28.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 25/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Jannar 2011

dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel, li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli

(2011/51/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (1) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Agrikolu”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

(2)

L-Artikolu 12 tal-Ftehim Agrikolu jipprovdi li l-Ftehim Agrikolu jista’ jiġi rivedut fuq talba ta’ parti jew oħra.

(3)

Dikjarazzjoni Konġunta rigward il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel hija annessa mal-Att finali tal-Ftehim Agrikolu.

(4)

Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel, (minn issa msejjaħ “il-Ftehim”) li jemenda l-Ftehim Agrikolu billi jdaħħal Anness 12 ġdid.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2002/309/KE, Euratom dwar il-Ftehim ta’ kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika tal-4 ta’ April 2002 dwar il-konklużjoni ta’ seba’ Ftehimiet mal-Konfederazzjoni Svizzera (2) tiddefinixxi l-proċedura interna li tirrigwarda l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-kwistjonijiet koperti minn deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 6(3) tal-Ftehim Agrikolu. Jeħtieġ li tiġi definita wkoll il-proċedura interna rigward l-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet marbuta mal-Anness 12 ta’ dak il-Ftehim.

(6)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel, li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard (3).

Artikolu 2

Il-president tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat biex jinnomina lill-persuna jew persuni li jistgħu jiffirmaw, f’isem l-Unjoni, il-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mal-Anness 12 tal-Ftehim Agrikolu u mal-Appendiċi għalih, il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-kwistjonijiet koperti minn deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt tal-agrikultura msemmi fl-Artikolu 6(3) tal-Ftehim Agrikolu għandha tkun adottata mill-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi adottata.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

MATOLCSY Gy.


(1)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 132.

(2)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 1.

(3)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.

(4)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.