assistenza lill-Kummissjoni m’għandux ikun aktar minn [NUMRU] ġranet. Dan jinkludi

[NUMRU] ġranet għall-attendenza ta’ sessjoni ta’ għoti ta’ informazzjoni inizjali li sseħħ fil-[daħħal indirizz] fil-[daħħal data].

[NUMRU] ġranet għall-evalwazzjoni tal-proposti fid-dar jew fil-post tax-xogħol.

Inti mitlub li tippreżenta r-rapporti ta’ evalwazzjoni individwali sa mhux iżjed tard mill- [daħħal data].

Barra minn hekk, inti mistieden tattendi sessjoni ta’ evalwazzjoni fil-[daħħal indirizz] li tibda fil-[daħħal data tal-bidu tal-evalwazzjoni] u li tispiċċa mhux iżjed tard mill-[daħħal id-data probabbli tat-tmiem tal-evalwazzjoni].

Il-punt ta’ oriġini għall-ivvjaġġar taħt dan il-ftehim huwa [il-post ta’ residenza kif indikat hawn fuq fl-indirizz postali] [daħħal indirizz ieħor (li għandu jiġi miftiehem qabel l-iffirmar tal-ittra ta’ ħatra mal-Kummissjoni)].

[XENARJU 4:   Evalwazzjoni (osservaturi) ċentrali + mill-bogħod]

L-għadd massimu ta’ ġranet ta’ assistenza lill-Kummissjoni m’għandux ikun aktar minn [NUMRU] ġranet. Dan jinkludi

[NUMRU] ġranet għall-eżaminazzjoni tal-informazzjoni ta’ sfond u preparazzjoni.

[NUMRU] ġranet għall-attendenza ta’ laqgħat ta’ għoti ta’ informazzjoni u osservazzjoni diretta tal-proċess tal-evalwazzjoni tal-proposti.

[NUMRU] ġranet għall-finalizzazzjoni tar-rapport tiegħek wara s-sessjoni ta’ evalwazzjoni.

Inti mitlub li tippreżenta r-rapport tiegħek sa mhux iżjed tard mill-[daħħal data].

Il-punt ta’ oriġini għall-ivvjaġġar taħt dan il-ftehim huwa [il-post ta’ residenza kif indikat hawn fuq fl-indirizz postali] [daħħal indirizz ieħor (li għandu jiġi miftiehem qabel l-iffirmar tal-ittra ta’ ħatra mal-Kummissjoni)].

Liġi applikabbli u qorti kompetenti

Din l-ittra ta’ ħatra għandha tiġi rregolata mit-termini ta’ din l-ittra ta’ ħatra, l-atti tal-[Komunità Ewropea u l-Unjoni Ewropea] [Euratom] relatati mal-FP7, ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu u leġiżlazzjoni oħra [Komunità Ewropea u l-Unjoni Ewropea] [Euratom u l-Unjoni Ewropea] u, fuq bażi sekondarja, mil-liġi tal-[pajjiż tas-sede tal-uffiċjal awtorizzanti responsabbli skont ir-regoli interni dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea].

Barra minn hekk, l-espert huwa konxju u jaqbel li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li timponi obbligi finanzjarji, li għandhom ikunu infurzabbli skont l-Artikolu 299 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikoli 164 u 192 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

Minkejja d-dritt tal-Kummissjoni li tadotta direttament id-deċiżjonijiet ta’ rkupru msemmija fil-paragrafu preċedenti, il-Qorti Ġenerali jew, fuq talba, l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandu jkollha ġurisdizzjoni unika biex tisma’ kwalunkwe kwistjoni bejn [l-Unjoni Ewropea] [Euratom] u kwalunkwe espert li tikkonċerna l-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew il-validità ta’ din l-ittra ta’ ħatra u l-validità tad-deċiżjoni msemmija fit-tieni paragrafu.

L-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt għal kwalunkwe korrispondenza rigward din il-ħatra huma (49)

 

[isem]

 

Il-Kummissjoni Ewropea

 

[uffiċċju]

 

[Isem tat-triq – Kodiċi Postali/Cedex, Pajjiż]

 

[Indirizz elettroniku jew indirizz postali funzjonali]

 

[Telefown jew helpdesk]

Għal kwalunkwe komunikazzjoni jew talba relatata mad-dejta personali tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Kontrollur responsabbli għal dawn id-domandi: [Kap tal-Unità [XXX]] [u] [id-Direttur Ġenerali tad-DĠ [YYY]] permezz tal-persuna msemmija hawn fuq.

[L-indirizz u d-dettalji tal-kuntatt għall-kisba ta’ rimbors rigward din il-ħatra huma:

 

[isem]

 

Il-Kummissjoni Ewropea

 

[uffiċċju]

 

[Isem tat-triq - Kodiċi Postali/Cedex … Pajjiż]

 

[Indirizz elettroniku jew indirizz postali funzjonali]

 

[Telefown jew help-desk]]

Magħmul f’żewġ kopji oriġinali

[Brussell] [Lussemburgu], [data].

Għall-Kummissjoni

[Firma (50)]

[Għall-espert indipendenti li jaġixxi bħala evalwatur]

Jiena nintrabat li nirrispetta l-Kodiċi ta’ Mġiba għal esperti indipendenti li jaġixxu bħala evalwaturi kopert fl-Anness II (Kodiċi ta’ mġiba).

Jien nintrabat li ninforma lill-Kummissjoni immedjatament jekk niskopri xi kunflitt ta’ interess potenzjali jew li jwassal għal skwalifika ma’ kwalunkwe proposta li niġi mitlub nevalwa jew li hija s-suġġett ta’ diskussjoni fi kwalunkwe laqgħa ta’ evalwazzjoni li fiha nipparteċipa (Dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess).

B’mod partikolari, jien niddikjara li ma ppreżentajtx, u lanqas jien, fl-għarfien tiegħi involut f’xi proposta attwalment evalwata jew preżentata għal evalwazzjoni, taħt il- … Sejħa għall-Proposti (indikata fis-suġġett ta’ din l-ittra ta’ ħatra)

B’mod partikolari, niddikjara li l-parteċipazzjoni tiegħi fl-evalwazzjoni tal-proposta/i li ġejja/ġejjin tista’ toħloq kunflitt ta’ interess (jekk jogħġbok indika jekk dan ikunx kunflitt ta’ interess ‘li jwassal għal skwalifika’ jew ‘potenzjali’; ara l-Anness I għal spjegazzjoni):

Titolu fil-qosor

Titolu

Qasam

li jwassal għal skwalifika (S) jew potenzjali (P)

Jiena nintrabat li ma niżvela l-ebda dettall dwar il-proċess ta’ evalwazzjoni u r-riżultati tiegħu jew dwar kwalunkwe proposta preżentata għall-evalwazzjoni mingħajr l-approvazzjoni espressa bil-miktub tal-Kummissjoni. Fil-każ ta’ evalwazzjonijiet mwettqa barra mis-sit ikkontrollati tal-Kummissjoni, nifhem li jiena ser ninżamm personalment responsabbli biex inżomm il-kunfidenzjalità ta’ kwalunkwe dokumenti jew fajls elettroniċi mibgħuta u biex nirritorna, inħassar jew neqred id-dokumenti jew fajls kunfidenzjali kollha malli nlesti l-evalwazzjoni, sakemm ma jkunx hemm struzzjonijiet oħra (Dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità).

Għal aċċettazzjoni:

[Post], [data].

[Firma (51)]

[Għall-espert indipendenti li jaġixxi bħala osservatur]

Jien nintrabat li nirrispetta l-Kodiċi ta’ Mġiba għall-esperti indipendenti li jaġixxu bħala osservaturi kopert fl-Anness II (Kodiċi ta’ mġiba).

Jiena nintrabat li ninforma lill-Kummissjoni immedjatament jekk niskopri xi kunflitt ta’ interess li jwassal għal skwalifika jew potenzjali ma’ kwalunkwe proposta meta neżamina l-proċess ta’ evalwazzjoni li jiena mitlub nosserva jew li huwa s-suġġett ta’ diskussjoni fi kwalunkwe laqgħa ta’ evalwazzjoni li jiena preżenti għaliha (Dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess).

B’mod partikolari, jien niddikjara li ma ppreżentajtx, u lanqas jien, fl-għarfien tiegħi involut f’xi proposta attwalment evalwata jew preżentata għal evalwazzjoni, taħt il- … Sejħa għall-Proposti (indikata fis-suġġett ta’ din l-ittra ta’ ħatra)

B’mod partikolari, niddikjara li l-parteċipazzjoni tiegħi fl-osservazzjoni tal-proċess tal-evalwazzjoni tal-proposta/i li ġej tista’ toħloq kunflitt ta’ interess (jekk jogħġbok indika jekk dan ikunx kunflitt ta’ interess ‘li jwassal għal skwalifika’ jew ‘potenzjali’; ara l-Anness I għal spjegazzjoni):

Titolu fil-qosor

Titolu

Qasam

li jwassal għal skwalifika (S) jew potenzjali (P)

Jiena nintrabat li ma niżvela l-ebda dettall dwar il-proċess ta’ evalwazzjoni u r-riżultati tiegħu jew dwar kwalunkwe proposta preżentata għall-evalwazzjoni mingħajr l-approvazzjoni espressa bil-miktub tal-Kummissjoni. Fil-każ ta’ evalwazzjonijiet mwettqa barra mis-sit ikkontrollati tal-Kummissjoni, nifhem li jiena ser ninżamm personalment responsabbli biex inżomm il-kunfidenzjalità ta’ kwalunkwe dokumenti jew fajls elettroniċi mibgħuta u biex nirritorna, inħassar jew neqred id-dokumenti jew fajls kunfidenzjali kollha malli nlesti l-evalwazzjoni, sakemm ma jkunx hemm struzzjonijiet oħra (Dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità).

Għal aċċettazzjoni:

[Post], [data].

[Firma (52)]

ANNESSI

Anness I –

Kundizzjonijiet ġenerali (inkluż Kwistjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess) għal esperti indipendenti

Anness II –

Kundizzjonijiet speċifiċi – Kodiċi ta’ mġiba għal [esperti indipendenti li jaġixxu bħala evalwaturi] [esperti indipendenti li jaġixxu bħala osservaturi]

Anness III –

Dispożizzjonijiet għal spejjeż ta’ rimbors (53) (mhux inklużi hawnhekk)

Anness IV –

Formola ta’ Identifikazzjoni Finanzjarja u formola ta’ Entitajiet Legali għall-individwi (mhux inklużi hawnhekk)

Anness V (V-I u V-II) –

Formoli ta’ rimbors ta’ spejjeż (mhux inklużi hawnhekk)

Anness VI –

Dispożizzjonijiet ta’ pagament għal evalwaturi li jaħdmu mill-bogħod (mhux obbligatorju)

ANNESS I

Kundizzjonijiet Ġenerali applikabbli għall-ħatra ta’ Esperti Indipendenti

Ambitu

Dawn il-kundizzjonijiet ġenerali japplikaw għal ittri ta’ ħatra għal esperti li jassistu s-servizzi tal-Kummissjoni f’kompiti marbuta mas-Seba’ Programm Kwadru [tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) (KE FP7)] (54) [tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għal attivitajiet ta’ riċerka u taħriġ nukleari (2007 sa 2011) (Euratom FP7)] (55).

Ċirkustanzi li fihom jista’ jeżisti kunflitt ta’ interess

Kunflitt ta’ interess li jwassal għal skwalifika jeżisti jekk espert:

Kien involut fit-tħejjija tal-proposta;

Jibbenefika direttament jekk il-proposta tiġi aċċettata;

Għandu relazzjoni familjari mill-qrib ma’ kwalunkwe persuna li tirrappreżenta organizzazzjoni applikanti fil-proposta;

Huwa direttur, fiduċjarju jew imsieħeb ta’ organizzazzjoni applikanti;

Huwa impjegat minn waħda mill-organizzazzjonijiet applikanti fi proposta (56);

Huwa membru ta’ wieħed mill-ħmistax-il Grupp Konsultattiv imwaqqaf mill-Kummissjoni biex jagħti pariri dwar il-preparazzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali tal-programmi speċifiċi tal-KE FP7 jew il-Euratom FP7;

Jinsab fi kwalunkwe sitwazzjoni oħra li tikkomprometti l-ħila tiegħu li jevalwa l-proposta b’mod imparzjali.

Jista’ jeżisti kunflitt ta’ interess potenzjali, anki fil-każijiet mhux koperti mill-kunflitti ċari li jwasslu għal skwalifika indikati hawn fuq, jekk espert:

Kien impjegat minn waħda mill-organizzazzjonijiet applikanti fi proposta fit-tliet snin preċedenti;

Huwa involut f’kuntratt jew kollaborazzjoni ta riċerka ma’ organizzazzjoni applikanti, jew kien hekk fit-tliet snin preċedenti;

Huwa fi kwalunkwe sitwazzjoni oħra li tista’ titfa’ dubju fuq il-ħila tiegħu li jevalwa l-proposta b’mod imparzjali, jew li b’mod raġonevoli jista’ jidher li jagħmel hekk fl-għajnejn ta’ parti terza esterna.

Deskrizzjoni tax-xogħol

Xogħol tal-espert indipendenti li jaġixxi bħala evalwatur

Ix-xogħol ta’ evalwazzjoni jinkludi l-formulazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-proposti ppreżentati lill-Kummissjoni. L-evalwatur għandu japplika skont l-aħjar ħiliet tiegħu, il-kapaċitajiet professjonali, l-għarfien u l-etika tiegħu, skont il-linji gwida u l-iskedi ta’ żmien previsti mill-Kummissjoni.

L-evalwatur għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni li tista’ tkun teħtieġ għall-ġestjoni tal-evalwazzjoni. Ix-xogħol tal-evalwazzjoni jeħtieġ li l-evalwatur jimla r-rapporti, jipprovdi kummenti dwar il-proposti, u jippreżentahom lill-Kummissjoni permezz tal-formoli pprovduti mill-Kummissjoni, kif xieraq. Barra minn hekk, l-evalwatur jista’ jkun mitlub biex jaġixxi bħala ‘rapporteur’, president, jew viċi-president għal diskussjonijiet jew laqgħat ta’ kunsens ta’ panils ta’ esperti.

Xogħol tal-espert indipendenti li jaġixxi bħala osservatur

Ir-rwol tal-espert indipendenti li jaġixxi bħala osservatur huwa li jagħti pariri indipendenti lill-Kummissjoni dwar l-imġiba u l-ġustizzja tal-fażijiet kollha tas-sessjonijiet ta’ evalwazzjoni, modi li bihom l-esperti li jaġixxu bħala evalwaturi japplikaw il-kriterji ta’ evalwazzjoni, u dwar il-modi li bihom il-proċeduri jistgħu jiġu mtejba. L-osservatur għandu japplika skont l-aħjar ħiliet tiegħu, il-kapaċitajiet professjonali l-għarfien u l-etika tiegħu, skont il-linji gwida u l-iskedi taż-żmien provduti mill-Kummissjoni.

L-osservatur għandu jeżamina l-ġestjoni u l-eżekuzzjoni tas-sessjonijiet ta’ evalwazzjoni. Bħala tali, l-osservatur jivverifika li l-proċeduri stabbiliti jew imsemmija fir-‘Regoli dwar il-preżentazzjoni tal-proposti’, u l-proċeduri ta’ evalwazzjoni, selezzjoni u allokazzjoni relatati (57), u jirrapporta lill-Kummissjoni dwar modi kif il-proċess ta’ evalwazzjoni jista’ jittejjeb. L-osservatur huwa mħeġġeġ biex jikkoopera mal-uffiċjali tal-Kummissjoni involuti fis-sessjonijiet ta’ evalwazzjoni u jagħmel osservazzjonijiet dwar kull titjib possibbli li jista’ jitqiegħed fil-prattika immedjatament. Madankollu, fil-qafas tax-xogħol tiegħu, l-osservatur m’għandux jesprimi opinjonijiet dwar il-proposti evalwati jew l-opinjonijiet tal-esperti dwar il-proposti.

Għal dan il-għan, l-osservatur huwa mistieden ukoll biex ikun preżenti mill-bidu tal-proċess ta’ evalwazzjoni, speċjalment meta l-esperti li jaġixxu bħala evalwaturi jingħataw informazzjoni mill-Kummissjoni. Meta parti minn evalwazzjoni sseħħ barra mis-sit tal-Kummissjoni (‘evalwazzjoni mill-bogħod’), hu jkun jista’ jevalwa dak l-istadju wara l-avveniment fuq il-bażi ta’ diskussjoni mal-esperti li jaġixxu bħala evalwaturi ladarba jkunu nġabru fis-sit ddedikat għall-evalwazzjoni.

L-osservatur għandu jirrapporta s-sejbiet tiegħu lill-Kummissjoni skont mudell ipprovdut mill-Kummissjoni.

Implimentazzjoni tax-xogħol

It-twettiq tax-xogħol huwa suġġett għad-disponibbiltà tal-esperti u suġġett għal-limiti massimi indikati fl-ittra ta’ ħatra.

Il-limiti massimi u kundizzjonijiet speċifiċi oħra indikati fl-ittra ta’ ħatra jistgħu jiġu mmodifikati permezz ta’ emendi bil-miktub.

Għal aktar informazzjoni dwar ix-xogħol, id-dokumenti marbuta mas-Seba’ Programmi Kwadru bħall-Gwida għall-Applikanti jew ir-Regoli dwar il-Preżentazzjoni tal-Proposti u għall-Proċeduri ta’ Evalwazzjoni, Selezzjoni u Allokazzjoni huma disponibbli fuq din il-websajt: (daħħal l-indirizz tal-websajt: http:/cordis.europa.eu/fp7/…).

Inabbiltà li jiġu mwettqa l-obbligi u t-terminazzjoni

Jekk, għal xi raġuni l-esperti ma jkunux jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom għal xi xogħol partikolari, il-Kummissjoni għandha tiġi infurmata dwar dan immedjatament.

L-espert ma jistax jiddelega persuna oħra biex twettaq ix-xogħol jew jiġi ssostitwit minn kwalunkwe persuna oħra mingħajr il-qbil bil-miktub minn qabel tal-Kummissjoni.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ prestazzjoni jew prestazzjoni fqira tax-xogħol u/jew ksur ta’ kwalunkwe obbligi sostanzjali, inklużi obbligi relatati mal-Kodiċi ta’ Mġiba u mad-Dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess, u d-Dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità, il-Kummissjoni tista’ fi kwalunkwe ħin tagħti struzzjonijiet lill-espert biex iwaqqaf ix-xogħol ta’ evalwazzjoni minnufih, mingħajr avviż formali. Barra minn hekk, it-terminazzjoni tal-ħatra għandha ssir effettiva fid-data li fiha, l-espert ikkonċernat jirċievi l-avviż formali mibgħut mill-Kummissjoni bil-posta reġistrata.

Bidu tax-xogħol

Il-Kummissjoni m’għandhiex tagħmel disponibbli għall-esperti ebda proposti jew materjal kunfidenzjali ieħor qabel ma tkun irċeviet il-kopja oriġinali ffirmata tal-ittra ta’ ħatra (58), inkluż id-Dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess u d-Dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità.

Pagamenti

L-esperti huma intitolati għal ħlas ta’ EUR 450 fl-għamla ta’ somma waħda għal kull ġurnata sħiħa tax-xogħol li jwettqu jassistu s-servizzi tal-Kummissjoni. Il-ħlas totali għandu jiġi kkalkolat sal-eqreb nofs ġurnata. Il-pagament isir f’Euros.

L-ammont globali m’għandux ikun ogħla mill-kontribuzzjoni massima possibbli għal din il-ħatra.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tirrifjuta li tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja f’każ ta’ nuqqas ta’ prestazzjoni jew prestazzjoni ħażina tax-xogħol u/jew ksur ta’ kwalunke obbligi sostanzjali, inkluż l-obbligu ta’ kunfidenzjalità u kwalunkwe obbligu deskritt fil-Kodiċi ta’ Mġiba, u fid-Dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tirrifjuta li tagħmel kontribuzzjoni għal kwalunkwe rapport jew riżultat ieħor meħtieġ mill-ittra ta’ ħatra li jiġi ppreżentat wara d-data speċifikata hawn fuq taħt il-Kundizzjonijiet speċifiċi.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tirkupra kwalunkwe ħlas li jkun sar u li teskludi minn xogħol ieħor kwalunkwe espert li jkun kiser l-obbligi li jirriżultaw mill-Kodiċi ta’ Mġiba u mid-Dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess, u d-Dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità. Biex jiksbu r-rimbors tal-ispejjeż u/jew il-ħlas għall-ġurnata/ġranet tax-xogħol, l-esperti jridu jibgħatu lill-Kummissjoni fl-indirizz speċifikat fl-ittra tal-ħatra, il-formoli mimlija u ffirmati kif dovut (Anness V) flimkien mad-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa kollha, fi żmien 30 jum mill-aħħar jum tal-laqgħa jew ta’ evalwazzjoni mill-bogħod għal kull sessjoni ta’ evalwazzjoni, skont liema tiġi l-aħħar.

Il-Kummissjoni għandha tħallas il-pagamenti korrispondenti fi żmien 45 jum mill-wasla tagħhom, sakemm il-limitu ta’ żmien ma jkunx ġie sospiż.

Jekk formola u/jew dokument ta’ sostenn meħtieġa u relatati ma’ talba għal rimbors/ħlas ma jkunux kompluti jew jekk tkun meħtieġa xi kjarifika jew informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tissospendi l-limitu ta’ żmien ta’ 45 jum għall-ħlas sakemm dan id-dokument(i) jiġi/u riċevuti. Is-sospensjoni għandha titneħħa mid-data meta d-dokumenti jew l-informazzjoni mitluba jaslu għand il-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-esperti bil-miktub dwar kwalunkwe sospensjoni tal-ħlas u l-kundizzjonijiet li għandhom jintlaħqu biex titneħħa s-sospensjoni. Is-sospensjoni għandu jkollha effett fid-data meta l-avviż jintbagħat mill-Kummissjoni.

Jekk talba għal rimbors/ħlas ma tkunx ġiet ipprovduta wara l-iskadenza ta’ 30 jum, il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tirrifjuta li tagħti rimbors/ħlas.

Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tagħtix rimbors/ħlas, l-esperti għandhom jiġu debitament infurmati suġġett għal 30 jum ta’ avviż bil-miktub ta’ nuqqas ta’ wasla ta’ talba għal rimbors/ħlas.

L-arranġamenti rigward il-ħlas u r-rimbors huma bejn l-esperti u l-Kummissjoni, anki jekk l-esperti jkunu impjegati minn organizzazzjoni. Għandu jkun f’idejn l-espert u min iħaddmu biex jasal għal kwalunkwe ftehim partikolari rigward id-destinazzjoni finali ta’ kwalunkwe ħlasijiet u r-rimbors; il-Kummissjoni m’għandhiex tindaħal f’dan il-ftehim.

L-espert għandu jintrabat li jirrispetta l-liġijiet nazzjonali applikabbli fir-rigward ta’ kwalunkwe ħlas jew rimbors riċevut mill-Kummissjoni u b’mod partikolari, fir-rigward tat-tassazzjoni, kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali u drittijiet tax-xogħol. Fuq talba minn kwalunkwe awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-Kummissjoni tista’ tinfurmahom dwar kwalunkwe ħlas magħmul għat-twettiq tax-xogħol.

Rimbors ta’ spejjeż ta’ vvjaġġar u sussistenza

Fi kwalunkwe xogħol li jinvolvi vjaġġar, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u sussistenza (59) biss għandhom jiġu rimborsati. L-ispejjeż tal-ivjaġġar jiġu rimborsati fuq il-bażi ta’ spejjeż attwali ta’ nfiq u sussistenza b’rata fissa per diem (60).

Ħlief fil-każ ta’ ‘force majeure’ (61), ir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivjaġġar u sussistenza għandhom ikunu strettament limitati għal vjaġġ wieħed ta’ ritorn mill-punt ta’ oriġini għal kull laqgħa u għad-dati miftiehma fl-ittra ta’ ħatra.

Ipproċessar tad-dejta personali

Id-dejta personali kollha li tinsab fl-ittra ta’ ħatra għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (62). Dik id-dejta għandha tiġi pproċessata mill-Kontrollur(i) (imsemmija fl-ittra ta’ ħatra) biss b’rabta mal-implimentazzjoni u s-segwitu tal-ittra ta’ ħatra, bla ħsara għal trasmissjoni possibbli lill-korpi responsabbli għall-kompitu ta’ monitoraġġ jew spezzjoni skont il-liġi tal-[Komunità Ewropea u l-Unjoni Ewropea] [Euratom u l-Unjoni Ewropea] u din l-ittra ta’ ħatra.

L-esperti jistgħu, b’talba bil-miktub, jiksbu aċċess għad-dejta personali tagħhom u jikkoreġu kwalunkwe informazzjoni li mhix preċiża jew mhix kompluta. Dawn għandhom jindirizzaw kwalunkwe mistoqsijiet rigward l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom lill-Kontrollur, permezz tal-persuna ta’ kuntatt indikata fl-ittra ta’ ħatra. L-esperti jistgħu jressqu ilment kontra l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta fi kwalunkwe ħin.

Kundizzjonijiet oħra

Kwalunkwe riżultati miksuba mill-espert indipendenti fil-prestazzjoni tax-xogħol għandhom ikunu proprjetà tal-[Unjoni Ewropea] [Euratom], ħlief meta jkunu jeżistu diġà drittijiet industrijali jew tal-proprjetà intellettwali.

Il-Kummissjoni m’għandha taħt l-ebda ċirkostanza jew għall-ebda raġuni tkun responsabbli għall-ħsara mġarrba mill-esperti waqt li jwettqu x-xogħol.

Ħlief fil-każ ta’ ‘force majeure’, l-esperti jistgħu jkunu meħtieġa jindennizzaw lill-Kummissjoni għal kwalunkwe dannu li tista’ ġġarrab fil-prestazzjoni, fqira jew le, tax-xogħol.

Id-dispożizzjonijiet tal-ittra ta’ ħatra, tal-kundizzjonijiet ġenerali attwali, inkluż il-Kodiċi ta’ Mġiba u d-Dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess, u d-Dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità ma jikkostitwixxux ftehim ta’ impjieg u l-Kummissjoni mhix obbligata li tipprovdi lill-esperti xi kumpens jew kopertura f’każ ta’ korriment jew mard.

ANNESS II

Kundizzjonijiet speċifiċi – Kodiċi ta’ Mġiba għal Esperti Indipendenti li jaġixxu bħala Osservaturi

1.

Il-kompitu tal-espert huwa li josserva l-proċess ta’ evalwazzjoni b’mod kunfidenzjali, ġust u ekwu, skont il-proċeduri deskritti fir-‘Regoli dwar il-preżentazzjoni tal-proposti, u għall-proċeduri relatati ta’ evalwazzjoni, selezzjoni u allokazzjoni’ u fi kwalunkwe dokument ta’ evalwazzjoni speċifiku għal programm. Għandu juża l-aħjar sforzi tiegħu biex jikseb dan, isegwi kwalunkwe struzzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni għal dan il-għan u jagħti xogħol kostanti u ta’ kwalità għolja.

2.

L-espert jaħdem bħala persuna indipendenti. HuwaJitqies li jaħdem fil-kapaċità personali tiegħu u, waqt li jwettaq ix-xogħol, ma jirrappreżenta l-ebda organizzazzjoni.

3.

L-espert għandu jiffirma Dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess u Dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità qabel ma jibda x-xogħol, li permezz tagħha jaċċetta l-Kodiċi ta’ Mġiba attwali. L-esperti mistiedna li ma jiffirmawx id-dikjarazzjoni m’għandhomx jiġu awtorizzati li jaħdmu bħala espert.

4.

Meta jagħmel dan, l-espert jorbot lilu nnifsu li jżomm kunfidenzjalità u imparzjalità stretta rigward il-kompiti tiegħu.

5.

Jekk espert ikollu kunflitti ta’ interess, għandu jiddikjara dawn il-fatti lill-uffiċjal tal-Kummissjoni responsabbli malli jsir konxju ta’ dan, u jispeċifika n-natura tal-kunflitt. Il-Kummissjoni tiżgura li, meta n-natura ta’ kwalunkwe konnessjoni tkun tali li tista’ thedded l-imparzjalità tal-espert, hu ma jipparteċipax bħala osservatur.

6.

L-esperti ma jistgħux jiddiskutu ebda proposta ma’ oħrajn, inklużi esperti jew uffiċjali tal-Kummissjoni oħra mhux involuti direttament fil-proċess ta’ evalwazzjoni.

7.

L-esperti ma jistgħux jikkomunikaw mal-applikanti. Il-parir tal-esperti lill-Kummissjoni ma jistax jiġi kkomunikat minnhom lill-applikanti jew lil kwalunkwe persuna oħra.

8.

L-esperti mhumiex awtorizzati jiżvelaw l-ebda dettall dwar il-proċeduri ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni (inkluż ismijiet ta’ esperti oħra li jipparteċipaw fl-evalwazzjoni) u r-riżultati tagħhom jew dwar kwalunkwe proposta preżentata għall-evalwazzjoni mingħajr approvazzjoni espressa bil-miktub tal-Kummissjoni.

9.

Meta l-evalwazzjoni ssir fl-uffiċċju jew sit ikkontrollat mill-Kummissjoni, l-esperti mhumiex awtorizzati li jieħdu barra mis-sit tal-evalwazzjoni kwalunkwe partijiet mill-proposti, kopji jew noti, kemm fuq il-karta jew f’forma elettronika, relatati mal-evalwazzjoni tal-proposti mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

10.

L-esperti huma meħtieġa li l-ħin kollu jikkonformaw strettament ma’ kwalunkwe regoli definiti mill-Kummissjoni biex jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-proċedura ta’ evalwazzjoni u r-riżultati tagħha. Nuqqas ta’ konformità ma’ dawn ir-regoli jista’ jirriżulta fl-esklużjoni minn proċeduri ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni immedjati u futuri, bla ħsara għall-pieni li jistgħu jirriżultaw minn Regolamenti applikabbli oħra.

Anness III Kundizzjonijiet speċifiċi – Kodiċi ta’ Mġiba għal Esperti Indipendenti li jaġixxu bħala Evalwaturi

1.

Il-kompitu tal-espert huwa li jipparteċipa f’evalwazzjoni kunfidenzjali, ġusta u ekwa ta’ kull proposta skont il-proċeduri deskritti f’din il-gwida u fi kwalunkwe dokument ta’ evalwazzjoni speċifiku għal programm. Għandu juża l-aħjar sforzi tiegħu biex jikseb dan, isegwi kwalunkwe struzzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni għal dan il-għan u jagħti xogħol kostanti u ta’ kwalità għolja.

2.

L-espert jaħdem bħala persuna indipendenti. HuwaJitqies li jaħdem fil-kapaċità personali tiegħu u, waqt li jwettaq ix-xogħol, ma jirrappreżenta l-ebda organizzazzjoni.

3.

L-espert għandu jiffirma Dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess u Dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità qabel ma jibda x-xogħol, li permezz tagħha jaċċetta l-Kodiċi ta’ Mġiba attwali. L-esperti mistiedna li ma jiffirmawx id-dikjarazzjoni m’għandhomx jiġu awtorizzati li jaħdmu bħala espert.

4.

Meta jagħmel dan, l-espert jorbot lilu nnifsu li jżomm kunfidenzjalità u imparzjalità stretta rigward il-kompiti tiegħu.

5.

Jekk espert ikollu kunflitt ta’ interess rigward proposta, għandu jiddikjara dawn il-fatti lill-uffiċjal tal-Kummissjoni responsabbli, u jispeċifika n-natura tal-kunflitt, malli jsir konxju ta’ dan.

6.

Barra minn hekk, l-espert jiffirma dikjarazzjoni fil-qiegħ tar-rapport ta’ evalwazzjoni individwali għal kull proposta li jkun eżamina għall-Kummissjoni li jinnotifika li ma jeżistu ebda kunflitti ta’ interess għal dik il-proposta partikolari. Il-Kummissjoni tiżgura li, fejn in-natura ta’ kwalunkwe konnessjoni tkun tali li tista’ thedded l-imparzjalità tal-espert, hu ma jipparteċipax fl-evalwazzjoni ta’ dik il-proposta, u, jekk meħtieġ, ta’ proposti li jikkompetu magħha.

7.

L-esperti ma jistgħu jiddiskutu l-ebda proposta ma’ oħrajn, inklużi esperti jew uffiċjali tal-Kummissjoni oħra li mhumiex involuti direttament fl-evalwazzjoni tal-proposta, ħlief matul id-diskussjoni formali fil-laqgħat moderati minn jew bl-għarfien u l-qbil tal-uffiċjal tal-Kummissjoni responsabbli.

8.

L-esperti ma jistgħux jikkomunikaw mal-applikanti, ħlief fil-każ ta’ seduti tal-panil bejn l-esperti u l-applikanti organizzati mill-Kummissjoni bħala parti mill-proċedura ta’ evalwazzjoni. L-ebda proposta ma tista’ tiġi emendata matul is-sessjoni ta’ evalwazzjoni. Il-parir tal-esperti lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe proposta ma jistax jiġi kkomunikat minnhom lill-applikanti jew lil kwalunkwe persuna oħra.

9.

L-esperti mhumiex awtorizzati jiżvelaw l-ismijiet ta’ esperti oħra li jipparteċipaw fl-evalwazzjoni.

10.

Meta jkun ġie deċiż li l-proposti għandhom jiġu mpustati jew magħmula disponibbli elettronikament għall-esperti, li mbagħad jaħdmu mill-post tagħhom jew minn postijiet xierqa oħra, l-espert għandu jinżamm personalment responsabbli biex iżomm il-kunfidenzjalità ta’ kwalunkwe dokumenti jew fajls elettroniċi mibgħuta u biex jirritorna, jħassar jew jeqred id-dokumenti jew fajls kunfidenzjali kollha malli titlesta l-evalwazzjoni kif struwit. F’dawn il-każijiet, l-esperti jistgħu jfittxu informazzjoni ulterjuri (pereżempju permezz tal-Internet, dejtabejżis speċjalizzati, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jlestu l-eżaminazzjoni tagħhom tal-proposti, sakemm il-kisba ta’ din l-informazzjoni tirrispetta r-regoli ġenerali tal-kunfidenzjalità u l-imparzjalità. L-esperti ma jistgħux juru l-kontenut tal-proposti jew informazzjoni dwar applikanti lill-partijiet terzi (eż. kollegi, studenti, eċċ.) mingħajr l-approvazzjoni espressa bil-miktub tal-Kummissjoni. Huwa strettament projbit li l-esperti jikkuntattjaw lill-applikanti.

11.

Meta l-evalwazzjoni ssir f’uffiċċju jew sit ikkontrollat mill-Kummissjoni, l-esperti mhumiex awtorizzati li joħorġu barra mis-sit ta’ evalwazzjoni kwalunkwe partijiet ta’ proposti, kopji jew noti, kemm fuq karta jew f’għamla elettronika, dwar l-evalwazzjoni tal-proposti. L-esperti jistgħu jingħataw il-possibbiltà li jitolbu aktar informazzjoni (pereżempju permezz tal-Internet, dejtabejżis speċjalizzati, eċċ)) biex ikunu jistgħu jlestu l-eżaminazzjoni tagħhom tal-proposti, iżda dawn ma jistgħux jikkuntattjaw lil partijiet terzi mingħajr il-kunsens espress tal-persunal tal-Kummissjoni li jissorvelja l-evalwazzjoni.

12.

L-esperti huma meħtieġa li l-ħin kollu jikkonformaw strettament ma’ kwalunkwe regoli definiti mill-Kummissjoni biex jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-proċedura ta’ evalwazzjoni u r-riżultati tagħha. Nuqqas ta’ konformità ma’ dawn ir-regoli jista’ jirriżulta fl-esklużjoni mill-proċeduri ta’ evalwazzjoni immedjati u futuri, bla ħsara għal penali li jistgħu jirriżultaw minn Regolamenti applikabbli oħra.

ANNESS VI

Dispożizzjonijiet ta’ ħlas għal evalwaturi li jaħdmu mill-bogħod

SEJĦA [FP7-XXXX-YYY]

Dan l-anness jiddetermina n-numru ta’ ġranet li għandhom jiġu kkunsidrati għall-kalkolu tal-onorarju li ser jitħallas mill-Kummissjoni (63) għal xogħol fuq kompiti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-bogħod (eż. fid-dar jew fil-post tax-xogħol). L-għadd rilevanti ta’ ġranet huwa dak indikat f’dan l-anness, irrispettivament min-numru attwali ta’ ġranet li fihom issir l-evalwazzjoni (64).

Se tkun qiegħed tevalwa dan/dawn it-tip(i) ta’ proposti:

[Skema ta’ finanzjament A], [Skema ta’ finanzjament B], [eċċ]

Int se tkun involut f’evalwazzjonijiet individwali [u] [possibilment] [kunsens mill-bogħod], [u kompiti ta’ ‘rapporteur’.]

L-għadd rilevanti ta’ ġranet li għandhom jitqiesu għall-kalkolu tal-onorarju se jiġi ddeterminat kif ġej:

Nofs ta’ nhar, b’rikonoxximent tal-ħin meħtieġ biex jinqraw u jiġu assimilati d-dokumenti ta’ informazzjoni.

Għadd ta’ ġranet relatati mal-għadd ta’ proposti li għalihom tista’ timla evalwazzjoni individwali (Ara t-tabella hawn taħt).

Nota: Il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu ssodisfati għal kull proposta jekk din tkun se tgħodd għall-kalkolu tal-onorarju għal evalwazzjoni individwali:

Il-proposta ġiet allokata lilek mill-Moderatur [tal-Panil] tal-Kummissjoni;

Inti evalwajt il-proposta mill-bogħod;

Inti ippreżentajt formola ta’ evalwazzjoni individwali qabel il-bidu tal-laqgħa/panil ta’ kunsens relatat jew fl-iskeda ta’ żmien meħtieġ kif indikat mill-Koordinatur tal-[Panil][Sejħa], [uffiċjal ieħor nominat tal-Kummissjoni].

[Numru addizzjonali ta’ ġranet marbuta mal-għadd ta’ proposti li għalihom għamilt kunsens mill-bogħod sħiħ (kif ukoll evalwazzjoni individwali), jekk ikun hemm (Ara t-tabella hawn taħt).]

Nota: Il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu ssodisfati għal kunsens sħiħ mill-bogħod biex dan ikun jgħodd għall-kalkolu tal-onorarju:

Il-proposta ġiet allokata lilek mill-Moderatur [tal-Panil] tal-Kummissjoni;

Il-Moderatur [tal-Panil] tal-Kummissjoni speċifikament talab il-parteċipazzjoni tiegħek f’kunsens mill-bogħod;

Inti bgħatt kummenti bil-miktub, punteġġi u opinjonijiet relatati mal-abbozz tar-rapport ta’ kunsens;

Inti pparteċipajt f’diskussjoni mill-bogħod relatata mal-proposta u l-abbozz tar-rapport ta’ kunsens immoderat mill-Moderatur [tal-Panil] tal-Kummissjoni fl-iskeda ta’ żmien meħtieġa mill-Moderatur [tal-Panil] tal-Kummissjoni;

Ir-rapport ta’ kunsens ġie ppreżentat fl-iskeda ta’ żmien meħtieġa].

[Nofs ta’ nhar addizzjonali għal kull żewġ proposti fejn inti aġixxejt bħala ‘rapporteur’ waqt kunsens mill-bogħod (jekk ikun hemm) (Ara t-tabella hawn taħt).]

Nota: Il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu ssodisfati għal kull proposta sabiex din tkun tgħodd għall-kalkolu tal-onorarju għal kompiti ta’ ‘rapporteur’:

Il-proposta ġiet allokata lilek mill-Moderatur [tal-Panil] tal-Kummissjoni;

Il-Moderatur [tal-Panil] tal-Kummissjoni speċifikament talab l-abbozzar mill-bogħod tar-rapport ta’ kunsens;

Rapport ta’ kunsens ġie abbozzat mir-‘rapporteur’ fuq bażi tal-kummenti, punteġġi u opinjonijiet kollha tal-evalwaturi individwali kollha relatati mal-proposta u ġie magħmul disponibbli għall-evalwaturi rilevanti l-oħra għal approvazzjoni ffirmata fl-iskeda ta’ żmien indikata mill-Koordinatur tal-[Panil] [Sejħa], [uffiċjal ieħor nominat tal-Kummissjoni];

Ir-rapport ta’ kunsens ġie ppreżentat fl-iskeda ta’ żmien meħtieġ.

It-tabella ta’ hawn taħt turi l-għadd ta’ ġranet applikabbli.

(It-tqassim u l-istruzzjonijiet tat-tabella jistgħu jiġu adattati jekk meħtieġ, biex jagħtu preżentazzjoni li hija sempliċi kemm jista’ jkun, skont iċ-ċirkostanzi ta’ sejħa. Ir-rati mogħtija fit-tabella għandhom ikunu konformi ma’ dawk stabbiliti fl-istandards rilevanti ta’ kontroll intern)

Biex issib in-numru ta’ ġranet applikabbli:

(1)

Fittex in-numru ta’ ġranet li jikkorrispondi għall-proposti fejn inti wettaqt evalwazzjoni individwali.

(2)

[Ma’ dan żid, bl-istess rati bħal hawn fuq, in-numru ta’ ġranet li jikkorrispondi għall-proposti fejn inti wettaqt kunsens mill-bogħod sħiħ.]

(3)

[Irrepeti l-passi msemmija hawn fuq għal kull tip ta’ proposta, filwaqt li tgħodd in-numru ta’ ġranet rilevanti.]

(4)

[Ma’ dan in-numru żid, in-numru ta’ ġranet dovuti għall-kompiti tiegħek ta’ ‘rapporteur’, jekk hemm, kif indikat fl-aħħar ringiela tat-tabella.]

(5)

Żid nofs ta’ nhar ieħor, fir-rigward tal-ħin tal-għoti ta’ informazzjoni.

(Hawnhekk inkludi eżempju maħduma, ibbażat fuq it-tabella attwali ppreparata għal din is-sejħa)

Ġranet li jgħoddu għall- onorarju

½

1

2

3

4 eċċ

[Skema ta’ Finanzjament A: numru ta’ proposti

1

2

3

4

5

6

7

8

[Skema ta’ Finanzjament B: numru ta’ proposti]

1-3

4-6

7-9

10-12

13-15

16-18

19-21

22-24

Proposti tar- ‘rapporteur’ (kwalunkwe skema ta’ finanzjament)

1-2

3-4

5-6

7-8

9-10

11-12

13-14

15-16

Importanti: Talbiet għal rimbors ibbażati fuq dan l-anness għandhom jintbagħtu f’formola waħda għar-rimbors.

ANNESS G

EVALWAZZJONI TA' PROPOSTI PREŻENTATI GĦALL-PROGRAMM SPEĊIFIKU ‘NIES’

Introduzzjoni

Proposti preżentati lill-Programm Speċifiku ‘Nies’, b’mod ġenerali, se jiġu evalwati wara l-proċess ta' evalwazzjoni deskritt f’parti oħra ta' f’dan id-dokument. Madankollu, minħabba l-varjetà wiesgħa u l-ispeċifiċità tal-azzjonijiet fi ħdan dan il-programm, u minħabba n-numru kbir ta' proposti antiċipati għal xi attivitajiet, xi dettalji tal-proċedura ta' evalwazzjoni għandhom ivarjaw minn dawk deskritti f’partijiet oħra ta' dan id-dokument.

Id-differenzi prinċipali fl-evalwazzjoni tal-proposta u l-proċess ta' selezzjoni huma mqassra hawn taħt.

Regoli u Proċeduri Speċifiċi

1.   Evalwazzjoni f’żewġ stadji: Proċedura biex jgħaddu l-proposti mill-ewwel stadju għat-tieni stadju

(a)   Preżentazzjoni f’żewġ stadji b’evalwazzjoni f’żewġ stadji

Fil-preżentazzjonijiet f’żewġ stadji l-għadd ta' proposti li jgħaddu għat-tieni stadju għandhom jiġu ddeterminati fuq il-bażi tal-għadd ta' proposti li jissodisfaw il-limiti għall-kriterji stabbiliti fl-ewwel stadju. Barra minn hekk, għal dawk il-proposti li jissodisfaw il-limiti, fattur, li għandu jiġi stabbilit fil-programm tax-xogħol, għandu jiġi applikat bħala numru multiplu tan-numru ta' proposti li jistgħu jiġu ffinanzjati għal sejħa partikolari (fuq bażi tal-ispiża medja ta' proposta mis-sejħa preċedenti għall-attività partikolari). Dan il-fattur jistabbilixxi n-numru ta' preżentazzjonijiet li jgħaddu għat-tieni fażi, u l-livell ta' cut-off korrispondenti tal-baġit. Proposti b’punteġġ li jissodisfaw il-limiti u bil-punteġġ ogħla minn dan il-livell tal-cut-off għandhom jgħaddu għat-tieni stadju ta' evalwazzjoni fejn sett sħiħ ta' kriterji ta' evalwazzjoni għandhom jiġu applikati għall-preżentazzjoni fit-tieni stadju. (Il-proposti kollha b’punteġġi identiċi fil-livell tal-cut-off ta' hawn fuq għandhom jgħaddu għat-tieni stadju ta' evalwazzjoni). Dawk il-proposti li ma jissodisfawx il-limiti jew li ma jilħqux il-cut-off deskritt hawn fuq għandhom jiġu miċħuda. Limiti u piżijiet li għandhom jiġu applikati fl-ewwel u t-tieni stadji ta' evalwazzjoni, il-kriterji li għandhom jiġu applikati f’kull stadju, u n-numru multiplu, għandhom jiġu ppubblikati fil-programm tax-xogħol.

(b)   Preżentazzjoni bi stadju wieħed b’evalwazzjoni f’żewġ stadji

Fi preżentazzjoni bi stadju wieħed b’evalwazzjoni f’żewġ stadji, il-proposti għandhom jiġu evalwati fl-ewwel stadju skont numru limitat ta' kriterji. L-għadd ta' proposti li jgħaddu għat-tieni stadju tal-evalwazzjoni għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-għadd ta' proposti li jissodisfaw il-limiti. Barra minn hekk, għal dawk il-proposti li jissodisfaw il-limiti, fattur, li għandu jiġi stabbilit fil-programm tax-xogħol, għandu jiġi applikat bħala multiplu tan-numru ta' proposti li jistgħu jiġu ffinanzjati għas-sejħa partikolari (fuq bażi tal-ispiża medja ta' proposta mis-sejħa preċedenti għall-attività partikolari). Dan il-fattur jistabbilixxi n-numru ta' preżentazzjonijiet li jgħaddu għat-tieni stadju u l-livell korrispondenti ta' cut-off tal-baġit. Proposti b’punteġġ li jgħaddi l-limiti u barra minn hekk b’punteġġ li jkun ogħla minn dan il-livell ta' cut-off għandhom jgħaddu għat-tieni stadju ta' evalwazzjoni fejn is-sett sħiħ ta' kriterji ta' evalwazzjoni għandu jiġi evalwati. (Il-proposti kollha b’punteġġi identiċi fil-livell tal-cut-off għandhom jgħaddu għat-tieni stadju tal-evalwazzjoni). Dawk il-proposti li ma jissodisfawx il-limiti jew li ma jilħqux il-cut-off deskritt hawn fuq għandhom jiġu miċħuda. Limiti u piżijiet li għandhom jiġu applikati fl-ewwel u t-tieni stadji tal-evalwazzjoni, il-kriterji li għandhom jiġu applikati f’kull stadju, u l-multiplu, għandhom jiġu ppubblikati fil-programm tax-xogħol.

2.   Kriterji ta' eliġibbiltà

Minbarra l-kriterji ta' eliġibbiltà deskritti fis-sezzjoni 2.5, l-azzjonijiet Marie Curie għandhom sett ta' kriterji ta' eliġibbiltà li huma definiti fil-programm tax-xogħol.

Fil-każ ta' preżentazzjoni bi stadju wieħed b’evalwazzjoni f’żewġ stadji, proposta għandha titqies ineliġibbli jekk ma tkunx tikkonsisti f’Parti A, Parti B1 u Parti B2, fejn il-partijiet B1 u B2 għandhom ikunu differenti.

3.   Proċedura għat-trasferiment tal-proposti bejn is-sejħiet

Għal fellowships Marie Curie individwali, jekk proposta tkun ineliġibbli f’sejħa iżda tkun eliġibbli f’sejħa miftuħa oħra (i.e. il-preżentazzjoni tal-proposta fis-sejħa oriġinali tkun saret qabel l-iskadenza tas-sejħa l-ġdida), il-proposta mbagħad għandha tiġi trasferita għal dik is-sejħa. Il-proċedura ta' trasferiment hija din li ġejja:

Iddikjara l-proposta ineliġibbli fis-sejħa oriġinali;

Ikseb numru ta' proposta ġdida mill-ESP (il-Fornitur tas-Servizz ta' Evalwazzjoni) fis-sejħa l-ġdida;

Informa lill-applikant dwar it-trasferiment.

4.   Punteġġi, Piżijiet u Limiti

Il-punteġġi mogħtija mill-evalwaturi normalment għandhom jingħataw fuq medda ta' 0 sa 5 kif indikat fit-taqsima 3.6. Minħabba l-għadd kbir ta' proposti preżentati għal xi attivitajiet, il-punteġġi jistgħu jingħataw b' riżoluzzjoni ta' post deċimali wieħed. Wara evalwazzjoni individwali, l-evalwaturi jistgħu jaraw il-punteġġi u l-kummenti ta' evalwaturi rilevanti oħra. L-evalwaturi jistgħu jirrevedu l-punteġġi tagħhom filwaqt li jqisu l-fehmiet ta' evalwaturi oħrajn fuq livell tar-rapport ta' kunsens. Il-Kummissjoni tirreġistra l-abbozz tal-punteġġi u kummenti kif ukoll l-evoluzzjoni tagħhom.

5.   Kriterji ta' evalwazzjoni.

Il-kriterji ta' evalwazzjoni għandhom jiġu ddefiniti fil-programm ta' ħidma.

6.   Kummenti mill-evalwaturi

Għandhom jiġu pprovduti kummenti mill-evalwaturi għal kull blokk ta' kriterji.

7.   Approvazzjoni ta' rapporti ta' valutazzjonijiet individwali u rapporti ta' kunsens

L-evalwaturi jistgħu japprovaw ir-rapporti ta' valutazzjoni individwali u r-rapporti ta' kunsens tagħhom elettronikament.

8.   Rwol tal-Presidenti u l-viċi-presidenti

Sabiex tgħin fil-ġestjoni tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tista’ taħtar esperti indipendenti bħala Presidenti u viċi-presidenti. Ir-rwol tal-presidenti jikkonsisti f’li jgħinu lill-koordinatur tal-panil biex imexxi l-evalwazzjoni bl-aktar mod effiċjenti. Ir-rwol tal-viċi president jikkonsisti f’li jgħin lill-koordinatur tal-panil u lill-president biex imexxu l-evalwazzjoni bl-aktar mod effiċjenti.

Il-presidenti u l-viċi-presidenti ġeneralment iwettqu r-rwol ta' moderatur waqt diskussjonijiet ta' kunsens, kif deskritt taħt it-taqsima 3.8(c) ta' dawn ir-regoli.

9.   Kunflitt ta' interess tal-evalwaturi

Minbarra l-kunflitti ta' interess imsemmija fl-Anness F (mehmuż mal-ittra ta' ħatra), għandu jiġi kkunsidrat il-kunflitt ta' interess li jwassal għal skwalifika li ġej:

L-espert qed jaġixxi bħala arbitru tal-applikant.

10.   Proċedura ta' Kunsens mill-Bogħod

Il-punteġġi ta' kunsens jistgħu jiġu dderivati, fejn xieraq, billi tittieħed medja tal-punteġġi tal-evalwaturi u dan il-proċess jista’ jiġi applikat b’mod wiesa’ fejn tintuża l-evalwazzjoni mill-bogħod. Ir-rapporti ta' kunsens jistgħu jiġu ppreparati minn ‘rapporteur’, billi jiġu kkunsidrati l-fehmiet tal-evalwaturi mill-bogħod u jiġu approvati, possibilment elettronikament, minn mill-inqas żewġ evalwaturi esperti.


(1)  Ġeneralment, it-termini ‘Kummissjoni’ jew ‘Kummissjoni Ewropea’ f’dan id-dokument jirreferu għall-istituzzjoni fit-totalità tagħha. Meta jkun ovvju mill-kuntest, it-termini jirreferu għad-dipartimenti tal-Kummissjoni responsabbli għall-programmi ta’ riċerka. Dan jista’ jitqies li jirreferi wkoll għall-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka, għal dawk l-oqsma fejn il-Kummissjoni tkun iddelegat ċerti kompiti operattivi.

(2)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 60.

(4)  ĠU L 391, 30.12.2006, p. 1, l-Artikolu 16(3), u ĠU L 400, 30.12.2006, p. 1, l-Artikolu 15(3).

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, ĠU L 308, 8.12.2000, p. 26.

(7)  Il-Kummissjoni m’għandhiex toħroġ sejħiet għal proposti għal azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u sostenn li jikkonsistu f’xiri ta’ oġġetti jew servizzi suġġetti għar-regoli dwar l-akkwist pubbliku stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju.

(8)  Fuq bażi tal-kriterji stabbiliti fir-regoli għall-parteċipazzjoni (S/T eċċellenza; rilevanza; impatt; implimentazzjoni)

(9)  F’dan il-kuntest, it-terminu ‘kunfidenzjalità’ m’għandux jitqies bħala li jfisser il-klassifikazzjoni tas-sigurtà ‘UE KUNFIDENZJALI’. Il-proċeduri relatati ma’ dokumenti ‘UE KUNFIDENZJALI’ japplikaw biss għal informazzjoni u materjal li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jkun ta’ ħsara għall-interessi essenzjali tal-UE ta’ wieħed mill-Istati Membri tagħha (dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà (Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta’ Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1))).

(10)  L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni KE FP7, l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni Euratom FP7, l-Artikolu 15(2) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni tal-KE, u l-Artikolu 14(2) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni ekwivalenti tal-Euratom.

(11)  L-Artikolu 15(2) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni tal-KE u l-Artikolu 16(2) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni ekwivalenti tal-Euratom.

(12)  Bl-eċċezzjoni possibbli msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni tal-KE u, l-Artikolu 13 tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni ekwivalenti għal:

(a)

azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u sostenn li għandhom jitwettqu minn entitajiet legali identifikati fil-Programmi Speċifiċi jew fil-programmi ta’ ħidma meta l-Programm Speċifiku jippermetti lill-programmi ta’ ħidma jidentifikaw benefiċjarji, skont ir-Regoli ta’ Implimentazzjoni;

(b)

azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u sostenn li jikkonsistu f’xiti ta’ oġġetti jew servizzi suġġetti għar-regoli dwar l-akkwist pubbliku stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju;

(c)

azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u sostenn relatati mal-ħatra ta’ esperti indipendenti;

(d)

azzjonijiet oħra, fejn ikun stabbilit hekk mir-Regolament Finanzjarju jew ir-Regoli tal-Implimentazzjoni

(13)  L-Artikolu 16(2) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni tal-KE u, l-Artikolu 15(2) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni ekwivalenti tal-Euratom: Proċedura ta’ preżentazzjoni u evalwazzjoni f’żewġ stadji tista’ tkun alternattiva utli meta sejħa tkun prevista li tiġbed għadd kbir b’mod sproporzjonat ta’ proposti relatati mal-baġit disponibbli. Din is-sottokrizzjoni żejda tista’ tkun assoċjata ma’ sejħiet ta’ natura ‘bottom up’, fejn il-programm ta’ ħidma jagħti lill-applikanti libertà konsiderevoli biex jagħżlu t-temi huma stess.

(14)  Jista’ jkun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali fejn il-proposti jistgħu jiġu ppreżentati fuq karta. Din il-possibbiltà tkun speċifikata fit-test tas-sejħa u fil-gwida għall-applikanti. Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni fuq karta huma deskritti fl-Anness E.

(15)  Dawn il-kriterji jistgħu jkunu kumplimentati permezz ta’ kriterji addizzjonali ta’ eliġibbiltà pprovduti fid-deċiżjoni tal-Programm Speċifiku u/jew il-programm ta’ ħidma.

(16)  Espert indipendenti huwa espert li jaħdem fil-kapaċità personali u meta jwettaq xogħlu, ma jirrappreżenta l-ebda organizzazzjoni.

(17)  Persunal minn aġenziji tal-UE rilevanti u speċjalizzati huma kkunsidrati bħala esperti esterni sabiex jissodisfaw l-ammont minimu.

(18)  L-Artikolu 17(1) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni tal-KE, u l-Artikolu 16(1) tar-Regoli ekwivalenti għall-Parteċipazzjoni tal-Euratom.

(19)  Skont l-Artikolu 27 tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni tal-KE, u l-Artikolu 26 tar-Regoli ekwivalenti għall-Parteċipazzjoni tal-Euratom, din id-dejtabejż se tintuża wkoll għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ programmi u azzjonijiet indiretti.

(20)  L-Unjoni Ewropea ssegwi politika ta’ opportunitajiet indaqs u timmira b’mod partikolari biex tikseb fit-terminu medju mill-inqas 40 % tal-membri ta’ kull sess f’kull grupp ta’ esperti u kumitat (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2000/407/KE tad-19 ta’ Ġunju 2000 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fil-kumitati u l-gruppi tal-esperti stabbiliti minnha).

(21)  Fil-każ ta’ sejħiet relatati ma’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni speċifiċi u internazzjonali (SICA), għadd sinifikanti ta’ esperti li huma ċittadini tal-pajjiżi msieħba ta’ kooperazzjoni internazzjoni se jiġu inklużi.

(22)  Ġeneralment, il-Kummissjoni se tiżgura li mill-inqas kwart mill-esperti użati minn qasam ta’ attività/riċerka se jiġu sostitwiti kull sena kalendarja.

(23)  L-Artikolu 17(2) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni tal-KE, u l-Artikolu 16(2) tar-Regoli ekwivalenti għall-Parteċipazzjoni tal-Euratom.

(24)  L-Artikolu 17(3) u 4 tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni tal-KE, u l-Artikolu 16(3) u (4) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni ekwivalenti tal-Euratom.

(25)  L-istadji mill-proċess ta’ evalwazzjon huma deskritti fit-taqsima 3.8.

(26)  Fejn ikun meħtieġ, linji gwida jistgħu jiġu stabbiliti fl-istandards ta’ kontroll intern tad-DĠ jew tal-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka.

(27)  Ċerti sottokriterji se jintużaw biex jevalwaw il-kapaċità operattiva tal-applikanti.

(28)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(29)  Minħabba n-natura speċjali tagħhom, il-proċeduri li japplikaw għall-Programm Speċifiku ‘Nies’ huma kemmxejn differenti minn dawk deskritti f’din it-taqsima (ara l-Anness G).

(30)  l-Artikolu 33(1) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni tal-KE.

(31)  Sabiex tiżgura konformità mal-proċedura deskritta fit-taqsima 5.3, il-Gwida għandha teħtieġ li l-applikanti jinfurmaw lill-Kummissjoni jekk ma jkunux ġew ikkuntattjati sa din id-data.

(32)  L-Artikolu 15(3) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni tal-KE, u l-Artikolu 14(3) tar-Regoli ekwivalenti għall-Parteċipazzjoni tal-Euratom.

(33)  Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni tal-KE, u l-Artikolu 15(4) tar-Regoli ekwivalenti għall-Parteċipazzjoni tal-Euratom, u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar regoli biex tiżgura verifika konsistenti tal-eżistenza u l-istatus legali tal-parteċipanti, kif ukoll il-kapaċitajiet finanzjarji tagħhom (C(2007)2466), f’azzjonijiet indiretti tal-FP7.

(34)  L-Artikolu 15(2) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni tal-KE, u l-Artikolu 14(2) tar-Regoli ekwivalenti għall-Parteċipazzjoni tal-Euratom.

(35)  Bħal riċerka u testijiet kliniċi li jinvolvu tekniċi invażivi fuq il-bnedmin (eż. it-teħid ta' kampjuni tat-tessuti, eżaminazzjonijiet tal-moħħ).

(36)  Kif speċifikat fil-Klawżoli Speċjali 15 u 16 tal-Ftehim ta' Għotja FP7.

(37)  B'kunsiderazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2006 (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 42).

(38)  Kwalunkwe stadju/i ta' riċerka ta' dak it-tip għandu jiġi eskluż mill-attivitajiet ta' riċerka li jkunu appoġġjati minn fondi tal-Unjoni f'konformità mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2006. L-esklużjoni tal-finanzjament ta' dan l-istadju tar-riċerka mhux se jimpedixxi finanzjament mill-Unjoni ta' stadji sussegwenti li jinvolvu hESC.

(39)  Id-Deċiżjoni tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku ‘Kooperazzjoni’ li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea dwar ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 86).

(40)  Id-Deċiżjoni tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-programm speċifiku ‘Nies’ li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 272).

(41)  Id-Deċiżjoni tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku: ‘Kapaċitajiet’ li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 299).

(42)  Kif definit fid-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom.

(43)  Ittra dwar l-Aspetti ta' Sigurtà (SAL)': ‘sett ta' kundizzjonijiet kuntrattwali speċjali, maħruġ mill-awtorità kuntrattwali, li jifforma parti integrali minn kuntratt klassifikat li jinvolvi l-aċċess għal jew il-produzzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE, li jidentifika l-ħtiġiet ta' sigurtà jew dawk l-elementi tal-kuntratt li jeħtieġu protezzjoni ta' sigurtà’, kif definita fit-taqsima 27 tad-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom.

(44)  Gwida tal-Klassifikazzjoni ta' Sigurtà' (‘SCG’): ‘dokument li jiddeskrivi l-elementi ta' programm, kuntratt jew ftehim ta' għotja li huma klassifikati, waqt li jispeċifika l-livelli tal-klassifikazzjoni ta' sigurtà applikabbli. Is-SCG tista' titwessa’ matul il-ħajja tal-programm, tal-kuntratt jew tal-ftehim tal-għotja u l-elementi ta' informazzjoni jistgħu jiġu riklassifikati jew imnaqqsa fil-grad. Is-SCG għandha tkun parti mill-SAL', kif definit fit-taqsima 27 tad-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom.

(45)  It-trattament tad-data kunfidenzjali huwa rregolat mil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni Ewropea u tal-Euratom, inkluż ir-regoli interni tal-Istituzzjonijiet bħad-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom.

(46)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).

(47)  Jew kwalunkwe kuntrattur li jinżamm mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi amministrattivi għal sessjonijiet ta’ evalwazzjoni.

(48)  Din l-ittra mudell għandha tiġi adattata għall-ħatra ta’ esperti indipendenti responsabbli għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi u azzjonijiet indiretti, skont l-Artikolu 27 tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni tal-KE, u l-Artikolu 26 tar-Regoli ekwivalenti għall-Parteċipazzjoni tal-Euratom. Din għandha tiġi adatta wkoll għal esperti li jaġixxu unikament bħala ‘rapporteurs’.

(49)  Għall-kunsinni bl-idejn jew permezz ta’ rappreżentanti (inkluż permezz ta’ kurrier privat), il-kunsinna għandha ssir f’dan l-indirizz, u mmarkata kif ġej:

 

Għall-Brussell:

Il-Kummissjoni Ewropea

Avenue du Bourget, 1

B-1140 Bruxelles-Brussell

 

Għal-Lussemburgu:

Il-Kummissjoni Ewropea

10 rue Robert Stumper

L-2557 Lussemburgu

(50)  Il-Kummissjoni tista’ tqiegħed fis-seħħ sistema ta’ firem elettroniċi, li tkun applikabbli għall-firma ta’ din l-ittra u l-annessi tagħha

(51)  Il-Kummissjoni tista’ tqiegħed fis-seħħ sistema ta’ firem elettroniċi, li tkun applikabbli għall-firma ta’ din l-ittra u l-annessi tagħha

(52)  Il-Kummissjoni tista’ tqiegħed fis-seħħ sistema ta’ firem elettroniċi, li tkun applikabbli għall-firma ta’ din l-ittra u l-annessi tagħha

(53)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3822 tas-7 ta' Mejju 2009, mhux ippubblikata.

(54)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(55)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 60.

(56)  Meta espert li jaħdem f’dipartiment//laboratorju/istitut differenti minn dak fejn ix-xogħol għandu jiġi mwettaq, u meta l-korpi kostitwenti joperaw b’livell għoli ta’ awtonomija, il-Kummissjoni tista’ eċċezzjonalment tippermetti li l-espert jipparteċipa fl-evalwazzjoni, jekk ikun ġustifikat kif xieraq mid-daqs limitat tal-grupp ta’ esperti kwalifikati.

(57)  Aċċessibbli minn din il-websajt: (…daħħal l-indirizz tal-Internet: http://cordis.europa.eu/fp7/…).

(58)  Verżjoni awtentija tal-ittra tal-ħatra bil-firma elettronika għandha tiġi aċċettata wkoll ladarba s-sistema tal-firem elettroniċi tkun tqiegħdet fis-seħħ mill-Kummissjoni.

(59)  u mhux pereżempju għal tagħmir jew riżorsi oħra meħtieġa għall-evalwazzjoni.

(60)  Skont l-Anness III.

(61)  “Force majeure” għandha tfisser kwalunkwe avveniment mhux prevedibbli u eċċezzjonali li jaffettwa t-twettiq ta’ kwalunkwe obbligu f’din l-ittra ta’ ħatra mill-esperti, li huwa lil hinn mill-kontroll tagħhom u ma jistax jiġi megħlub minkejja t-tentattivi raġonevoli tagħhom.

(62)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(63)  Referenzi għall-‘Kummissjoni’ għandhom jitqiesu li jinkludu wkoll l-Aġenzija Eżekuttiva tar-Riċerka, fejn xieraq.

(64)  L-onorarju huwa stabbilit fuq il-bażi tal-ħin medju mistenni meħtieġ għall-evalwazzjoni ta’ proposta, b’rata ta’ €450/ġurnata, kif speċifikat fl-ittra ta’ ħatra.