26.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/73


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Frar 2011

li temenda l-Anness II mad-Deċiżjoni 2006/766/KE rigward l-inklużjoni tal-Fiġi fil-lista ta’ pajjiżi u territorji terzi li l-importazzjonijiet minnhom tal-prodotti tas-sajd għall-konsum mill-bniedem huma permessi

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 1082)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/131/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jistipula regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq il-prodotti li joriġinaw mill-annimali. B’mod partikolari, jistipula li prodotti li joriġinaw mill-annimali jistgħu jiġu importati biss minn pajjiż terz jew parti ta’ pajjiż terz li jidher fuq il-lista li tfasslet skont dak ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jipprovdi li, fit-tfassil u l-aġġornamenti ta’ listi bħal dawn, għandhom jitqiesu l-verifiki min-naħa tal-Unjoni f’pajjiżi terzi u l-garanziji min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-konformità jew l-ekwivalenza mal-liġi tal-Unjoni dwar l-għalf u l-ikel u regoli dwar saħħet l-annimali kif speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (2).

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/766/KE tas-6 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi u territorji li minnhom l-importazzjonijiet ta’ molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati, gastropodi tal-ibħra u prodotti tas-sajd huma permessi (3) telenka dawk il-pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fir-Regolament (KE) Nru 854/2004 u għaldaqstant huma f’pożizzjoni li jiggarantixxu li l-esportazzjoni ta’ dawk il-prodotti lejn l-Unjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet sanitarji stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biex titħares saħħet il-konsumaturi. B’mod partikolari, l-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom l-importazzjonijiet ta’ prodotti tas-sajd għall-konsum mill-bniedem huma permessi.

(4)

Il-Fiġi mhijiex attwalment inkluża fil-lista tal-Anness II mad-Deċiżjoni 2006/766/KE bħala pajjiż terz li l-importazzjonijiet minnu ta’ prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum mill-bniedem huma permessi.

(5)

Il-kontrolli tal-Unjoni għall-evalwazzjoni tas-sistema ta’ kontroll fis-seħħ fil-Fiġi li tirregola l-produzzjoni tal-prodotti tas-sajd maħsuba għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, li l-aħħar waħda saret f’Settembru 2010, flimkien mal-garanziji pprovduti mill-awtorità kompetenti tal-Fiġi, jindikaw li l-kundizzjonijiet applikabbli f’dan il-pajjiż terz għall-prodotti tas-sajd għall-konsum mill-bniedem iddestinati għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-Anness II mad-Deċiżjoni 2006/766/KE għandu jiġi emendat biex jippermetti l-importazzjonijiet mill-Fiġi ta’ prodotti tas-sajd għall-konsum mill-bniedem.

(6)

Id-Deċiżjoni 2006/766/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Anness II mad-Deċiżjoni 2006/766/KE, l-annotazzjoni li ġejja għall-Fiġi tiddaħħal qabel l-annotazzjoni għall-Gżejjer Falkland:

FJ

FIĠI

 

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2011

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(2)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 320, 18.11.2006, p. 53.