18.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 45/33


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Ottubru 2009

dwar l-għajnuna mill-Istat C 16/08 (ex NN 105/05 u NN 35/07) implimentata mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq – Sussidji għal CalMac u NorthLink għas-servizzi tat-trasport marittimu fl-Iskozja

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 8117)

(It-test Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/98/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) imsemmija iktar ’il fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2003, ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni bil-passi li l-Eżekuttiv Skoċċiż kien beħsiebu jieħu sabiex iġib is-servizzi tal-laneċ Skoċċiżi “konformi mal-fehim [tagħhom] tar-regoli Ewropej f’dak li hu relatat ma’ għajnuniet marittimi mill-Istat”.

(2)

Permezz tal-ittri tad-19 ta’ April 2004 u tat-30 ta’ Ġunju 2004, ir-Renju Unit għarraf lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tal-Eżekuttiv Skoċċiż li jwettaq żewġ offerti pubbliċi għal kuntratti għall-forniment ta’ servizzi ta’ trasport lejn il-gżejjer tat-Tramuntana u tal-Punent.

(3)

Minn dak iż-żmien, il-Kummissjoni rċeviet diversi lmenti formali u kummenti informali minn partijiet interessati dwar l-għajnuna allegatament inkompatibbli mogħtija mill-Istat lill-impriżi li jipprovdu dawk is-servizzi ta’ trasport (2).

(4)

Wara li saru dawn l-ilmenti, il-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet għal aktar tagħrif lir-Renju Unit skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 (issa l-Artikolu 88) tat-Trattat tal-KE (3) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Proċedurali”). Dawn it-talbiet ġew imwieġba.

(5)

Fis-16 ta’ April 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar miżuri ta’ għajnuna mill-Istat relatati ma’ NorthLink Ferries Limited, Cowal Ferries Limited u CalMac Ferries Limited (4).

(6)

Fis-16 ta’ Lulju 2008, ir-Renju Unit bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu b’risposta għad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Permezz ta’ ittri tat-22 Diċembru 2008 u tat-2 ta’ Frar 2009, ir-Renju Unit ipprovda tagħrif addizzjonali.

(7)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn bosta partijiet interessati wara li ġiet ippubblikata d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Ir-Renju Unit ġie mistieden biex iwieġeb għal dawk il-kummenti.

(8)

Fil-11, 12 u 13 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ rappreżentanti ta’ diversi partijiet interessati: NorthLink Ferries Limited, Cowal Ferries Limited, CalMac Ferries Limited, Pentland Ferries, Western Ferries (Clyde) Limited, il-Kunsill tal-Kontea ta’ Orkney, il-Kunsill ta’ Argyll u Bute, il-Kunsill ta’ Inverclyde, Ministri Skoċċiżi u l-iScottish Executive and Peer Pressure Group.

(9)

Fuq il-bażi tat-tagħrif addizzjonali li rċeviet waqt li kienet qed issir il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ikkonkludiet li parti mill-iskema kienet tikkostitwixxi għajnuna ezistenti. Għalhekk, iddeċidiet li tibda, b’mod parallel mal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-proċedura ta’ kooperazzjoni prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament Proċedurali.

(10)

Fis-17 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ rappreżentanti tar-Renju Unit. Waqt din il-laqgħa, b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament Proċedurali, il-Kummissjoni infurmat lill-Istat Membru li hija tqis lil parti mill-iskema bħala li tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, u esprimiet l-opinjoni preliminari tagħha li wħud mill-aspetti tal-iskema ma baqgħux kompatibbli mas-suq komuni. L-awtoritajiet tal-Istat Membru ngħataw l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar din l-opinjoni preliminari kemm waqt il-laqgħa kif ukoll aktar tard bil-miktub.

(11)

Fit-23 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni talbet tagħrif addizzjonali mingħand ir-Renju Unit. Din l-informazzjoni ngħatat fil-15 ta’ Mejju 2009 u fit-3 ta’ Lulju 2009.

2.   DESKRIZZJONI

(12)

Il-każ jikkonċerna l-provvista ta’ servizzi regolari ta’ tbaħħir ta’ laneċ bejn il-kontinent Skoċċiż u l-gżejjer Skoċċiżi li jinsabu ’l barra mill-kosti tal-Punent u tat-Tramuntana tal-Iskozja. Dawn is-servizzi bħalissa qed jiġu provduti prinċipalment fuq bażi ta’ kuntratti (5) ta’ servizz pubbliku u l-operaturi jibbenefikaw minn kumpens għar-rendiment tagħhom.

(13)

Peress li l-oqfsa legali li jirregolaw is-servizzi pubbliċi pprovduti fil-gżejjer tal-Punent u tat-Tramuntana huma differenti u l-benefiċjarji huma entitajiet legali separati, ir-rotot tal-gżejjer tal-Punent u dawk tat-Tramuntana jiġu trattati separatament fil-bqija tad-Deċiżjoni attwali.

2.1.   IL-GŻEJJER TAL-PUNENT

2.1.1.   ROTOT MARITTIMI

(14)

Ir-rotot eżistenti tal-laneċ fil-gżejjer Skoċċiżi tal-Punent huma stabbiliti fil-Mappa 1.

Mappa 1

Rotot Marittimi fl-Iskozja tal-Punent

Image 1

2.1.2.   OPERATURI

2.1.2.1.    CalMac Ferries Ltd.

(15)

Fil-ħamsinijiet, is-servizzi tal-ġarr bil-baħar ta’ passiġġieri, ta’ merkanzija u tal-posta madwar il-gżejjer tal-Punent (6) kienu ddominati minn żewġ kumpaniji pubbliċi: Caledonian Steam Packet Company Ltd. u David MacBrayne Ltd.

(16)

Fl-1973, Caledonian Steam Packet Company Ltd ġiet magħquda ma’ parti minn David MacBrayne Ltd. biex tiġi mwaqqfa l-kumpanija Caledonian MacBrayne Ltd. Il-kumpanija l-ġdida saret responsabbli għall-biċċa l-kbira tas-servizzi regolari tat-tbaħħir fiż-żona ta’ Firth of Clyde u fil-Highlands u l-Gżejjer tal-Punent.

(17)

Qabel l-2006 Caledonian MacBrayne Ltd. kienet kollha kemm hi proprjetà tal-Istat, taħt ir-responsabbiltà tas-Segretarju tal-Istat għall-Iskozja, u, wara d-devoluzzjoni fl-1999, saret proprjetà tal-Eżekuttiv Skoċċiż.

(18)

F’Ottubru 2006 Caledonian MacBrayne Ltd ġiet ristrutturata biex jiġi separat l-irwol tal-pussess tal-assi tal-bastimenti u tax-xatt mill-irwol tal-operat tal-laneċ. L-istruttura l-ġdida tiġi spjegata fid-Dijagramma 1:

Dijagramma 1

L-istruttura tal-isjieda attwali

Image 2

L-Eżekuttiv Skoċċiż

David MacBrayne Ltd

Il-Kumpanija Possedenti

Caledonian Maritime Assets Ltd

Il-kumpanija li għandha s-sjieda tal-assi li jintuzaw minn CalMac Ferries Ltd u Cowal Ferries Ltd

Cowal Ferries Ltd

Il-kumpanija kummerċjali għax-xmara Clyde

CalMac Ferries Ltd

Il-kumpanija kummerċjali għall-gżejjer Hebrides

Caledonian MacBrayne Crewing (Guernesey) Ltd

Tħaddem persunal fuq il-bastimenti

Caledonian Maritime Assets HR (UK) Ltd

Tħaddem persunal ibbażat fuq ix-xatt

(19)

L-operat tas-servizz tal-laneċ kien ġie trasferit lil żewġ kumpaniji ġodda, CalMac Ferries Ltd u Cowal Ferries Ltd, li kienu ġew imwaqqfa bħala żewġ sussidjarji posseduti fis-sħiħ minn David MacBrayne Ltd. Din tal-aħħar qabel kienet kumpanija inattiva għal kollox proprjetà tal-Eżekuttiv Skoċċiż.

(20)

CalMac Ferries Ltd ħadet f’idejha s-servizzi għall-Hebrides, flimkien ma’ żewġ sussidjarji posseduti fis-sħiħ, Caledonian MacBrayne Crewing (Guernsey) Ltd. u Caledonian MacBrayne HR (UK) Ltd., li jimpjegaw persunal fuq il-bastimenti u persunal ibbażat fuq ix-xatt rispettivament.

(21)

Cowal Ferries Ltd. ħadet f’idejha l-operat tas-servizzi fuq il-Clyde.

(22)

B’mod parallel, Caledonian Maritime Assets Ltd. (minn hawn ’il quddiem imsejħa “CMAL”) żammet is-sjieda tal-bastimenti u tal-mollijiet li jintużaw għall-operat tas-servizzi tal-laneċ tal-Clyde u tal-Hebrides.

(23)

Skont l-arranġamenti l-ġodda, CMAL tikri l-bastimenti u l-mollijiet lil CalMac Ferries Ltd. u lil Cowal Ferries Ltd. Hija tippossjedi u tmexxi wkoll il-faċilitajiet portwali fi kważi nofs il-50 destinazzjoni li fihom joperaw CalMac Ferries Ltd. u Cowal Ferries Ltd. CMAL hija kompletament u direttament posseduta mill-Eżekuttiv Skoċċiż.

(24)

Attwalment, CalMac Ferries Ltd. qed tikri flotta ta’ 29 bastiment minn CMAL biex tipprovdi servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri u ta’ vetturi kif ukoll servizzi ta’ trasport marittimu lill-gżejjer barra mill-Kosta tal-Punent tal-Iskozja u fl-estwarju tax-xmara Clyde. Żewġ bastimenti oħra qed jinkrew separatament.

(25)

Cowal Ferries Ltd tikri wkoll it-tliet bastimenti tagħha minn CMAL.

(26)

Għal raġunijiet ta’ sempliċità, u peress li d-diversi kumpaniji msemmija hawn fuq jappartjenu għall-istess grupp, għall-bqija tad-Deċiżjoni attwali it-terminu “CalMac” se jintuża bla distinzjoni bħala referenza għall-kumpaniji li huma proprjetà ta’ David MacBrayne Ltd. u, fil-kuntest tal-perjodu ta’ qabel ma saret ir-ristrutturazzjoni, bħala referenza għal Caledonian MacBrayne Ltd., Caledonian Steam Packet Company Ltd. u David MacBrayne Ltd.

(27)

Bħalissa n-netwerk li qed isservi CalMac jikkonsisti minn 26 rotta. Fir-rigward ta’ CalMac Ferries Ltd., fis-sena li ntemmet fil-31 ta’ Marzu 2006 il-kumpanija ġarret 5.3 miljun passiġġier, 1.1 miljun karozza, 94 000 vettura kummerċjali u 14 000 kowċ fuq dawn ir-rotot.

2.1.2.2.    Western Ferries Ltd.

(28)

CalMac m’għandha prattikament l-ebda kompetizzjoni fuq ir-rotot li topera fuqhom. L-uniku kompetitur tagħha, Western Ferries Ltd., jopera biss madwar l-estwarju tax-xmara Clyde bejn Gourock, li jinsab fl-Upper Firth tax-xmara Clyde, u Dunoon, li jinsab fil-peniżola ta’ Cowal tal-Iskozja, kif muri fil-Mappa 2.

Mappa 2

rotot marittimi fl-estwarju tax-xmara Clyde

Image 3

(29)

Western Ferries bdiet topera fuq ir-rotta Gourock-Dunoon fl-1973. Bħalissa għandha erba’ bastimenti għat-trasport ta’ vetturi/tal-passiġġieri li jagħmlu diversi traġitti ta’ servizz kuljum, u b’hekk hija responsabbli għal madwar 88 % tat-traffiku tal-karozzi, 86 % tat-traffiku tal-merkanzija u 68 % tat-traffiku ta’ passiġġieri (7).

2.1.3.   OBBLIGI TAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(30)

Il-qafas legali ġenerali li jippermetti għal appoġġ finanzjarju għat-twettiq tas-servizzi tat-trasport ta’ laneċ fl-Iskozja huwa l-Att dwar is-Servizzi tat-Trasport Marittimu fil-Highlands u fil-Gżejjer tal-1960 (8) kif emendat bl-Artikolu 70 tal-Att dwar it-Trasport (Skozja) tal-2010 (9) u bl-Artikolu 45 tal-Att dwar it-Trasport (Skozja) tal-2005 (10). Dan il-qafas legali kien ġie kumplimentat b’impriżi’ min-naħa tas-Segretarju tal-Istat bi qbil ma’ CalMac (11).

(31)

Il-qafas legali huwa wieħed ġenerali ħafna. Dan jiddikjara biss li l-awtoritajiet Skoċċiżi jistgħu jagħmlu avvanzi permezz ta’ għoti jew self lil persuni għal għanijiet relatati mat-trasport. Ma jispeċifikax b’mod dettaljat il-kondizzjonijiet meħtieġa biex ikunu jistgħu jsiru dawn l-avvanzi. L-impriża tal-1995 tipprevedi għotjiet u self lil CalMac għat-twettiq ta’ servizzi ta’ trasport bil-baħar għall-manutenzjoni jew it-titjib tal-kundizzjonijiet ekonomiċi jew soċjali fil-Highlands u fil-Gżejjer. Għotjiet relatati mad-dħul huma maħsuba biex ikopru n-nuqqasijiet finanzjarji tal-operat waqt li għotjiet u self ta’ kapital huma maħsuba għal skopijiet ta’ investiment, bħalma huma l-akkwist ta’ bastimenti u xogħlijiet fuq mollijiet u portijiet.

(32)

Id-dettalji kollha tas-servizz pubbliku, bħar-rotot li kienu jikkwalifikaw għal appoġġ, ir-regolarità, il-frekwenzi, il-kapaċitajiet, it-tariffi u l-ammonti ta’ sussidju, ġew deċiżi mill-awtoritajiet Skoċċiżi u komunikati lil CalMac permezz ta’ ittri annwali.

(33)

L-aħħar impriża tal-1995 skadiet waqt li kien qed isir ir-ristrutturar ta’ CalMac f’Ottubru 2006. Ma ġiet iffirmata l-ebda impriża oħra minn dak iż-żmien sa Settembru 2007, meta daħal fis-seħħ il-kuntratt attwali tas-servizz pubbliku tal-2007.

(34)

CalMac ilha tipprovdi servizzi ta’ trasport bil-laneċ skont il-kuntratt ta’ servizz pubbliku tal-2007 minn Settembru tal-2007, wara li l-offerta tagħha intgħażlet bħala l-offerta rebbieħa waqt proċedura ta’ offerta pubblika (12) (V-Ships kien l-uniku offerent ieħor, li aktar tard irtira mill-proċess). Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku tal-2007 jkopri r-rotot kollha li sa dak iż-żmien kienet topera fuqhom CalMac, bl-eċċezzjoni tar-rotta Gourock-Dunoon, u jispeċifika b’mod dettaljat l-obbligi ta’ servizz pubbliku li għandhom jiġu sodisfatti Is-servizzi jinkludu t-trasport ta’ passiġġieri, karozzi u merkanzija. Il-bastimenti li jintużaw biex jiġu provduti s-servizzi huma mikrija minn CMAL, il-kumpanija li ġiet imwaqqfa f’Ottubru 2006 u li l-unika attività tagħha hija s-sjieda u l-kiri tal-bastimenti.

(35)

Fl-2005-2006 tnediet offerta pubblika għar-rotta Gourock-Dunoon, bħala sejħa għal operaturi biex joperaw servizz mhux ristrett u mhux sussidjat. Tliet kumpaniji wrew l-interess tagħhom fil-fażi inizjali (Western Ferries, CalMac u V-Ships), iżda eventwalment l-ebda minnhom ma ppreżentat offerta.

(36)

Sa meta daħal fis-seħħ il-kuntratt ta’ servizz pubbliku tal-2007, il-kumpens għat-tħaddim tar-rotta Gourock-Dunoon ma’ kienx distint mill-kumpens imħallas għar-rotot l-oħra, għall-fatt li kien isir pagament kollettiv f’somma waħda, bla ebda ipotekazzjoni fuq rotot individwali. Minn meta daħal fis-seħħ il-kuntratt ta’ servizz pubbliku tal-2007, is-sussidju għar-rotta Gourock-Dunoon qed jitħallas separatament lil CalMac.

(37)

L-obbligi ta’ servizz pubbliku għal dik ir-rotta u l-kumpens rispettiv huma maħsuba biss għat-trasport ta’ passiġġieri, bl-esklużjoni ta’ vetturi kummerċjali. Madankollu, CalMac tista’ tipprovdi servizzi ta’ trasport għal vetturi kummerċjali fuq termini purament kummerċjali.

(38)

Peress li r-rotta Gourock-Dunoon kienet ġiet eskluża mill-kuntratt ta’ servizz pubbliku tal-2007, il-bażi legali għall-kumpens relatat ma’ din ir-rotta tibqa’ l-Att dwar is-Servizzi ta’ Trasport Marittimu fil-Highlands u fil-Gżejjer tal-1960 kif emendat bl-Artikolu 70 tal-Att dwar it-Trasport (Skozja) tal-2010 u bl-Artikolu 45 tal-Att dwar it-Trasport (Skozja) tal-2005.

(39)

Kien hemm kontinwità konsiderevoli tul is-snin fir-rotot operati minn CalMac fil-gżejjer tal-Punent. Madankollu, saru xi bidliet b’deċiżjoni tal-awtoritajiet Skoċċiżi, bħall-għeluq ta’ rotta minnhom wara li nfetaħ pont, wara li nbdew servizzi ġodda f’rotot eżistenti u wara li ġew stabbiliti aktar frekwenzi. Il-kapaċitajiet żdiedu b’mod ġenerali permezz ta’ tibdil ta’ bastimenti qodma b’oħrajn ġodda, li ġeneralment joffru kapaċità akbar minn dik tal-bastimenti li jkunu qed jiġu sostitwiti (13). B’mod ġenerali, it-tariffi żdiedu skont l-inflazzjoni (14).

(40)

S’issa CalMac irċeviet il-pagamenti li ġejjin għal dawk l-obbligi ta’ servizz pubbliku mill-awtoritajiet Skoċċiżi:

Tabella 1

Fondi pubbliċi mogħtija lil CalMac sa mill-1995

(miljun GBP)

 

Għotjiet ta’ defiċit

Għotjiet/self ta’ kapital (15)

Total

1995/1996

8,3

8,5

16,8

1996/1997

11,7

2,3

14,0

1997/1998

10,5

9,9

20,4

1998/1999

14,4

11,9

26,4

1999/2000

15,0

9,7

24,7

2000/2001

19,0

6,5

25,5

2001/2002

20,4

1,8

22,2

2002/2003

18,9

7,7

26,6

2003/2004

25,9

2,8

28,7

2004/2005

25,1

8,8

33,9

2005/2006

31,4

6,2

37,6

2006/2007

34,2

9,9

44,1

2007/2008

40,5

4,9

45,3

(41)

Rigward ir-rotta Gourock-Dunoon, ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni finanzjarja li turi l-fatturat nett tal-attivitajiet tas-servizz pubbliku (l-aktar it-trasport tal-passiġġieri) u tal-attivitajiet kummerċjali (l-aktar is-servizz tal-vetturi) imwettqa minn CalMac minn mindu sar l-eżerċizzju finanzjarju tal-2002/2003:

Tabella 2

Kont ta’ qligħ u telf rigward l-attivitajiet kummerċjali u tas-servizz pubbliku ta’ CalMac fuq ir-rotta Gourock-Dunoon sa mill-2002/2003

(miljun GBP)

 

Attivitajiet tas-servizz pubbliku

Attivitajiet Kummerċjali

Total

 

Dħul

Spejjeż

Qligħ / Telf

Dħul

Spejjeż

Qligħ / Telf

Qligħ / Telf

2002/2003

0,7

–3,1

–2,4

1,0

–0,5

0,5

–1,9

2003/2004

0,7

–3,4

–2,7

0,8

–0,5

0,3

–2,4

2004/2005

0,8

–3,4

–2,7

1,0

–0,5

0,5

–2,2

2005/2006

0,9

–3,8

–2,9

0,9

–0,5

0,4

–2,5

2006/2007

0,9

–3,7

–2,8

1,0

–0,5

0,4

–2,4

2007/2008

0,9

–3,7

–2,7

1,0

–0,5

0,5

–2,3

(42)

L-ammonti indikati fit-Tabella 2 jirriżultaw minn eżerċizzju ta’ kontabilità analitika fuq il-bażi tal-kontijiet statutorji. Dħul kummerċjali ġeneralment huwa dħul minn vetturi u dħul mill-passiġġieri rispettivi (16). Dħul minn servizzi pubbliċi ġeneralment huwa dħul minn passiġġieri mingħajr vettura. Fil-kuntest tal-infiq, spejjeż komuni bħal spejjeż relatati mal-persunal, il-bastimenti u t-terminal tal-passiġġieri li jintefqu għal bastimenti li jġorru kemm vetturi kif ukoll passiġġieri, jinqasmu skont l-użu tal-kapaċità medja tal-bastiment għal vetturi u għal passiġġieri mingħajr vettura.

(43)

Proċeduri li sar ftehim dwarhom ġew imwettqa mill-Awditur tal-Kumpanija (KPMG LLP) rigward il-metodoloġija, id-dettall tal-kontabilità u l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet. Ma nstabu l-ebda differenzi sinifikanti bejn l-ammonti murija fit-Tabella 2 hawn fuq u l-kotba u r-rekords sottostanti ta’ CalMac.

2.2.   IL-GŻEJJER TAT-TRAMUNTANA

2.2.1.   ROTOT MARITTIMI

(44)

Ir-rotot eżistenti għat-tbaħħir tal-laneċ fiż-żona tal-gżejjer tat-Tramuntana tal-Iskozja (l-arċipelagi ta’ Orkney u ta’ Shetland) huma stipulati fil-Mappa 3.

Mappa 3

Rotot Marittimi fit-Tramuntana tal-Iskozja

Image 4

2.2.2.   OPERATURI

2.2.2.1.    NorthLink

(45)

NorthLink Orkney and Shetland Ferries Ltd. (minn hawn ’il quddiem imsejħa “NorthLink 1”) ġiet stabbilita fl-2000 bħala impriża komuni 50 %-50 % bejn Royal Bank of Scotland, wieħed mill-banek ewlenin fir-Renju Unit, u CalMac.

(46)

Bejn l-2002 u l-2006 NorthLink 1 operat żewġ rotot taħt kuntratt ta’ servizz pubbliku: rotta waħda trijangulari bejn Aberdeen (il-kontinent Skoċċiż), Kirkwall (Orkney) u Lerwick (Shetland) u rotta waħda iqsar bejn Scrabster (il-kontinent Skoċċiż) u Stromness (Orkney), li taqsam minn naħa għal oħra ta’ Pentland Firth.

(47)

It-traffiku marittimu totali annwali ta’ passiġġieri fuq dawn iż-żewġ rotot huwa ta’ madwar 300 000.

(48)

Fl-2006, ġiet imwaqqfa kumpanija ġdida - NorthLink Ferries Ltd. (minn hawn ’il quddiem imsejħa “NorthLink 2”) bħala sussidjarja posseduta fis-sħiħ minn CalMac (proprjetà fis-sħiħ tal-Gvern Skoċċiż). Fl-2006 NorthLink 2 ħadet f’idejha l-operat taż-żewġ rotot tal-gżejjer tat-tramuntana u l-biċċa l-kbira tal-assi u tal-persunal ta’ NorthLink 1. Hija topera taħt kuntratt ta’ servizz pubbliku li ġie ffirmat fis-6 ta’ Lulju 2006 u li huwa validu sal-2012.

(49)

NorthLink 2 attwalment tħaddem żewġ bastimenti għall-ġarr ta’ passiġġieri flimkien ma’ karozzi u merkanzija, kif ukoll żewġ bastimenti għall-ġarr ta’ merkanzija u bhejjem.

(50)

NorthLink 1 għadha teżisti, iżda biss bħala kumpanija inattiva bi ftit assi u li ma tiżvolġi l-ebda attivitajiet regolari.

2.2.2.2.    P&O Ferries

(51)

Bejn l-1997 u l-2002, P&O Ferries saret responsabbli għall-operat taż-żewġ rotot li wara ġew imħaddma minn NorthLink 1 u 2 taħt kuntratt ta’ servizz pubbliku. P&O Ferries m’għadhiex taħdem fuq dawn ir-rotot.

2.2.2.3.    Pentland Ferries

(52)

Pentland Ferries ilha topera servizz ta’ kuljum fuq ir-rotta bejn il-Bajja ta’ Gills fil-kontinent Skoċċiż u St. Margaret’s Hope f’Orkney sa mill-2001. Pentland Ferries topera żewġ servizzi għall-ġarr ta’ passiġġieri, vetturi u merkanzija u attwalment iġġorr madwar 80 % tat-tagħbija ta’ bhejjem u ta’ oġġetti perikolużi bejn il-kontinent Skoċċiż u l-gżejjer Orkney.

2.2.2.4.    Streamline Shipping

(53)

Streamline Shipping ilha topera servizz ta’ trasport ta’ kontejners bejn Aberdeen u Lerwick darbtejn fil-ġimgħa sa mill-1984, bl-użu ta’ bastimenti għat-tagħbija u l-ħatt tal-merkanzija (lift-on lift-off) mikrija jew permezz tal-bastiment għat-trasport ta’ kontejners tagħha stess. Fl-1987 hija bdiet tipprovdi wkoll servizzi ta’ trasport ta’ kontejners bejn Aberdeen u Kirkwall f’Orkney, bl-użu ta’ bastimenti għat-tagħbija u l-ħatt tal-merkanzija (minn hawn ’l quddiem imsejħa “lo-lo”) mikrija.

(54)

F’nofs l-2008, Streamline Shipping ingħatat kuntratt tal-merkanzija għat-trasport tal-merkanzija lejn il-gżejjer tat-Tramuntana mill-Eżekuttiv Skoċċiż.

2.2.2.5.    John O’Groats Ferries

(55)

John O’Groats Ferries ilha topera s-servizz tagħha tal-laneċ għat-trasport tal-passiġġieri turisti sa mill-1971, minn John O’Groats fil-kontinent Skoċċiż lejn Burwick f’Orkney. John O’Groats Ferries topera s-servizz tagħha minn Mejju sal-aħħar ta’ Settembru.

2.2.2.6.    Norse Island Ferries

(56)

Bejn Settembru 2002 u Ġunju 2003, Norse Island Ferries ħaddmet bastiment tal-merkanzija wieħed, u ġieli tnejn, bejn il-kontinent Skoċċiż u l-Gżejjer Shetland. Norse Island Ferries m’għadhiex topera fuq din ir-rotta.

2.2.3.   OBBLIGI TAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(57)

Żewġ rotot tal-gżejjer tat-Tramuntana kienu ġew soġġetti għal obbligi ta’ servizz pubbliku: ir-rotta trijangulari bejn Aberdeen (kontinent Skoċċiż), Kirkwall (Orkney) u Lerwick (Shetland) u r-rotta iqsar bejn Scrabster (kontinent Skoċċiż) u Stromness (Orkney).

(58)

Dawk ir-rotot kienu s-suġġett ta’ tliet offerti pubbliċi li wasslu għal tliet kuntratti ta’ servizz pubbliku bejn l-awtoritajiet Skoċċiżi u tliet operaturi: P&O Ferries mill-1997 sal-2002, NorthLink 1 mill-2002 sal-2006 u NorthLink 2 mill-2006 sal-2012. Fl-ewwel żewġ offerti, l-obbligi ta’ servizz pubbliku kienu jkopru biss it-traffiku tal-passiġġieri (it-trasport tal-merkanzija ma kienx issussidjat iżda lanqas ma kien ipprojbit). Madankollu, il-kuntratt validu mill-2006 sal-2012 jinkludi wkoll obbligu ta’ servizz pubbliku għat-trasport tal-merkanzija b’limitu fiss.

2.2.3.1.    Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku ma’ P&O Ferries tal-1997

(59)

L-awtoritajiet Skoċċiżi nedew eżerċizzju ta’ offerta miftuħa f’Ġunju 1995 għar-rotot Aberdeen-Kirkwall-Lerwick u Scrabster-Stromness. Huma ddeċidew li ma jippermettux li CalMac tieħu sehem fl-offerta.

(60)

L-offerta wasslet biex l-Eżekuttiv Skoċċiż jagħżel lil P&O Ferries. Skont il-kuntratt ta’ servizz pubbliku, P&O Ferries kellha titħallas għotja annwali, soġgetta għal “arranġamenti ta’ treġġigħ lura” maħsuba biex jillimitaw il-benefiċċji possibbli f’każ li l-qligħ tal-kumpanija jaqbeż l-ammonti mbassra. P&O Ferries irċeviet GBP 55 miljun mill-awtoritajiet Skoċċiżi tul il-perjodu 1997-2002 (17) għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

(61)

Skont il-kuntratt ta’ servizz pubbliku, is-sussidju kien limitat għal passiġġieri u għal karozzi ta’ passiġġieri, kif ukoll għal vetturi assoċjati, bħal motorhomes u muturi.

2.2.3.2.    Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku ma’ NorthLink 1 tal-2000

(62)

Fl-1998 l-Eżekuttiv Skoċċiż nieda proċess ġdid ta’ offerta għal kuntratt ta’ servizz pubbliku għar-rotot Aberdeen-Kirkwall-Lerwick u Scrabster-Stromness għall-perjodu 2002-2007.

(63)

Filwaqt li l-ispeċifikazzjonijiet tas-servizz tal-offerta pubblika indikaw li l-operaturi kienu se jkunu meħtieġa jipprovdu kapaċità biex iġorru l-merkanzija, dan l-element tas-servizz kien mistenni li jitħaddem fuq bażi kummerċjali, jiġifieri mingħajr sussidju. L-offerenti tħallew jiddeterminaw il-livell preċiż ta’ servizzi ta’ ġarr tal-merkanzija li kellu jkun magħmul disponibbli, għalkemm il-kapaċità kellha tkun suffiċjenti biex ikun jista’ jintlaħaq l-istess livelli ta’ tagħbija li dak iż-żmien kienet tipprovdi P&O Ferries, b’inklużjoni ta’ żidiet raġonevoli għal tkabbir imbassar fid-domanda.

(64)

L-offerta pubblika speċifikat il-konfigurazzjoni tar-rotta u n-numru minimu ta’ traġitti meħtieġa iżda talab lill-appaltaturi biex jipproponu skedi dettaljati. Stabbilixxiet ukoll bħala rekwiżit li l-pjan ta’ prezzijiet tal-appaltatur rebbieħ jiġi miftiehem mal-Eżekuttiv Skoċċiż u li t-tariffi massimi jiġu ppubblikati. Kien mistenni li t-tariffi inizjali ma jiġux stabbiliti fuq livell konsiderevolment ogħla minn dak tar-rati prevalenti.

(65)

F’Novembru 1998, tlettax-il operatur tat-trasport marittimu esprimew interess fl-offerta pubblika. Sitt operaturi ta’ laneċ ġew preselezzjonati u tlieta minnhom fl-aħħar ippreżentaw l-offerti tagħhom f’Ġunju 1999: SERCO Denholm, P&O Ferries u NorthLink 1.

(66)

L-Eżekuttiv Skoċċiż eskluda l-offerta ta’ SERCO Denholm għaliex kienet l-ogħla waħda u minħabba l-fatt li kkunsidra bħala inaċċettabbli t-talba tal-offerent biex jingħata permess biex ibiegħ il-bastimenti tiegħu jew jittrasferixxi kirjiet kurrenti lill-Eżekuttiv Skoċċiż meta jiskadi l-kuntratt.

(67)

F’Settembru 2000 l-Eżekuttiv Skoċċiż għażel lil NorthLink 1 bħala l-offerent preferut. L-offerta ta’ NorthLink 1 għal sussidju bażiku ta’ GBP 45,7 miljun għall-kuntratt ta’ ħames snin kien GBP 14-il miljun irħas mill-offerta ta’ P&O. L-ispejjeż stmati ta’ NorthLink 1 kienu ogħla minn dawk ta’ P&O Ferries, iżda NorthLink 1 kienet qed tistenna li tiġġenera madwar GBP 8 miljun aktar fi dħul mill-passiġġieri u GBP 13-il miljun aktar mill-eċċessi tal-merkanzija minħabba li s-suppożizzjonijiet tagħha rigward iż-żieda fit-traffiku kienu ogħla. NorthLink 1 kienet ukoll lesta li taċċetta qligħ inqas mill-kuntratt milli kienet lesta li taċċetta P&O Ferries.

(68)

Il-kuntratt bejn NorthLink 1 u l-Eżekuttiv Skoċċiż ġie ffirmat f’Diċembru 2000. Wara l-għoti tal-kuntratt, NorthLink 1 ordnat tliet laneċ ġodda għat-trasport ta’ passiġġieri/vetturi u akkwistat bastiment tal-merkanzija użat.

(69)

Fil-bidu kien qed jiġi mistenni li l-operatur il-ġdid kien se jkollu ħin biżżejjed biex jordna u jibni bastimenti ġodda biex ikun jista’ jibda jopera f’April 2002. Iżda NorthLink 1 ma kenitx f’pożizzjoni li tibda topera qabel l-1 ta’ Ottubru 2002. Minħabba dan id-dewmien, l-Eżekuttiv Skoċċiż tawwal il-kuntratt ta’ servizz pubbliku ma’ P&O Ferries b’sitt xhur.

(70)

Il-projezzjonijiet tad-dħul u l-ispejjeż li NorthLink 1 ibbażat l-offerta tagħha fuqhom dehru li kienu wisq ottimistiċi. P&O Ferries kienet l-uniku operatur li offra servizz “roll on/roll off” (minn hawn ’l quddiem imsejjaħ “ro-ro”) għal passiġġieri, karozzi u merkanzija bejn il-kontinent Skoċċiż u l-gżejjer tat-Tramuntana bejn l-1997 u l-2002. Fil-projezzjonijiet tagħha, NorthLink 1 kienet assumiet ukoll li kienet se tgawdi minn monopolju fuq it-traffiku ro-ro.

(71)

Madankollu, din il-preżunzjoni ma seħħitx. Fir-rebbiegħa tal-2001, operatur ġdid, Pentland Ferries, beda jipprovdi servizzi mill-kontinent Skoċċiż għal Orkney u progressivament ħakem parti sostanzjali tas-suq tal-passiġġieri, tal-karozzi u tal-merkanzija ta’ Orkney.

(72)

F’Lulju 2002, konsorzju ta’ tliet trasportaturi bit-triq (18) ħabbar li kien se jingħaqad ma’ Norse Island Ferries, kumpanija ġdida tal-laneċ, bħala reazzjoni għat-tariffi tal-merkanzija mħabbra minn NorthLink 1 fl-2001, li l-konsorzju ħass li kienu għoljin wisq meta mqabbla mat-tariffi li P&O Ferries kienet toffri qabel. Fil-bidu ta’ Settembru 2002, Norse Island Ferries bdiet toffri servizz ta’ kuljum ta’ trasport ro-ro tal-merkanzija bejn il-Gżejjer Shetland u l-kontinent Skoċċiż u, fl-ewwel xhur tal-operat tagħha, deheret li kienet qed iġġorr parti kbira tas-suq tal-merkanzija.

(73)

Wara li ġie mħabbar is-servizz il-ġdid tal-merkanzija minn Pentland Ferries fl-2001, NorthLink 1 talbet li jinżammu diskussjonijiet mal-Eżekuttiv Skoċċiż dwar l-impatt ta’ din il-kompetizzjoni l-ġdida fuq il-pożizzjoni finanzjarja tagħha. NorthLink 1 għamlet il-mudell tagħha tan-negozju disponibbli lill-Eżekuttiv Skoċċiż biex dan tal-aħħar ikun jista’ jeżamina l-impatt tal-kompetizzjoni fuq il-vijabilità tal-kumpanija. Skont dan il-mudell, NorthLink 1 inizjalment kienet qed tipproġetta li jiddaħħal ritorn totali ta’ GBP 14,9 miljun tul il-ħajja tal-kuntratt. Iċ-ċirkostanzi mibdula dawru din iċ-ċifra f’telf proġettat ta’ GBP 16,4 miljun. Dan qajjem tħassib serju dwar is-solvenza tal-kuntrattur u dwar il-kapaċità tiegħu li jeżegwixxi l-kuntratt. Skont ir-Renju Unit, il-fattur prinċipali li wassal għal dan kienet il-kompetizzjoni minn Norse Island Ferries għall-fatt li din kienet ammontat għal aktar minn GBP 25,5 miljun tal-bidla finanzjarja negattiva ta’ GBP 31,3 miljun fil-kotba tal-kumpanija.

(74)

Il-kompetizzjoni fis-suq tal-merkanzija tal-Gżejjer Shetland minn Norse Island Ferries ġiet fi tmiemha fil-bidu ta’ Ġunju 2003, wara li din tal-aħħar iddeċidiet li twaqqaf l-operat kummerċjali tagħha. Dan offra l-prospett li NorthLink 1 terġa’ tistabbilixxi ruħha fuq bażi vijabbli. L-Eżekuttiv Skoċċiż għalhekk iddeċieda li jkompli jiffinanza lil NorthLink 1 b’konformità mat-termini tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku, konvint li l-waqfien tal-Norse Island Ferries seta’ kien biżżejjed biex jiddekorri t-terminu sħiħ tal-kuntratt.

(75)

Madankollu, fis-Sajf tal-2003, ftit xhur wara li bdiet l-operazzjonijiet tagħha, NorthLink 1 infurmat lill-Eżekuttiv Skoċċiż li ġiet f’pożizzjoni fejn ma’ setgħetx tkompli twettaq l-obbligi kuntrattwali tagħha b’mod realistiku tul il-bqija tal-perjodu tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku, jiġifieri sal-aħħar ta’ Settembru 2007.

(76)

L-Eżekuttiv Skoċċiż eżamina l-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpanija, bl-assistenza ta’ kontabilisti indipendenti, u kkonkluda li NorthLink 1 kienet waslet viċin li tfalli.

(77)

Skont l-Eżekuttiv Skoċċiż, jekk ma jitħallsux sussidji addizzjonali lil NorthLink 1 kien hemm riskju li, li kieku l-kumpanija kellha tiġi ppreżentata bi proċedimenti ta’ insolvenza formali kontra tagħha (li seta’ sar minn numru ta’ kredituri), is-servizzi ta’ sikurezza kien se jkollhom jiġu interrotti. Il-futur fit-tul tal-obbligi ta’ servizz pubbliku kien se jkollu jiddependi fuq ir-rieda tar-riċevitur maħtur biex jamministra l-kumpanija. Ir-riċevitur ma jkun marbut bl-ebda obbligi kuntrattwali tal-kumpanija, u għalhekk ma jkunx obbligat li jipprovdi s-servizz issussidjat.

(78)

Fit-8 ta’ April 2004, wara kuntatti mas-servizzi tal-Kummissjoni, l-Eżekuttiv Skoċċiż ħabbar l-intenzjoni tiegħu biex terġa’ toħroġ offerta għas-servizz u ppubblika Avviż ta’ Kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea relatat ma’ din l-offerta. B’mod parallel għal din il-proċedura ġdida ta’ offerta, li se tiġi deskritta aktar ’l isfel, l-Eżekuttiv Skoċċiż implimenta diversi miżuri biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi ta’ sikurezza waqt li jkunu qed isiru l-proċeduri meħtieġa.

2.2.3.3.    Il-Minuta ta’ Emenda tal-2004 ma’ NorthLink 1

(79)

Fid-29 ta’ Settembru 2004, l-Eżekuttiv Skoċċiż ikkonkluda arranġamenti ġodda ta’ finanzjament ma’ NorthLink 1, permezz ta’ Minuta ta’ Emenda (minn hawn ’il quddiem imsejħa “MoA”) rigward il-kuntratt ta’ servizz pubbliku. Din l-MoA ipprovdiet għal sistema ta’ finanzjament tad-defiċit, u żgurat li NorthLink 1 setgħet tibqa’ tkompli toffri s-servizzi tagħha skont il-livell speċifikat fl-ispeċifikazzjonijiet tagħha sakemm isir l-għoti tal-kuntratt lil kumpanija oħra. L-MoA stipulat ukoll li ċerti assi, mikrija jew li kienu proprjetà ta NorthLink 1, setgħu jsiru disponibbli meta ssir l-offerta li jmiss, fuq bażi diskrezzjonali u fuq il-valur stmat tas-suq, għal offerenti li jkunu jixtiequ jużawhom fit-twettiq tas-servizzi fi ħdan il-qafas tal-kuntratt li kellu jsir. Bil-ħsieb li żżomm kontroll baġitarju matul dak il-perjodu, l-MoA daħħlet miżuri ta’ kontroll li llimitaw il-kapaċità ta’ NorthLink 1 li teċċedi t-termini ta’ baġit li kien sar ftehim dwaru, mingħajr l-approvazzjoni tal-Eżekuttiv Skoċċiż.

(80)

Barra minn hekk, l-MoA pprovdiet għal “ħlasijiet ta’ inċentiv” limitati ta’ madwar GBP 1,5 sa GBP 2 miljun fis-sena, jekk jiġi preżunt li tiġi sodisfatta jew li tinqabeż firxa ta’ miri esiġenti relatati mal-iżvolġiment tas-servizz, mal-infiq u mad-dħul. L-ewwel element tal-ħlas ta’ inċentiv kellu jitħallas bil-kundizzjoni li tiġi sodisfatta bis-sħiħ firxa ta’ miri ta’ prestazzjoni ta’ servizzi relatati mal-puntwalità, l-affidabilità u ma’ kriterji oħra. Dan l-element kien ġie maħsub biex jissostitwixxi u jtejjeb is-sistema ta’ penali għall-prestazzjoni inkorporata fil-ftehim oriġinali. It-tieni element kellu jitħallas malli jitwassal id-dħul mill-iffrankar ta’ spejjeż / mill-qligħ meta mqabbel ma’ baġit ta’ referenza li kien jiġi approvat mill-kontabili indipendenti tal-Eżekuttiv Skoċċiż.

(81)

F’Awwissu 2005, l-Awditur Ġenerali għall-Iskozja talab lil Audit Scotland biex jeżamina l-kuntratt il-ġdid ta’ servizz pubbliku mogħti lil NorthLink 1. Audit Scotland huwa korp statutorju li ġie stabbilit f’April 2000 bl-Att dwar il-Finanzi Pubbliċi u l-Akkontabilità (Skozja) tal-2000 (19) biex jipprovdi servizzi lill-Awditur Ġenerali. Il-missjoni tagħhom hija li jiġi żgurat li l-Eżekuttiv Skoċċiż jinżamm responsabbli għall-użu xieraq, effiċjenti u effettiv tal-fondi pubbliċi.

(82)

Skont ir-rapport ippubblikat minn Audit Scotland (20) f’Diċembru 2005, NorthLink 1 ingħatat GBP 71 miljun mill-Eżekuttiv Skoċċiż tul l-ewwel tliet snin tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku, li jkopri l-perjodu minn Ottubru 2002 sa tmiem Settembru 2005, ammont li għandu jiġi mqabbel ma’ kumpens, previst mill-kuntratt, li ma kellux jaqbeż il-GBP 50,3 miljun. Ir-rapport jagħti l-analiżi statistika li ġejja rigward il-GBP 71 miljun li ngħataw:

(a)

GBP 33,6 miljun bħala kumpens bażiku skont il-kuntratt oriġinali;

(b)

GBP 16,7 miljun bħala ħlasijiet oħra permessi skont it-termini tal-kuntratt oriġinali;

(c)

GBP 18,2 miljun bħala fondi addizzjonali għaż-żamma tat-twassil ta’ servizzi; u

(d)

GBP 2,5 miljun biex uħud mill-kirjiet li kienet qed tagħmel użu minnhom NorthLink 1 jitħallsu f’pagament wieħed.

(83)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni li ġiet ippreżentata mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-Eżekuttiv Skoċċiż għamel għotja oħra ta’ GBP 21,6 miljun lil NorthLink 1 bejn Settembru 2005 u s-6 ta’ Lulju 2006, meta l-kuntratt ġie mgħoddi lis-suċċessur tagħha.

(84)

Ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni finanzjarja li turi l-fatturat nett tal-attivitajiet tas-servizz pubbliku (l-aktar it-trasport tal-passiġġieri) u tal-attivitajiet kummerċjali (l-aktar it-trasport tal-merkanzija) imwettqa minn NorthLink 1 mill-eżerċizzju finanzjarju tal-perjodu 2002/2003 sal-eżerċizzju finanzjarju tal-perjodu 2005/2006:

Tabella 3

Kont ta’ qligħ u telf tal-attivitajiet kummerċjali u ta’ servizz pubbliku ta’ NorthLink 1 mill-2002/2003 sal-2005/2006

(miljun GBP)

 

Attivitajiet ta’ servizz pubbliku

Attivitajiet kummerċjali

Total

 

Dħul

Spejjeż

Qligħ / Telf

Dħul

Spejjeż

Qligħ / Telf

Qligħ / Telf

2002/2003

26,7

–28,3

–1,7

7,7

–7,3

0,5

–1,2

2003/2004

38,0

–35,5

2,5

10,5

–10,0

0,5

3,0

2004/2005

33,8

–34,6

–0,8

10,3

–10,1

0,1

–0,7

2005/2006 (21)

31,1

–30,2

0,9

7,4

–7,2

0,2

1,1

(85)

L-ammonti indikati fit-Tabella 3 jirriżultaw minn eżerċizzju tal-kontabilità analitiku fuq il-bażi tal-kontijiet statutorji. Id-dħul kummerċjali jaqbel mad-dħul mit-trasport tal-merkanzija u tal-bhejjem (22). Id-dħul mis-servizzi pubbliċi jinkludi l-finanzjament mill-Gvern u d-dħul mill-bejgħ ta’ biljetti. Fuq in-naħa tal-infiq, spejjeż komuni bħal taxxi tal-port, spejjeż relatati mat-terminal u spejjeż amministrattivi jinqasmu skont il-piż relattiv li attivitajiet ta’ servizz pubbliku u kummerċjali għandhom fil-kuntest ta’ dawk l-ispejjeż.

(86)

Proċeduri li sar ftehim dwarhom ġew imwettqa mill-Awditur tal-Kumpanija (KPMG LLP) rigward il-metodoloġija, id-dettall tal-kontabilità u l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet. Ma nstabu l-ebda differenzi sinifikanti bejn l-ammonti murija fit-Tabella 3 hawn fuq u l-kotba u r-reġistri sottostanti ta’ NorthLink 1.

2.2.3.4.    Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku ma’ NorthLink 2 tal-2006

(87)

F’Marzu 2004, ir-Renju Unit għarraf lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tal-Eżekuttiv Skoċċiż li jerġa’ jiftaħ offerta għall-kuntratt ta’ servizz pubbliku kemm jista’ jkun malajr.

(88)

Fit-8 ta’ April 2004, l-Eżekuttiv Skoċċiż ħabbar pubblikament l-intenzjoni tiegħu li jerġa’ jiftaħ l-offerta għas-servizz u ppubblika Avviż ta’ Kuntratt dwar l-offerta tas-servizz f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fis-27 ta’ Mejju 2004, ippubblika abbozz ta’ speċifikazzjoni tas-servizz għall-offerta bħala parti minn eżerċizzju ta’ konsultazzjoni.

(89)

B’differenza mill-offerta tal-2000, is-sejħa l-ġdida għall-offerti (23) introduċiet obbligi ta’ servizz pubbliku fuq is-servizzi tal-merkanzija. L-offerent rebbieħ kien mistenni jipprovdi servizz tat-trasport ro-ro tal-merkanzija komprensiv, li jinkludi l-ġarr ta’ bhejjem u ta’ merkanzija perikoluża, kif ukoll jopera servizz addizzjonali tal-ġarr ta’ merkanzija bil-baħar matul il-ġimgħa fuq ir-rotta Kirkwall-Aberdeen. Il-livelli tat-tariffi tal-2005 kienu l-bażi għall-2006, b’konsiderazzjoni tal-indiċjar permezz tal-użu tal-Indiċi tal-Prezz tal-Konsumatur. Kellhom jitnaqqsu l-livelli tat-tariffi għall-merkanzija ġenerali għall-vjaġġi kollha tar-rotot Aberdeen/Kirkwall/Lerwick, b’madwar 19 % fuq ir-rotta Kirkwall-Aberdeen u b’25 % fuq ir-rotta tal-Gżejjer Shetland.

(90)

NorthLink 1 kienet proprjetarja ta’ assi bħal ħardwer tat-teknoloġija informatika, tagħmir u partijiet ta’ rikambju ta’ bastimenti, tagħmir tal-portijiet, tagħmir tal-uffiċċju, stokkijiet maħżuna u karrijiet għall-ġarr tal-bhejjem, li kienu kollha rilevanti għat-tħaddim tal-kuntratt. Hija kellha wkoll kuntratti kurrenti għall-kiri ta’ bastiment tal-merkanzija, vetturi tal-irmonk u sistema għall-ħruġ ta’ biljetti. Dawn l-assi u ftehimiet kuntrattwali kienu magħmula disponibbli għall-offerenti kollha fuq il-bażi tal-valur stmat fuq is-suq.

(91)

Fid-19 ta’ Lulju 2005, l-Eżekuttiv Skoċċiż stieden tliet kumpaniji li kienu tniżżlu fil-lista l-qasira biex jippreżentaw l-offerti tagħhom. Sussegwentement, ġew ippreżentati żewġ offerti fit-30 ta’ Novembru 2005, waqt li t-tielet l-kumpanija rtirat mill-proċess f’Ottubru 2005. Fid-9 ta’ Marzu 2006 l-Eżekuttiv Skoċċiż ħabbar li kien intgħażel l-offerent preferut - CalMac.

(92)

Ġiet stabbilita kumpanija ġdida, NorthLink 2, bħala sussidjarja posseduta fis-sħiħ minn CalMac (hija stess proprjetà fis-sħiħ tal-awtoritajiet Skoċċiżi) biex topera l-kuntratt ta’ servizz pubbliku mogħti lil CalMac, li ġie ffirmat fis-6 ta’ Lulju 2006. Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku kopra l-perjodu 2006-2012. NorthLink 2 ħadet f’idejha l-operat taż-żewġ rotot fiż-żona tal-gżejjer tat-tramuntana flimkien mal-biċċa l-kbira tal-assi u l-persunal ta’ NorthLink 1.

(93)

Skont ir-Renju Unit, NorthLink 2 xtrat l-assi li xtaqet mingħand NorthLink 1 bi prezzijiet tas-suq attwali jew stmati.

(94)

NorthLink 2 irċeviet il-ħlasijiet li ġejjin mill-awtoritajiet Skoċċiżi b’rabta mal- kuntratt ta’ servizz pubbliku tal-2006:

Tabella 4

Fondi pubbliċi mogħtija lil NorthLink 2 mill-2006

(miljun GBP)

 

Għotjiet ta’ defiċit

Għotjiet ta’ Kapital

Total

2006/2007 (24)

21,8

1,3

23,1

2007/2008 (25)

28,0

2,0

30,0

(95)

NorthLink 2 ma wettqet l-ebda attivitajiet barra mill-ambitu tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku tal-2006 (li jinkludi l-ġarr ta’ bhejjem u ta’ merkanzija). Għaldaqstant, l-attivitajiet kollha tagħha jitqiesu bħala obbligi ta’ servizz pubbliku. Ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni finanzjarja li turi d-dħul nett fatturat mill-attivitajiet imwettqa minn NorthLink 2 sa mis-sena ta’ kuntratt 2006/07. Għal skopijiet ta’ indikazzjoni, ġiet provduta analiżi nozzjonali ta’ dawn ir-riżultati għall-merkanzija u għall-passiġġieri (u karozzi akkumpanjati):

Tabella 5

Kont ta’ qligħ u telf ta’ attivitajiet ta’ servizz pubbliku ta’ NorthLink 2 fl-2006/2007 u fl-2007/2008  (26)

(miljun GBP)

 

Passiġġieri u karozzi akkumpanjati

Merkanzija

Total

 

Dħul

Spejjeż

Qligħ / Telf

Dħul

Spejjeż

Qligħ / Telf

Qligħ / Telf

2006/2007

38,3

–37,5

0,8

12,1

–11,8

0,3

1,1

2007/2008

39,7

–38,6

1,0

10,9

–10,6

0,3

1,3

(96)

L-ammonti stabbiliti fit-Tabella 5 jirriżultaw minn eżerċizzju analitiku ta’ kontabilità fuq il-bażi tal-kontijiet statutorji.

(97)

Proċeduri li sar ftehim dwarhom ġew imwettqa mill-Awditur tal-Kumpanija (KPMG LLP) rigward il-metodoloġija, id-dettall tal-kontabilità u l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet. Ma nstabu l-ebda differenzi sinifikanti bejn l-ammonti murija fit-Tabella 5 hawn fuq u l-kotba u r-reġistri sottostanti ta’ NorthLink 2.

2.2.4.   TARIFFI GĦAT-TRASPORT

(98)

It-Tabella 6 turi t-tariffi għat-trasport tal-merkanzija mill-1 ta’ Jannar 2000 stabbiliti mill-operatur tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku (servizzi ro-ro tal-ġarr tal-merkanzija) u minn Streamline Shipping (servizzi lo-lo tal-ġarr tal-merkanzija).

Tabella 6

Paragun ta’ tariffi tal-merkanzija għal kull metru lineari bejn l-operatur tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku u Streamline Shipping  (27)

(GBP)

Sena

L-operatur tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku

Streamline Shipping (28)

Shetland

Orkney

Shetland

Orkney

2000 (rati ta’ P&O Ferries)

43,70

37,90

37,05

31,62

2002 (rati indikattivi ta’ NorthLink 1)

44,00

36,00

 

 

2002/2003 (rati ta’ NorthLink 1)

36,00

25,50

33,69

29,40

2004 (rati ta’ NorthLink 1)

38,50

27,50

34,87

28,86

2005 (rati ta’ NorthLink 1)

39,45

28,20

33,24

30,29

2006 (rati ta’ NorthLink 1)

40,60

29,00

40,43

32,07

Lulju 2006 (rati ta’ NorthLink 2)

30,60

23,50

40,43

32,07

(99)

Streamline Shipping issostni, fuq il-bażi tad-dejta ppubblikata, li NorthLink 1 u NorthLink 2 baxxew il-prezzijiet għall-ġarr għal livell li mhuwiex sostenibbli għal Streamline Shipping u dan kien possibbli biss permezz tas-sussidji mogħtija lill-operatur ta’ servizz pubbliku għat-traffiku tal-passiġġieri.

(100)

Ir-Renju Unit jindika li l-paragun muri fit-Tabella 6 jista’ jkun wieħed li jiżgwida peress li Streamline Shipping ma tapplikax ir-rati tagħha ta’ ħlas fuq bażi ta’ metru lineari (29). Huma jsostnu li s-servizzi lo-lo u ro-ro jirrappreżentaw oqsma differenti tas-suq tal-ġarr tal-merkanzija lejn il-gżejjer tat-Tramuntana, anki jekk jistgħu jinħolqu xi sporġenzi meta jintużaw iż-żewġ servizzi. L-operazzjoni lo-lo għandha t-tendenza li tkun inqas sensittiva għaż-żmien b’żewġ servizzi biss fil-ġimgħa u b’merkanzija li tipikament hija ta’ valur aktar baxx. Għalhekk, ir-Renju Unit isostni li kull paragun taż-żewġ servizzi huwa artifiċjali u li huwa diffiċli biex wieħed jasal għal konklużjonijiet minn paraguni bħal dawn.

(101)

F’Diċembru 2001 - qabel l-esekuzzjoni tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku - NorthLink 1 indikat li kienet se tapplika rati ta’ GBP 44,00 u ta’ GBP 36,00 għal kull metru lineari għal trejlers fuq vjaġġi lejn Shetland u Orkney rispettivament. Dawn ir-rati kienu ġġustifikati mill-fatt li NorthLink 1 kellha bżonn tapplika rata li kienet kemm kummerċjalment sostenibbli kif ukoll aċċettabbli għas-suq. Ġie ddikjarat ukoll li dawn ir-rati kienu se jkunu fissi għal perjodu ta’ ħames snin. NorthLink 1 iddikjarat li ma setgħetx tsostni “sitwazzjoni li fiha aħna [NorthLink 1] nġorru karrijiet mingħajr ħlas jew għal ammonti żgħar ħafna”. Fl-istess ħin, NorthLink 1 enfasizzat li n-negozju tagħha tal-merkanzija ma kienx issussidjat.

(102)

Skont Streamline Shipping, NorthLink 1 irrispondiet għall-kompetizzjoni minn Streamline Shipping u Norse Island Ferries billi introduċiet, fil-bidu nett tal-kuntratt tagħha fl-2002, tnaqqis sinjifikanti (sa GBP 36,00 u GBP 25,50 għal kull metru lineari għal trejlers lejn Orkney u Shetland rispettivament) fit-tariffi li qabel kienu ġew indikati minn NorthLink 1 bħala kummerċjalment sostenibbli. Streamline Shipping u Norse Island Ferries jissuspettaw li NorthLink 1 kienet qed tipprovdi s-servizzi tagħha tal-merkanzija b’telf.

(103)

NorthLink 1 introduċiet rati mnaqqsa speċifiċi f’Diċembru 2003:

(a)

Rata speċjali għal trejlers vojta;

(b)

Rata fissa speċjali ta’ GBP 200 għal merkanzija mhux sensittiva għaż-żmien li tinġarr bejn Aberdeen u Kirkwall (l-hekk imsejjaħ “Vjaġġ Speċjali ta’ Nhar ta’ Ħadd”); u

(c)

Skema ta’ skont għal traffiku kummerċjali li tipprovdi għal skontijiet ta’ sa 10 % stabbiliti skont il-livell ta’ metri ta’ karreġġjata eliġibbli trasportati kull xahar.

(104)

Minn mindu NorthLink 2 bdiet teżegwixxi t-tielet kuntratt ta’ servizz pubbliku f’Lulju 2006, il-pressjoni kummerċjali eżerċitata fuq Streamline Shipping allegatament kompliet tiżdied. Skont Streamline Shipping, meta l-Ministru tat-Trasport ta’ dak iż-żmien ta l-kuntratt ta’ servizz pubbliku l-ġdid lil NorthLink 2, dan kien ħabbar li r-rati tal-merkanzija minn Aberdeen lejn Shetland kienu se jitnaqqsu b’25 %, waqt li dawk lejn Orkney kienu se jitnaqqsu b’19 %. Skont Streamline Shipping, dan kien sar possibbli biss permezz tas-sussidju annwali miżjud li ngħata lil NorthLink 2.

(105)

Skont Streamline Shipping, f’Lulju 2006 ir-rati standard ta’ NorthLink 2 kienu GBP 30,60 għal kull metru lineari lejn Shetland u GBP 23,50 għal kull metru lineari lejn Orkney. Dawn ir-rati għandhom jiġu mqabbla mar-rati ta’ GBP 40,43 għal kull metru lineari lejn Shetland u ta’ GBP 32,07 għal kull metru lineari lejn Orkney mitluba minn Streamline Shipping. Barra minn hekk, il-konċessjoniji għal trejlers vojta u l-“Vjaġġ Speċjali ta’ Nhar ta’ Ħadd” allegatament baqgħu fis-seħħ, bi tnaqqis ta’ sa 73 % fuq ir-rati offruti minn NorthLink 2.

(106)

Streamline Shipping issostni li, filwaqt li fil-passat ippruvat tikkompeti billi tnaqqas ir-rati, l-iskala tat-tnaqqis mogħti lill-klijenti minn NorthLink 2 ħolqot sitwazzjoni li minħabba fiha din l-istrateġija ma baqgħetx possibbli. Streamline Shipping tikkalkula li biex tkopri l-ispejjeż tagħha trid tapplika rati ta’ GBP 36.67 għal kull metru lineari. Tali rata hija ogħla mir-rati li attwalment qed toffri NorthLink 2.

(107)

Pentland Ferries issostni li NorthLink 2 qed timplimenta skema ta’ skontijiet imsejħa “ħbieb u qraba” għal residenti ta’ Orkney, li qed ikollha effett negattiv fuq is-servizz ta’ kompetizzjoni pprovdut minn Pentland Ferries, speċjalment minn mindu beda jitħaddem il-katamaran il-ġdid ta’ Pentland Ferries “Pentalina” f’Marzu 2009. Preċiżament, qed jiġi sostnut li fl-2008/2009 NorthLink estendiet dawn l-iskontijiet għal numru kbir ħafna ta’ “ħbieb u qraba”, u b’hekk naqqset il-prezzijiet għall-ivvjaġġar tal-passiġġieri b’mod effettiv u ġeneralizzat li qed jagħmel ħsara lis-servizz offrut mill-kompetituri Pentland Ferries.

(108)

Bħala parti minn din l-iskema ta’ skontijiet, ir-residenti tal-gżejjer innominaw sa 6 indirizzi ta’ Qraba u Ħbieb li jgħixu barra minn Orkney u Shetland, sabiex dawn ikunu eliġibbli biex jirċievu skont ta’ 30 % fuq l-ispejjeż tal-vjaġġi li jagħmlu ma’ NorthLink (30).

(109)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit spjegaw li fl-2008 kienu biss 4 952 passiġġier li bbenefikaw minn din l-iskema ta’ skontijiet, li hija disponibbli biss fl-istaġuni Baxxi u Medji. Peress li NorthLink 2 ġarret 295 913 passiġġier fl-2008, l-iskema ta’ skontijiet hija rilevanti biss għal 1.6 % tat-total ta’ passiġġieri li vvjaġġaw ma’ NorthLink 2. Id-dħul totali minn din l-iskema (għall-passiġġieri u l-karozzi eliġibbli kollha) fl-2008 ammonta għal GBP 95 000, li meta jitqabbel mad-dħul totali ta’ GBP 20 miljun mit-tariffi fl-2008 huwa inqas minn 0,5 % tad-dħul totali. L-awtoritajiet tar-Renju Unit isostnu li skema ta’ skontijiet fuq skala żgħira bħal din mhux mistennija li jkollha effett sinifikanti fuq l-interessi kummerċjali ta’ Pentland Ferries.

(110)

It-tariffi tal-passiġġieri ta’ NorthLink 2 (Scrabster-Stromness) u ta’ Pentland Ferries (Gill’s Bay - St. Margaret’s Hope) li ġew ippubblikati huma attwalment dawn li ġejjin (31) :

Tabella 7

Tqabbil bejn it-tariffi tal-passiġġieri tal-operatur tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku u dawk ta’ Pentland Ferries li ġew ippubblikati

(GBP)

 

NorthLink 2

Pentland Ferries

Baxx (32)

Medju (33)

Għoli (34)

Sal-31.3.2009

1.4.2009 – 31.10.2009

PASSIĠĠIERI

Adult waħdu

13,80

15,00

16,10

10,00

13,00

Tfal (minn 5 snin sa 15-il sena)

6,90

7,50

8,10

5,00

6,00

Trabi (0-4 snin) (35)

MINGĦAJR ĦLAS

VETTURI

Karozzi u motorhomes (< 6 m)

43,60

44,80

48,20

25,00

30,00

Muturi

13,20

15,00

16,70

10,00

11,00

(111)

Parti interessata sostniet ukoll li NorthLink 2 qed toffri akkomodazzjoni Bed & Breakfast f’Orkney (meta l-bastiment ikun wieqaf matul il-lejl) bħala attività kummerċjali b’rati ta’ telf, u li dan qed jaffettwa lill-fornituri tas-servizzi Bed & Breakfast fil-lukandi.

2.3.   RAĠUNIJIET BIEX TINBEDA L-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

2.3.1.   IL-GŻEJJER TAL-PUNENT

2.3.1.1.    Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(112)

Fir-rigward tal-pagamenti ta’ għajnuna mill-Istat li ngħataw lil CalMac sa meta ġie ffirmat il-kuntratt tal-2007, fid-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk dawn il-pagamenti ssodisfawx il-kriterji stabbiliti fil-każ Altmark (36) u b’hekk waqgħux barra mill-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

(113)

Preċiżament, il-Kummissjoni ddubitat dwar jekk: l-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq CalMac kinux ġew definiti b’mod ċar; il-parametri fuq il-bażi ta’ liema l-kumpens li kien ġie kkalkulat kienx ġie stabbilit qabel l-impożizzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku b’mod oġġettiv u trasparenti; kienx ingħata kumpens żejjed għall-ispejjeż sostnuti minn CalMac għall-iżvolġiment tal-obbligi ta’ servizz pubbliku; il-livell tal-kumpens meħtieġ kienx ġie ddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża normali u ġestita sew għandha tħallas waqt l-iżvolġiment ta’ dawk l-obbligi, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-irċevuti rilevanti u qligħ raġonevoli.

(114)

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-pagamenti rilevanti li ngħataw lil CalMac sa meta ġie ffirmat il-kuntratt tal-2007 jistgħu jinvolvu vantaġġ u għalhekk jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(115)

Fir-rigward tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku tal-2007 ma’ CalMac, il-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni biżżejjed biex tistabbilixxi konklużjonijiet preliminari dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u b’hekk talbet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit biex jippreżentaw l-informazzjoni meħtieġa.

(116)

Il-Kummissjoni nnutat li xi partijiet interessati kienu tal-fehma li t-tgħaqqid flimkien tar-rotot kollha, bl-eċċezzjoni tar-rotta bejn Gourock u Dunoon, wassal biex il-kompetizzjoni tiġi ristretta b’mod inġustifikat u sinifikanti waqt l-offerta minħabba li allegatament CalMac biss kienet f’pożizzjoni li toffri offerta li tkopri l-pakkett kollu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjoni tal-offerta li tistabbilixxi li l-appaltatur kien se jkollu jikri l-bastimenti CMAL setgħetx tikkostitwixxi vantaġġ għal CalMac.

(117)

Kieku dan kien il-każ, il-Kummissjoni kienet tikkunsidra li l-kuntratt ma ngħatax permezz ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku miftuħa u mhux diskriminatorja. Dan seta’ wassal għal sitwazzjoni li fiha l-awtoritajiet Skoċċiżi ħallsu kumpens ogħla għall-ħtiġiet ta’ servizz pubbliku rilevanti milli kieku kienu jiġu mħallsa u għalhekk għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

2.3.1.2.    Kompatibilità mas-suq komuni

(118)

Fid-deċiżjoni tagħha tal-ftuħ il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Artikolu 86(2) tat-Trattat kien jidher li hu l-bażi legali xierqa għall-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura mas-suq komuni (37).

(119)

Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar is-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet tad-Deċiżjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil ċertu intrapriżi responsabbli għall-operat ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Deċiżjoni SGEI”) (38).

(120)

Sabiex ikunu kompatibbli skont l-Artikolu 86(2) tat-Trattat, is-servizzi sussidjati għandhom jikkorrispondu għal servizzi ġenwini u leġittimi ta’ interess ekonomiku ġenerali (minn hawn ’il quddiem imsejħa “SGEI”) u għandhom jingħataw lill-benefiċjarju b’mod xieraq, waqt li l-kumpens m’għandux jikkawża effetti sproporzjonati fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ.

(121)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni preliminari li s-servizzi mogħtija lil CalMac kienu leġittimament SGEI iżda, minħabba nuqqas ta’ evidenza, ma kenitx f’pożizzjoni li tevalwa jekk l-att ta’ fiduċja kienx adegwat u jekk l-għajnuna mogħtija lil CalMac kenitx proporzjonali mal-għan tagħha u, għalhekk, li tevalwa jekk l-għajnuna li possibbilment setgħet ingħatat mill-Istat kenitx kompatibbli mas-suq komuni.

2.3.2.   IL-GŻEJJER TAT-TRAMUNTANA

2.3.2.1.    Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(122)

Il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li l-finanzjament ta’ NorthLink 1 skont l-MoA probabbilment ma kienx se jilħaq ir-raba’ kriterju Altmark, li jirrikjedi li l-livell ta’ kumpens jiġi determinat fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża normali u ġestita sew għandha tħallas waqt l-iżvolġiment ta’ dawk l-obbligi. Għalhekk, huwa probabbli li l-pagamenti in kwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

(123)

Fir-rigward ta’ NorthLink 2, il-Kummissjoni talbet kjarifiki dwar it-trasferiment ta’ assi minn NorthLink 1 u dwar il-konformità tal-kuntratt tal-2006 mal-erba’ kundizzjonijiet Altmark. Għalhekk ma ġietx eskluża l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat.

2.3.2.2.    Kompatibilità mas-suq komuni

(124)

Fid-deċiżjoni tagħha li tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ma setgħetx tidentifika bażi ta’ kompatibilità għall-għajnuna possibbli mill-Istat lil NorthLink 2 permezz ta’ trasferiment potenzjali ta’ assi minn NorthLink 1 bi prezzijiet inqas minn dawk tas-suq.

(125)

Rigward l-għajnuna possibbli mill-Istat lil NorthLink 1 skont il-kuntratt tal-2000 u l-MoA u lil NorthLink 2 skont il-kuntratt tal-2006, is-servizzi pprovduti minn dawn il-kumpaniji jistgħu jiġu kkunsidrati bħala leġittimament SGEI u l-atti ta’ għoti ta’ responsabbiltà jistgħu jiġi kkunsidrati bħala xierqa. Għall-kuntrarju, minħabba nuqqas ta’ provi suffiċjenti hemm dubju dwar jekk l-għajnuna possibbli mill-Istat mogħtija lil NorthLink 1 u 2 kenitx proporzjonali għall-għan iddikjarat tagħha.

3.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(126)

Matul il-limitu ta’ żmien previst mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Proċedurali, il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn bosta partijiet interessati. Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Proċedurali, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ingħataw l-opportunità li jirrispondu għall-kummenti li waslu mingħand partijiet interessati qabel ma skada dak il-limitu ta’ żmien. Il-partijiet interessati li ġejjin ressqu l-fehmiet tagħhom: il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport, is-Sur James Knight ta’ TSL Contractors Limited, Western Ferries, is-Sur John Rose, Streamline Shipping, il-Professur Dott. Alfred J. Baird tal-Università ta’ Napier, Pedersen Consulting, is-Sur James Knight u s-Sur Andy Knight (f’isem Isle of Mull Ferry Company Limited), McGill’s Bus Service Limited u ż-żewġ partijiet l-oħra li talbu li l-identità tagħhom u l-kontenut tas-sottomissjoni tagħhom jinżammu kunfidenzjali.

(127)

Il-kummenti ta’ Streamline Shipping huma simili għal dawk li kienet għamlet fl-ilment tagħha ta’ Lulju 2004. Hija tqis li l-kriżi finanzjarja ta’ NorthLink 1 kienet riżultat dirett tal-istrateġija ta’ dik l-impriża, li kellha l-iskop li tagħmel il-ħsara lill-kompetizzjoni, inizjalment lil dik ippreżentata minn Norse Island Ferries u sussegwentement lil dik ippreżentata minn Streamline Shipping, billi tnaqqas ir-rati għall-ġarr tal-merkanzija b’mod drastiku u b’hekk twaqqagħhom għall-aktar livelli baxxi li qatt ġew osservati. Kienet din l-istrateġija li wasslet biex il-Gvern jinjetta finanzjament akbar minn dak li kien meħtieġ għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku. Huma jikkwotaw ir-rapport tal-Awditur Ġenerali ta’ Diċembru 2005, li fih jiġi ddikjarat li “l-livell ta’ ħlas għat-trasport tal-merkanzija u l-kompetizzjoni li rriżultat minn Norse Island Ferries kienu fatturi ewlenin li kellhom sehem fil-ħolqien tal-problemi finanzjarji ta’ NorthLink 1” u li “filwaqt li n-nolleġġ ta’ bastiment ieħor (għat-trasport tal-merkanzija) kien maħsub biex jiżgura li jkun hemm kapaċità adegwata biex tiġi sodisfatta d-domanda, dan ħoloq sitwazzjoni fejn il-kapaċità għat-trasport tal-merkanzija fil-fatt qabżet id-domanda. L-ispejjeż addizzjonali li nħolqu minħabba t-tħaddim ta’ bastiment ieħor qabżu d-dħul addizzjonali li ġie ġġenerat, u komplew iżidu mal-problemi ta’ likwidità”.

(128)

Rigward NorthLink 2, Streamline Shipping issostni li l-bastimenti tagħha mhumiex qed jiġu utilizzati biżżejjed. Qed jiġi sostnut li t-tnaqqis imħabbar fir-rati tas-suq b’25 % għall-gżejjer Shetland u b’19 % għal Orkney minn NorthLink 2 meta mqabbel mar-rati ta’ NorthLink 1 ikkawża ħsara kbira lil Streamline Shipping.

(129)

Western Ferries reġgħet tenniet it-tħassib tagħha dwar is-sussidji mħallsa lil CalMac għall-operazzjoni tar-rotta Gourock-Dunoon. Western Ferries tqis lil din ir-rotta bħala waħda kummerċjalment vijabbli, kif jidher mill-operazzjoni profittabbli tagħha stess. Hija tqis ukoll li l-kundizzjonijiet Altmark mhumiex qed jiġu sodisfatti peress li l-livell tas-sussidju huwa aktar minn dak meħtieġ fir-rigward ta’ servizz għall-passiġġieri biss bl-użu ta’ bastiment għall-passiġġieri biss (eċċess stmat li jiħaq GBP 1,3 miljun). Qed jiġi sostnut ukoll li l-għajnuna qed tintuża biex jiġi ssussidjat is-servizz għall-vetturi, pereżempju billi l-prezzijiet tat-trasport tal-vetturi jinżamm kostanti minkejja spejjeż akbar għall-karburant (fl-2009 CalMac żiedet il-prezzijiet b’3,8 % biss, jiġifieri 1 % taħt l-inflazzjoni). Barra minn hekk, kuntrarjament għal kif ġara fil-każ tan-netwerks ta’ NorthLink u CalMac, din ir-rotta ma nħarġitx għall-offerti u għalhekk mhijiex konformi mar-rekwiżiti tal-UE. Barra minn hekk, Western Ferries hija tal-fehma li l-offerta reċenti għan-netwerk ta’ CalMac kienet wisq preskrittiva u li t-tgħaqqid flimkien tar-rotot kollha mhuwiex ġustifikat. F’kundizzjonijiet bħal dawn, CalMac biss kienet f’pożizzjoni li tagħmel offerta.

(130)

Fir-rigward tat-trasparenza finanzjarja ta’ CalMac, qed jiġi allegat li l-ispejjeż irrapportati tar-rotta Gourock-Dunoon (GBP 4,2 miljun fis-sena sa Marzu 2008) jissottovalutaw l-ispejjeż kollha reali tas-servizz minħabba li r-responsabbiltà legali tal-pensjonijiet relatata mal-ekwipaġġ rispettiv mhijiex riflessa, m’hemm l-ebda trasparenza fit-tariffi bejn il-kumpaniji għal funzjonijiet relatati ma’ uffiċċji ġenerali waqt li l-ispejjeż għall-kiri ta’ kuljum tal-bastiment tas-servizz qed jiġu ferm sottovalutati. M’hemm l-ebda evidenza li l-Gvern Skoċċiż kien qed jissorvelja b’mod attiv is-sussidju inkroċjat tan-negozju tal-vetturi li seta’ kien qed isir.

(131)

Western Ferries tqis li, b’differenza għas-sitwazzjoni ta’ NorthLink, diġà hemm biżżejjed provvista tas-suq għal passiġġieri, karozzi u merkanzija. Jidher li m’hemm l-ebda raġuni biex il-vetturi jiġu ssussidjati, minħabba s-servizz eżistenti ta’ Western Ferries.

(132)

Il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport esprimiet id-diżappunt tagħha rigward il-fatt li hemm ħtieġa għal reviżjoni mill-ġdid tal-linja ta’ sikurezza tas-servizzi pprovduti minn CalMac u NorthLink. Huma jenfasizzaw il-bżonn ta’ servizz pubbliku stabbli, li huwa leġittimament definit skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġi pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu”) (39).

(133)

Waħda mill-partijiet interessati esprimiet it-tħassib tagħha dwar id-dipendenza fuq fornitur Statali li l-pożizzjoni monopolistika tiegħu hija infurzata permezz tal-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat. Din il-parti tqis li l-proċess ta’ offerti għar-rotot operati minn CalMac kien definit b’mod ristrett u li l-offerta ma tistax titqies bħala waħda miftuħa. Il-parti interessata titlob li r-rotot soġġetti għall-offerti jiġu separati.

(134)

Is-Sur James Knight huwa tal-fehma li CalMac mhijiex tipprovdi valur tajjeb għall-flus u li fornituri privati effiċjenti għandhom jieħdu f’idejhom is-servizzi li bħalissa qed jiġu provduti minn CalMac. Huwa jipprovdi pjanijiet alternattivi possibbli biex jitnaqqsu s-sussidji meħtieġa għat-tħaddim tar-rotot u biex jiżdiedu l-inċentivi għall-innovazzjoni u għall-effiċjenza fl-infiq.

(135)

Parti oħra interessata hija tal-fehma li r-restrizzjoni fuq il-frekwenza imposta fuq CalMac mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fuq ir-rotta Gourock-Dunoon fil-fatt tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lil Western Ferries, u li din tfixkel il-kompetizzjoni b’mod serju u ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta’ Western Ferries. Min-naħa l-oħra, hija qieset li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil CalMac saret bi skambju għal missjoni leġittima ta’ servizz pubbliku.

(136)

Is-Sur John Rose huwa tal-fehma li l-offerti għall-kuntratti ta’ NorthLink 1 u NorthLink 2 ma kinux konformi mar-regoli tal-UE. Huwa jsostni wkoll li r-rotta Gourock-Dunoon ma tistax tiġi kkunsidrata bħala servizz ta’ sikurezza minħabba li diġà teżisti alternattiva ta’ triq, u minħabba l-fatt li kumpanija privata tal-laneċ diġà tipprovdi servizz aħjar mingħajr sussidji.

(137)

Il-Professur Alfred Baird ippreżenta studji li jindikaw li l-effiċjenza tal-operazzjonijiet ta’ NorthLink jistgħu jittejbu permezz ta’ kompożizzjoni mtejba tal-flotta, li r-rwol dejjem akbar tal-Istat fis-swieq Skoċċiżi tal-laneċ imur kontra l-politika u t-tendenzi tal-UE u li, b’mod ġenerali, la huwa meħtieġ u lanqas tajjeb għall-Istat li jopera servizzi tat-trasport marittimu huwa stess.

(138)

McGill’s Bus Service hija tal-fehma li s-servizz issussidjat tal-passiġġieri bejn Gourock u Dunoon mhuwiex meħtieġ, peress li huma diġà qed jipprovdu l-istess servizz fuq bażi kummerċjali.

(139)

Pedersen Consulting issostni li l-proċess ta’ offerti għall-gżejjer tal-Punent kien tant kumpless u għali biex kumpanija tikkonforma miegħu li CalMac biss kienet f’pożizzjoni li tgħaddi minnu. Rigward ir-rotta Gourock-Dunoon, Pedersen Consulting tqis li ma jagħmilx sens li jinżamm servizz issussidjat għat-trasport tal-vetturi meta Western Ferries diġà twettaq, bi profitt, it-trasport ta’ kważi 90 % tat-traffiku kollu tal-vetturi. Madankollu, jista’ jkun li konnessjoni diretta għall-passiġġieri mat-terminus ferrovjarju ta’ Gourock tista’ tkun vijabbli bħala operazzjoni ta’ trasport pubbliku. Rigward NorthLink, qed jiġi allegat li l-proċess ta’ offerti kien kompletament inadegwat u li dan wassal għal servizz ineffiċjenti, filwaqt li Pentland Ferries diġà tipprovdi servizz mhux sussidjat li jiġġenera l-qligħ. Ir-rotta Stromness-Scrabster tista’ faċilment tinqata’ mill-użu prattikament għal kollox, biex fil-proċess jiġu ffrankati l-flus mit-taxxi.

4.   IL-KUMMENTI TAR-RENJU UNIT DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ U DWAR IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(140)

Fid-deċiżjoni tagħha dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-kundizzjoni li tistipula li l-offerent rebbieħ tal-offerta pubblika li wasslet għall-kuntratt ta’ servizz pubbliku tal-2007 bejn l-awtoritajiet tar-Renju Unit u CalMac kellu jikri l-bastimenti CMAL setgħetx tikkostitwixxi vantaġġ għal CalMac.

(141)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit huma tal-fehma li f’din id-dispożizzjoni ma kien hemm l-ebda vantaġġ għal CalMac jew għal CMAL. Għall-kuntrarju, huma tal-fehma li d-disponibbiltà pronta ta’ flotta konformi fis-sħiħ u li hija kapaċi tissodisfa l-ħtiġiet tar-rotta malli jidħol fis-seħħ il-kuntratt tikkostitwixxi vantaġġ għal offerenti oħra, u li din tnaqqas l-ostakli li jimpedixxu lil offerenti possibbli milli jagħmlu l-offerti tagħhom filwaqt li toħloq kundizzjonijiet indaqs fil-proċess tas-sejħa għall-offerti.

(142)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit għamlu referenza għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu (40) (Taqsima 5.3.2.1) li tistabbilixxi li “fejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri nfushom ikollhom bastimenti fil-pussess tagħhom, jew b’xi mod ieħor ikollhom dawn il-bastimenti għad-dispożizzjoni tagħhom, dawn jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-operaturi possibbli kollha tas-servizzi taħt l-istess termini mhux diskriminatorji”. L-awtoritajiet tar-Renju Unit huma tal-fehma li huwa kważi impossibbli li operatur wieħed ikollu flotta ġdida ta’ bastimenti konformi biex iwettaq is-servizzi fuq ir-rotot kollha u jkompli jopera vjaġġi lejn u minn komunitajiet ibbażati fuq gżejjer remoti fil-ħin għall-bidu tal-perjodu tal-kuntratt.

(143)

Fid-deċiżjoni li biha ġie stabbilit li tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni staqsiet ukoll dwar jekk it-tgħaqqid flimkien tar-rotot kollha tal-gżejjer tal-Punent fl-offerta pubblika tal-2006, bl-eċċezzjoni tar-rotta bejn Gourock u Dunoon, wassalx biex il-kompetizzjoni tiġi ristretta b’mod inġustifikat u sinifikanti waqt l-offerta, kif ġie sostnut minn xi partijiet interessati.

(144)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit huma tal-fehma li l-offerta għal dawn ir-rotot bħala pakkett wieħed kienet ġustifikata għal għadd ta’ raġunijiet: din għolliet il-valur għall-flus fl-ogħla livell possibbli għall-Eżekuttiv Skoċċiż; iffaċilitat il-provvista ta’ bastimenti għall-assistenza f’każ ta’ nuqqas fin-netwerk; evitat li ssir għażla mhux ikkontrollata tal-aktar rotot li jrendu qligħ; iffaċilitat il-ġestjoni, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-flotti u l-manutenzjoni; u evitat il-piż amministrattiv u l-ispejjeż addizzjonali marbuta mat-tmexxija ta’ numru kbir ta’ offerti.

(145)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu (Taqsima 5.5.3), tistabbilixxi li “l-Istati Membri ta’ spiss juru x-xewqa li jgħaqqdu flimkien rotot ta’ servizz pubbliku lejn u minn gżejjer differenti f’pakkett wieħed sabiex jiġġeneraw ekonomiji ta’ skala u jattiraw l-operaturi. Pakketti bħal dawn mhumiex meqjusa bħala li jmorru kontra l-liġi Komunitarja sakemm dan it-tgħaqqid ma jwassalx għal diskriminazzjoni. L-aktar daqs xieraq ta’ pakketti għandu jiġi deċiż billi jitqies x’inhi l-aħjar sinerġija li għandha tinħoloq biex jintlaħqu l-ħtiġiet essenzjali tat-trasport.”

(146)

Fid-deċiżjoni li biha ġie stabbilit li tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni qajmet ukoll il-kwistjoni dwar jekk it-trasferiment minn NorthLink 1 għal NorthLink 2 ta’ ċertu assi (41) li l-valur tagħhom jammonta għal GBP 1,55 miljun ġiex imwettaq bi prezzijiet inqas minn dawk tas-suq, bir-riżultat li dan possibbilment jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lil NorthLink 2.

(147)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit sostnew li l-possibbiltà li jixtru l-assi minn NorthLink 1 kienu diġà previsti fid-dokument tal-offerta pubblika u li għalhekk l-offerenti kollha kellhom aċċess indaqs għal dawn l-assi bl-istess kondizzjonijiet. Waqt il-proċess tal-offerta, iż-żewġ offerenti magħżula ngħataw informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-assi li kien hemm għall-bejgħ. Madankollu, dawn ma kienu taħt l-ebda obbligu li jixtru l-assi, peress li l-appaltaturi setgħu ppreferew jagħmlu użu mis-soluzzjonijiet tagħhom stess.

(148)

L-appaltaturi kollha setgħu jispezzjonaw il-bastimenti, it-tagħmir u assi oħra. Il-valur tal-aktar assi sinifikanti (il-bastiment, il-vetturi tal-irmonk u d-ditta NorthLink, li l-valur tagħhom ammonta għal GBP 1,3 miljun) kien ġie stabbilit permezz ta’ evalwazzjonijiet indipendenti. L-assi li kien għad fadal, li l-valur tagħhom ammonta għal GBP 0,25 miljun, ġew stmati fuq il-bażi ta’ stimi tas-suq.

(149)

Rigward il-possibbiltà tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni SGEI (42), l-awtoritajiet tar-Renju Unit ikkunsidraw li l-biċċa l-kbira tar-rotot fuq ix-xmara Clyde u l-gżejjer Hebrides u li jagħmlu parti min-netwerk ta’ NorthLink jidhru li huma koperti mid-Deċiżjoni SGEI. Erbgħa biss mir-rotot moqdija minn CalMac u NorthLink ma jissodisfawx il-kriterji ta’ limitu u dawn għandhom jiġu evalwati direttament skont kif stipulat fl-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE.

(150)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit ikkunsidraw li l-kuntratti ta’ servizz pubbliku ma’ CalMac u NorthLink jikkostitwixxu atti ta’ għoti ta’ responsabbiltà xierqa, billi jispeċifikaw fid-dettall in-natura u t-tul ta’ żmien tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, l-impriżi u t-territorji konċernati, in-natura ta’ kwalunkwe drittijiet esklussivi jew speċjali mogħtija lill-impriżi, il-parametri li bihom għandhom jiġu kkalkulati, ikkontrollati u riveduti l-kumpens u l-arranġamenti sabiex jiġi evitat u jitħallas lura kull kumpens żejjed li seta’ sar.

(151)

Barra minn hekk, CalMac u NorthLink huma obbligati li jżommu kontijiet separati għal attivitajiet SGEI u dawk mhux SGEI, l-ispejjeż relatati ma’ attivitajiet SGEI biss jistgħu jkunu soġġetti għal kumpens (l-ispejjeż varjabbli kollha sostnuti sabiex jiġi żgurat l-SGEI, kontribuzzjoni proporzjonali tal-ispejjeż fissi komuni għal attivitajiet SGEI u dawk mhux SGEI u qligħ raġonevoli) u hemm fil-post proċeduri xierqa ta’ rappurtar u monitoraġġ.

(152)

Rigward ir-rotta Gourock-Dunoon, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jirrikonoxxu li jista’ jkun hemm dubji dwar jekk is-servizz ipprovdut minn CalMac jikkostitwixxix SGEI leġittimu, peress li operatur privat jopera fuq rotta qrib tagħha mingħajr sussidju. Madankollu, huma tal-fehma li s-servizz ta’ Western Ferries huwa meqjus minn ħafna min-nies lokali bħala wieħed kumplimentari u utli, iżda wkoll bħala wieħed li mhuwiex sostitut effettiv għas-servizz ta’ CalMac li jopera minn ċentru ta’ belt għal ċentru ta’ belt oħra.

(153)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit għarrfu lill-Kummissjoni li, wara l-proċedura tal-offerta għar-rotta Gourock-Dunoon li saret fl-2006 u li ma kellha l-ebda suċċess, issa beħsiebhom iniedu offerta pubblika ġdida miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja għal kuntratt ta’ servizz pubbliku għal din ir-rotta b’dawn il-karatteristiċi li ġejjin:

(a)

il-kuntratt ta’ servizz pubbliku se jkopri servizz bil-laneċ li jopera minn ċentru ta’ belt għal ċentru ta’ belt oħra permezz ta’ kuntratt ta’ 6 snin;

(b)

l-offerta ser tippermetti għal sussidju għat-tħaddim ta’ din ir-rotta (b’differenza mill-offerta ta’ qabel);

(c)

ir-restrizzjonijiet attwali fuq l-iskedarju se jitneħħew;

(d)

is-sussidju se jkopru t-traffiku tal-passiġġieri biss;

(e)

l-offerent rebbieħ jingħata permess biex jipprovdi servizz ta’ trasport ta’ vetturi kummerċjali mingħajr restrizzjonijiet, li jkun soġġett għal miżuri xierqa ta’ kontabilità u monitoraġġ ta’ verifika biex jiġi evitat li jsir sussidjar inkroċjat mis-servizz tal-passiġġieri għas-servizz tal-vetturi kummerċjali;

(f)

l-offerent rebbieħ jingħata l-libertà li jagħmel użu mill-bastimenti tiegħu stess, biex jissostitwixxi l-bastimenti qodma li qed joperaw fuq ir-rotta bħalissa.

(154)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit beħsiebhom jiksbu l-bastimenti li se jissostitwixxi l-bastimenti l-qodma permezz ta’ CMAL, li mbagħad tikrihom lill-operatur li jingħata l-kuntratt ta’ servizz pubbliku. L-awtoritajiet tar-Renju Unit huma tal-fehma li din l-SGEI hija ġustifikata għal diversi raġunijiet relatati mal-frekwenza, il-konvenjenza tas-servizz, il-ħin tal-vjaġġi inġenerali, l-integrazzjoni ma’ mezzi oħra ta’ trasport u l-affidabilità tas-servizz, fost affarijiet oħra.

5.   EVALWAZZJONI TAL-MIŻURA

5.1.   L-EŻISTENZA TA’ GĦAJNUNA MILL-ISTAT

5.1.1.   IL-KRITERJI SKONT L-ARTIKOLU 87(1) TAT-TRATTAT

(155)

Skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat “kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi Statali f’kwalunkwe forma li toħloq distorsjoni jew li thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri, titqies bħala li mhijiex kompatibbli mas-suq komuni”.

(156)

Il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat huma kumulattivi. Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ħlasijiet lil CalMac, lil NorthLink 1 u lil NorthLink 2 deskritti hawn fuq jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat, għandu jiġi stabbilit jekk l-appoġġ finanzjarju:

jinvolvix telf ta’ riżorsi Statali attribwibbli lill-Istat;

jipprovdix vantaġġ selettiv lil ċertu impriżi jew lill-produzzjoni ta’ ċertu oġġetti;

jgħawwiġx jew jheddidx li jgħawweġ il-kompetizzjoni; u

jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(157)

Id-diversi ħlasijiet deskritti hawn fuq ġew mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat u huma attribwibbli lill-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, l-ewwel kriterju stipulat mill-Artikolu 87(1) tat-Trattat qed jiġi sodisfatt.

(158)

Il-ħlasijiet rilevanti, fil-forma ta’ għotjiet għad-defiċit u għotjiet kapitali/ta’ self, isiru biss lil ċertu impriżi speċifiċi. Għalhekk, dawn huma selettivi.

(159)

Il-finanzjament regolari ta’ CalMac u NorthLink 1 u NorthLink 2 inaqqas l-ispejjeż tat-tħaddim li dawn l-impriżi normalment ikollhom iħallsu u jipprovdihom b’benefiċċju ekonomiku b’differenza għal impriżi oħra, li l-attivitajiet tagħhom jiffinanzjawhom fuq il-bażi tad-dħul kummerċjali biss. Madankollu, sabiex jiġi stabbilit li hemm vantaġġ kapaċi li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk ġewx sodisfatti “il-kundizzjonijiet Altmark” (43).

(160)

Is-suq għal rotot ta’ kabotaġġ marittimu ġie liberalizzat għal kollox meta daħal fis-seħħ ir-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 1993. Jekk kien ingħata vantaġġ lil kwalunkwe waħda minn dawk l-intrapriżi filwaqt li tqiesu l-kriterji Altmark, dan il-vantaġġ kien ikun responsabbli għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni filwaqt li kien ikollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Hekk, it-tielet u r-raba’ kriterji tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat ikunu ġew sodisfatti wkoll.

(161)

Il-Kummissjoni tikkonferma wkoll l-evalwazzjoni preliminari tagħha dwar il-fatt li l-ħlasijiet li ngħataw lil CalMac u lil NorthLink 1 u lil NorthLink 2 mhumiex konsistenti mal-imġiba ta’ investitur privat f’kondizzjonijiet normali tas-suq. Għalhekk, dawk il-pagamenti ma jistgħux jiġu meqjusa bħala eżenti minn għajnuna mill-Istat fuq il-bażi tal-prinċipju tal-investitur fl-ekonomija tas-suq.

(162)

Il-bejgħ ta’ assi li seħħ matul it-tranżizzjoni minn NorthLink 1 għall-kuntratti ta’ NorthLink 2 ma inkludiex elementi relatati ma’ għajnuna mill-Istat. L-assi kollha li kienu proprjetà ta’ NorthLink 1 li kienu rilevanti għall-operat tas-servizzi tal-laneċ ġew magħmula disponibbli għall-offerenti kollha matul l-offerta pubblika tal-2004-2005 (Ara l-Premessa 88 hawn fuq). Il-bejgħ, li ammonta għal valur ta’ madwar GBP 1,5 miljun għall-assi kollha, sar fuq il-bażi tal-prezz attwali tas-suq jew fuq il-prezz stmat tas-suq, skont l-assi. Peress li dawn l-assi kienu disponibbli bl-istess prezz għall-offerenti kollha, u billi dawn il-prezzijiet kienu jikkorrispondu għall-prezz tas-suq ta’ dawn l-oġġetti, il-bejgħ tagħhom ma kienx jinvolvi l-użu ta’ riżorsi tal-Istat u ma ta l-ebda vantaġġ ekonomiku selettiv lil impriża partikolari. B’hekk, l-eżistenza ta’ elementi ta’ għajnuna mill-Istat fil-bejgħ tal-assi ġiet eskluża.

(163)

Fid-deċiżjoni tagħha li tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni staqsiet dwar jekk ir-rati imposti għal ċertu self mogħti lil CalMac kinux konsistenti mal-prinċipju tal-investitur fl-ekonomija tas-suq u, għalhekk, jekk dawn kinux jinkludu għajnuna mill-Istat.

(164)

Dan kien ikun importanti biex jiġi stabbilit jekk CalMac kenitx ingħatat kumpens żejjed għat-twettiq tal-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jitqiesu s-sorsi kollha ta’ finanzjament pubbliku. Madankollu, peress li fil-każ ta’ CalMac l-iskema ta’ għajnuna hija għajnuna eżistenti, u peress li l-kompatibilità tagħha għandha tiġi evalwata biss għall-ġejjieni (ara t-Taqsima 5.2 hawn taħt), m’hemm l-ebda bżonn li l-Kummissjoni tkompli tevalwa t-tip ta’ għajnuna mill-Istat ta’ dan is-self ladarba dan jirrelata biss għall-passat.

5.1.2.   IL-KRITERJI ALTMARK

(165)

Kif stipulat fil-Premessa 112 hawn fuq, sabiex jiġi stabbilit li hemm vantaġġ li jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni dwar jekk humiex qed jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet Altmark.

(166)

Skont il-ġurisprudenza Altmark, il-kumpens għal obbligi jew kuntratti ta’ servizz pubbliku ma jiffavorixxix lill-benefiċjarju/i - u għaldaqstant ma jaqax fl-ambitu tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat - meta l-erba’ kundizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti b’mod kumulattiv:

l-impriża benefiċjarja hija meħtieġa twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku li jkunu ġew definiti b’mod ċar (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Altmark 1”);

il-parametri li jservu bħala bażi biex fuqhom jiġi kkalkulat il-kumpens ikunu ġew stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Altmark 2”);

il-kumpens ma jaqbiżx l-ammont meħtieġ biex jiġu koperti, parzjalment jew fis-sħiħ, l-ispejjeż li jkunu rriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, meta jitqiesu l-irċevuti rilevanti u qligħ raġonevoli għat-twettiq ta’ dawk l-obbligi (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Altmark 3”); u

meta l-impriża li għandha twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku ma tintgħażilx waqt proċedura ta’ akkwist pubbliku, il-livell tal-kumpens meħtieġ ikun ġie ddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża normali, ġestita sew u mgħammra b’mod adegwat, għandha tħallas waqt l-iżvolġiment ta’ dawk l-obbligi, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-irċevuti rilevanti u qligħ raġonevoli għall-eżekuzzjoni tal-obbligi (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Altmark 4”).

5.1.2.1.    CalMac

(167)

Fil-każ ta’ CalMac, hemm żewġ fażijiet distinti kif indikat fid-deċiżjoni biex tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali: l-ewwel fażi qabel il-kuntratt tal-2007 meta l-obbligi tas-servizz pubbliku ġew mogħtija direttament lil CalMac mingħajr offerta pubblika minn qabel permezz ta’ “impriżi” u meta l-kondizzjonijiet tal-provvista tas-servizz pubbliku ġew speċifikati f’ittri mibgħuta kull sena lil CalMac mill-awtoritajiet Skoċċiżi; u t-tieni fażi wara l-kuntratt tal-2007, li ġie mogħti wara proċedura ta’ offerta pubblika li tispeċifika l-obbligi ta’ servizz pubbliku b’mod dettaljat. Is-sitwazzjoni tar-rotta Gourock-Dunoon għandha tiġi distinta minħabba li din ir-rotta ġiet eskluża mill-kuntratt tal-2007 u l-kondizzjonijiet tal-obbligi ta’ servizz pubbliku jkomplu jiġu speċifikati f’ittri mibgħuta kull sena lil CalMac mill-awtoritajiet Skoċċiżi.

(a)   Qabel il-kuntratt tal-2007

(168)

Kif indikat fid-deċiżjoni biex tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, m’hemmx dubju li qabel il-kuntratt tal-2007, il-kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku impost fuq CalMac ma ssodisfax il-kriterji Altmark kollha. L-obbligi ta’ servizz pubbliku ma kinux definiti b’mod ċar f’att legali. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, bħall-portijiet li kellhom jiġu moqdija, ir-regolarità, il-kontinwità u l-frekwenza ma kinux stabbiliti b’mod ċar f’att formali. Il-parametri biex jiġi stabbilit il-kumpens ma ġewx stabbiliti ex ante b’mod trasparenti, u l-livell ta’ kumpens ma kienx ikkalkulat fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż ta’ impriża normali. L-evalwazzjoni preliminari tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għalhekk hija kkonfermata.

(169)

Minħabba li l-kumpens għall-operat tar-rotta Gourock-Dunoon għadu jsir fuq dik il-bażi, l-evalwazzjoni ta’ hawn fuq tapplika wkoll għal din ir-rotta.

(b)   Wara l-kuntratt tal-2007

Altmark 1 –   obbligi ta’ servizz pubbliku definiti b’mod ċar

(170)

F’dan il-qasam partikolari, hemm Regolament li jispeċifika liema elementi għandhom ikunu parti minn definizzjoni xierqa ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. It-twettiq tal-kriterju Altmark 1 għalhekk għandu jiġi valutat fir-rigward tal-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu, li jistipula l-ispeċifikazzjonijiet li għandhom ikunu parti mid-definizzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, jiġifieri: il-portijiet li għandhom jiġu moqdija, ir-regolarità, il-kontinwità, il-frekwenza, il-kapaċità li s-servizz jiġi provdut, ir-rati li għandhom jiġu mitluba u l-ekwipaġġ tal-bastimenti.

(171)

Jidher b’mod ċar li l-kuntratt tal-2007 jissodisfa din il-kondizzjoni billi jiddefinixxi dawn il-parametri kollha b’mod dettaljat. Figuri preċiżi relatati mal-ekwipaġġ tal-bastimenti mhumiex inklużi fid-dokument tal-offerta, iżda ir-rekwiżiti, pereżempju, fil-kuntest ta’ kwalità tas-servizz u l-ħarsien tar-regolamenti tax-xogħol iħallu biss ftit post għal diskrepanzi sinifikanti f’dak li hu relatat mal-ekwipaġġ tal-bastimenti.

(172)

Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku għandu wkoll żmien raġonevoli - sitt snin – b’konformità mal-linji gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Linji Gwida Marittimi”) (44).

Altmark 2 –   l-istabbiliment ex ante, oġġettiv u trasparenti ta’ parametri għall-kumpens

(173)

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni Altmark, it-tieni kundizzjoni teħtieġ li l-parametri għall-kumpens ikunu stabbiliti minn qabel b’mod ċar u oġġettiv, b’konsiderazzjoni tal-elementi kollha (pereżempju l-ispejjeż għall-karburant, investimenti f’bastimenti ġodda, eċċ).

(174)

Fuq naħa, qabel ma l-obbligi ta’ servizz pubbliku bdew jitwettqu, il-parametri għall-kumpens kienu pjuttost ċari. Dawn kienu ugwali għall-ispejjeż previsti mill-offerenti, li kellhom jiġu stmati b’mod dettaljat, bl-addizzjoni ta’ livell miftiehem ta’ marġini ta’ qligħ li minnu jitnaqqas id-dħul mistenni mill-operat tas-servizz tal-laneċ. Hemm klawsola ta’ treġġiegħ lura li tistabbilixxi li jekk il-marġini ta’ qligħ jinqabeż, is-sussidju jitnaqqas b’mod proporzjonali. Dan il-kalkolu jsir għal kull sena mis-sitt snin tal-kuntratt qabel jibda l-kuntratt (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ix-xenarju ta’ Każ ta’ Bażi”). Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku jipprevedi serje ta’ avvenimenti eċċezzjonali li jistgħu jikkawżaw reviżjoni tal-ammont tal-kumpens (pereżempju xogħlijiet mhux previsti fil-portijiet, bastimenti ġodda, żidiet fil-pagi, eċċ).

(175)

Min-naħa l-oħra, fl-aħħar ta’ kull sena ta’ kuntratt, ix-xenarju tal-Każ ta’ Bażi se jiġi rivedut biex jirrifletti l-esperjenza proprja tas-sena preċedenti. Ix-xenarju tal-Każ ta’ Bażi jista’ wkoll jiġi rivedut matul sena definita f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-kumpens jista’ jiġi miżjud jew imnaqqas diversi drabi matul il-perjodu tal-kuntratt. Ir-reviżjoni tax-xenarju tal-Każ ta’ Bażi għandha tiġi proposta mill-operatur (CalMac) u trid tiġi aċċettata mill-Eżekuttiv Skoċċiż. Hemm ukoll il-possibbiltà li l-kwistjoni tiġi riferita lil espert f’każ li jkun hemm nuqqas ta’ qbil. Għalkemm il-kuntratt ta’ servizz pubbliku fih xi indikazzjonijiet dwar kif għandu jiġi aġġustat il-kumpens fil-każ ta’ ċertu ċirkostanzi mhux previsti, il-parametri eżatti ta’ dawn l-aġġustamenti ma jkunux magħrufa minn qabel. Minflok, l-ammont ta’ kumpens għandu jiġi aġġustat permezz ta’ proċedura ta’ arbitraġġ bilaterali bejn l-awtoritajiet Skoċċiżi u CalMac, possibbilment permezz tal-intervent ta’ espert. Il-kriterji użati f’din il-proċedura ta’ arbitraġġ mhumiex stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv għall-avvenimenti kollha possibbli. Din il-proċedura ta’ arbitraġġ tagħti lok għal nuqqas ta’ trasparenza fl-istipular tal-parametri għall-kumpens. Din tintroduċi wkoll ir-riskju ta’ varjazzjoni fil-kumpens mogħti kull sena li ma jiddependix fuq kriterji trasparenti, predeterminati u oġġettivi.

(176)

Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tistabbilixxi, lil hinn minn dubju raġjonevoli, li l-kundizzjoni Altmark 2 ġiet sodisfatta.

Altmark 3 –   l-ebda kumpens żejjed (inkluż qligħ raġonevoli)

(177)

Kif indikat fit-taqsima ta’ qabel, il-parametri għall-kumpens huma stabbiliti ġeneralment b’mod ċar, bl-eċċezzjoni tal-kriterji użati fil-proċedura ta’ arbitraġġ prevista taħt ċertu ċirkostanzi. Avolja wħud mill-parametri tal-kumpens mhumiex definiti b’mod preċiż minn qabel, il-Kummissjoni tqis li l-proċedura fis-seħħ għar-reviżjoni tal-ammont ta’ kumpens f’ċirkustanzi bħal dawn hija xierqa għall-iskop li jiġi żgurat li ma jingħata l-ebda kumpens żejjed. Dan huwa minħabba li l-kumpens addizzjonali possibbli se jkun ibbażat fuq l-ispejjeż imħallsa. Għalhekk, il-kundizzjoni Altmark 3 ġiet sodisfatta (ara wkoll it-taqsima 5.3.3.3 hawn taħt).

Altmark 4 -   proċedura ta’ offerta - fil-każ ta’ nuqqas ta’ offerta, l-ispejjeż huma kkalkulati b’referenza għal impriża tipika

(178)

F’dan il-każ l-obbligi ta’ servizz pubbliku ġew attribwiti wara proċedura ta’ offerta pubblika.

(179)

L-ewwel għandu jiġi evalwat jekk l-offerta kinitx imfassla tajjeb, u jekk kinitx ġusta, miftuħa u trasparenti. Jekk le, l-ispiża għall-Istat tista’ tkun ogħla mill-minimu meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

(180)

Il-kwistjonijiet ewlenin li tqajmu f’dan il-kuntest mill-partijiet interessati kienu t-tgħaqqid flimkien tar-rotot kollha fl-offerta, bl-eċċezzjoni ta’ Gourock-Dunoon, u l-ħtieġa li l-offerent rebbieħ juża bastimenti ta’ CMAL.

(181)

Rigward it-tgħaqqid flimkien tar-rotot, ġie sostnut li dan eskluda l-avversarji b’mod effettiv minħabba li CalMac, li diġà kienet qed tipprovdi s-servizzi kollha, kienet l-uniku offerent li kien f’pożizzjoni li jitfa’ offerta għall-pakkett sħiħ tar-rotot.

(182)

Madankollu, kien hemm kumpanija oħra li għamlet offerta (V-Ships) għall-pakkett sħiħ tar-rotot. V-Ships eventwalment irtirat mill-proċess wara li sosniet li l-kundizzjoni li tistipula li għandhom jintużaw il-bastimenti ta’ CMAL fixklet l-innovazzjoni u flessibilità tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti.

(183)

Iż-żona ġeografika koperta mis-26 rotta hija pjuttost omoġenja: ir-rotot kollha huma relattivament qosra (b’tul massimu ta’ madwar 100 kilometru) waqt li l-portijiet użati huma relattivament viċin ta’ xulxin (f’medda ta’ madwar 250 kilometru fil-kontinent).

(184)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit ippreżentaw argumenti kredibbli li jiġġustifikaw it-tgħaqqid flimkien tas-26 rotta.

(185)

Huma sostnew li t-tgħaqqid flimkien jiżgura l-ogħla livell ta’ flessibilità li l-flotta għandha bżonn biex tkun tista’ taqdi n-netwerk bl-aħjar mod. Pereżempju fil-każ ta’ waqfien ta’ bastiment minħabba ħsara, il-provvista immedjata ta’ bastiment hija kritika biex tiġi żgurata l-affidabbiltà tas-servizzi ta’ sikurezza. Bastimenti għall-assistenza huma meħtieġa wkoll f’każ li jkun hemm kondizzjonijiet tat-temp ħżiena, meta l-bastimenti jiddaħħlu għal xogħlijiet ta’ manutenzjoni u meta tkun meħtieġa kapaċità żejda mhux mistennija. Fil-preżent, CalMac tista’ torganizza bastiment għall-assistenza billi tiġġestixxi serje ta’ movimenti sekwenzjali ta’ bastimenti bejn ir-rotot. Kien ikun aktar diffiċli li jiġu żgurati l-kontinwità ta’ servizzi u l-ottimizzazzjoni ta’ kapaċità li kieku kien hemm firxa ta’ operaturi li jaqdu n-netwerk.

(186)

Barra minn hekk, it-tgħaqqid flimkien tar-rotot kollha jsaħħaħ l-integrazzjoni tan-netwerk billi jiffaċilita t-tgħaqqid tas-sigurtà, tal-kwalità u tal-aspetti ambjentali tal-operazzjonijiet portwali u dawk tal-bastimenti filwaqt li jiżgura li l-istandards jiġu applikati b’mod uniformi fin-netwerk kollu. L-Uffiċċju Reġjonali tal-Aġenzija Marittima u tal-Gwardja tal-Kosta tar-Renju Unit għall-Iskozja u l-Irlanda stqarr b’mod ċar li hemm il-probabbiltà li l-frammentazzjoni tan-netwerk tista’ ma tkunx l-aktar mod effiċjenti biex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni ta’ servizzi siguri u affidabbli.

(187)

Barra minn hekk, it-tgħaqqid flimkien tar-rotot iwassal għal ekonomiji ta’ skala b’mod partikolari fil-biljetti u l-kummerċjalizzazzjoni filwaqt li jappoġġja t-trasport integrat billi jagħti aċċess għal prenotazzjonijiet fuq serje ta’ rotot lill-klijenti f’tranżazzjoni waħda. Dan japplika wkoll għall-promozzjoni tat-turiżmu.

(188)

Jista’ jiġi sostnut li sabiex jiġu minimizzati l-ispejjeż, kull rotta għandha tiġi offruta b’offerta separata. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi involuti għal offerti individwali bħal dawn (26 offerta individwali) jistgħu jkunu kbar wisq.

(189)

Bħala soluzzjoni tan-nofs, jista’ jiġi kkunsidrat it-tgħaqqid flimkien ta’ wħud mir-rotot biss, iżda ma jistax jiġi aċċertat li r-riżultat ta’ tali offerta, ikun ogħla jew inqas mill-ispiża attwali li tirriżulta mill-offerta għall-pakkett kollu fil-kuntest tal-ispejjeż globali għall-baġit pubbliku.

(190)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu (Taqsima 5.5.3) tistipula li’ l-Istati Membri ta’ spiss juru x-xewqa li jgħaqqdu flimkien rotot ta’ servizz pubbliku lejn u minn gżejjer differenti f’pakkett wieħed sabiex jiġġeneraw ekonomiji ta’ skala u jattiraw l-operaturi. Pakketti bħal dawn mhumiex meqjusa bħala li jmorru kontra l-liġi Komunitarja sakemm dan it-tgħaqqid ma jwassalx għal diskriminazzjoni. L-aktar daqs xieraq ta’ pakketti għandu jiġi deċiż billi jitqies x“inhi l-aħjar sinerġija li għandha tinħoloq biex jintlaħqu l-ħtiġiet essenzjali tat-trasport.”

(191)

Meta jitqies il-qafas legali li jippermetti b’mod espliċitu t-tgħaqqid flimkien tar-rotot u jiġu kkunsidrati l-argumenti raġonevoli ppreżentati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, ma jistax jiġi konkluż li t-tgħaqqid flimkien tar-rotot huwa kondizzjoni inġusta u bla bżonn tal-offerta pubbliku li inevitabilment iżżid l-ispiża għall-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku għall-Istat.

(192)

Il-ħtieġa li l-offerent rebbieħ juża assi ta’ CMAL hija kundizzjoni raġonevoli tal-offerta, meta jitqies li l-awtoritajiet Skoċċiżi kellhom interess ċar li jużaw bastimenti li kienu diġà disponibbli minflok ma jużawhomx jew minflok jiddisponu minn dawn l-assi. Il-Komunikazzjoni dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu (Taqsima 5.3.2.1) tistabbilixxi li “fejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri nfushom ikollhom bastimenti fil-pussess tagħhom, jew b’xi mod ieħor ikollhom dawn il-bastimenti għad-dispożizzjoni tagħhom, dawn jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-operaturi possibbli kollha tas-servizzi taħt l-istess termini mhux diskriminatorji”. Barra minn hekk, hija kundizzjoni newtrali għall-offerenti, peress li kwalunkwe offerent kieku kien iħallas l-istess prezz biex juża l-istess bastimenti. Avolja dan ir-rekwiżit huwa wieħed leġittimu, jista’ jwassal għal spejjeż akbar fis-servizz. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li jekk l-offerenti kellhom ikunu ħielsa li jippreżentaw sistemi ta’ bastimenti alternattivi, jista’ jkun li jitnaqqsu l-ispejjeż netti totali relatati mal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

(193)

Barra minn hekk, minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-bastimenti meħtieġa biex jitħaddmu r-rotot tal-gżejjer Skoċċiżi tal-Punent, jista’ jkun diffiċli għal operatur wieħed li jkollu flotta ġdida ta’ bastimenti konformi biex iwettaq is-servizzi fuq ir-rotot kollha u jkompli jopera vjaġġi lejn u minn komunitajiet ibbażati fuq gżejjer remoti fil-ħin għall-bidu tal-perjodu tal-kuntratt.

(194)

CalMac kellha vantaġġ kompetittiv fl-offerta minħabba li diġà kienet taħdem fuq ir-rotot, iżda m’għandux jiġi konkluż illi l-offerta kienet imfassla indebitament apposta biex jeskludi b’mod effettiv l-offerenti l-oħra minħabba dan il-vantaġġ (45).

(195)

Għalhekk, qed jiġi konkluż li l-proċedura tal-offerta ġiet imwettqa b’mod adegwat u li din kienet miftuħa, mhux diskriminatorja u trasparenti.

(196)

Kif imsemmi hawn fuq, il-parametri li jintużaw biex jiġi kkalkolat il-kumpens għandhom jiġu riveduti mill-inqas kull sena. F’ċerti każi, din ir-reviżjoni hija r-riżultat ta’ proċess ta’ arbitraġġ bejn l-operatur u l-awtoritajiet Skoċċiżi. Konsegwentement, hemm riskju li l-Istat se jkollu jipprovdi iktar (jew inqas) fondi lill-operatur mill-kumpens previst fl-offerta tiegħu.

(197)

Li kieku l-offerta talbet li l-appaltaturi jikkommettu rwieħhom għal kumpens fiss għas-sitt snin tal-kuntratt, u li jkunu responsabbli għar-riskji kollha huma stess, b’hekk l-Istat ma jinvolvi ruħu fl-ebda riskju u teoretikament inaqqas l-ispejjeż. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, li kieku l-offerenti kellhom jieħdu r-riskji kollha tal-operat, ma jkun hemm l-ebda impriżi lesti li jagħmlu l-offerti tagħhom jew li l-offerenti jitfgħu offerti ħafna ogħla bil-ħsieb li jkopru r-riskju miżjud.

(198)

Ma jistax jiġi konkluż b’ċertezza assoluta li l-kondizzjoni Altmark 4 ġiet sodisfatta.

Konklużjoni

(199)

Minħabba li ma jistax jiġi konkluż b’ċertezza assoluta li l-kriterji Altmark 2 u 4 qed jiġu sodisfatti, huwa mifhum li l-kuntratt ta’ servizz pubbliku ma’ CalMac fih elementi ta’ għajnuna mill-Istat.

5.1.2.2.    NorthLink

(a)   NorthLink 1 (2002-2006)

Altmark 1 –   obbligi ta’ servizz pubbliku definiti b’mod ċar

(200)

Kif imsemmi fil-premessa 170 hawn fuq, f’dan il-qasam partikolari hemm Regolament li jispeċifika liema elementi għandhom ikunu parti minn definizzjoni xierqa ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. It-twettiq tal-kriterju Altmark 1 għalhekk għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu.

(201)

Jidher b’mod ċar li l-istedina għall-offerti ssodisfat dawn il-kriterji billi tiddefinixxi l-parametri kollha msemmija fir-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu b’mod dettaljat, jiġifieri l-portijiet li għandhom jiġu moqdija, ir-regolarità, il-kontinwità, il-frekwenza, il-kapaċità li s-servizz jiġi provdut, ir-rati li għandhom jiġu mitluba u l-ekwipaġġ tal-bastimenti. Dan huwa kkonfermat mill-Rapport ta’ Audit Scotland ta’ Diċembru 2005.

(202)

Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku kellu wkoll tul ta’ żmien li ma jaqbiżx is-sitt snin rakkomandati mil-Linji Gwida Marittimi.

Altmark 2 –   l-istabbiliment ex ante, oġġettiv u trasparenti ta’ parametri għall-kumpens

(203)

Fuq naħa, qabel ma l-obbligi ta’ servizz pubbliku bdew jitwettqu, il-parametri għall-kumpens kienu pjuttost ċari. Dawn kienu ugwali għall-ispejjeż previsti mill-offerenti, li kellhom jiġu stmati b’mod dettaljat, bl-addizzjoni ta’ livell miftiehem ta’ marġini ta’ qligħ li minnu jitnaqqas id-dħul mistenni mill-operat tas-servizz tal-laneċ. Kien hemm klawżola ta’ treġġiegħ lura li kienet tistabbilixxi li jekk jinqabeż il-marġini ta’ qligħ, il-qligħ żejjed jinqasam mal-Eżekuttiv Skoċċiż. Il-biċċa l-kbira tar-riskji ekonomiċi/finanzjarji kellhom jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-offerent rebbieħ (riskju ta’ spejjeż li jaqbżu l-estimi, riskju ta’ tnaqqis fid-domanda, riskju ta’ inflazzjoni, eċċ).

(204)

Min-naħa l-oħra, uħud mir-riskji baqgħu tal-Eżekuttiv Skoċċiż jew ġew maqsuma bejn il-partijiet, b’mod partikolari r-riskju ta’ bidliet fil-politika (dik tal-UE jew nazzjonali) u r-riskji leġiżlattivi (pereżempju bidliet fil-liġijiet tat-taxxa korporattiva). Il-kuntratt talab ukoll li l-Eżekuttiv Skoċċiż iħallas għotjiet addizzjonali lil NorthLink 1 fil-każ li d-dħul fuq il-kapital ikun inqas minn rata partikolari jew f’każ li fatturi oħra barra mill-kontroll tagħha kellhom jaffettwaw id-dħul tagħha (pereżempju żieda fil-prezzijiet tal-karburant b’aktar minn 10 %). Wara d-diffikultajiet finanzjarji li nqabdet fihom NorthLink 1, fl-2003 kienu saru ħlasijiet żejda u fl-2004 ġiet iffirmata l-MoA, li pprevediet ħlasijiet fix-xahar lil NorthLink 1 flimkien mal-possibbiltà għal ħlasijiet addizzjonali skont il-prestazzjoni finanzjarja ta’ NorthLink 1.

(205)

Il-possibbiltajiet għal finanzjament addizzjonali li jaqbeż il-livell ta’ kumpens previst fil-kuntratt oriġinali ma kinux stabbiliti fuq il-bażi ta’ parametri ex ante, oġġettivi u trasparenti, kif muri mill-ħtieġa sussegwenti li jiġu provduti fondi addizzjonali barra mill-ambitu tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku. Fi kwalunkwe każ, il-possibbiltajiet ta’ finanzjament addizzjonali skont l-MoA u l-pagamenti addizzjonali li ngħataw lil NorthLink 1 minħabba li ffaċċjat diffikultajiet finanzjarji ma kinux ibbażati fuq parametri oġġettivi u trasparenti.

(206)

Għalhekk, Ma jistax jiġi konkluż b’ċertezza assoluta li l-kondizzjoni Altmark 2 ġiet sodisfatta.

Altmark 3 –   l-ebda kumpens żejjed (inkluż qligħ raġonevoli)

(207)

Kif indikat fit-taqsima ta’ qabel, il-parametri għall-kumpens kienu ġeneralment stabbiliti b’mod ċar, bl-eċċezzjoni tal-kriterji wżati fil-proċedura ta’ arbitraġġ prevista taħt ċertu ċirkostanzi. Anke jekk uħud mill-parametri tal-kumpens ma ġewx definiti b’mod preċiż minn qabel, il-proċedura fis-seħħ għar-reviżjoni tal-ammont ta’ kumpens f’ċirkostanzi bħal dawn kienet xierqa biex jiġi żgurat li ma jingħata l-ebda kumpens żejjed. Għalhekk, il-kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ NorthLink 1 irrispetta l-kundizzjoni Altmark 3.

Altmark 4 –   offerta pubblika – f’każ ta’ nuqqas ta’ offerta, l-ispejjeż jiġu kkalkulati b’referenza għal impriża tipika

(208)

Bħal fil-każ ta’ CalMac li ġie analizzat hawn fuq (premessa 178 hawn fuq), l-obbligi tas-servizz pubbliku ta’ NorthLink 1 ingħataw wara proċedura ta’ offerta pubblika.

(209)

Għalhekk għandu jiġi valutat jekk l-offerta kinitx imfassla tajjeb, u jekk dan kienx ġust, miftuħ u trasparenti. Jekk le, l-ispiża għall-Istat tista’ tkun ogħla mill-minimu meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

(210)

Il-proċedura tal-offerta kopriet żewġ rotot (26 rotta fil-każ ta’ CalMac analizzat hawn fuq – ara l-premessi 183-191 iktar ’il fuq). Il-kwistjoni dwar it-tgħaqqid flimkien tar-rotot għalhekk huwa inqas rilevanti fil-każ ta’ NorthLink 1 u NorthLink 2 milli fil-każ ta’ CalMac. Għall-istess raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq rigward CalMac, il-Kummissjoni ma tqisx li t-tgħaqqid flimkien taż-żewġ rotot jitfa’ dubju fuq il-fatt li l-offerta kienet miftuħa, mhux diskriminatorja u trasparenti.

(211)

Madankollu, is-sussidji mogħtija lil NorthLink 1 skont l-MoA, li qabżu l-livell ta’ kumpens previst fil-kuntratt oriġinali, ma kinux ir-riżultat ta’ offerta pubblika u ma ġewx determinati fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż ta’ impriża tipika. Fil-fatt, bl-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ta’ finanzjament tad-defiċit waqt li l-kuntratt kien qed jiġi implimentat, l-MoA bidlet in-natura u l-firxa tal-offerta inizjali, u b’hekk affettwat it-trasparenza tiegħu fir-rigward tal-mod kif kien ġie ppreżentat lill-offerenti prospettivi.

(212)

Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż b’ċertezza assoluta li l-kondizzjoni Altmark 4 ġiet sodisfatta.

Konklużjoni

(213)

Minħabba li ma jistax jiġi konkluż b’ċertezza assoluta li l-kriterji Altmark 2 u 4 qed jiġu sodisfatti, huwa mifhum li l-kuntratt ta’ servizz pubbliku ma’ NorthLink 1 fih elementi ta’ għajnuna mill-Istat.

(b)   NorthLink 2 (2006-2012)

Altmark 1 –   obbligi ta’ servizz pubbliku definiti b’mod ċar

(214)

Kif imsemmi hawn fuq, f’dan il-qasam partikolari hemm Regolament li jispeċifika liema elementi għandhom ikunu parti minn definizzjoni xierqa ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. It-twettiq tal-kriterju Altmark 1 għalhekk għandu jiġi valutat fir-rigward tal-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu.

(215)

Jidher b’mod ċar li l-istedina għall-offerti ssodisfat dawn il-kriterji billi tiddefinixxi l-parametri kollha msemmija fir-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu b’mod dettaljat, jiġifieri l-portijiet li għandhom jiġu moqdija, ir-regolarità, il-kontinwità, il-frekwenza, il-kapaċità li s-servizz jiġi provdut, ir-rati li għandhom jiġu mitluba u l-ekwipaġġ tal-bastimenti

(216)

Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku għandu wkoll żmien raġonevoli - sitt snin – b’konformità mal-Linji Gwida Marittimi.

Altmark 2 –   l-istabbiliment ex ante, oġġettiv u trasparenti ta’ parametri għall-kumpens

(217)

Fuq naħa, qabel ma l-obbligi ta’ servizz pubbliku bdew jitwettqu, il-parametri għall-kumpens kienu pjuttost ċari. Dawn kienu ugwali għall-ispejjeż previsti mill-offerenti, li kellhom jiġu stmati b’mod dettaljat, bl-addizzjoni ta’ livell miftiehem ta’ marġini ta’ qligħ li minnu jitnaqqas id-dħul mistenni mill-operat tas-servizz tal-laneċ. Hemm klawżola ta’ treġġiegħ lura li kienet tistabbilixxi li jekk jinqabeż il-marġini ta’ qligħ, il-qligħ żejjed jinqasam mal-Eżekuttiv Skoċċiż. F’dan it-tieni kuntratt ma’ NorthLink 2, iktar riskji qed jiġu mħallsa mill-Eżekuttiv Skoċċiż jew qed jinqasmu bejn il-partijiet (riskju relatat mat-temp, mal-inflazzjoni, ma’ tnaqqis fid-domanda, ma’ bidliet fil-politika tat-trasport, eċċ).

(218)

Min-naħa l-oħra, bħal fil-każ tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku tal-2007 ma’ CalMac, l-ammonti ta’ sussidju għandhom jiġu riveduti kull sena fuq il-bażi tal-prestazzjoni reali tas-sena ta’ qabel. L-operatur għandu jippreżenta abbozz provviżorju ta’ xenarju ta’ Każ ta’ Bażi rivedut li mbagħad għandu jiġi approvat mill-awtoritajiet Skoċċiżi. F’każ li jkun hemm kunflitt, jiġi msejjaħ espert biex jarbitra. Għalkemm il-kuntratt ta’ servizz pubbliku fih xi indikazzjonijiet dwar kif il-kumpens għandu jiġi aġġustat fil-każ ta’ ċertu ċirkostanzi mhux previsti, il-parametri eżatti ta’ dawn l-aġġustamenti ma jkunux magħrufin minn qabel. L-ammont ta’ kumpens għandu pjuttost jiġi aġġustat permezz ta’ proċedura ta’ arbitraġġ bilaterali bejn l-awtoritajiet Skoċċiżi u NorthLink 2, possibbilment permezz tal-intervent ta’ espert. Il-Kummissjoni tinnota li l-kriterji li jintużaw f’din il-proċedura ta’ arbitraġġ mhumiex stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv għall-avvenimenti kollha possibbli. Din il-proċedura ta’ arbitraġġ tagħti lok għal nuqqas ta’ trasparenza fl-istipular tal-parametri għall-kumpens. Din tintroduċi wkoll ir-riskju ta’ varjazzjoni fil-kumpens mogħti kull sena li ma jiddependix fuq kriterji trasparenti, predeterminati u oġġettivi. Għalhekk, ma jistax jiġi konkluż b’ċertezza assoluta li l-kondizzjoni Altmark 2 ġiet sodisfatta.

Altmark 3 –   l-ebda kumpens żejjed (inkluż qligħ raġonevoli)

(219)

Kif indikat fit-taqsima ta’ qabel, il-parametri għall-kumpens huma stabbiliti ġeneralment b’mod ċar, bl-eċċezzjoni tal-kriterji użati fil-proċedura ta’ arbitraġġ prevista taħt ċertu ċirkostanzi. Avolja wħud mill-parametri tal-kumpens mhumiex definiti b’mod preċiż minn qabel, il-proċedura fis-seħħ għar-reviżjoni tal-ammont ta’ kumpens f’ċirkustanzi bħal dawn hija xierqa biex jiġi żgurat li ma jingħata l-ebda kumpens żejjed. Dan huwa minħabba li l-kumpens addizzjonali possibbli se jkun ibbażat fuq l-ispejjeż imħallsa. Għalhekk, il-kundizzjoni Altmark 3 qed tiġi sodisfatta (ara wkoll it-taqsima 5.3.4.3 hawn taħt).

Altmark 4 –   offerta pubblika – f’każ ta’ nuqqas ta’ offerta, l-ispejjeż jiġu kkalkulati b’referenza għal impriża tipika

(220)

F’dan il-każ l-obbligi ta’ servizz pubbliku ġew attribwiti wara proċedura ta’ offerta pubblika.

(221)

L-ewwel għandu jiġi evalwat jekk l-offerta kinitx imfassla tajjeb, u jekk kientx ġust, miftuħ u trasparenti. Jekk le, l-ispiża għall-Istat tista’ tkun ogħla mill-minimu meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

(222)

Bħal fil-każ ta’ NorthLink 1, it-tgħaqqid flimkien taż-żewġ rotot jitfa’ dubju fuq il-fatt li l-offerta kienet miftuħa, mhux diskriminatorja u trasparenti.

(223)

Bħal fil-każ ta’ CalMac, il-ħtieġa li l-offerent rebbieħ juża l-bastimenti ta’ Northlink 1 hija kundizzjoni raġonevoli tal-offerta, meta jitqies li l-Ezekuttiv Skoċċiż kellhom interess ċar li jużaw bastimenti li kienu diġà disponibbli minflok ma jużawhomx jew minflok jiddisponu minn dawn l-assi. Barra minn hekk, hija kundizzjoni newtrali għall-offerenti, minħabba li kwalunkwe offerent kieku kien iħallas l-istess prezz biex juża l-istess bastimenti. Avolja dan ir-rekwiżit huwa wieħed leġittimu, jista’ jwassal għal spejjeż akbar fis-servizz. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li jekk l-offerenti kellhom ikunu ħielsa li jippreżentaw sistemi ta’ bastimenti alternattivi, jista’ jkun li jitnaqqsu l-ispejjeż netti totali relatati mal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

(224)

Għal dawn ir-raġunijiet, u b’konformità mal-valutazzjoni t’hawn fuq dwar CalMac (46), il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi, b’ċertezza assoluta, li l-kriterju Altmark 4 ġie sodisfatt.

Konklużjoni

(225)

Minħabba li ma jistax jiġi konkluż b’ċertezza assoluta li l-kriterji Altmark 2 u 4 qed jiġu sodisfatti, huwa mifhum li l-kuntratt ta’ servizz pubbliku ma’ NorthLink 2 fih elementi ta’ għajnuna mill-Istat.

5.2.   IN-NATURA TAL-GĦAJNUNA

5.2.1.   KONSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(226)

Wara li stabbiliet li l-ħlasijiet mogħtija lil CalMac, lil NorthLink 1 u lil NorthLink 2 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk din l-għajnuna mill-Istat hijiex eżistenti jew jekk tikkostitwixxix għajnuna ġdida. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li meta nbdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali l-Kummissjoni ma ndirizzatx il-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna għandhiex titqies bħala għajnuna ġdida jew eżistenti.

(227)

Kif ġie msemmi qabel (47), waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, deher, madankollu, li parti tal-għajnuna tista’ titqies bħala li hi għajnuna eżistenti fid-dawl tad-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet legali li jipprevedu l-għajnuna. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda, b’mod parallel mal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-proċedura ta’ kooperazzjoni prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament Proċedurali.

(228)

Fil-każ ta’ għajnuna eżistenti mill-Istat, il-Kummissjoni hija meħtieġa biss li tivverifika l-kompatibilità tagħha fil-preżent u tirrakkomanda bidliet possibbli għall-ġejjieni. Kuntrarjament, fil-każ ta’ għajnuna ġdida, il-Kummissjoni hija meħtieġa li tivverifika wkoll il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni fl-imgħoddi.

(229)

Skont l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Proċedurali kif emendat, għajnuna eżistenti hija “mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 144 u 172 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Awstrija, tal-Finlandja u tal-Isvezja, għall-Anness IV, punt 3 u għall-Appendiċi tal-imsemmi Anness tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tal-Estonja, ta’ Ċipru, tal-Latvja, tal-Litwanja, tal-Ungerija, ta’ Malta, tal-Polonja, tas-Slovenja u tas-Slovakkja, u għall-Anness V, punti 2 u 3(b) u għall-Appendiċi tal-imsemmi Anness tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija, għall-għajnuna kollha li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fl-Istati Membri rispettivi, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li ddaħħlu fis-seħħ qabel, u li għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat”.

(230)

Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (48) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni”), “alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistgħux jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura tal-għajnuna mas-suq komuni”.

(231)

Skont il-ġurisprudenza stabbilita (49), mhux kull tibdil lil għajnuna eżistenti għandu jitqies bħala li jibdel l-għajnuna eżistenti f’għajnuna ġdida. F’dak il-każ, il-Qorti tal-Prim’ Istanza ddeċidiet li “huwa biss meta l-bidla taffettwa s-sustanza attwali tal-iskema oriġinali li din tal-aħħar tiġi ttrasformata fi skema ta’ għajnuna ġdida. Ma jistax ikun hemm dubju rigward tali bidla sostanzjali fejn l-element il-ġdid huwa separabbli b’mod ċar mill-iskema inizjali.”

(232)

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċċarat ukoll li “(…) jekk l-għajnuna tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida jew bħala alterazzjoni ta’ għajnuna eżistenti għandu jiġi determinat permezz ta’ referenza għad-dispożizzjonijiet li jipprevedu għaliha” (50). Meta d-dispożizzjonijiet legali rilevanti ma jkunux ġew mibdula fir-rigward tan-natura tal-vantaġġ jew l-attivitajiet tal-benefiċjarji, ma jkun hemm l-ebda għajnuna ġdida.

(233)

Għalhekk, għandu jiġi valutat, b’referenza għall-qafas legali u għall-evoluzzjoni tal-iskema, jekk kienx hemm bidliet sostanzjali minn meta seħħet l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-UE fl-1973 li jinvolvu għajnuna ġdida. Il-ġurisprudenza tagħmel referenza għal bidliet fin-natura tal-vantaġġ, għall-objettiv segwit, għall-benefiċjarju jew għas-sors ta’ finanzjament.

(234)

Għandha wkoll issir valutazzjoni dwar jekk modifiki sussegwenti humiex separati mill-miżura oriġinali jew jekk in-nuqqas ta’ bidliet mhux separabbli jaffettwax is-sustanza reali tal-qafas legali oriġinali, jiġifieri n-natura tal-vantaġġ jew is-sors ta’ finanzjament, l-iskop jew il-bażi legali tal-għajnuna, il-benefiċjarji jew l-ambitu tal-attivitajiet tal-benefiċjarji sabiex din tal-aħħar tiġi trasformata kollha kemm hi f’għajnuna ġdida.

5.2.2.   CALMAC

(235)

CalMac ilha tipprovdi servizzi ta’ trasport marittimu bil-laneċ fil-gżejjer Skoċċiżi tal-Punent ħafna qabel ma seħħet l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Komunità Ewropea fl-1973.

(236)

Il-bażi legali inizjali għas-sussidji kienet it-taqsima 2(1) tal-Att dwar it-Trasport Marittimu fil-Highlands u fil-Gżejjer tal-1960, li ppermetta li l-Ministri Skoċċiżi (51) jipprovdu għotjiet/self lil persuni li jipprovdu servizzi pubbliċi tat-trasport marittimu. It-taqsimiet 2(3) u 2(4) tal-Att stabbilixxew li kellha tintuża “Impriża” (li fil-prattika ħadet il-forma ta’ leġiżlazzjoni subordinata) meta tali għotja/self ikun qabeż GBP 10 000 u li kwalunkwe Impriża kellha tiġi approvata mill-Parlament Skoċċiż (52).

(237)

It-taqsima 45(1) tal-Att dwar it-Trasport (l-Iskozja) tal-2005, li daħal fis-seħħ fl-10 ta’ Ottubru 2005, irrevoka dawk id-dispożizzjonijiet tal-Att tal-1960 iżda t-taqsima 45(2) ipprevediet li kwalunkwe kompitu li jkun inbeda qabel l-10 ta’ Ottubru 2005 kien se jibqa’ jkollu effett. Dan ifisser li l-Impriża datata 7 ta’ April 1995 li tagħti l-obbligi ta’ servizz pubbliku lil CalMac kompliet ikollha effett wara d-dħul fis-seħħ tal-Att tal-2005.

(238)

Mill-1 ta’ Ottubru 2006, meta seħħet ir-ristrutturazzjoni tal-grupp CalMac u ġiet maħluqa entità legali ġdida biex tħaddem ir-rotta Gourock-Dunoon, il-kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku fuq din ir-rotta sar jiġi bbażat fuq it-Taqsima 70(1) tal-Att dwar it-Trasport (l-Iskozja) tal-2001 kif emendat mill-Att dwar it-Trasport tal-Iskozja tal-2005.

(239)

Sal-1 ta’ Ottubru 1997, meta daħal fis-seħħ il-kuntratt tas-servizz tal-laneċ tax-xmara Clyde u tal-Hebrides, l-obbligi ta’ servizz pubbliku kienu speċifikati fl-ittri annwali li l-Ministri Skoċċiżi bagħtu lil CalMac (ir-regolarità, il-frekwenzi, il-kapaċitajiet, ir-rati ta’ ħlas u l-ammont tas-sussidju).

(240)

Mill-1 ta’ Ottubru 2007, l-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi ta’ servizz pubbliku saru parti mill-kuntratt ta’ servizz pubbliku li segwa proċedura ta’ offerta pubblika, bl-eċċezzjoni tar-rotta Gourock-Dunoon.

(241)

Rigward ir-rotta Gourock-Dunoon, mill-1 ta’ Ottubru 2007 ir-rekwiżiti tas-sussidju ġew determinati b’mod amministrattiv fuq il-bażi tal-approvazzjoni tal-pjanijiet finanzjarji annwali tal-kumpanija mill-Ministri Skoċċiżi u fuq il-monitoraġġ fis-sena ta’ rekwiżiti reali tad-defiċit mill-Gvern Skoċċiż.

(242)

Fid-dawl ta’ dak li ġie msemmi hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-iskop tal-iskema ta’ għajnuna baqa’ dejjem kostanti sa mill-bidu tal-iskema. Dan huwa li jiġu provduti servizzi tat-trasport bil-laneċ bejn il-gżejjer Skoċċiżi.

(243)

L-evoluzzjoni tal-bażi legali tal-iskema ma biddlitx in-natura tal-vantaġġ mogħti lil CalMac sa mill-1973 b’mod materjali. CalMac baqgħet tirċievi għotjiet għad-defiċit, għotjiet ta’ kapital u self (għall-infrastruttura tal-mollijiet u tal-portijiet kif ukoll għall-bastimenti) b’mod kontinwu. Is-sors ta’ dan il-finanzjament ukoll baqa’ kif kien, minħabba li l-fondi kollha għadhom jittieħdu mill-baġit nazzjonali.

(244)

Kien hemm żidiet regolari fl-ammont ta’ kumpens annwali. Madankollu, dawn iż-żidiet m’għandhomx jitqiesu bħala għajnuna ġdida. Kif stqarret il-Qorti tal-Ġustizzja (53)“(…) it-tfaċċar ta’ għajnuna ġdida jew l-alterazzjoni ta’ għajnuna eżistenti ma tistax tiġi evalwata skont l-iskala tal-għajnuna jew, b’mod partikolari, skont l-ammont tagħha f’termini finanzjarji fi kwalunkwe mument fil-ħajja tal-impriża jekk l-għajnuna hija pprovduta skont dispożizzjonijiet statutorji preċedenti li baqgħu ma nbidlux.”

(245)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ammonti għall-għajnuna li qegħdin dejjem jiżdiedu huma l-konsegwenza ta’ bżonnijiet finanzjarji akbar li l-fornitur tas-servizz pubbliku jiffaċċja waqt it-twettiq tal-missjoni tiegħu ta’ servizz pubbliku, filwaqt li l-obbligi ta’ servizz pubbliku, l-arranġamenti ta’ finanzjament u l-emendi tad-dispożizzjonijiet statutorji għall-kumpens ma sofrew l-ebda bidla materjali.

(246)

Il-benefiċjarju tal-miżura ilu l-istess wieħed sa mill-bidu tal-iskema. Għalkemm CalMac għaddiet minn proċess ta’ ristrutturar fl-2006, dejjem kienet il-benefiċjarja waħdenija tal-għajnuna u dejjem kienet kumpanija pubblika. Fl-2006, l-assi tagħha tal-bastimenti u tax-xatt ġew separati mir-rwol tagħha ta’ tħaddim tal-laneċ. Din il-bidla ma tistax titqies bħala li tbiddel il-benefiċjarji tal-iskema minħabba li ż-żewġ entitajiet legali separati għadhom l-uniċi intervenjenti fl-iskema għall-kumpens. Din is-separazzjoni legali hija bidla ta’ natura teknika li ma twassalx għal bidla materjali tal-benefiċjarju tal-għajnuna.

(247)

Bl-istess mod, l-għoti tal-operat fuq il-Hebrides u x-xmara Clyde lil żewġ entitajiet legali separati (CalMac Ferries Ltd u Cowal Ferries Ltd, żewġ sussidjarji posseduti fis-sħiħ minn David MacBrayne Ltd) għandha titqies bħala bidla ta’ natura teknika li ma twassalx għal bidla materjali tal-benefiċjarju tal-għajnuna.

(248)

Saru xi adattamenti tas-servizz ġenerali u tar-rotot servuti minn CalMac. Ġew miżjuda xi servizzi ġodda filwaqt li xi ftit oħrajn twaqqfu. Wieħed minn dawn l-adattamenti, pereżempju, irriżulta mill-ftuħ ta’ pont ġdid, li minħabba fih is-servizz eżistenti sar wieħed li ma kienx hemm użu għalih. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dawn huma bidliet tekniċi maħsuba biex l-offerta ta’ servizz pubbliku tiġi adattata għall-ħtiġiet tal-popolazzjoni. Dawn l-adattamenti ma bidlux l-iskop ġenerali tal-iskema. L-obbligi ta’ servizz pubbliku huma definiti b’mod ġenerali u aġġustamenti tekniċi limitati għar-rotot moqdija ma jbiddlux l-essenza tal-iskema b’mod materjali.

(249)

Għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, fl-investigazzjoni tagħha l-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema ta’ għajnuna li tikkonċerna lil CalMac tikkostitwixxi għajnuna eżistenti (54) u tat bidu lill-proċedura ta’ kooperazzjoni prevista skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Proċedurali b’mod parallel mal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Hija informat lill-Istat Membru dwar din il-konklużjoni u esprimiet l-opinjoni preliminari tagħha li wħud mill-aspetti tal-iskema ma kinux għadhom kompatibbli mas-suq komuni. L-awtoritajiet tal-Istat Membru ingħataw l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar din l-opinjoni preliminari.

(250)

Minħabba li l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat favur CalMac hija għajnuna eżistenti, il-kompatibilità tagħha għandha għaldaqstant tiġi valutata esklussivament b’referenza għas-sitwazzjoni attwali (55) u l-Kummissjoni mhijiex obbligata li tevalwa l-kompatibilità tal-għajnuna li fil-passat kienet ingħatat lil CalMac.

5.2.3.   NORTHLINK

(251)

Huwa ċar li l-ħlasijiet li saru lil NorthLink 1 skont il-kuntratt ta’ servizz pubbliku għat-tħaddim tar-rotot tal-gżejjer tat-Tramuntana fil-perjodu 2002-2006 u skont l-MoA jikkostitwixxu għajnuna ġdida minħabba li NorthLink 1 ma kienet qed tiżviluppa l-ebda attivitajiet ta’ servizz pubbliku fuq dawn ir-rotot qabel l-2002.

(252)

Bl-istess mod, il-pagamenti li saru lil NorthLink 2 jikkostitwixxu għajnuna ġdida, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk NorthLink 1 u NorthLink 2 għandhomx jitqiesu bħala benefiċjarji separati jew jekk NorhLink 2 għandhiex titqies sempliċiment bħala kontinwazzjoni ta’ NorthLink 1.

(253)

Għalhekk, l-għajnuna finanzjarja kollha mogħtija lil NorthLink 1 u lil NorthLink 2 mill-2002 ’il quddiem għandha titqies bħala għajnuna ġdida.

(254)

Il-kompatibilità tal-iskema mas-suq komuni għalhekk għandha tiġi evalwata għall-perjodu li jibda mill-2002.

5.3.   KOMPATIBILITÀ

5.3.1.   APPLIKABILITÀ TAL-ARTIKOLU 86(2) TAT-TRATTAT

(255)

L-Artikolu 86(2) tat-Trattat huwa l-bażi legali għall-evalwazzjoni tal-għajnuna mogħtija lil CalMac, lil NorthLink 1 u lil NorthLink 2.

(256)

Skont l-Artikolu 86(2) tat-Trattat, għandu jiġi valutat jekk:

Is-servizzi tal-laneċ fl-Iskozja jikkostitwixxux SGEI u humiex definiti b’mod ċar bħala tali mill-awtoritajiet tar-Renju Unit (definizzjoni) (56) ;

CalMac, NorthLink 1 u NorthLink 2 ingħataw ir-responsabbiltà li jipprovdu dak is-servizz b’mod espliċitu mill-Istat Membru u huma soġġetti għal sorveljanza rigward it-twettiq tal-kompiti tagħhom (fiduċja u sorveljanza);

Il-finanzjament huwa proporzjonali għall-ispiża netta tal-provvista tas-servizz pubbliku, filwaqt li jitqies ukoll dħul dirett jew indirett ieħor derivat mis-servizz pubbliku, u ma jwassalx għal distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni jew għal effetti fuq il-kummerċ (proporzjonalità).

5.3.2.   L-APPLIKABILITÀ TAL-QAFAS SGEI (57) / TAD-DEĊIŻJONI SGEI (58)

(257)

Sa mid-dħul fis-seħħ tagħha, id-Deċiżjoni SGEI teżenta l-kumpens pubbliku għat-twettiq ta’ SGEI mir-rekwiżit tan-notifika taħt ċertu kundizzjonijiet. Il-Qafas SGEI jistipula l-kondizzjonijiet għall-kompatibilità ta’ miżuri soġġetti għar-rekwiżit tan-notifika sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

(258)

Il-Qafas SGEI jeskludi l-qasam tat-trasport pubbliku b’mod espliċitu fil-punt 3 tiegħu u għalhekk mhuwiex applikabbli f’dan il-każ. Madankollu, il-prinċipji ta’ interpretazzjoni formulati fih jistgħu jkunu utli fil-valutazzjoni tal-kompatibilità tal-miżuri li qed jiġu analizzati, fuq il-bażi tal-kuntest ġenerali tal-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat (59).

(259)

Id-Deċiżjoni SGEI ma teskludix it-trasport marittimu u dak bl-ajru. Fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tqajmet il-possibbiltà li tiġi applikata d-Deċiżjoni SGEI u l-Kummissjoni esprimiet il-pożizzjoni preliminari tagħha billi stqarret li ma jidhirx li din għandha tkun applikabbli fil-każ preżenti.

(260)

Hemm żewġ eċċezzjonijiet mir-rekwiżit tan-notifika fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni SGEI li jistgħu jkunu rilevanti f’dan il-każ:

“(a)

kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil intrapriżi b’fatturat annwali medju qabel it-taxxa, bl-attivitajiet kollha inklużi, ta’ inqas minn 100 miljun Ewro matul is-sentejn finanzjarji ta’ qabel dik is-sena li fiha ġie assenjat is-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, li jirċievu kumpens annwali ta’ inqas minn 30 miljun Ewro għas-servizz in kwistjoni”;

“(c)

kumpens għal servizz pubbliku ta’ kollegamenti bl-ajru jew marittimi ma’ gżejjer li fuqhom it-traffiku annwali medju ma jaqbiżx it-300 000 passiġġier matul is-sentejn finanzjarji ta’ qabel dik is-sena li fiha ġie assenjat is-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali”.

(261)

Il-kwistjoni dwar liema entità għandha tiġi kkunsidrata għall-applikazzjoni tal-kundizzjoni (a) hawn fuq (CalMac, NorthLink 1 u NorthLink 2, separatament jew flimkien) tqajmet fid-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(262)

Il-Kummissjoni tinnota li CalMac u NorthLink 2 attwalment qed jirċievu aktar minn EUR 30 miljun fis-sena kull wieħed bħala kumpens għall-operat tar-rotot marittimi rispettivi (60). Għalhekk, il-kundizzjoni (a) mhijiex qed tiġi sodisfatta.

(263)

Fil-każ ta’ NorthLink 2, l-aktar dejta reċenti turi cifri ta’ traffiku ta’ 301 000 fl-2004/2005 għaż-żewġ rotot moqdija minnha. Iċ-ċifri huma ħafna ogħla għal CalMac. Għalhekk, il-kundizzjoni (c) mhijiex qed tiġi sodisfatta.

(264)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tikkonferma l-valutazzjoni preliminari tagħha rigward il-fatt li d-Deċiżjoni SGEI mhijiex applikabbli f’dan il-każ.

5.3.3.   GĦAJNUNA EŻISTENTI MOGĦTIJA LIL CALMAC

5.3.3.1.    Definizzjoni

(a)   Hebrides u Clyde (bl-esklużjoni tar-rotta Gourock-Dunoon)

(265)

Kif ġie msemmi (ara t-Taqsima 5.2 hawn fuq), is-sitwazzjoni attwali biss hija rilevanti għall-valutazzjoni tal-kompatibilità tal-għajnuna mogħtija lil CalMac, minħabba li hija għajnuna eżistenti. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku tal-2007 biss għandhom jiġu valutati għar-rotot kollha, ħlief għar-rotta Gourock-Dunoon, li hija eskluża minn dan il-kuntratt. B’konformità mal-proċedura ta’ kooperazzjoni prevista mill-Artikolu 88(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni kisbet l-informazzjoni kollha meħtieġa għar-reviżjoni tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti mir-Renju Unit.

(266)

Il-valutazzjoni magħmula hawn fuq rigward it-twettiq tal-kriterju Altmark 1 tapplika hawnhekk ukoll. Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku tal-2007, li segwa proċedura ta’ offerta pubblika miftuħa u trasparenti, huwa konformi mal-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu, li jistipula l-ispeċifikazzjonijiet li għandhom ikunu parti mid-definizzjoni, jiġifieri: il-portijiet li għandhom jiġu moqdija, ir-regolarità, il-kontinwità, il-frekwenza, il-kapaċità li s-servizz jiġi provdut, ir-rati li għandhom jiġu mitluba u l-ekwipaġġ tal-bastimenti.

(267)

Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku jistipula li l-obbligi imposti fuq l-Operatur ma jipprekluduhx milli juża l-bastimenti għal kwalunkwe skop ieħor basta l-obbligu li jiġi provdut l-SGEI kien qed jiġi u jibqa’ jiġi sodisfatt. Fil-prattika, dan jippermetti li l-Operatur, pereżempju, iwettaq trasport ta’ vetturi kummerċjali, li hija attività li taqa’ barra mill-ambitu tal-kompiti tiegħu ta’ servizz pubbliku. Din il-kondizzjoni bl-ebda mod ma tikkostitwixxi żball evidenti fid-definizzjoni tal-SGEI attribwit lil CalMac, minħabba li tirreferi għal attivitajiet li jaqgħu barra mill-ambitu tad-definizzjoni tal-SGEI u li jistgħu jitwettqu minn CalMac fuq termini kummerċjali (mingħajr sussidjar mill-Istat).

(b)   Gourock-Dunoon

(268)

Peress li r-rotta Gourock-Dunoon kienet ġiet eskluża mill-kuntratt ta’ servizz pubbliku tal-2007, il-bażi legali għall-kumpens relatata ma’ din ir-rotta tibqa’ l-Att dwar it-Trasport Marittimu fil-Highlands u fil-Gżejjer tal-1960 kif emendat bl-Artikolu 70 tal-Att dwar it-Trasport (Skozja) tal-2010 u bl-Artikolu 45 tal-Att dwar it-Trasport (Skozja) tal-2005.

(269)

L-obbligi ta’ servizz pubbliku għal din ir-rotta u l-kumpens rispettiv huma maħsuba għat-trasport ta’ passiġġieri biss, bl-esklużjoni ta’ vetturi kummerċjali. Madankollu, CalMac tista’ tipprovdi servizzi ta’ trasport għal vetturi kummerċjali fuq termini purament kummerċjali.

(270)

Id-definizzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku mhijiex konformi mal-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu. Tabilħaqq, il-karatteristiċi bażiċi tas-servizz pubbliku bħall-portijiet li għandhom jiġu moqdija, ir-regolarità, il-kontinwità, il-frekwenza, il-kapaċità li s-servizzi jiġu provduti, ir-rati li għandhom jiġu mitluba u l-ekwipaġġ tal-bastimenti mhumiex definiti b’mod formali f’Att legali.

(271)

Partijiet interessati sostnew li d-definizzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku fir-rotta Gourock-Dunoon tikkostitwixxi żball evidenti b’referenza għal servizz ta’ kompetitur kummerċjali. Tabilħaqq, hemm kumpanija oħra - Western Ferries - li tipprovdi servizzi tat-trasport (ta’ passiġġieri, ta’ vetturi u tal-merkanzija) fuq rotta simili li l-biċċa l-kbira taqdi l-istess lokalitajiet, għalkemm dawn jibdew u jintemmu f’punti differenti. McGill’s Buses (operatur lokali ta’ karozzi tal-linja) introduċiet servizz ta’ konnessjoni bil-karozza tal-linja miċ-ċentru ta’ Dunoon li jwassal il-passiġġieri direttament fuq is-servizz ta’ Western Ferries u mbagħad jgħaddi minn Gourock biex jilħaq iċ-ċentru ta’ Glasgow, fejn iniżżel il-passiġġieri.

(272)

Ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni kredibbli dwar l-adegwatezza ta’ SGEI għat-trasport tal-passiġġieri fuq din ir-rotta. Filwaqt li ġie rikonoxxut li McGill’s buses u Western Ferries jipprovdu servizz tat-trasport dirett b’waqfiet għal passiġġieri fuq numru limitat ħafna ta’ vjaġġi, il-karatteristiċi tagħhom f’dak li huma l-frekwenza, il-konvenjenza, il-ħin tal-vjaġġi, l-integrazzjoni tat-trasport, l-affidabilità u l-aċċess għall-passiġġieri jfisser li mhumiex sostitwibbli bis-servizz li tipprovdi CalMac. Għalhekk, hemm ġustifikazzjoni ekonomika u soċjali soda għal appoġġ pubbliku ta’ servizz għall-passiġġieri li jopera minn ċentru ta’ belt għal ċentru ta’ belt oħra.

(273)

Is-servizz ta’ CalMac joffri frekwenzi ogħla – 18-il vjaġġ ta’ ritorn matul il-ġimgħa li jitqabbel ma’ 8 vjaġġi ta’ ritorn (l-aktar fil-ħinijiet meta l-aktar ikun hemm traffiku) li toffri McGill’s buses. Din tal-aħħar ma toffrix servizz ta’ nhar ta’ Ħadd. Il-ħin tal-vjaġġi huwa inqas għas-servizz ta’ CalMac, speċjalment waqt il-ħinijiet li fihom ikun hemm inqas traffiku (il-ħinijiet tal-vjaġġi ġieli huma sa 50 % itwal għas-servizz ta’ McGill’s buses). Is-servizz ta’ CalMac huwa integrat ukoll mill-qrib mal-konnessjoni bil-ferrovija għal Glasgow, b’differenza għall-iskeda tal-ħinijiet tas-servizz ta’ Western Ferries. Is-servizz ta’ CalMac huwa wkoll inqas suxxetibbli għal dewmien u tfixkil mis-servizz xarabank-lanċa-xarabank li jikkompeti miegħu (pereżempju ħsarat mekkaniċi f’xarabanks, dewmien ikkawżat minn konġestjoni tat-traffiku fit-toroq jew xogħlijiet ta’ manutenzjoni tat-toroq jistgħu jaffettwaw l-affidabilità u l-ħin tal-vjaġġi tas-servizz li jikkompeti miegħu).

(274)

Western Ferries stess tirrikonoxxi li “il-ġejjieni għal kull servizz lejn Dunoon li huwa ssussidjat jista” biss ikun il-kontinwazzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku għall-passiġġieri biss, ipprovdut minn bastiment/i għat-trasport tal-passiġġieri biss’. Western Ferries bħalissa hija responsabbli għat-trasport ta’ 68 % tan-numru totali ta’ passiġġieri u għat-trasport ta’ 86-88 % tat-traffiku ta’ vetturi kummerċjali u karozzi. Dan juri li CalMac qed ikollha rwol sinifikanti fit-traffiku tal-passiġġieri, iżda wieħed iżgħar f’dak li huwa t-traffiku ta’ vetturi kummerċjali u karozzi.

(275)

Skont l-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE ir-rwol tal-Kummissjoni għandu jkun limitat għall-ispezzjonar ta’ żbalji evidenti fid-definizzjoni ta’ SGEI. Għalkemm hemm servizz ieħor li jikkompeti għat-traffiku tal-passiġġieri fl-istess rotta, dan is-servizz mhuwiex sostitwibbli mas-servizz ta’ CalMac u l-karatteristiċi tipiċi ta’ din tal-aħħar ma jiġġustifikawx il-konklużjoni li kien hemm żball evidenti fid-definizzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

(276)

Kwistjoni relatata li tqajmet minn Western Ferries hija li CalMac għandha permess topera bastimenti għat-trasport ta’ vetturi u passiġġieri fuq din ir-rotta, filwaqt li l-obbligi ta’ servizz pubbliku jkopru t-trasport tal-passiġġieri biss. Western Ferries issostni li dan jagħti lok għal sussidjar inkroċjat u għal kompetizzjoni inġusta u li għalhekk l-obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom jitwettqu fuq il-bażi ta’ bastiment li jintuża esklussivament għat-trasport tal-passiġġieri.

(277)

Skont l-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE dan ma jistax jitqies bħala żball evidenti fid-definizzjoni tal-SGEI. Operaturi li jingħataw ir-responsabbiltà ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku jistgħu wkoll jiżviluppaw attivitajiet kummerċjali mhux sussidjati. Dawn għandhom jissodisfaw ċertu rekwiżiti fil-post li fih iwettqu attivitajiet kummerċjali, bħal separazzjoni tal-kontijiet, allokazzjoni adegwata ta’ spejjeż komuni u n-nuqqas ta’ sussidjar inkroċjat bejn iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet.

(278)

Sakemm dawn ir-rekwiżiti ikunu qed jiġu sodisfatti f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax timponi li s-SGEI tiġi provduta permezz ta’ bastiment li jintuża esklussivament għat-trasport tal-passiġġieri. Ma jistax jintqal li fil-każ preżenti l-attivitajiet tas-servizzi kummerċjali u pubbliċi mhumiex marbuta mill-qrib ħafna - l-istess bastimenti jipprovdu servizz pubbliku u servizzi kummerċjali fl-istess waqt - u jaqsmu l-biċċa l-kbira tal-ispejjeż flimkien. Dan juri l-bżonn ta’ viġilanza speċjali rigward is-separazzjoni tal-kontijiet u l-mekkaniżmu għall-allokazzjoni tal-ispejjeż (61). Madankollu, dan ma jammontax għal żball evidenti fid-definizzjoni tas-servizz pubbliku.

(279)

Bħala konklużjoni, id-definizzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku mhijiex konformi mal-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu. Tabilħaqq, il-karatteristiċi bażiċi tas-servizz pubbliku bħall-portijiet li għandhom jiġu moqdija, ir-regolarità, il-kontinwità, il-frekwenza, il-kapaċità li s-servizzi jiġu provduti, ir-rati li għandhom jiġu mitluba u l-ekwipaġġ tal-bastimenti mhumiex definiti b’mod formali f’Att legali. Għalhekk, id-definizzjoni attwali tas-SGEI għall-operat tar-rotta Gourock-Dunoon tikkostitwixxi żball evidenti.

(280)

Madankollu, teoretikament huwa possibbli li fil-ġejjieni jiġi definit b’mod leġittimu SGEI għat-trasport tal-passiġġieri fuq din ir-rotta, li jinkludi l-possibbiltà għall-fornitur li jwettaq attivitajiet kummerċjali fuq il-bażi ta’ bastiment għat-trasport kombinat ta’ passiġġieri u vetturi. Dan ma jikkostitwixxix, preċiżament, żball evidenti, basta l-karatteristiċi tiegħu jiġu definiti b’mod preċiż f’Att legali.

(281)

Kif imsemmi hawn fuq, ir-Renju Unit għarraf lill-Kummissjoni li se jniedi offera pubblika ġdida miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja għal kuntratt ta’ servizz pubbliku għat-trasport tal-passiġġieri għal din ir-rotta, bħala implimentazzjoni ta’ miżura xierqa.

(282)

Għalhekk, huwa f’idejn ir-Renju Unit li jiżgura li din l-offerta pubblika tinkludi definizzjoni xierqa tal-obbligi ta’ servizz pubbliku konformi mal-Artikolu 86(2) tat-Trattat. Il-Kummissjoni għandha twettaq sorveljanza dwar jekk il-miżura xierqa aċċettata mir-Renju Unit tkunx qed tiġi implimentata kif suppost.

5.3.3.2.    Għoti ta’ responsabbiltà

(a)   Il-Gżejjer Hebrides u x-xmara Clyde (minbarra r-rotta Gourock-Dunoon)

(283)

Jidher b’mod ċar li CalMac ġiet espliċitament mogħtija r-responsabbiltà għall-forniment tas-servizz pubbliku in kwistjoni. Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku tal-2007 fih indikazzjonijiet preċiżi dwar is-servizzi li CalMac għandha tipprovdi u dwar kif jista’ jinbidel l-ambitu tal-isfera tal-attivitajiet tas-servizz pubbliku.

(284)

Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku fih ukoll dispożizzjonijiet ċari dwar il-kontroll tal-eżekuzzjoni tas-servizz pubbliku permezz tal-impożizzjoni ta’ tagħrif regolari dettaljat dwar l-operat tar-rotot minn CalMac lill-Eżekuttiv. Hemm, pereżempju, indikaturi tal-prestazzjoni li jiġu evalwati b’mod regolari. Jekk l-istandards ta’ prestazzjoni ma jiġux sodisfatti, l-għotja tista’ titnaqqas kif xieraq.

(b)   Gourock-Dunoon

(285)

Fil-każ tar-rotta Gourock-Dunoon, il-Kummissjoni tqis li CalMac ngħatat l-operat ta’ din ir-rotta b’mod mhux adegwat. Tabilħaqq, apparti l-fatt li s-SGEI bħalissa mhuwiex definit sew, ma jeżistu l-ebda dispożizzjonijiet legali ċari li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet skont liema CalMac għandha tipprovdi dan is-SGEI. Barra minn hekk, pereżempju, ma hemm l-ebda dispożizzjonijiet ċari dwar kif għandhom jiġu kkalkulati l-indikaturi tal-kumpens jew tal-prestazzjoni li jaffettwaw l-għotja annwali. Għalhekk, l-għoti tar-responsabbiltà ta’ din ir-rotta lil CalMac bħalissa mhuwiex ċar u komprensiv biżżejjed.

(286)

Huwa f’idejn l-awtoritajiet tar-Renju Unit biex jiġi żgurat li, fil-kuntest tal-offerta pubblika l-ġdida għal kuntratt ta’ servizz pubbliku għal din ir-rotta għat-trasport ta’ passiġġieri biss, l-obbligi ta’ servizz pubbliku jingħataw lill-offerent rebbieħ b’mod ċar.

5.3.3.3.    Proporzjonalità

(a)   Il-Gżejjer Hebrides u x-xmara Clyde (minbarra r-rotta Gourock-Dunoon)

(287)

Minħabba li l-għajnuna mill-Istat li s’issa ngħatat lil CalMac hija meqjusa bħala li hi għajnuna eżistenti, il-Kummissjoni m’għandhiex bżonn tevalwa jekk fil-passat ingħatax xi kumpens żejjed lil CalMac għall-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku. Għalhekk, l-evalwazzjoni għandha tkun waħda li tħares ’il quddiem. Għandu jiġi evalwat b’mod esklussiv jekk id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku tal-2007 jipprovdux garanziji suffiċjenti sabiex jiġi evitat li jingħata kumpens żejjed u li CalMac tadotta mġiba antikompettitiva.

(288)

Kif imsemmi hawn fuq (62), l-offerta pubblika twettqet b’mod miftuħ u trasparenti.

(289)

Id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku huma xierqa biex jiġi evitat li jingħata kumpens żejjed għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku. Il-kumpens huwa limitat għall-ispejjeż tal-operat meta minnu jitnaqqas id-dħul mill-operat (inkluż qligħ raġonevoli). L-ispejjeż eliġibbli għall-kumpens huma definiti b’mod ċar anki fil-kuntratt ta’ servizz pubbliku.

(290)

Jeżisti mekkaniżmu ta’ treġġigħ lura li jrodd lura l-parti l-kbira ta’ kwalunkwe kumpens żejjed lill-awtoritajiet Skoċċiżi. Huwa biss ammont żgħir li ma jingħatax lura. Pereżempju, jekk il-kumpens żejjed ikun ta’ GBP 1000000 CalMac tkun intitolata li żżomm biss GBP 275 000 minnhom. F’każ li l-kumpens żejjed ikun ta’ GBP 10 miljun, CalMac tkun intitolata li żżomm biss GBP 725 000 minnhom. L-iskop ta’ din is-sistema huwa li jinħoloq inċentiv biex CalMac tnaqqas l-ispejjeż u żżid l-effiċjenza. Dawn l-ammonti huma limitati ħafna u huma konformi mad-definizzjoni ta’ “qligħ raġonevoli” stipulata fil-Qafas SGEI (punt 18) (63). Għalkemm il-Qafas SGEI ma japplikax għal dan il-każ, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ammonti ta’ kumpens żejjed possibbli li jistgħu jinżammu minn CalMac huma limitati ħafna u li dawn huma proporzjonali mal-ammonti ta’ kumpens.

(291)

Barra minn hekk, il-marġni ta’ profitt previst fil-kuntratt ta’ servizz pubbliku jirriżulta minn proċedura ta’ rkant kompetittiva u b’hekk jiġi żgurat li dan il-marġni huwa stabbilit f’livell raġonevoli.

(292)

Fil-kuntratt ta’ servizz pubbliku hemm ukoll klawsola li tiżgura li, f’każ li l-fornitur tas-servizz pubbliku jirċievi appoġġ pubbliku ieħor minn sorsi oħra, l-għotja stipulata skont it-termini tal-kuntratt titnaqqas kif xieraq.

(293)

Bħala konklużjoni, il-kuntratt ta’ servizz pubbliku jinkludi salvagwardji biżżejjed kontra l-kumpens żejjed għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

(294)

Minbarra l-kwistjoni tal-kumpens żejjed, il-Kummissjoni evalwat ukoll, fid-dawl tal-ilmenti li rċeviet dwar dan l-aspett, jekk il-kuntratt ta’ servizz pubbliku jinkludix salvagwardji biżżejjed biex jiġi evitat li CalMac tadotta mġiba antikompettitiva li tista’ tikkawża distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni. Dan ikun il-każ, pereżempju, li kieku CalMac kellha tkun dejjem f’pożizzjoni li tippermettilha li toffri prezzijiet irħas minn dawk tal-kompetituri tagħha, biex b’hekk twarrabhom mis-suq.

(295)

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li bħalissa ma teżisti l-ebda kompetizzjoni fuq dawn ir-rotot. Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ servizz pubbliku jistabbilixxi kondizzjonijiet stretti dwar il-prezzijiet tal-biljetti. Dawn jinkludu l-iskeda tal-prezzijiet għall-2007/2008 u jistipulaw li ssir konsultazzjoni mal-awtoritajiet Skoċċiżi f’każ li l-prezzijiet jiġu riveduti. B’mod partikolari, CalMac tkun qed tikser id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku li kieku kellha tnaqqas il-prezzijiet b’mod unilaterali u mhux ġustifikat biex twarrab il-kompetituri eżistenti mis-suq jew biex tneħħi kull possibbiltà li kompetituri potenzjali jidħlu fis-suq. Barra minn hekk, CalMac ma tkun tista’ tieħu l-ebda kumpens addizzjonali għal tnaqqis fid-dħul li jirriżulta minn skontijiet jew tnaqqis fil-prezzijiet stabbiliti fl-iskeda tat-tariffi ppubblikata. Dan jevita wkoll li tiġi adottata mġiba antikompettitiva.

(296)

Distorsjoni oħra possibbli tas-suq tista’ sseħħ jekk il-fornitur tas-servizz pubbliku jkun jista’, waqt li jaġixxi waħdu, jimmodifika jew iżid b’mod sinifikanti l-offerta tiegħu għas-servizz pubbliku, pereżempju billi jżid rotot ġodda jew inaqqas il-frekwenzi b’mod sinifikanti. Jekk CalMac tkun awtomatikament eliġibbli għal aktar kumpens għal dawn is-servizzi miżjuda, tista’ tiġi kkawżata distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni lil hinn minn dak li jista’ jiġi aċċettat b’mod raġonevoli bħala kontroparti għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

(297)

Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku jipprovdi b’mod espliċitu għal konsultazzjoni u approvazzjoni minn qabel mill-Ministri Skoċċiżi qabel ma jsiru aġġustamenti sinifikanti fl-iskedarji ppubblikati, fil-frekwenzi jew fis-servizzi li jkunu ġew miftiehma.

(298)

Fil-kuntratt ta’ servizz pubbliku hemm ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi li jipprojbixxu l-fornitur tas-servizz pubbliku milli jagħmel sussidjar doppju bejn l-attivitajiet tiegħu ta’ servizz pubbliku u dawk li mhumiex ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jeħtieġu li t-tranżazzjonijiet kollha bejn CalMac u s-sussidjarji tagħha jsiru skont il-prinċipju ta’ arm’s length.

(299)

Il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet ta’ CalMac jaqgħu fl-ambitu tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku. Madankollu, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, għandu jkun hemm separazzjoni tal-kontijiet bejn l-attivitajiet tagħha ta’ servizz pubbliku u dawk l-attivitajiet tagħha li mhumiex ta’ servizz pubbliku jew li huma attivitajiet kummerċjali b’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-Trasparenza (64).

(300)

Skont it-termini tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku, CalMac għandha tippreżenta rapport, darba fis-sena, dwar l-ispejjeż reali relatati mal-provvista tal-kompiti ta’ servizz pubbliku. Din id-“Dikjarazzjoni ta’ Eżitu Reali” tifred l-ispejjeż relatati mas-servizz pubbliku mill-attivitajiet l-oħra ta’ CalMac. B’hekk jiġi żgurat li l-ammonti ta’ fondi pubbliċi mogħtija lil CalMac u l-użu ta’ dawn il-fondi jiġu separati b’mod ċar mill-attivitajiet l-oħra ta’ CalMac. Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku jipprovdi b’mod espliċitu għall-bżonn li jinżammu sistemi ta’ kontabilità ċari, separati u trasparenti għall-finanzjament u t-tħaddim tal-attivitajiet ta’ servizz pubbliku.

(301)

Sabiex jiġi żgurat li l-ispejjeż relatati mat-twettiq tal-attivitajiet tas-servizz pubbliku jiġu separati b’mod ċar mill-ispejjez relatati ma’ attivitajiet oħra, huwa wkoll meħtieġ li tiġi stabbilita sistema xierqa għall-allokazzjoni ta’ spejjeż li huma komuni għaż-żewġ tipi ta’ attivitajiet.

(302)

Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku jinkludi rendikont dettaljat tal-ispejjeż kollha li huma ammissibbli għall-kumpens. Minbarra l-għotja għad-defiċit, li hija maħsuba biex tkopri l-ispejjeż operattivi kollha relatati mat-tħaddim tas-servizz pubbliku (pereżempju l-ispejjeż relatati mal-kera tal-bastimenti mingħand CMAL, l-ispejjeż marbuta mal-persunal u l-ekwipaġġ, karburant, ħlasijiet relatati mat-traffiku fit-terminals, mas-sistema tal-biljetti, mal-assikurazzjoni, eċċ.), huma previsti finanzjamenti supplimentari biex ikopru żidiet mhux mistennija fil-prezzijiet tal-karburant u nfiq ta’ kapital (pereżempju akkwist ta’ assi għall-provvista tal-attivitajiet ta’ servizz pubbliku, xogħlijiet fil-portijiet għall-istess għan, eċċ.). L-ispejjeż kollha koperti mill-għotja għad-defiċit huma kwantifikati b’mod preċiż fix-xenarju ta’ Każ ta’ Bażi, filwaqt li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni u għad-determinazzjoni tas-supplimenti possibbli tal-karburant u tas-supplimenti ta’ kapital huma definiti b’mod preċiż fil-kuntratt ta’ servizz pubbliku.

(303)

Għalhekk, li l-kuntratt ta’ servizz pubbliku huwa ċar biżżejjed rigward l-allokazzjoni tal-ispejjeż relatati ma’ attivitajiet ta’ servizz pubbliku u dawk li mhumiex marbuta mas-servizz pubbliku.

(304)

Skont il-prattika normali tagħha dwar skemi ta’ għajnuna eżistenti, il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-attivitajiet ta’ CalMac u, b’mod partikolari, l-allokazzjoni xierqa tal-ispejjeż, l-evitar ta’ sussidjar inkroċjat u t-trasparenza sħiħa fir-rigward tas-separazzjoni tal-kontijiet.

(305)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota b’mod pożittiv li l-awtoritajiet tar-Renju Unit beħsiebhom iżommu konsultazzjonijiet pubbliċi mal-partijiet interessati kull meta jsiru bidliet sostanzjali fl-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ CalMac għar-rotot tal-Hebrides u tax-xmara Clyde. Il-Kummissjoni teħtieġ ukoll li CalMac tippreżenta kontijiet separati tal-qligħ u t-telf għal attivitajiet ta’ servizz pubbliku u għal attivitajiet kummerċjali li jibdew fis-sena finanzjarja 2009-2010, u beħsiebha tinkludi rekwiżiti bħal dawn fil-kuntratti kollha ta’ servizz pubbliku għal servizzi tal-laneċ fil-Hebrides u x-xmara Clyde li jsiru fil-ġejjieni.

(b)   Gourock-Dunoon

(306)

Western Ferries sostniet li servizz esklussiv għat-trasport tal-passiġġieri bbażat fuq bastiment għat-trasport tal-passiġġieri biss jista’ jekonomizza fuq l-infiq mit-taxxi mħallsa mill-poplu billi jikkontribwixxi biex jitnaqqas l-ammont tas-sussidju annwali li jingħata lil CalMac. Madankollu, l-Artikolu 86(2) tat-Trattat ma jirrikjedix li l-Istat Membru jagħżel l-aktar mod ekonomiku għat-twettiq tas-servizz pubbliku.

(307)

Fil-każ tar-rotta Gourock-Dunoon, m’hemm l-ebda dispożizzjonijiet ċari riġward l-evitar ta’ għotjiet ta’ kumpens żejjed, l-ebda salvagwardji preċiżi kontra l-imġiba possibbilment antikompetittiva jew is-sussidjar inkroċjat u l-ebda rekwiżit formali rigward is-separazzjoni tal-kontijiet jew dispożizzjonijiet għall-allokazzjoni tal-ispejjeż.

(308)

Għalhekk, fir-rigward tar-rotta Gourock-Dunoon, m’hemmx garanzija suffiċjenti li l-għajnuna tkun proporzjonali għall-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ CalMac u li għaldaqstant jenħtieġ li jittieħdu miżuri xierqa biex l-għajnuna tkun kompatibbli għall-ġejjieni.

(309)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit aċċettaw, bħala miżura xierqa, li jorganizzaw proċedura ta’ offerta pubblika. Fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti għal din ir-rotta, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, meta jimplimentaw il-proċedura għall-offerta pubblika, l-awtoritajiet tar-Renju Unit għandhom jiżguraw li dan l-offerta għal kuntratt ta’ servizz pubbliku għat-trasport tal-passiġġieri biss fuq ir-rotta Gourock-Dunoon jinkludi dispożizzjonijiet ċari dwar l-evitar tal-għoti ta’ kumpens żejjed kif ukoll salvagwardji preċiżi kontra l-imġiba possibbilment antikompetittiva u s-sussidjar inkroċjat, inkluż l-obbligu li ssir konsultazzjoni pubblika ma’ partijiet interessati dwar bidliet sinifikanti fil-mandat tas-servizz pubbliku. Jenħieġu wkoll dispożizzjonijiet xierqa għall-allokazzjoni tal-ispejjeż u rekwiżit formali għas-separazzjoni tal-kontijiet.

(310)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota wkoll b’mod pożittiv li l-awtoritajiet tar-Renju Unit beħsiebhom iżommu konsultazzjonijiet pubbliċi ma’ partijiet interessati kull meta jsiru bidliet sinifikanti fl-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ CalMac għar-rotta Gourock-Dunoon. Dawn għandhom jeħtieġu ukoll li CalMac tippreżenta kontijiet separati tal-qligħ u t-telf għal attivitajiet ta’ servizz pubbliku u għal attivitajiet kummerċjali li jibdew fis-sena finanzjarja 2009-2010 u beħsiebhom jinkludu rekwiżiti bħal dawn fil-kuntratti kollha ta’ servizz pubbliku għal servizzi tal-laneċ fil-Hebrides u x-xmara Clyde li jsiru fil-ġejjieni.

5.3.3.4.    Konklużjoni dwar it-taqsima dwar l-għajnuna eżistenti

(a)   Il-Gżejjer Hebrides u x-xmara Clyde (minbarra r-rotta Gourock-Dunoon)

(311)

L-SGEI għall-operat tar-rotot tax-xmara Clyde u l-Hebrides, bl-eċċezzjoni tar-rotta Gourock-Dunoon, hija definita b’mod ċar u ġiet debitament mogħtija lil CalMac. Hemm salvagwardji biżżejjed biex jiġi żgurat li l-kumpens mogħti lil CalMac huwa proporzjonali mal-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku. B’hekk, l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil CalMac għall-operat ta’ dawn ir-rotot hija kompatibbli mal-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE.

(b)   Gourock-Dunoon

(312)

Is-servizz pubbliku għall-operat tar-rotta Gourock-Dunoon mhuwiex definit b’mod ċar biżżejjed u r-responsabbiltajiet marbuta miegħu ingħataw b’mod li ma kienx preċiż u trasparenti biżżejjed. M’hemmx salvagwardji biżżejjed biex jiġi żgurat li l-kumpens mogħti lil CalMac huwa proporzjonali mal-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku. B’hekk, l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil CalMac għall-operat tar-rotta Gourock-Dunoon mhijiex kompatibbli mal-Artikolu 86(2) tat-Trattat.

(313)

Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet tar-Renju Unit, b’konformità mal-proċedura ta’ kooperazzjoni prevista għall-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, aċċettaw bħala miżura xierqa li jniedu offerta pubblika ġdida miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja għal kuntratt għal servizz pubbliku għal din ir-rotta b’konformità ma dak li ġie deskritt hawn fuq. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Proċedurali, l-Istat Membru għandu jintrabat bil-qbil tiegħu li jimplimenta l-miżura xierqa.

(314)

Sabiex tiġi żgurata l-kompatibilità tas-servizz pubbliku għal din ir-rotta mal-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE, jenħtieġ li l-implimentazzjoni sseħħ skont ir-rekwiżiti li ġejjinl-offerta u l-kuntratt ta’ servizz pubbliku sussegwenti għandhom jiġu mnieda f’perjodu ta’ żmien raġonevoli; għandu jkun fihom definizzjoni ċara u preċiża tal-obbligi ta’ servizz pubbliku; għandhom jipprovdu għal għoti sħiħ u dettaljat tar-responsabbiltajiet lill-fornitur tas-servizz pubbliku; għandu jkun fihom salvagwardji xierqa biex jiġi evitat li jingħata kumpens żejjed u sussidjar inkroċjat u li tiġi adottata mġiba antikompetittiva (inkluż l-obbligu li ssir konsultazzjoni pubblika ma’ partijiet interessati dwar bidliet sinifikanti fil-mandat tas-servizz pubbliku) waqt li għandhom jinkludu wkoll dispożizzjonijiet ċari dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż u s-separazzjoni tal-kontijiet.

(315)

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, għandu jiġi konkluż, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Proċedurali, li l-għajnuna eżistenti għal din ir-rotta m’għadhiex kompatibbli mas-suq komuni. Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Proċedurali, il-miżuri xierqa msemmija hawn fuq u l-implimentazzjoni korretta tagħhom għandhom jassiguraw il-kompatibilità tal-għajnuna mal-liġi Komunitarja fil-ġejjieni.

(316)

Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Mejju 2009, l-awtoritajiet tar-Renju Unit impenjaw ruħhom biex jagħtu bidu għall-proċeduri meħtieġa għat-tnedija ta’ offerta pubblika għal din ir-rotta qabel tmiem l-2009, u b’hekk jaċċettaw il-miżuri xierqa li ġew proposti. Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku sussegwenti għandu jibda qabel tmiem Ġunju tal-2011.

(317)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-awtoritajiet tar-Renju Unit beħsiebhom iżommu konsultazzjonijiet pubbliċi ma’ partijiet interessati kull meta jsiru bidliet sinifikanti fl-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ CalMac għar-rotta Gourock-Dunoon. Dawn għandhom jeħtieġu ukoll li CalMac tippreżenta kontijiet tal-qligħ u t-telf separati u verifikati għal attivitajiet ta’ servizz pubbliku u għal attivitajiet kummerċjali li jibdew fis-sena finanzjarja 2009-2010 u beħsiebhom jinkludu rekwiżiti bħal dawn fil-kuntratti kollha ta’ servizz pubbliku għal servizzi tal-laneċ fil-Hebrides u x-xmara Clyde li jsiru fil-ġejjieni.

(318)

Fid-dawl ta’ dak li ġie stabbilit hawn fuq u skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Proċedurali, il-Kummissjoni tirreġistra l-aċċettazzjoni tal-miżuri xierqa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit u tikkunsidra li, jekk il-miżuri xierqa jiġu implimentati b’mod korrett skont kif ġie deskritt hawn fuq, l-iskema titqies bħala li hija konformi mal-Artikolu 86(2) tat-Trattat. Għalhekk, il-kompatibilità tal-iskema mat-Trattat tal-KE hija soġġetta għal verifika mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat li l-miżuri xierqa hekk kif ġew aċċettati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit iddaħħlu debitament fis-seħħ mill-Istat Membru.

(319)

Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-miżuri xierqa deskritti hawn fuq u titlob lill-awtoritajiet tar-Renju Unit biex jgħarrfuha bil-passi kollha meħuda fil-proċess ta’ implimentazzjoni fuq bażi regolari.

(320)

Il-Kummissjoni żżomm id-dritt li tevalwa, b’mod kontinwu, l-iskema ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 88(1) tat-Trattat tal-KE u li tipproponi aktar miżuri xierqa meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew il-funzjonament tas-suq komuni.

5.3.4.   NORTHLINK

5.3.4.1.    Definizzjoni

(a)   NorthLink 1 (2002-2006)

(321)

Kif ġie msemmi qabel (ara t-Taqsima 5.2.3 hawn fuq), l-għajnuna mogħtija lil NorthLink 1 u lil NorthLink 2 tikkostitwixxi għajnuna ġdida. Għalhekk, minbarra li tevalwa l-qagħda attwali, il-Kummissjoni għandha wkoll tevalwa l-kompatibilità tal-miżura minn meta l-ewwel kuntratt ta’ servizz pubbliku kien ġie ffirmat ma’ NorthLink 1.

(322)

Id-dispożizzjonijiet rilevanti meħtieġa biex jiġi evalwat jekk il-kompiti ta’ servizz pubbliku ta’ NorthLink 1 ġewx definiti b’mod xieraq huma mniżżla fl-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu, li jistipula l-ispeċifikazzjonijiet li għandhom jiġu inklużi fid-definizzjoni, jiġifieri: il-portijiet li għandhom jiġu moqdija, ir-regolarità, il-kontinwità, il-frekwenza, il-kapaċità li s-servizz jiġi provdut, ir-rati li għandhom jiġu mitluba u l-ekwipaġġ tal-bastimenti.

(323)

Huwa pjuttost ċar li l-kuntratt ta’ servizz pubbliku li jkopri l-perjodu 2002-2006 jissodisfa dan il-kriterju billi jiddefinixxi dawn il-parametri kollha b’mod dettaljat. L-istedina għall-offerti speċifikat, b’mod partikolari: il-konfigurazzjoni tar-rotot u n-numru minimu ta’ vjaġġi, il-ħtieġa għall-kapaċità li jinġarru merkanzija (għalkemm mhux soġġetta għal sussidju) u bhejjem, ir-rekwiżiti minimi ta’ kapaċità (li għandhom ikunu mill-inqas ugwali għal dawk li diġà toffri P&O Ferries) u t-tariffi inizjali, li ma setgħux jaqbżu dawk ta’ P&O Ferries b’mod sinifikanti.

(324)

Dan il-kuntratt ta’ servizz pubbliku kellu wkoll żmien raġonevoli – inqas minn sitt snin – b’konformità mal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu.

(325)

Il-MoA, li ġiet iffirmata fl-2004 wara li NorthLink 1 iltaqgħet ma’ diffikultajiet finanzjarji fl-2003, bażikament ipprovdiet għal finanzjament tad-defiċit addizzjonali u ma biddlitx id-definizzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku diġà fis-seħħ b’mod sinifikanti.

(b)   NorthLink 2 (2006-2012)

(326)

Kif diġà ġie indikat fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kompiti ta’ servizz pubbliku mogħtija lil Northlink 2 jikkorrispondu għal SGEI leġittimu.

(327)

Bħall-kuntratt ta’ servizz pubbliku ma’ NorthLink 1 li kien sar qabel, huwa ċar li t-tieni kuntratt ta’ servizz pubbliku ma’ NorthLink 2 jiddefinixxi wkoll il-parametri għall-obbligi ta’ servizz pubbliku b’mod ċar skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu. L-istedina għall-offerti speċifikat, b’mod partikolari: il-konfigurazzjoni tar-rotta u n-numru minimu ta’ vjaġġi, il-ħtieġa li laneċ ro-ro ikollhom il-kapaċità għall-ġarr ta’ merkanzija (din id-darba eliġibbli wkoll għal sussidju) u bhejjem, ir-rekwiżiti minimi ta’ kapaċità (mill-inqas ugwali għal dawk li diġà qed toffri NorthLink 1) u t-tariffi inizjali, li ma setgħux jaqbżu dawk ta’ NorthLink 1 b’mod sinifikanti.

(328)

Bħall-kuntratt li kien sar qabel ma’ NorthLink 1, dan il-kuntratt ta’ servizz pubbliku għandu wkoll żmien raġonevoli – ta’ sitt snin – b’konformità mal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu.

5.3.4.2.    Għoti ta’ responsabbiltà

(a)   NorthLink 1 (2002-2006)

(329)

Jidher b’mod ċar li NorthLink 1 kienet ingħatat, b’mod espliċitu, ir-responsabbiltà tal-provvista tas-servizz pubbliku in kwistjoni fil-perjodu 2002-2006. Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku kien jinkludi indikazzjonijiet preċiżi dwar is-servizzi li NorhLink 1 kellha tipprovdi u dwar kif jista’ jinbidel l-ambitu tal-eżekuzzjoni tas-servizz pubbliku.

(330)

Il-Grupp dwar it-Trasport tal-Eżekuttiv Skoċċiż issorvelja l-prestazzjoni ta’ NorthLink 1 fil-kuntest tat-termini kemm tal-kuntratt oriġinali kif ukoll ta’ dak li ġie rivedut. NorthLink 1 ħarġet rapporti dwar il-prestazzjoni lil dan il-korp fuq bażi regolari.

(b)   NorthLink 2 (2006-2012)

(331)

Bħal mhu fil-każ ta’ NorthLink 1, huwa ċar li NorthLink 2 kienet ingħatat, b’mod espliċitu, ir-responsabbiltà tal-provvista tas-servizz pubbliku in kwistjoni fil-perjodu 2006-2012. Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku jinkludi indikazzjonijiet preċiżi dwar is-servizzi li NorhLink 2 għandha tipprovdi u dwar kif jista’ jinbidel l-ambitu tal-eżekuzzjoni tas-servizz pubbliku.

(332)

Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku jinkludi dispożizzjonijiet ċari dwar il-kontroll tal-eżekuzzjoni tas-servizz pubbliku permezz tal-impożizzjoni ta’ tagħrif regolari dettaljat dwar l-operat minn NorthLink 2 lill-awtoritajiet Skoċċiżi. Hemm, pereżempju, indikaturi tal-prestazzjoni li jiġu evalwati b’mod regolari. Jekk l-istandards ta’ prestazzjoni ma jiġux sodisfatti, l-għotja tista’ titnaqqas kif xieraq.

5.3.4.3.    Proporzjonalità

(a)   NorthLink 1 (2002-2006)

(333)

B’differenza mis-sussidji mogħtija lil CalMac, li jikkostitwixxu għajnuna eżistenti (ara t-taqsima 5.2.2 hawn fuq), l-għajnuna mogħtija lil NorthLink 1 u lil NorthLink 2 tikkostitwixxi għajnuna ġdida. Għalhekk, mhuwiex biżżejjed li l-Kummissjoni tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku attwali (li jkopri l-perjodu 2006-2012) jipprovdux garanziji suffiċjenti sabiex jiġi evitat li jingħata kumpens żejjed u li l-fornitur tas-servizz pubbliku jadotta imġiba possibbilment antikompetittiva. Huwa wkoll neċessarju li jiġi evalwat jekk kienx ingħata xi kumpens żejjed għall-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ NorthLink mill-2002 ’il quddiem u jekk il-fornitur tas-servizz pubbliku adottax xi tip ta’ imġiba antikompetittiva li setgħet żiedet l-ispejjeż meħtieġa għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku sa punt li ma jistax jitqies bħala proporzjonali għall-għan li kellu jiġi milħuq skont il-kuntratti ta’ servizz pubbliku.

(334)

Madankollu għandu jiġi enfasizzat li l-valutazzjoni tal-kompatibilità hija limitata għall-ikkontrollar dwar għoti ta’ kumpens żejjed u dwar imġiba possibbilment antikompetittiva, u li ma tittrattax il-kwistjoni tal-effiċjenza fl-infiq jew it-tnaqqis tal-ispejjeż, kuntrarjament għall-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont il-kundizzjoni Altmark 4. Fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 86(2) tat-Trattat, mhuwiex kompitu tal-Kummissjoni li jiġi verifikat jekk is-servizz pubbliku setgħax twettaq b’mod aktar effiċjenti.

(335)

Kif jidher fit-Tabella 3 hawn fuq, ir-riżultati netti mill-attivitajiet ta’ servizz pubbliku ta’ NorthLink 1 kienu pożittivi għal ċertu snin (2003/2004 u 2005/2006) u negattivi għal snin oħra (2002/2003 u 2004/2005). Ir-riżultat globali tal-attivitajiet ta’ servizz pubbliku ta’ NorthLink 1 matul il-perjodu li fih operat fuq ir-rotot tal-gżejjer tat-Tramuntana (2002-2006) kien pożittiv bl-ammont ta’ GBP 0,9 miljun. Dan l-ammont jikkorrispondi għal finanzjament pubbliku annwali medju żejjed ta’ GBP 0,2 miljun.

(336)

Għandu l-ewwelnett jiġi nnutat li d-dejta fornuta mill-awtoritajiet tar-Renju Unit tirriżulta minn eżerċizzju analitiku tal-kontijiet fuq il-bażi tal-kontijiet statutorji. Dawn ir-riżultati ġew verifikati minn awditur estern indipendenti rigward il-metodoloġija li ntużat, id-dettalji tal-kontabilità u l-kontenut tad-dikjarazzjoni. Ma nstabu l-ebda differenzi sinifikanti bejn l-ammonti li ġew irrapportati u l-kotba u r-reġistri sottostanti ta’ NorthLink 1. Din l-informazzjoni ġiet stabbilita b’mod xieraq u hija kredibbli (65).

(337)

Il-finanzjament pubbliku annwali medju żejjed ta’ GBP 0,2 miljun huwa limitat ħafna meta mqabbel mal-kumpens pubbliku annwali medju mogħti lil NorthLink 1 - madwar GBP 23,2 miljun (66), li jirrappreżenta biss madwar 0,9 % ta’ dan l-ammont.

(338)

Il-Kummissjoni taċċetta l-prinċipju li l-kumpens li jitħallas lil impriżi mogħtija responsabbiltà ta’ provista ta’ SGEI “ma jistax ikun iktar minn dak li hu meħtieġ biex ikopri l-ispejjeż li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, b’kunsiderazzjoni tal-ammonti rilevanti mogħtija u tal-qligħ raġonevoli li jirriżulta mit-twettiq ta’ dawn l-obbligi” (67). Qligħ raġonevoli huwa definit bħala “rata ta’ qligħ fuq il-kapital proprju li fiha jkun tqies ir-riskju, jew in-nuqqas ta’ riskju, sostnut mill-impriża permezz tal-involviment tal-Istat Membru (…)”. F’dan il-każ, il-marġni ta’ profitt medju annwali ta’ madwar 0,6 % tad-dħul mis-servizz pubbliku (68) huwa limitat ħafna u jista’ jiġi aċċettat bħala raġonevoli fid-dawl tar-riskji sostnuti minn NorthLink 1 fit-twettiq tal-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku. Għandu jiġi osservat, b’mod partikolari, li dan il-qligħ limitat ħafna ta’ NorthLink 1 segwa l-proċedura kompetittiva tat-tfigħ ta’ offerti għall-kuntratt ta’ servizz pubbliku u għaldaqstant kellu jinżamm fuq il-livell minimu skont is-sitwazzjoni tas-suq.

(339)

Għalhekk, NorthLink 1 ma ngħatatx kumpens żejjed mhux ġustifikat għat-twettiq tal-kompiti tagħha ta’ servizz pubbliku matul il-perjodu li fih kienet topera r-rotot tal-gżejjer tat-Tramuntana.

(340)

Fl-ilment oriġinali ta’ Streamline Shipping ta’ Lulju 2004, ġie allegat li tħallsu mill-inqas GBP 2 miljuni lil NorthLink 1 barra mill-ambitu tal-ispejjeż rimborżabbli fil-kuntest tal-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku, biex jinkera bastiment għat-trasport tal-merkanzija. Madankollu, kif ġie spjegat hawn fuq, dan ma wassalx għal għoti ta’ kumpens żejjed għall-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ NorthLink 1.

(341)

Rigward imġiba possibbilment antikompetittiva, id-dejta dwar il-prezzijiet ippreżentata minn Streamline Shipping (69) ma tindikax differenzi sinifikanti fil-prezzijiet ta’ NorthLink 1 u ta’ Streamline Shipping għat-trasport tal-merkanzija. Il-prezzijiet ta’ NorthLink 1 għar-rotta tal-Gżejjer Shetland huma ogħla mill-prezzijiet ta’ Streamline Shipping għas-snin kollha li ġew analizzati. Fuq ir-rotta Orkney l-prezzijiet ta’ NorthLink 1 huma aktar baxxi mill-prezzijiet ta’ Streamline Shipping fis-snin kollha li ġew analizzati (bejn 5 % u 13 %), iżda dan il-fatt mhuwiex evidenza ta’ imġiba antikompetittiva. Barra minn hekk, il-paragun jista’ jkun wieħed żgwidat minħabba li r-rati ro-ro u lo-lo għat-trasport tal-merkanzija ma jistgħux jiġu mqabbla b’mod dirett, kif ġie msemmi mill-awtoritajiet tar-Renju Unit.

(342)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-attivitajiet kummerċjali mwettqa minn NorthLink 1 kienu ġġeneraw qligħ fuq bażi awtonoma fis-snin kollha li matulhom operat NorthLink 1. Dan ifisser li l-prezzijiet li kienet titlob NorthLink 1 għall-attivitajiet kummerċjali tagħha kienu kkontrollati mis-suq u li dawn kienu kompatibbli mal-imġiba bbażata fuq il-kisba tal-ogħla ammont ta’ qligħ ta’ investitur fis-suq.

(343)

Barra minn hekk, fir-rapport tagħha ta’ Diċembru tal-2005, li janalizza l-prestazzjoni ta’ NorthLink 1, Audit Scotland ma ssemmi l-ebda imġiba possibbilment antikompetittiva (pereżempju tnaqqis fil-prezzijiet) li setgħet ikkawżat id-diffikultajiet finanzjarji ta’ NorthLink 1. Dawn id-diffikultajiet minflok huma attribwiti essenzjalment lill-kompetizzjoni akbar u mhux mistennija li nħolqot minn impriżi oħra.

(344)

Bħala konklużjoni, NorthLink 1 ma ngħatatx kumpens żejjed mhux ġustifikat għat-twettiq tal-kompiti tagħha ta’ servizz pubbliku u ma hemm l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li adottat imġiba antikompetittiva matul il-perjodu li fih kienet topera r-rotot tal-gżejjer tat-Tramuntana. Qed jiġi konkluż li l-għajnuna mill-Istat li ngħatat lil NorthLink 1 kienet proporzjonali fid-dawl tal-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku.

(b)   NorthLink 2 (2006-2012)

(345)

Rigward il-kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ NorthLink 2, il-Kummissjoni għandha tivverifika, minn naħa, jekk s’issa ingħatax kumpens żejjed għall-obbligi ta’ servizz pubbliku. Għandha wkoll tivverifika jekk ġietx adottata imġiba possibbilment antikompetittiva li setgħet żiedet l-ispejjeż meħtieġa għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku sa punt li ma jistax jitqies bħala proporzjonali għall-għan li kellu jiġi milħuq skont il-kuntratti ta’ servizz pubbliku. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet attwali tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku ma’ NorthLink 2 fihomx salvagwardji biżżejjed biex tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-għajnuna.

(346)

Kif jidher fit-Tabella 5, ir-riżultati tad-dħul nett mill-attivitajiet ta’ servizz pubbliku ta’ NorthLink 2 kienu pożittivi fl-ewwel sentejn ta’ operat (2006/2007 u 2007/2008). Ir-riżultat globali tad-dħul nett mill-operat ta’ NorthLink 2 s’issa huwa pożittiv bl-ammont ta’ GBP 2,4 miljun. Dan l-ammont jikkorrispondi għal finanzjament pubbliku annwali medju żejjed ta’ GBP 1,2 miljun.

(347)

Kif ġie msemmi hawn fuq fil-każ ta’ NorthLink 1, għandu l-ewwel jiġi nnotat li d-dejta fornuta mill-awtoritajiet tar-Renju Unit irriżultat minn eżerċizzju analitiku ta’ kontabilità fuq il-bażi tal-kontijiet statutorji. Dawn ir-riżultati ġew verifikati minn awditur estern indipendenti rigward il-metodoloġija li ntużat, id-dettalji tal-kontabilità u l-kontenut tad-dikjarazzjoni. Ma nstabu l-ebda differenzi sinifikanti bejn l-ammonti li ġew irrapportati u l-kotba u r-reġistri sottostanti ta’ NorthLink 1. Din l-informazzjoni ġiet stabbilita b’mod xieraq u hija kredibbli (70).

(348)

Il-medja annwali ta’ finanzjament żejjed pubbliku ta’ GBP 1,2 miljun hija limitata meta mqabbla mal-kumpens pubbliku medju annwali mogħti lil NorthLink 2 - GBP 26,6 miljun (71), li jirrappreżenta biss madwar 4,5 % ta’ dan l-ammont.

(349)

Kif imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni aċċettat il-prinċipju ta’ profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. F’dan il-każ, il-marġni ta’ profitt medju annwali ta’ madwar 2,4 % tad-dħul mis-servizz pubbliku (72) huwa limitat u jista’ jiġi aċċettat bħala wieħed raġonevoli fid-dawl tar-riskji li tiffaċċja NorthLink 2 fit-twettiq tal-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku. Għandu jiġi osservat, b’mod partikolari, li dan il-qligħ limitat ta’ NorthLink 2 segwa proċedura kompetittiva tat-tfigħ ta’ offerti għall-kuntratt ta’ servizz pubbliku u għalhekk kellu jinżamm fuq il-livell minimu skont is-sitwazzjoni tas-suq.

(350)

B’hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li NorthLink 2 ma ngħatatx kumpens żejjed mhux ġustifikat għat-twettiq tal-kompiti tagħha ta’ servizz pubbliku matul il-perjodu li fih s’issa għadha qed topera r-rotot tal-gżejjer tat-Tramuntana.

(351)

Rigward imġiba possibbilment antikompettitiva min-naħa ta’ NorthLink 2, Streamline Shipping sostniet li l-iskontijiet fir-rati għat-trasport tal-merkanzija b’25 % għall-Gżejjer Shetland u b’19 % għal Orkney li tħabbru fil-bidu tat-tielet kuntratt ta’ servizz pubbliku f’Lulju tal-2006 kienu qed jikkostitwixxu penalizzazzjoni għal Streamline Shipping u kienu possibbli biss permezz tas-sussidju akbar mogħti lil NorthLink 2 meta mqabbel ma’ dak mogħti lil NorthLink 1.

(352)

Kif imsemmi hawn fuq, NorthLink 2 ma twettaqx attivitajiet barra mill-ambitu tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku. B’mod partikolari, b’differenza għall-kuntratt ta’ servizz pubbliku ma’ NorthLink 1, il-kuntratt bejn l-awtoritajiet Skoċċiżi u NorthLink 2 kien ikopri t-trasport tal-merkanzija bħala attività ta’ servizz pubbliku. Dan it-tnaqqis fir-rati tat-trasport tal-merkanzija kien ġie impost mill-awtoritajiet Skoċċiżi bħala parti mit-termini tal-offerta. Għalhekk, din l-informazzjoni kienet pubblika u l-appaltaturi kellhom iqisuha waqt li fformulaw l-offerti tagħhom.

(353)

NorthLink 2 s’issa ma ngħatatx kumpens żejjed għall-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku. Barra minn hekk, kif jidher fit-Tabella 5 hawn fuq, it-trasport tal-merkanzija kien profitabbli fuq bażi ta’ każ b’każ tul is-sentejn li fihom NorthLink 2 kienet operattiva. Dan ifisser li l-prezzijiet li kien qegħdin jintalbu minn NorthLink 2 għall-attivitajiet kummerċjali tagħha kienu skont is-suq u paragunabbli ma’ mġiba ta’ mmasimizzar tal-profitt ta’ investitur fis-suq.

(354)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-rati ro-ro u lo-lo għat-trasport tal-merkanzija ma jistgħux jitqabblu direttament minħabba r-raġunijiet stipulati fil-premessa 99 ta’ hawn fuq.

(355)

Barra minn hekk, kuntrarjament għal NorthLink 2, Pentland Ferries ma tippubblikax it-tariffi tagħha għat-trasport tal-merkanzija u minflok tistieden lill-klijenti possibbli biex jikkuntattjaw l-uffiċċji tagħha għall-prenotazzjoni biex jiksbu stima ta’ prezz u jagħmlu prenotazzjoni. Għalhekk, huwa diffiċli għal NorthLink 2 li toffri prezzijiet irħas minn dawk ta’ Pentland Ferries b’mod deliberat u konsistenti.

(356)

B’konnessjoni possibbli ma’ mġiba possibbilment antikompetittiva minn NorthLink 2, Pentland Ferries sostniet li NorthLink 2 kienet qed tipprattika skema ta’ skont imsejħa “ħbieb u qraba” għal residenti ta’ Orkney, li qed ikollha effett negattiv fuq is-servizz kompetittiv ipprovdut minn Pentland Ferries (73).

(357)

Kif muri hawn fuq fit-tabella 7, it-tariffi bażiċi mitluba minn NorthLink 2 għall-passiġġieri u vetturi huma ogħla minn dawk mitluba minn Pentland Ferries. M’hemm l-ebda evidenza pubblika dwar il-prattika tal-għoti ta’ skontijiet possibbli minn Pentland Ferries, imma anki jekk wieħed jassumi li ma toffrix skontijiet, it-tariffi mitluba minn NorthLink 2, inkluż l-iskema ta’ skont “ħbieb u qraba” mhumiex aktar baxxi mit-tariffi mitluba minn Pentland Ferries b’mod sinifikanti jew fuq bażi konsistenti. Barra minn hekk, l-iskontijiet mhumiex disponibbli waqt l-aktar istaġun li fih attività (Lulju u Awwissu). Barra minn hekk, kif indikat mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-iskema ta’ skont tikkostitwixxi biss parti żgħira ħafna tat-trasport ta’ NorthLink 2 (1,6 %) u parti iżgħar tad-dħul ta’ NorthLink 2 (0,5 %). Id-dħul li NorthLink 2 tilfet fuq bejgħ ta’ biljetti bħala konsegwenza tal-iskontijiet (meta tiġi injorata d-domanda addizzjonali possibbli ġġenerata mill-iskontijiet) huwa limitat ħafna (74). Fl-aħħarnett, Pentland Ferries ma kenitx kapaċi turi, permezz ta’ ċifri konkreti, li ġiet milquta finanzjarjament minn din l-iskema ta’ skont. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li m’hemmx bażi soda għal allegazzjonijiet kontra NorthLink 2 li permezz tagħhom tista’ tiġi akkużata li adottat imġiba antikompetittiva jew li juru li l-kompetizzjoni ġiet affettwata minħabba din l-iskema ta’ skont.

(358)

Barra minn hekk, parti interessata sostniet ukoll li NorthLink 2 qed toffri akkomodazzjoni Bed & Breakfast f’Orkney (meta l-bastiment ikun wieqaf matul il-lejl) bħala attività kummerċjali b’rati ta’ telf, u li dan qed jaffettwa lill-fornituri tal-qasam tas-servizzi Bed & Breakfast fil-lukandi (75). Għalkemm din il-kwistjoni ma tqajmitx fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ma ġiet provduta l-ebda prova konkreta li turi li l-prezzijiet ta’ NorthLink 2 għal dan is-servizz huma prezzijiet b’rati ta’ telf jew li dan is-servizz qed jaffettwa d-dħul ta’ operaturi tal-qasam tas-servizzi Bed & Breakfast fil-lukandi b’mod negattiv. Barra minn hekk, il-prezzijiet għall-akkomodazzjoni fuq il-bastimenti u l-ispejjeż għall-forniment ta’ akkomodazzjoni bħal din ma jistgħux jiġu mqabbla direttament mal-prezzijiet għall-akkomodazzjoni fil-lukandi u mal-ispejjeż rispettivi. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li m’hemmx bażi soda biex jiġi allegat li NorthLink 2 adottat imġiba antikompetittiva jew li ħolqot tfixkil serju tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ dan is-servizz. Fi kwalunkwe każ, kull distorsjoni possibbli tal-kompetizzjoni li tista’ seħħ mhux se jkollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri minħabba li sseħħ biss f’Orkney.

(359)

Minbarra li tevalwa l-proporzjonalità tal-għajnuna fil-passat, il-Kummissjoni għandha wkoll tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet tal-offerta ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku joffrux garanziji suffiċjenti biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda kumpens żejjed jew imġiba antikompetittiva fil-ġejjieni.

(360)

Kif imsemmi hawn fuq (76), l-offerta pubblika twettqet b’mod miftuħ u trasparenti.

(361)

Fil-fehma tal-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku huma xierqa biex jiġi evitat li jingħata kumpens żejjed għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku. Il-kumpens huwa limitat għall-ispejjeż tal-operat (inkluż qligħ raġonevoli) meta minnu jitnaqqas id-dħul mill-operat. L-ispejjeż eliġibbli għall-kumpens huma definiti b’mod ċar anki fil-kuntratt ta’ servizz pubbliku.

(362)

Jeżisti mekkaniżmu ta’ treġġigħ lura li jrodd lura l-parti l-kbira ta’ kwalunkwe kumpens żejjed lill-awtoritajiet Skoċċiżi. Huwa biss ammont żgħir li ma jingħatax lura. Pereżempju, jekk il-kumpens żejjed ikun ta’ GBP 1000000 NorthLink 2 tkun intitolata li żżomm biss GBP 275 000 minnhom. F’każ li l-kumpens żejjed ikun ta’ GBP 10 miljun, CalMac tkun intitolata li żżomm biss GBP 725 000 minnhom. Dawn l-ammonti huma limitati ħafna u huma konformi mad-definizzjoni ta’ “qligħ raġonevoli” stipulata fil-Qafas SGEI (punt 18) (77). Għalkemm il-Qafas SGEI ma japplikax għal dan il-każ, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ammonti ta’ kumpens żejjed possibbli li jistgħu jinżammu minn NorthLink 2 huma limitati ħafna u li dawn huma proporzjonali mal-ammonti ta’ kumpens.

(363)

Barra minn hekk, il-marġni ta’ profitt previst fil-kuntratt ta’ servizz pubbliku jirriżulta minn proċedura ta’ rkant kompetittiva u b’hekk jiġi żgurat li dan il-marġni huwa stabbilit f’livell raġonevoli.

(364)

Fil-kuntratt ta’ servizz pubbliku hemm ukoll klawsola li tiżgura li, f’każ li l-fornitur tas-servizz pubbliku jirċievi appoġġ pubbliku ieħor minn sorsi oħra, l-għotja stipulata skont it-termini tal-kuntratt titnaqqas kif xieraq.

(365)

Bħala konklużjoni, il-kuntratt ta’ servizz pubbliku jinkludi salvagwardji biżżejjed kontra l-kumpens żejjed għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

(366)

Minbarra l-kwistjoni tal-kumpens żejjed, il-Kummissjoni evalwat ukoll, fid-dawl tal-ilmenti li rċeviet dwar dan l-aspett, jekk il-kuntratt ta’ servizz pubbliku jinkludix salvagwardji biżżejjed biex jiġi evitat li Northlink 2 tadotta mġiba anti-kompettitiva li tista’ tikkawża distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni. Dan ikun il-każ, pereżempju, li kieku NorthLink 2 kellha tkun dejjem f’pożizzjoni li tippermettilha li toffri prezzijiet irħas minn dawk tal-kompetituri tagħha, biex b’hekk twarrabhom mis-suq.

(367)

Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku jistabbilixxi kondizzjonijiet stretti dwar il-prezzijiet tal-biljetti. Huwa jimponi konsultazzjoni mal-awtoritajiet Skoċċiżi fejn il-prezzijiet jiġu riveduti. B’mod partikolari, NorthLink 2 tkun qed tikser id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku li kieku kellha tnaqqas il-prezzijiet b’mod unilaterali u mhux ġustifikat biex twarrab il-kompetituri eżistenti mis-suq jew biex tneħħi kull possibbiltà li kompetituri potenzjali jidħlu fis-suq. Barra minn hekk, NorthLink 2 ma tkun tista’ tieħu l-ebda kumpens addizzjonali għal tnaqqis fid-dħul li jirriżulta minn skontijiet jew tnaqqis fil-prezzijiet stabbiliti fl-iskeda tat-tariffi ppubblikata. Dan jevita wkoll li tiġi adottata mġiba possibbilment anti-kompettitiva.

(368)

Possibbiltà oħra ta’ distorsjoni tas-suq tkun jekk il-fornitur tas-servizz pubbliku jkun jista’ jimmodifika jew iżid b’mod sinifikanti, minn jeddu, l-offerta tiegħu ta’ servizz pubbliku, pereżempju billi jżid rotot ġodda jew inaqqas il-frekwenzi b’mod sinifikanti. Jekk NorthLink 2 tkun awtomatikament eliġibbli għal aktar kumpens għal dawn is-servizzi miżjuda, tista’ tiġi kkawżata distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni lil hinn minn dak li jista’ jiġi aċċettat b’mod raġonevoli bħala kontroparti għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

(369)

Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku jipprovdi b’mod espliċitu għal konsultazzjoni u approvazzjoni minn qabel mill-Ministri Skoċċiżi qabel ma jsiru aġġustamenti sinifikanti fl-iskedi ppubblikati, fil-frekwenzi jew fis-servizzi li jkunu ġew miftiehma.

(370)

Fil-kuntratt ta’ servizz pubbliku hemm ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi li jipprojbixxu l-fornitur tas-servizz pubbliku milli jagħmel sussidjar inkroċjat bejn l-attivitajiet tiegħu ta’ servizz pubbliku u dawk li mhumiex ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jeħtieġu li t-tranżazzjonijiet kollha bejn NorthLink 2 u s-sussidjarji tagħha jsiru skont il-prinċipju ta’ arm’s length.

(371)

Il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet ta’ NorthLink 2 jaqgħu fl-ambitu tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku. Madankollu, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, għandu jkun hemm separazzjoni tal-kontijiet bejn l-attivitajiet tagħha ta’ servizz pubbliku u dawk l-attivitajiet tagħha li mhumiex ta’ servizz pubbliku jew li huma attivitajiet kummerċjali b’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-Trasparenza

(372)

Skont it-termini tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku, NorthLink 2 għandha tippreżenta rapport, darba fis-sena, dwar l-ispejjeż reali relatati mal-provvista tal-kompiti ta’ servizz pubbliku. Din id-“Dikjarazzjoni ta’ Eżitu Reali” tifred l-ispejjeż relatati mas-servizz pubbliku mill-attivitajiet l-oħra ta’ NorthLink 2. B’hekk jiġi żgurat li l-ammonti ta’ fondi pubbliċi mogħtija lil CalMac u l-użu ta’ dawn il-fondi jiġu separati b’mod ċar mill-attivitajiet l-oħra ta’ NorthLink 2. Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku jipprovdi espliċitament għall-bżonn li jinżammu sistemi ta’ kontabilità ċari, separati u trasparenti għall-finanzjament u t-tħaddim tal-attivitajiet ta’ servizz pubbliku.

(373)

Sabiex jiġi żgurat li l-ispejjeż relatati mat-twettiq tal-attivitajiet tas-servizz pubbliku jiġu separati b’mod ċar mill-ispejjez relatati ma’ attivitajiet oħra, huwa wkoll meħtieġ li tiġi stabbilita sistema xierqa għall-allokazzjoni ta’ spejjeż li huma komuni għaż-żewġ tipi ta’ attivitajiet.

(374)

Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku jinkludi rendikont dettaljat tal-ispejjeż kollha li huma ammissibbli għall-kumpens. Minbarra l-għotja għad-defiċit, li hija maħsuba biex tkopri l-ispejjeż operattivi kollha relatati mat-tħaddim tas-servizz pubbliku (pereżempju l-ispejjeż marbuta mal-persunal u l-ekwipaġġ, il-karburant, ħlasijiet relatati mat-traffiku fit-terminals, mas-sistema tal-biljetti, mal-assikurazzjoni, eċċ), huma previsti finanzjamenti supplimentari biex ikopru żidiet mhux mistennija fil-prezzijiet tal-karburant u nfiq ta’ kapital b’konnessjoni mal-akkwist ta’ assi għall-provvista tas-servizz pubbliċi miftiehma. L-ispejjeż kollha koperti mill-għotja għad-defiċit huma kwantifikati b’mod preċiż fix-xenarju ta’ Każ ta’ Bażi, filwaqt li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni u għad-determinazzjoni tas-supplimenti possibbli tal-karburant u tas-supplimenti ta’ kapital huma definiti b’mod preċiż fil-kuntratt ta’ servizz pubbliku.

(375)

Għalhekk, li l-kuntratt ta’ servizz pubbliku huwa ċar biżżejjed rigward l-allokazzjoni tal-ispejjeż bejn l-attivitajiet ta’ servizz pubbliku u dawk li mhumiex marbuta mas-servizz pubbliku.

(376)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota b’mod pożittiv li l-awtoritajiet tar-Renju Unit beħsiebhom iżommu konsultazzjonijiet pubbliċi mal-partijiet interessati kull meta jsiru bidliet sostanzjali fl-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ NorthLink 2 għar-rotot tal-Gżejjer tat-Tramuntana. Huma jeħtieġu wkoll li NorthLink 2 tippreżenta kontijiet separati tal-qligħ u t-telf għal attivitajiet ta’ servizz pubbliku u għal attivitajiet kummerċjali li jibdew fis-sena finanzjarja 2009-2010 u beħsiebhom jinkludu rekwiżiti bħal dawn fil-kuntratti kollha ta’ servizz pubbliku għal servizzi tal-laneċ fil-gżejjer tat-Tramuntana.

5.3.4.4.    Konklużjoni

(a)   NorthLink 1 (2002-2006)

(377)

L-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq NorthLink 1 ġew definiti b’mod ċar u ngħataw b’mod xieraq. L-għajnuna mill-Istat mogħtija lil NorthLink 1 matul il-perjodu 2002-2006 ma servietx ta’ kumpens żejjed lill-kumpanija għall-provvista tal-kompiti ta’ servizz pubbliku li ngħatawlha. Barra minn hekk, m’hemmx evidenza biżżejjed li turi li ġiet adottata mġiba antikompetittiva li setgħet żiedet l-ispejjeż b’mod artifiċjali, biex b’hekk tiġi kkawżata distorsjoni fil-kompetizzjoni.

(378)

Għalhekk, l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil NorthLink 1 matul il-perjodu 2002-2006 hija kompatibbli mal-Artikolu 86(2) tat-Trattat.

(b)   NorthLink 2 (2006-2012)

(379)

L-għajnuna mill-Istat mogħtija lil NorthLink 2 s’issa ma servietx ta’ kumpens żejjed lill-kumpanija għall-provvista tal-kompiti ta’ servizz pubbliku li ngħatawlha. Barra minn hekk, m’hemmx evidenza biżżejjed li turi li ġiet adottata mġiba antikompetittiva li setgħet żiedet l-ispejjeż b’mod artifiċjali, biex b’hekk tiġi kkawżata distorsjoni mhux ġustifikata fil-kompetizzjoni.

(380)

L-SGEI għall-operat tar-rotot tal-Gżejjer tat-Tramuntana hija definita b’mod ċar u ġiet debitament fdata lil NorthLink 2. Hemm salvagwardji biżżejjed biex jiżguraw li l-kumpens mogħti lil NorthLink 2 huwa proporzjonali għall-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku. B’hekk, l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil NorthLink 2 għall-operat ta’ dawk ir-rotot hija kompatibbli mal-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE.

6.   KONKLUŻJONI

(381)

Fuq il-bażi ta’ dak li ġie stabbilit, ġie konkluż li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil CalMac għall-operat tar-rotot kollha tal-Gżejjer tal-Punent, bl-eċċezzjoni tar-rotta Gourock-Dunoon, hija għajnuna eżistenti li hija kompatibbli mal-Artikolu 86(2) tat-Trattat.

(382)

Rigward ir-rotta Gourock-Dunoon, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Proċedurali, il-Kummissjoni tirreġistra l-aċċettazzjoni, mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, tal-miżuri xierqa li pproponiet skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Proċedurali u tikkunsidra li, jekk il-miżuri xierqa jiġu implimentati b’mod korrett skont kif ġie deskritt hawn fuq, il-miżura ta’ għajnuna eżistenti titqies bħala li hija konformi mal-Artikolu 86(2) tat-Trattat. Ir-Renju Unit huwa obbligat li jagħti bidu għall-proċeduri meħtieġa għat-tnedija ta’ offerta pubblika għal din ir-rotta qabel tmiem l-2009. Il-kuntratt sussegwenti ta’ servizz pubbliku għandu jibda tmiem Ġunju tal-2011. L-implimentazzjoni tal-miżuri xierqa deskritti hawn fuq se tiġi sorveljata mill-qrib mill-Kummissjoni, u r-Renju Unit huwa mitlub li jinforma lill-Kummissjoni dwar il-passi kollha meħuda fil-proċess ta’ implimentazzjoni fuq bażi regolari.

(383)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil NorthLink 1 u lil NorthLink 2 għall-operat tar-rotot tal-gżejjer tat-Tramuntana fil-perjodi 2002-2006 u 2007-2009 rispettivament hija kompatibbli mal-Artikolu 86(2) tat-Trattat.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat eżistenti mogħtija lil CalMac Ferries Ltd skont il-kuntratt ta’ servizz pubbliku għall-provvista ta’ servizzi tal-laneċ fil-gżejjer tal-Punent tal-Iskozja (bl-eċċezzjoni tar-rotta Gourock-Dunoon) hija kompatibbli mal-Artikolu 86(2) tat-Trattat.

Artikolu 2

L-għajnuna mill-Istat eżistenti mogħtija lil Cowal Ferries Ltd fir-rigward tal-operat tar-rotta Gourock-Dunoon hija kompatibbli mal-Artikolu 86(2) tat-Trattat, soġġetta għall-aċċettazzjoni, mir-Renju Unit, li jiġu implimentati l-miżuri xierqa b’mod konformi mal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

B’mod partikolari, ir-Renju Unit għandu jagħti bidu għall-proċeduri meħtieġa għat-tnedija ta’ offerta pubblika għar-rotta Gourock-Dunoon qabel il-31 ta’ Diċembru 2009. Il-kuntratt sussegwenti ta’ servizz pubbliku għandu jibda qabel it-30 ta’ Ġunju 2011.

Artikolu 3

Ir-Renju Unit għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni dwar il-passi meħuda biex jiġu implimentati l-impenji tagħha rigward il-finanzjament tar-rotta Gourock-Dunoon.

Artikolu 4

L-għajnuna mill-Istat mogħtija lil NorthLink Orkney and Shetland Ferries Ltd u lil NorthLink Ferries Ltd skont il-kuntratti rispettivi ta’ servizz pubbliku għall-provvista ta’ servizzi tal-laneċ fil-gżejjer tat-Tramuntana tal-Iskozja hija kompatibbli mal-Artikolu 86(2) tat-Trattat.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u lill-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussel, it-28 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi-President


(1)   ĠU C 126, 23.5.2008, p. 16.

(2)  Li wasslu għall-ħolqien ta’ żewġ każi bir-referenzi NN 105/05 u NN 35/07.

(3)   ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.

(5)  Minbarra fil-każ tar-rotta Gourock-Dunoon.

(6)  Il-gżejjer Hebrides ta’ ġewwa u ta’ barra u l-gżejjer ta’ Firth of Clyde.

(7)  Dejta provduta minn Western Ferries Ltd.

(8)  It-test ta’ dan l-Att huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku li ġej:

http://www.opsi.gov.uk/RevisedStatutes/Acts/ukpga/1960/cukpga_19600031_en_1

(9)  It-test ta’ dan l-Att huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku li ġej:

http://www.opsi.gov.uk/legislation/scotland/acts2001/asp_20010002_en_1

(10)  It-test ta’ dan l-Att huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku li ġej:

http://www.opsi.gov.uk/legislation/scotland/acts2005/20050012.htm

(11)  Dawn l-“impriżi” kienu impenni min-naħa tas-Segretarju tal-Istat favur l-iffinanzjar tas-servizzi tal-laneċ bil-kunsens tat-Teżor u bi qbil ma’ CalMac. Ġew iffirmati diversi impriżi fl-1961, 1973, 1975 u l-1995, u kull waħda minnhom tirrifletti l-istrutturi ta’ kumpaniji preċedenti bir-responsabbiltà għal servizzi li aktar tard saru l-bażi għall-kuntratt ta’ Clyde and Hebrides Ferry Services fl-2007. It-test tal-impriża tal-1995 huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku li ġej:

http://www.calmac.co.uk/policies/undertakingbysecretaryofstate.pdf

(12)  It-test tas-sejħa għall-offerti huwa disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku li ġej:

http://www.scotland.gov.uk/Resource/Doc/161181/0043718.pdf.

(13)  Il-flotta kibret bi ħdax-il bastiment mill-1995.

(14)  Ir-rati żdiedu b’bejn 2 % u 5 % fis-sena mill-1995.

(15)  Il-figuri għas-self huma netti ta’ ħlasijiet lura tas-self. Sal-2002, bastimenti ġodda kienu ffinanzjati permezz ta’ għotjiet (75 %) u ta’ self (25 %). Sa mill-2002, il-bastimenti kollha ġew iffinanzjati esklużivament permezz ta’ self.

(16)  Huwa preżunt li, bħala medja, żewġ persuni jivvjaġġaw f’kull karozza. In-numru ta’ passiġġieri “tal-vetturi” bħala proporzjon min-numru totali ta’ passiġġieri qed jiġi applikat għad-dħul totali mill-passiġġieri sabiex id-dħul mill-passiġġieri relatat ma’ attivitajiet kummerċjali jiġi kkalkulat separatament mid-dħul relatat ma’ attivitajiet ta’ servizzi pubbliċi.

(17)   Sors: Rapport ta’ Audit Scotland ta’ Diċembru 2005 dwar il-kuntratt ta’ NorthLink ferry services. Ir-rapport huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku li ġej: http://www.audit-scotland.gov.uk/docs/central/2005/nr_051222_northlink_ferry.pdf

(18)  Dawn it-tliet trasportaturi bit-triq kienu jimmaniġġjaw madwar 80 % tal-merkanzija li kienet tiġi ttrasportata bejn il-Gżejjer Shetland u l-kontinent Skoċċiż, billi jagħmlu użu mis-servizzi tal-laneċ ta’ P&O Ferries.

(19)  It-test ta’ dan l-Att huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku li ġej:

http://www.opsi.gov.uk/legislation/scotland/acts2000/asp_20000001_en_1

(20)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 16.

(21)  Tul il-perjodu ta’ disa’ xhur sas-6 ta’ Lulju 2006.

(22)  It-trasport tal-bhejjem u tal-merkanzija waqa’ barra mill-ambitu tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku.

(23)  Sommarju tas-sejħa għall-offerti huwa disponibbli fuq il-websajt tal-Eżekuttiv Skoċċiż, fuq l-indirizz li ġej: http://www.scotland.gov.uk/Resource/Doc/55971/0015831.pdf

(24)  Dawn il-figuri huma rilevanti għall-perjodu ta’ bejn is-6 ta’ Lulju 2006 (id-data li fiha daħal fis-seħħ il-kuntratt ta’ servizz pubbliku) u l-31 ta’ Marzu 2007

(25)  Dawn il-figuri huma rilevanti għall-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ April 2007 u l-31 ta’ Marzu 2008.

(26)  Dawn il-figuri huma rilevanti għas-Snin ta’ Kuntratt li jintemmu fit-30 ta’ Ġunju. Is-Snin ta’ Kontabilità Statutorja jintemmu fil-31 ta’ Marzu.

(27)   Sors: Streamline Shipping.

(28)  Peress li r-rati għal operazzjonijiet lo-lo s-soltu ma jiġux ikkwotati għal kull metru lineari, Streamline Shipping ikkalkulat ir-rati tagħha fuq bażi ta’ metru lineari biex tkun tista’ tagħmel il-paragun.

(29)  Is-servizz lo-lo tipikament jinvolvi t-tqegħid flimkien fi gruppi u l-konsolidazzjoni ta’ tagħbijiet individwali, inklużi palits jew unitajiet ta’ merkanzija waħdiena li ta’ spiss jitgħabbew mill-ġdid ġo kontejner u jitgħabbew fuq bastiment tal-merkanzija.

(30)   Sors: il-websajt ta’ NorthLink (www.northlinkferries.co.uk).

(31)   Sors: il-websajts rispettivi (www.northlinkferries.co.uk u www.pentlandferries.co.uk).

(32)  Staġun tal-inqas attività: Jannar, Frar, Marzu, Novembru, Diċembru (ma jitqiesx il-perjodu 19 ta’ Diċembru – 8 ta’ Jannar).

(33)  Staġun ta’ attività medja: April, Mejju, Ġunju, Settembru, Ottubru, 19 ta’ Diċembru – 8 ta’ Jannar.

(34)  Staġun ta’ attività għolja: Lulju, Awwissu.

(35)  Tfal ta’ età ta’ 5 snin jew inqas jivvjaġġaw fuq Pentland Ferries mingħajr ebda ħlas.

(36)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-24 ta’ Lulju 2003 fil-każ C-280/00, Altmark Trans & Regierungspräsidium Magdeburg [2003] Ġabra I-7747 (ĠU C 226, 20.9.2003, p. 1).

(37)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.

(38)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE għal għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil ċertu intrapriżi responsabbli għall-operat ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67).

(39)   ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7.

(40)  Komunikazzjoni dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri COM(2003) 595 finali (mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(41)  Bastiment, vetturi tal-irmonk, partijiet tar-rikambju tal-inġinerija ta’ bastiment, tagħmir tal-portijiet, il-ħardwer tat-teknoloġija informatika, id-ditta Northlink, eċċ.

(42)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru. 29.

(43)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru. 27.

(44)   ĠU C 13, 17.1.2004, p. 3.

(45)  Fil-fatt kien hemm offerent ieħor fil-proċess.

(46)  Ara l-premessi 178 -198 hawn fuq.

(47)  Ara l-premessa 9 hawn fuq.

(48)   ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(49)  Sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tat-30 ta’ April 2002 fil-każijiet konġunti T-195/01 u T-207/01 - Gibraltar v Commission; [2002] Ġabra II-2309.

(50)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Awwissu 1994 fil-każ C-44/93, Namur-Les Assurances du Crédit SA; [1994] Ġabra I-03829.

(51)  Qabel id-devoluzzjoni fl-1999, l-iScottish Office, Dipartiment tal-Gvern tar-Renju Unit.

(52)  Qabel id-devoluzzjoni mill-Parlament tar-Renju Unit.

(53)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 41.

(54)  Għal raġunament simili, ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 2009 fil-każ E 4/2007 - Franza - Différenciation des “redevances par passager” sur certains aéroports français, b’mod partikolari t-taqsima 4 tagħha.

(55)  Jiġifieri s-sitwazzjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku tal-2007 ma’ CalMac, ħlief fil-każ tar-rotta Gourock-Dunoon, li għaliha s-sitwazzjoni rilevanti tmur lura għaż-żmien meta nbeda s-servizz

(56)  Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ servizz pubbliku għandu jiġi konkluż fuq bażi mhux diskriminatorja skont ir-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu.

(57)  Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku (ĠU C 297, 29.11.2005, p. 4).

(58)  Ara l-premessa 119.

(59)  F’dan il-kuntest, ir-regoli dwar għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-trasport bl-ajru diġà jirreferu b’mod speċifiku għall-prinċipji tal-Qafas SGEI (ara l-paragrafu 67 u n-nota f’qiegħ il-paġna 2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2005 “Linji gwida Komunitarji dwar il-finanzjament ta’ ajruporti u l-għajnuna għall-bidu mill-Istat mogħtija lil linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali” (ĠU C 312, 9.12.2005, p. 1)).

(60)  Il-kumpens imħallas lil CalMac u lil NorthLink 2 għall-eżerċizzju finanzjarju 2007/2008 kien ta’ GBP 45,3 u GBP 30,0 miljun rispettivament (ara t-tabelli 1 u 4 hawn fuq).

(61)  F’dan il-kuntest, ara wkoll il-premessi 295 sa 298 ta’ din id-deċiżjoni.

(62)  Ara l-Premessi 178-198 li fihom tiġi evalwata l-konformità mal-kriterju Altmark 4. Minkejja li dik il-kundizzjoni mhijiex sodisfatta, l-offerta titqies bħala waħda miftuħa u trasparenti biżżejjed, skont il-kriterji stipulati fir-Regolament dwar il-Kabotaġġ Marittimu.

(63)  Biex jingħata eżempju, fejn kumpens żejjed jammonta għal GBP 10 miljun (xenarju improbabbli ħafna u mingħajr preċedent), il-GBP 725 000 li CalMac tkun tista’ żżomm jirrappreżentaw biss madwar 1,7 % tal-kumpens annwali li ngħata lil CalMac fl-2007/2008, u parti ferm aktar baxxa tad-dħul totali.

(64)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17).

(65)  Rigward l-ammissibbiltà ta’ metodu ta’ “estrapolazzjoni b’lura”, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2006 fil-każ T-613/97, UFEX and Others v Commission (b’mod partikolari l-punti 128-147).

(66)  NorthLink 1 irċeviet ammont totali ta’ GBP 92,6 miljun f’madwar erba’ snin ta’ operat.

(67)  Ara l-paragrafu 14 tal-Qafas SGEI.

(68)  Id-dħul medju annwali mill-attivitajiet ta’ servizz pubbliku ta’ NorhLink 1 ammonta għal GBP 32,4 miljun (ara t-Tabella 3 hawn fuq).

(69)  Ara t-Tabella 6.

(70)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 56.

(71)  Ara t-Tabella 4.

(72)  Id-dħul annwali medju mill-attivitajiet ta’ servizz pubbliku ta’ NorhLink 2 ammontaw għal GBP 50,5 miljun (ara t-tabella 5 hawn fuq).

(73)  Ara l-premessi 107 sa 109.

(74)  Skont l-istima tal-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar id-dħul totali minn din l-iskema (għall-passiġġieri kollha eliġibbli u għall-karozzi) fl-2008 – ta’ madwar GBP 95 000 - l-iskont ta’ 30 % għandu jirrappreżenta madwar GBP 40 700.

(75)  Ara l-premessa 111 hawn fuq.

(76)  Ara l-premessi 220-224 li fihom tiġi evalwata l-konformità mal-kondizzjoni Altmark 4.

(77)  Biex jingħata eżempju, fejn kumpens żejjed jammonta għal GBP 10 miljun (xenarju improbabbli ħafna u mingħajr preċedent), il-GBP 725 000 li NorthLink 2 tkun tista’ żżomm jirrappreżentaw biss madwar 2,5 % tal-kumpens annwali li ngħata lil NorthLink 2 fl-2007/2008, u parti ferm aktar baxxa tad-dħul totali.