10.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 36/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Jannar 2011

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jestendi għall-miżuri doganali ta’ sigurtà l-Ftehim f’forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra

(2011/90/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Frar 2009, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Prinċipat ta’ Andorra dwar protokoll li jestendi għall-miżuri doganali ta’ sigurtà l-Ftehim f’forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra (minn hawn ‘il quddiem “il-Protokoll”). Il-Ftehim ġie konkluż fit-28 ta’ Ġunju 1990.

(2)

Il-Kummissjoni u l-Prinċipat ta’ Andorra kkonkludew in-negozjati permezz tal-inizjalar tal-Protokoll.

(3)

Il-Protokoll għandu jiġi ffirmat.

(4)

Sa meta jiġu kompluti l-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu, il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mill-1 ta’ Jannar 2011, li hija d-data tal-aħħar stadju tal-applikazzjoni tal-miżuri doganali ta’ sigurtà introdotti fl-2005 u l-2006 rispettivament bl-emendar tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1) u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (2).

(5)

Sabiex jiġi żgurat din l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2011,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Protokoll li jestendi għall-miżuri doganali ta’ sigurtà l-Ftehim f’forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra (minn hawn ‘il quddiem “il-Protokoll”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffiraw il-Protokoll f’isem l-Unjoni soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu japplika fuq bażi provviżorja mill-1 ta’ Jannar 2011, jew minn data aktar tard maqbula bejn l-Unjoni u l-Prinċipat ta’ Andorra, skont l-Artikolu 3(3) tiegħu.

Il-Kummissjoni b’dan hija awtorizzata biex taqbel, f’isem l-Unjoni, dwar tali data aktar tard għall-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll.

Artikolu 4

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt dwar kwistjonijiet relatati mat-Titolu IIa tal-Ftehim f’forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra (3) (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim”) għandha tiġi adottata mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 5

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 12i(1) tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Prinċipat ta’ Andorra bl-adozzjoni ta’ leġislazzjoni ġdida tal-Unjoni li tikkostitwixxi żvilupp tal-liġi tal-Unjoni dwar miżuri doganali ta’ sigurtà koperti bl-Artikolu 12b tal-Ftehim.

Il-Kummissjoni b’dan hija awtorizzata li tieħu l-miżuri meħtieġa previsti fl-Artikolu 12k tal-Ftehim sabiex tiżgura l-ekwivalenza tal-miżuri doganali ta’ sigurtà tal-Unjoni u l-Prinċipat ta’ Andorra.

Jekk, fid-data tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Prinċipat ta’ Andorra ma jkunx adotta d-dispożizzjonijiet il-ġodda u l-applikazzjoni provviżorja ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ma tkunx possibbli, l-applikazzjoni tat-Titolu IIA tal-Ftehim għandha tiġi sospiża f’konformità mal-Artikolu 12k(2) tiegħu. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinnotifika lill-Prinċipat ta’ Andorra b’tali sospensjoni.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2011.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

MATOLCSY Gy.


(1)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(2)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.

(3)  ĠU L 374, 31.12.1990, p. 14.



10.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 36/3


PROTOKOLL

li jestendi għall-miżuri doganali ta’ sigurtà l-Ftehim f’forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra

L-UNJONI EWROPEA

minn naħa waħda, u

IL-PRINĊIPAT TA’ ANDORRA

min-naħa l-oħra,

minn hawn ‘il quddiem rispettivament imsejħa “l-Unjoni”, u “l-Prinċipat ta’ Andorra” u, flimkien, “il-Partijiet Kontraenti”,

WARA li kkunsidraw il-Ftehim f’forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra, iffirmat fil-Lussemburgu fit-28 ta’ Ġunju 1990 (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”);

BILLI hemm il-ħtieġa li jinżamm il-livell eżistenti tat-tħaffif tal-kontrolli u tal-formalitajiet matul il-passaġġ tal-merkanzija fil-fruntieri bejn l-Unjoni u l-Prinċipat ta’ Andorra kif ukoll il-ħtieġa li b’dan il-mod jiġi garantit il-fluss tal-iskambji kummerċjali bejn iż-żewġ partijiet;

BILLI l-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jiggarantixxu livell ta’ sigurtà ekwivalenti fit-territorju rispettiv tagħhom, permezz ta’ miżuri bbażati fuq il-leġislazzjoni fis-seħħ fl-Unjoni;

BILLI hu mixtieq li l-Andorra tkun ikkonsultata dwar l-iżvilupp tar-regoli tal-Unjoni relatati mal-miżuri doganali ta’ sigurtà, tipparteċipa fix-xogħlijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali f’dan il-qasam u tkun infurmata fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli;

BILLI l-Partijiet Kontraenti huma ddeterminati li jtejbu s-sigurtà fil-kummerċ ta’ merkanzija li tidħol fi jew li toħoroġ mit-territorju tagħhom mingħajr ma jfixklu l-fluss ta’ dan il-kummerċ;

BILLI fl-interess tal-Partijiet Kontraenti, jeħtieġ li jiġu introdotti miżuri doganali ta’ sigurtà ekwivalenti għal matul it-trasport ta’ merkanzija li ġejja jew sejrin f’pajjiżi terzi;

BILLI, għall-kuntrarju tal-Ftehim innifsu, il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dawn il-miżuri doganali ta’ sigurtà għandu jkun definit permezz ta’ referenza għat-territorji doganali rispettivi tal-Partijiet Kontraenti;

BILLI dawn il-miżuri doganali ta’ sigurtà għandhom ikunu japplikaw ukoll għall-prodotti agrikoli (Kapitoli 1 sa 24 tas-sistema armonizzata) li huma esklużi mill-Unjoni Doganali stabbilita bejn il-Partijiet Kontraenti;

BILLI dawn il-miżuri doganali ta’ sigurtà jikkonċernaw id-dikjarazzjoni tad-dejta tas-sigurtà relatata mal-merkanzija qabel id-dħul u l-ħruġ tagħha, il-ġestjoni tar-riskji fil-qasam tas-sigurtà u l-kontrolli doganali relatati kif ukoll l-attribuzzjoni ta’ status ta’ Operatur Ekonomiku Awtorizzat fil-qasam tas-sigurtà rrikonoxxut b’mod reċiproku;

BILLI l-Prinċipat ta’ Andorra għandu livell xieraq ta’ protezzjoni tad-dejta personali (1);

BILLI fil-każ ta’ miżuri doganali ta’ sigurtà, għandhom ikunu previsti miżuri xierqa ta’ bilanċ mill-ġdid, inkluża s-sospensjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, għall-każijiet fejn l-ekwivalenza tal-miżuri doganali ta’ sigurtà ma tkunx aktar żgurata;

FTIEHMU DWAR ID-DISPOŻIZZJONIJIET LI ĠEJJIN:

Artikolu 1

Bil-għan li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim jiġi estiż għall-miżuri doganali ta’ sigurtà, huwa b’dan miżjud fil-Ftehim it-Titolu li ġej:

“TITOLU IIA

ARRANĠAMENT DWAR IL-MIŻURI DOGANALI TA’ SIGURTÀ

KAPITOLU I

Miżuri doganali ta’ sigurtà u monitoraġġ tal-applikazzjoni tagħhom

Artikolu 12a

Territorji koperti

Dan it-titolu japplika, minn naħa waħda, għat-territorju doganali Komunitarju u, min-naħa l-oħra, għat-territorju doganali tal-Prinċipat ta’ Andorra.

Artikolu 12b

Adozzjoni tal-acquis communautaire

1.   Il-Prinċipat ta’ Andorra għandu jadotta l-miżuri doganali ta’ sigurtà applikati mill-Unjoni. “Miżuri doganali ta’ sigurtà” għandha tfisser id-dispożizzjonijiet dwar id-dikjarazzjoni tal-merkanzija qabel ma tiġi introdotta fit-territorju doganali jew mal-ħruġ tagħha mit-territorju doganali, l-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati kif ukoll il-kontrolli doganali ta’ sigurtà u l-ġestjoni tar-riskji fil-qasam tas-sigurtà, applikabbli skont il-leġislazzjoni doganali rilevanti fis-seħħ f’kull żmien fl-Unjoni. Il-lista dettaljata tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati hija stabbilita mill-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 17.

2.   Minkejja l-esklużjoni tagħhom mill-Unjoni Doganali bejn l-Unjoni u l-Prinċipat ta’ Andorra, skont l-Artikolu 2, il-miżuri doganali ta’ sigurtà japplikaw ukoll għall-prodotti agrikoli koperti mill-Kapitoli 1 sa 24 tas-sistema armonizzata.

Artikolu 12c

Prinċipji ġenerali

1.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li japplikaw, għat-trasport tal-merkanzija li ġejja minn jew li sejra f’pajjiżi terzi, il-miżuri doganali ta’ sigurtà msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 12B u li jiggarantixxu b’dan il-mod livell ta’ sigurtà ekwivalenti għall-fruntieri esterni tagħhom.

2.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom iżommu lura milli japplikaw il-miżuri doganali ta’ sigurtà msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 12B waqt it-trasport tal-merkanzija bejn it-territorji doganali tagħhom.

3.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkonsultaw lil xulxin qabel ma tintlaħaq il-konklużjoni ta’ kwalunkwe ftehim ma’ pajjiż terz fil-qasam tal-miżuri doganali ta’ sigurtà, sabiex jiggarantixxu l-koerenza ma’ dan l-arranġament, b’mod partikolari jekk il-ftehim maħsub jinkludi dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-miżuri doganali ta’ sigurtà mfissra f’dan it-Titolu.

Artikolu 12d

Post fejn għandha tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni ta’ qabel l-introduzzjoni jew il-ħruġ tal-merkanzija

1.   Id-dikjarazzjoni ta’ qabel l-introduzzjoni tal-merkanzija, għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità kompetenti tal-Parti Kontraenti fit-territorju doganali minn fejn tkun ġiet introdotta l-merkanzija li ġejja minn pajjiżi terzi. Din l-awtorità tipproċedi għall-analiżi tar-riskji minn dejta inkluża f’din id-dikjarazzjoni u għall-kontrolli doganali li huma meqjusa meħtieġa fil-qasam tas-sigurtà, anke meta din il-merkanzija tkun iddestinata għall-Parti Kontraenti l-oħra.

2.   Id-dikjarazzjoni ta’ qabel il-ħruġ tal-merkanzija għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità kompetenti tal-Parti Kontraenti fit-territorju doganali minn fejn isiru l-formalitajiet tal-esportazzjoni jew, meta dan ma jkunx possibbli, minn fejn isir il-ħruġ lejn pajjiżi terzi. L-awtorità kompetenti għandha tipproċedi għall-analiżi tar-riskji mid-dejta inkluża f’din id-dikjarazzjoni u għall-kontrolli doganali meqjusa meħtieġa fil-qasam tas-sigurtà.

3.   Meta l-merkanzija titlaq mit-territorju doganali ta’ Parti Kontraenti u tmur f’pajjiż terz billi taqsam it-territorju doganali tal-Parti Kontraenti l-oħra, id-dikjarazzjoni ta’ qabel il-ħruġ tal-merkanzija għandha tiġi ppreżentata biss lill-awtorità kompetenti ta’ din it-tieni parti.

Artikolu 12e

Kontrolli doganali ta’ sigurtà u ġestjoni tar-riskji fil-qasam tas-sigurtà

1.   Għall-finijiet tal-kontrolli doganali ta’ sigurtà, kull Parti Kontraenti għandha tistabbilixxi qafas ta’ ġestjoni tar-riskji, kriterji tar-riskji kif ukoll l-oqsma ta’ kontroll doganali prijoritarju fil-qasam tas-sigurtà.

2.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jirrikonoxxu l-ekwivalenza tas-sistemi tagħhom ta’ ġestjoni tar-riskji fil-qasam tas-sigurtà.

3.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkooperaw bil-ħsieb:

li jiskambjaw xi informazzjoni li tippermetti t-titjib u t-tisħiħ tal-analiżi tagħhom tar-riskji u l-effikaċja tal-kontrolli doganali fil-qasam tas-sigurtà, u

li jfissru fi żmien xieraq qafas komuni ta’ ġestjoni tar-riskji, kriterji komuni tar-riskji kif ukoll oqsma ta’ kontrolli prijoritarji komuni u li jistabbilixxu sistema elettronika għall-implimentazzjoni ta’ din il-ġestjoni komuni tar-riskji.

4.   Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta kull dispożizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 12f

Monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri doganali ta’ sigurtà

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jistabbilixxi l-modalitajiet li permezz tagħhom il-Partijiet Kontraenti jkunu bi ħsiebhom jiżguraw il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan it-Titolu u jivverifikaw il-konformità mal-miżuri doganali ta’ sigurtà.

2.   Dan il-monitoraġġ jista’ b’mod speċjali jkun żgurat permezz ta’:

evalwazzjoni perjodika tal-implimentazzjoni ta’ dan it-Titolu, b’mod partikolari tal-ekwivalenza tal-miżuri doganali ta’ sigurtà,

eżami maħsub għat-titjib tal-applikazzjoni tagħha jew għall-emendar tad-dispożizzjonijiet tagħha sabiex l-għanijiet tagħha jinkisbu b’mod aħjar,

l-organizzazzjoni ta’ laqgħat tematiċi bejn l-esperti taż-żewġ partijiet u ta’ verifiki tal-proċeduri amministrattivi, anke permezz ta’ żjarat fil-post.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiżgura li l-miżuri meħuda b’applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jirrispettaw id-drittijiet tal-Operaturi Ekonomiċi kkonċernati.

Artikolu 12g

Skambju ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati

Il-Kummissjoni Ewropea u l-awtorità Andorrana kompetenti għandhom jiskambjaw b’mod regolari l-identità tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati tagħhom fil-qasam tas-sigurtà billi jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru tal-identifikazzjoni tal-Operatur (TIN – Trade Identification Number f’format kompatibbli mal-leġislazzjoni EORI – Economic Operator Registration and Identification);

(b)

l-isem u l-indirizz tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat;

(c)

in-numru tad-dokument li bih kien mogħti l-istatus ta’ Operatur Ekonomiku Awtorizzat;

(d)

l-istatus attwali (għaddej bħalissa, sospiż, irtirat);

(e)

il-perijodi ta’ emendi tal-istatus;

(f)

id-data minn meta ċ-ċertifikat jidħol fis-seħħ;

(g)

l-awtorità li ħarġet iċ-ċertifikat.

Artikolu 12h

Protezzjoni tas-sigriet professjonali u tad-dejta personali

L-informazzjoni skambjata bejn il-Partijiet Kontraenti fil-qafas tal-miżuri stabbiliti f’dan it-Titolu għandha tibbenefika mill-protezzjoni tas-sigriet professjonali u tad-dejta personali kif imfissra mil-liġijiet applikabbli f’dan il-qasam fit-territorju tal-Parti Kontraenti li tirċieviha.

B’mod partikolari, din l-informazzjoni ma tistax tiġi ttrasferita lil persuni oħrajn ħlief l-entitajiet kompetenti fil-Parti Kontraenti kkonċernata u lanqas ma tista’ tkun użata minn entitajiet ta’ din il-Parti għal għanijiet oħra minn dawk previsti f’dan il-Ftehim.

KAPITOLU II

Ġestjoni tal-arranġament

Artikolu 12i

Żvilupp tal-liġi

1.   Hekk kif l-Unjoni telabora l-leġislazzjoni l-ġdida fil-qasam tal-miżuri doganali ta’ sigurtà, hija għandha titlob b’mod informali l-parir tal-esperti Andorrani.

2.   L-Unjoni għandha tiżgura lill-esperti Andorrani l-parteċipazzjoni, bħala osservaturi u għall-punti li huma ta’ interess għalihom, fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali li jassistu lill-Kummissjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha ta’ implimentazzjoni fl-oqsma koperti mit-Titolu IIA. Id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 66 sa 68 tad-Deċiżjoni Nru 1/2003 tal-Kumitat Konġunt KE-Andorra (2) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

3.   Meta l-Kummissjoni Ewropea tagħti l-proposta tagħha tal-Att lill-Parlament Ewropew u/jew lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew l-abbozz tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni lill-Istati Membri, hija għandha tindirizza kopja tagħhom lill-Prinċipat ta’ Andorra.

Fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti, l-iskambju preliminari ta’ opinjonijiet jista’ jseħħ fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

4.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jerġgħu jikkonsultaw lil xulxin, fuq talba ta’ waħda minnhom, fi ħdan il-Kumitat Konġunt waqt il-fażi ta’ qabel l-adozzjoni tal-leġislazzjoni l-ġdida tal-Unjoni, fi proċess kontinwu ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni.

5.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkooperaw matul il-fażi ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni sabiex jiffaċilitaw, fl-aħħar tal-proċess, l-applikazzjoni simultanja mill-Partijiet Kontraenti tal-leġislazzjoni l-ġdida msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 12j

Ftehimiet ma’ pajjiżi terzi

Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li l-Ftehimiet konklużi minn waħda minnhom ma’ pajjiż terz f’qasam kopert mit-Titolu IIA m’għandhomx joħolqu obbligi għall-parti l-oħra, ħlief jekk il-Kumitat Konġunt jiddeċiedi mod ieħor.

Artikolu 12k

Miżuri ta’ bilanċ mill-ġdid

1.   Waħda mill-Partijiet Kontraenti tista’, wara konsultazzjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt, tieħu miżuri xierqa ta’ bilanċ mill-ġdid, inkluża s-sospensjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu IIA meta hi tinnota li l-parti l-oħra mhix konformi mal-kondizzjonijiet tagħhom jew meta l-ekwivalenza tal-miżuri doganali ta’ sigurtà tal-Partijiet Kontraenti ma tkunx għadha żgurata.

Meta kull dewmien jirriskja li jagħmel ħsara għall-effiċjenza tal-miżuri doganali ta’ sigurtà, jistgħu jitwaqqfu miżuri temporanji ta’ prekawzjoni mingħajr ma ssir konsultazzjoni minn qabel, bil-kondizzjoni li l-konsultazzjonijiet isiru minnufih wara li jkunu ttieħdu dawn il-miżuri.

2.   Jekk l-ekwivalenza tal-miżuri doganali ta’ sigurtà tal-Partijiet Kontraenti ma tkunx aktar żgurata minħabba l-fatt li l-leġislazzjoni l-ġdida msemmija fl-Artikolu 12i ma tkunx ġiet adottata mill-Prinċipat ta’ Andorra, l-Unjoni tista’ tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu IIA, ħlief jekk il-Kumitat Konġunt, wara li jkun eżamina l-mezzi biex tinżamm l-applikazzjoni tagħhom, jiddeċiedi mod ieħor.

3.   L-ambitu u t-tul ta’ żmien tal-miżuri msemmija iktar qabel għandhom ikunu limitati għal dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni u biex jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn dan it-Titolu. Waħda mill-Partijiet Kontraenti tkun tista’ titlob lill-Kumitat Konġunt biex jipproċedi bil-konsultazzjonijiet fir-rigward tal-proporzjonalità ta’ dawn il-miżuri. Jekk il-Kumitat Konġunt ma jasalx biex jirrimedja t-tilwima, huwa jista’, fejn hu xieraq, jiddeċiedi li jagħmel użu mill-proċedura ta’ abitraġġ prevista fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 18. F’dan il-qafas, ma tkun tista’ tiġi rrimedjata l-ebda kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-liġi tal-Unjoni.

KAPITOLU III

Dispożizzjonijiet diversi li jikkonċernaw l-arranġament dwar il-miżuri doganali ta’ sigurtà

Artikolu 12l

Reviżjoni

Jekk waħda mill-Partijiet Kontraenti tixtieq reviżjoni tal-arranġament, hi għandha tissottometti proposta għal dan l-għan lill-parti l-oħra. Ir-reviżjoni għandha tidħol fis-seħħ wara t-twettiq tal-proċeduri interni rispettivi tal-partijiet.

Artikolu 2

Dan il-Protokoll għandu jagħmel parti integrali mill-Ftehim.

Artikolu 3

1.   Dan il-Protokoll għandu jiġi approvat mill-Partijiet Kontraenti skont il-proċeduri tagħhom stess. Għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011 bil-kondizzjoni li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin qabel din id-data bit-twettiq tal-proċeduri meħtieġa għal dan l-għan.

2.   Jekk dan il-Protokoll ma jidħolx fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011, huwa għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara d-data li fiha l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri meħtieġa għal dan l-għan.

3.   Sakemm jitwettqu l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Partijiet Kontraenti għandhom japplikaw b’mod proviżorju dan il-Protokoll mill-1 ta’ Jannar 2011 jew f’data aktar tard maqbula bejn il-Patrijiet Kontraenti.

Artikolu 4

Lingwi

Dan il-Protokoll għandu jkun abbozzat f’żewġ kopji bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana, Ungeriża u Katalana, bit-testi kollha ugwalment awtentiċi.

За Европейския съюз

Por la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l’Union européenne

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sajungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Per l’Unione europea

Image

Image

За Княжество Андора

Por el Principado de Andorra

Za Andorrské knížectví

For Fyrstendømmet Andorra

Für das Fürstentum Andorra

Andorra Vürstiriigi nimel

Για το Πριγκιπάτο της Ανδόρας

For the Principality of Andorra

Pour la Principauté d’Andorre

Per il Principato di Andorra

Andoras Firstistes vārdā –

Andoros Kunigaikštystės vardu

Az Andorrai Hercegség részéről

Għall-Prinċipat ta’ Andorra

Voor het Vorstendom Andorra

W imieniu Księstwa Andory

Pelo Principado de Andorra

Pentru Principatul Andorra

Za Andorrské kniežatstvo

Za Kneževino Andoro

Andorran ruhtinaskunnan puolesta

För Furstendömet Andorra

Pel Principat d’Andorra

Image


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2010 skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tad-dejta personali f’Andorra (ĠU UE L 277, 21.10.2010, p. 27).

(2)  ĠU L 253, 7.10.2003, p. 3.”.