11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 37/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta’ Frar 2011

li tintroduċi l-kwestjonarju li għandu jintuża għall-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 657)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/92/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 27(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE tat-23 ta’ Diċembru 1991 biex tistandardizza u tirrazzjonalizza rapporti dwar l-implimentazzjoni ta’ ċerti Direttivi relatati mal-ambjent (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2009/31/KE jesiġi li l-Istati Membri jissottomettu rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/31/KE, inkluż dwar ir-reġistru msemmi fl-Artikolu 25(1)(b) tad-Direttiva 2009/31/KE, kull tliet snin.

(2)

L-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2009/31/KE jesiġi wkoll li r-rapport jitfassal abbażi jew ta’ kwestjonarju inkella ta’ deskrizzjoni ġenerali abbozzata mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/692/KEE. Kwestjonarju bil-mistoqsijiet dwar l-elementi kollha rilevanti tad-Direttiva 2009/31/KE jidher li huwa l-aħjar biex jiġi żgurat li l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri fir-rapporti tagħhom tkun kompluta u komparabbli.

(3)

L-ewwel rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2011. Il-kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni għandu jintbagħat lill-Istati Membri tal-anqas sitt xhur qabel l-iskadenza għas-sottomissjoni tar-rapport.

(4)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni li esprima l-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/692/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jużaw l-kwestjonarju stabbilit fl-Anness bħala bażi għall-ewwel rapport dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 2009/31/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2011.

Għall-Kummissjoni

Connie HEDEGAARD

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114.

(2)  ĠU L 377, 31.12.1991, p. 48.


ANNESS

Kwestjonarju dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/31/KE dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju (“id-Direttiva”)

1.   Deskrizzjoni ġenerali

1.1.   Liema huma l-bidliet ewlenin fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u fis-sistema tal-liċenzjar li kienu meħtieġa sabiex id-Direttiva tiġi trasposta f’liġi nazzjonali? Jekk jogħġbok indika d-dati meta l-leġiżlazzjoni tat-traspożizzjoni rilevanti daħlet fis-seħħ.

1.2.   Liema awtorità jew awtoritajiet kompetenti hija/huma responsabbli biex tissodisfa/jissodisfaw il-kompiti stabbiliti taħt id-Direttiva (l-Artikolu 23)?

2.   Koordinazzjoni tal-proċedura tal-permessi

2.1.   Il-liġi nazzjonali kif tiżgura li l-proċedura u l-kundizzjonijiet tal-permessi jiġu kkoordinati bis-sħiħ meta jkunu involuti iktar minn awtorità kompetenti waħda? Il-koordinazzjoni kif taħdem fil-prattika? B’mod partikolari, agħti d-dettalji dwar il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-implimentazzjoni tad-Direttiva u d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

3.   Kooperazzjoni transkonfinali

3.1.   X’dispożizzjonijiet saru fil-każ ta’ ġarr transkonfinali tad-CO2, siti ta’ ħżin transkonfinali jew kumplessi ta’ ħżin transkonfinali biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva jiġu ssodisfati b’mod konġunt (l-Artikolu 24)?

3.2.   Kien hemm xi esperjenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kooperazzjoni transkonfinali fil-prattika?

4.   L-għażla tas-siti għall-ħżin u l-permessi għall-esplorazzjoni

4.1.   Iż-żoni li minnhom jistgħu jintgħażlu s-siti għall-ħżin ġew iddeterminati skont l-Artikolu 4(1)? Il-ħżin ġie pprojbit f’partijiet jew fit-territorju kollu tal-Istat Membru, fiż-żoni ekonomiċi esklussivi tiegħu u fil-pjattaforma kontinentali tiegħu skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (Unclos)? L-Istati Membri mhumiex obbligati jiġġustifikaw kwalunkwe deċiżjoni ta’ dan it-tip, iżda indikazzjoni dwar liema territorji huma kkonċernati, u raġuni għalfejn dan ikun sar, ikunu utli.

4.2.   Twettqet valutazzjoni dwar il-kapaċità ta’ ħżin disponibbli f’partijiet jew fit-territorju kollu tal-Istat Membru, fiż-żoni ekonomiċi esklussivi tiegħu u fil-pjattaforma kontinentali tiegħu skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (Unclos) (Artikolu 4(2))? Jekk iva, jekk jogħġbok indika kif twettqet il-valutazzjoni u r-riżultat ta’ valutazzjoni ta’ dan it-tip.

4.3.   Il-liġi nazzjonali kif tiżgura li l-adattabilità ta’ formazzjoni ġeoloġika għall-użu bħala sit għall-ħżin tiġi ddeterminata skont il-kriterji speċifikati fl-Anness I għad-Direttiva?

4.4.   F’liema każijiet hija meħtieġa esplorazzjoni għall-għażla tas-sit għall-ħżin? (Artikolu 5(1))

4.5.   Il-liġi nazzjonali kif tiżgura li l-esplorazzjoni u l-permessi għall-ħżin ikunu miftuħa għall-entitajiet kollha li jkollhom il-kapaċitajiet meħtieġa u li l-permessi jingħataw jew jiġu rrifjutati abbażi ta’ kriterji oġġettivi, ippubblikata u mhux diskriminatorji?

4.6.   L-awtorità kompetenti kif se tivverifika li l-volum li qed jiġi esplorat huwa fi ħdan il-limiti tal-volum stabbilit fil-permess tal-esplorazzjoni (Artikolu 5(3))?

4.7.   Il-liġi nazzjonali kif tiżgura li l-ebda użi konfliġġenti tal-kumpless ma jiġu permessi matul il-perjodu ta’ validità tal-permess tal-esplorazzjoni (Artikolu 5(4))?

5.   Applikazzjonijiet għal permess għall-ħżin

5.1.   Il-liġi nazzjonali kif tiżgura li l-applikazzjonijiet għall-permessi jkun fihom it-tagħrif kollu meħtieġ skont l-Artikolu 7?

6.   Permessi għall-ħżin: kundizzjonijiet u kontenut

6.1.   Kompletezza tal-kundizzjonijiet tal-permessi għall-ħżin

6.1.1.   Il-liġi nazzjonali kif tiżgura li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha speċifikati fl-Artikolu 8?

6.1.2.   Liema proċessi hemm implimentati biex jiġi żgurat li l-applikazzjonijiet kollha għall-permessi, l-abbozzi ta’ permessi għall-ħżin u kwalunkwe materjal ieħor meqjus għall-adozzjoni tal-abbozzi tad-deċiżjonijiet ikunu disponibbli għall-Kummissjoni fiż-żmien stabbilit (Artikolu 10(1))?

6.1.3.   Kif jiġi żgurat li kwalunkwe opinjoni maħruġa mill-Kummissjoni dwar l-abbozz ta’ permess għall-ħżin se titqies u li d-deċiżjoni finali tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u, fejn din tiddevja mill-opinjoni tal-Kummissjoni, jingħataw ir-raġunijiet għal dan (Artikolu 10(2))?

6.2.   Kompletezza tal-kontenut tal-permessi għall-ħżin

6.2.1.   Il-liġi nazzjonali kif tiżgura li l-permess għall-ħżin ikun fih ir-rekwiżiti kollha speċifikati fl-Artikolu 9?

7.   Tibdil, analiżi, aġġornament u rtirar ta’ permessi għall-ħżin

7.1.   Il-liġi nazzjonali kif tiżgura li l-permessi għall-ħżin jiġu analizzati u, fejn meħtieġ aġġornati, jew, bħala l-aħħar alternattiva, irtirati skont l-Artikolu 11(3)? B’mod partikolari, agħti dettalji dwar kif hemm provvediment għal kull waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11(3).

7.2.   Irtirar ta’ permessi għall-ħżin

7.2.1.   X’inhuma d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri jekk, wara li permess jiġi rtirat skont l-Artikolu 11(3), l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li toħroġ permess għall-ħżin ġdid b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kontroll meħud b’mod temporanju tal-obbligi legali skont l-Art. 11(4)?

7.2.2.   X’inhuma d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri jekk, wara li permess ikun ġie rtirat skont l-Artikolu 11(3), l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħlaq is-sit għall-ħżin?

8.   Kriterji u proċedura tal-aċċettazzjoni tal-fluss tad-CO2

8.1.   Liema huma d-dipożizzjonijiet u l-proċeduri biex jiġi żgurat li l-fluss tad-CO2 jikkonsisti fil-maġġoranza tiegħu f’diossidu tal-karbonju u li l-ebda skart jew materja oħra ma jiżdied/tiżdied għall-għan li dak l-iskart jew dik il-materja jintrema/tintrema? B’mod partikolari, agħti dettalji dwar kif il-kundizzjonijiet jiġu identifikati biex jissodisfaw il-kriterji li ġejjin skont l-Artikolu 12(1):

l-ebda effett avvers fuq l-integrità tas-sit għall-ħżin jew l-infrastruttura rilevanti tal-ġarr,

l-ebda riskju sinifikanti għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem,

konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli.

8.2.   Liema huma d-dispożizzjonijet u l-proċeduri li ġew implimentati biex jiġi żgurat li l-operatur jaċċetta u jinjetta biss flussi tad-CO2 jekk tkun twettqet analiżi tal-kompożizzjoni, inklużi s-sustanzi korrużivi, tal-flussi u valutazzjoni tar-riskji, u jekk il-valutazzjoni tar-riskji turix li l-livelli ta’ kontaminazzjoni huma skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12(1)?

9.   Monitoraġġ

9.1.   X’miżuri ttieħdu biex jiġi pprovdut li l-awtorità kompetenti tiżgura li l-pjan ta’ monitoraġġ approvat jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness II u l-linji gwida għall-monitoraġġ u għar-rappurtar għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-qbid, il-ġarr u l-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju taħt id-Direttiva 2003/87/KE (2)?

9.2.   Liema huma d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri biex jiġi żgurat li l-operatur iwettaq monitoraġġ tal-faċilitajiet ta’ injezzjoni, tal-kumpless tal-ħżin (inkluż fejn possibbli l-merżuq tad-CO2), u fejn xieraq, tal-ambjent tal-madwar kif speċifikat fil-pjan ta’ monitoraġġ approvat?

10.   Rappurtar

10.1.   Liema huma d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri dwar ir-rappurtar mill-operatur? B’mod partikolari, agħti dettalji dwar il-frekwenza tar-rappurtar u kif jiġi żgurat li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 14 jiġu ssodisfati.

11.   Spezzjonijiet

11.1.   Liema huma d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri b’rabta mas-sistema ta’ spezzjonijiet ta’ rutina u mhux ta’ rutina tal-kumplessi kollha tal-ħżin biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva u tal-monitoraġġ tal-effetti fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem (Artikolu 15)? B’mod partikolari agħti dettalji dwar il-frekwenza tal-ispezzjonijiet u l-kundizzjonijiet speċifikati għall-ispezzjonijiet mhux ta’ rutina.

11.2.   Is-sistema ta’ spezzjonijiet ta’ rutina u mhux ta’ rutina kemm tinkludi attivitajiet bħal żjarat fl-istallazzjonijiet tal-wiċċ, inklużi l-faċilitajiet ta’ injezzjoni, li jivvalutaw l-operazzjonijiet ta’ injezzjoni u ta’ monitoraġġ imwettqa mill-operatur, u jiċċekkjaw ir-reġistri kollha rilevanti miżmuma mill-operatur (Artikolu 15(2))?

12.   Tnixxijat jew irregolaritajiet sinifikanti

12.1.   Liema huma d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri għan-notifika tal-awtorità kompetenti, inkluż l-awtorità kompetenti skont id-Direttiva 2003/87/KE, mill-operatur f’każ ta’ tnixxijat jew irregolaritajiet sinifikanti (Artikolu 16(1))?

12.2.   Liema huma d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri f’dak li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-miżuri korrettivi mill-operatur u, jekk l-operatur jonqos milli jagħmel dan, mill-awtoritajiet kompetenti (Artikolu 16(2) sa (5))?

13.   Obbligi tal-għeluq u ta’ wara l-għeluq

13.1.   Liema huma d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri fir-rigward tal-obbligi tal-għeluq u ta’ wara l-għeluq?

13.2.   Il-liġi nazzjonali kif tiżgura li l-operatur jibqa’ responsabbli għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-miżuri korrettivi u għall-obbligi kollha relatati maċ-ċediment tal-kwoti f’każ ta’ tnixxijat u miżuri ta’ prevenzjoni u korrettivi sat-trasferiment tar-responsabbiltà (Artikolu 17(2))?

13.3.   Liema huma d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri għall-approvazzjoni ta’ pjan definittiv ta’ wara l-għeluq abbażi ta’ pjan provviżorju ta’ wara l-għeluq qabel l-għeluq ta’ sit għall-ħżin (Artikolu 17(3))?

14.   Trasferiment tar-responsabbiltà

14.1.   Liema huma d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri għat-trasferiment tar-responsabbiltà biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet taħt l-Artikolu 18(1) jiġu ssodisfati?

14.2.   Il-liġi nazzjonali tipprevedi perjodu minimu li jrid jgħaddi qabel ma jista’ jsir it-trasferiment tar-responsabbiltà li jmur lil hinn mill-għoxrin (20) sena previsti fid-Direttiva? Jekk iva, jekk jogħġbok speċifika.

14.3.   Liema proċessi hemm fis-seħħ biex jiġi żgurat li r-rapporti tat-trasferiment skont l-Art. 18(2), l-abbozzi tad-deċiżjonijiet kollha dwar l-approvazzjoni tat-trasferiment tar-responsabbiltà u kwalunkwe materjal ieħor meqjus għall-adozzjoni tal-abbozzi tad-deċiżjonijiet ikunu disponibbli għall-Kummissjoni fiż-żmien stabbilit (Artikolu 18(4))?

14.4.   Kif jiġi żgurat li kwalunkwe opinjoni maħruġa mill-Kummissjoni dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni se titqies u li d-deċiżjoni finali tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u, fejn din tiddevja mill-opinjoni tal-Kummissjoni, jingħataw ir-raġunijiet għal dan?

14.5.   Liema miżuri ttieħdu biex jiġi żgurat li wara li jitwettaq it-trasferiment tar-responsabbiltà l-monitoraġġ jitwettaq f’livell li jippermetti l-individwazzjoni ta’ tnixxijat jew irregolaritajiet sinifikanti (Artikolu 18(6))?

15.   Sigurtà finanzjarja

15.1.   Il-liġi nazzjonali kif tindirizza il-ħtieġa li provi li jistgħu jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet xierqa, f’forma ta’ sigurtà finanzjarja jew kwalunkwe forma oħra ekwivalenti, jiġu ppreżentati mill-operatur potenzjali bħala parti mill-applikazzjoni għal permess għall-ħżin (Artikolu 19)? B’mod partikolari, speċifika kif jiġi żgurat li l-kwistjonijiet li ġejjin jiġu indirizzati:

l-obbligi kollha li jirriżultaw fl-ambitu tal-permess għall-ħżin jiġu ssodisfati,

ikun validu u effettiv qabel il-bidu tal-injezzjoni,

aġġustament perjodiku tas-sigurtà finanzjarja,

isir provvediment għall-kontribut finanzjarju msemmi fl-Artikolu 20.

16.   Mekkaniżmu finanzjarju

16.1.   Speċifika l-proċeduri bex jiġi żgurat li l-operatur jagħmel kontribut finanzjarju disponibbli għall-awtorità kompetenti qabel ma jkun seħħ it-trasferiment tar-responsabbiltà skont l-Artikolu 18 u kif dawn iqisu l-kriterji msemmija fl-Anness I għad-Direttiva u l-elementi relatati mal-istorja rilevanti tal-ħżin tad-CO2 (Artikolu 20).

16.2.   Il-liġi nazzjonali tipprevedi xi obbligi wara t-trasferiment għajr il-kost antiċipat tal-monitoraġġ għal perjodu ta’ 30 sena li għandu jkun kopert bil-kontribut finanzjarju?

17.   Aċċess minn partijiet terzi

17.1.   X’miżuri ttieħdu biex jiġi żgurat li l-utenti potenzjali jkunu jistgħu jiksbu aċċess għan-netwerks tal-ġarr u għas-siti għall-ħżin b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju għall-finijiet ta’ ħżin ġeoloġiku tad-CO2 prodott u maqbud, skont l-Artikolu 21?

17.2.   Liema proċeduri hemm implimentati biex jiġi żgurat li operatur li jirrifjuta l-aċċess għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kapaċità jew nuqqas ta’ konnessjoni jagħmel kull titjib meħtieġ sa fejn ikun ekonomiku li jagħmel dan jew meta jkun hemm klijent potenzjali li jkun lest li jħallas għalihom, sakemm dan ma jkollux impatt negattiv fuq is-sigurtà ambjentali tal-ġarr u tal-ħżin ġeoloġiku tad-CO2 (Artikolu 21(4))?

18.   Riżoluzzjoni ta’ tilwim

18.1.   X’inhuma l-arranġamenti ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, li jinkludu awtorità indipendenti tal-partijiet b’aċċess għall-informazzjoni kollha rilevanti?

19.   Reġistri

19.1.   X’miżuri ttieħdu biex jiġi stabbilit u jinżamm reġistru tal-permessi għall-ħżin mogħtija u reġistru permanenti tas-siti tal-ħżin kollha magħluqa u tal-kumplessi tal-ħżin tal-madwar, inklużi mapep u taqsimiet li juru l-limiti spazjali tagħhom u tagħrif disponibbli rilevanti biex jiġi vvalutat li d-CO2 maħżun ser ikun ikkonfinat kompletament u b’mod permanenti?

20.   Tagħrif u parteċipazzjoni tal-pubbliku

20.1.   Il-liġi nazzjonali kif tiżgura li t-tagħrif ambjentali relatat mal-ħżin ġeoloġiku tad-CO2, inklużi r-rapporti dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet, huma disponibbli għall-pubbliku skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti?

21.   Sanzjonijiet

21.1.   Liema huma r-regoli nazzjonali dwar is-sanzjonijiet f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva? B’mod partikolari, agħti dettalji dwar kif jiġi żgurat li dawn ir-regoli jiġu implimentati u li s-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

22.   Emendi ta’ strumenti legali oħra (Artikoli 31 sa 37)

22.1.   Il-liġi nazzjonali kif tindirizza l-emendi għall-Anness I u l-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE (3)?

22.2.   Il-liġi nazzjonali kif tindirizza l-emendi għall-Artikolu 11(3)(j) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4)?

22.3.   Liema miżuri ttieħdu biex jiġi żgurat li l-Artikolu 9a l-ġdid tad-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jiġi implimentat?

22.3.1.   Kif jiġi żgurat li l-operaturi tal-impjanti kollha tal-kombustjoni b’output nominali tal-elettriku ta’ 300 MW jew aktar li għalih tingħata liċenzja ta’ operat wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, i.e. wara l-25 ta’ Ġunju 2009, ivvalutaw il-kundizzjonijiet kif speċifikati fl-Artikolu 9a tad-Direttiva 2001/80/KE?

22.3.2.   Liema huma d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri biex jiġi żgurat li, jekk il-kundizzjonijiet kif speċifikati fl-Artikolu 9a tad-Direttiva 2001/80/KE jiġu ssodisfati, jitħalla spazju xieraq fis-sit tal-istallazzjoni għat-tagħmir meħtieġ biex id-CO2 jinqabad u jiġi kkompressat?

22.3.3.   Hemm xi każijiet ta’ applikazzjoni prattika ta’ dan l-Artikolu wara l-25 ta’ Ġunju 2009?

22.4.   Il-liġi nazzjonali kif tindirizza l-emenda għall-Anness III tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6)?

22.5.   Il-liġi nazzjonali kif tindirizza l-emenda għad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7)?

22.6.   Il-liġi nazzjonali kif tindirizza l-emenda għar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8)?

22.7.   Il-liġi nazzjonali kif tindirizza l-emenda għall-Anness I tad-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9)?


(1)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(2)  Miżuri li għandhom jittieħdu skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/345/UE tat-8 ta’ Ġunju 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2007/589/KE f’dak li għandu x’jaqsam mal-inklużjoni tal-linji ta’ gwida dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-qbid, mill-ġarr u mill-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju (ĠU L 155, 22.6.2010, p. 34).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40).

(4)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis [sustanzi li jniġġsu] fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU L 309, 27.11.2001, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).

(7)  Id-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9). Id-Direttiva 2006/12/KE hija mħassra permezz tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3) b’effett mit-12 ta’ Diċembru 2010.

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart [ġarr tal-iskart bil-baħar] (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (ĠU L 24, 29.1.2008, p. 8).