19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 46/50


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta' Frar 2011

li temenda d-Deċiżjoni 2008/589/KE li tistabbilixxi programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni marbut mal-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 938)

(2011/114/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/589/KE (2) tistabbilixxi programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni applikabbli għal perjodu ta' tliet snin sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni armonizzata tal-pjan ta' rkupru multiannwali stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (3) għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet.

(2)

Il-programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni huwa meħtieġ għall-organizzazzjoni tal-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri kkonċernati u biex jippermetti lill-Aġenżija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd biex torganizza l-pjanijiet tat-tħaddim konġunt skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 (4).

(3)

Biex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni armonizzata tal-pjan ta' rkupru multiannwali stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1098/2007, il-programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni għandu jiġi estiż għal perjodu ta' sena.

(4)

Għalhekk, id-Deċiżjoni 2008/589/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(5)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2008/589/KE, il-paragrafu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Il-programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni għandu japplika għal erba' snin.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Frar 2011.

Għall-Kummissjoni

Maria DAMANAKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 190, 18.7.2008, p. 11.

(3)  ĠU L 248, 22.9.2007, p. 1.

(4)  ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1.