14.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/5


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Jannar 2011

li temenda d-Deċiżjoni 97/556/KE dwar il-proċedura għall-attestazzjoni tal-konformità ta’ prodotti għall-bini permezz tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE f’dak li jirrigwardja s-sistemi komposti tal-insulazzjoni termali esterna/settijiet għall-illixxar (ETICS)

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 34)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/14/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 13(4) tagħha,

Wara l-konsultazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Bini,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/556/KE tal-14 ta’ Lulju 1997 dwar il-proċedura għall-attestazzjoni tal-konformità ta’ prodotti għall-bini permezz tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE f’dak li jirrigwardja s-sistemi komposti tal-insulazzjoni termali esterna/settijiet għall-illixxar (ETICS) (2) tirreferi biss għall-prodotti fi ħdan l-ambitu tal-approvazzjonijiet tekniċi Ewropej filwaqt li uħud minn dawk il-prodotti jistgħu wkoll ikunu koperti minn standards Ewropej armonizzati.

(2)

Id-Deċiżjoni 97/556/KE għandha għalhekk tiġi emendata sabiex tkun tapplika wkoll għall-prodotti li jaqgħu fl-ambitu tal-istandards armonizzati Ewropej li jkunu se jiġu elaborati mis-CEN,

ADDOTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 97/556/KE hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Il-proċedura għall-attestazzjoni ta’ konformità kif stabbilita fl-Anness II għandha tkun indikata fil-mandati għal-linji gwida għall-approvazzjonijiet tekniċi Ewropej. Il-proċedura għall-attestazzjoni ta’ konformità kif stabbilita fl-Anness III għandha tkun indikata fil-mandati għall-istandards armonizzati Ewropej”.

2.

Ġie miżjud Anness III ġdid, kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi-President


(1)  ĠU L 40, 11.2.1989, p. 12.

(2)  ĠU L 229, 20.8.1997, p. 14.


ANNESS

“ANNESS III

FAMILJA TAL-PRODOTT:

SISTEMI KOMPOSTI TAL-INSULAZZJONI TERMALI ESTERNA/SETTIJIET GĦALL-ILLIXXAR (1/1)

Sistemi tal-attestazzjoni ta’ konformità

Għall-prodott jew prodotti u l-użu jew l-użi intenzjonati msemmija hawn taħt, is-CEN hija mitluba li tispeċifika s-sistema ta’ attestazzjoni ta’ konformità li ġejja fl-istandards armonizzati relevanti Ewropej:

Prodott(i)

Użu/i intenzjonati

Livell(i) jew klassi(jiet)

(Reazzjoni għan-nar)

Attestazzjoni ta’ konformità sistema/i

Sistemi komposti tal-insulazzjoni termali esterna/settijiet għall-illixxar (ETICS)

F’ħitan esterni

Kwalunkwe

1

Sistema 1: Ara l-punt (i) tat-Taqsima 2 tal-Anness III għad-Direttiva 89/106/KEE, mingħajr testijiet ta’ awditjar ta’ kampjuni.

L-ispeċifikazzjoni għas-sistema għandha tkun tali li tkun tista’ tiġi implimentata anke meta l-prestazzjoni ma jkollhiex għalfejn tkun determinata għal ċerta karatteristika, għaliex tal-anqas Stat Membru wieħed ma jkollu l-l-ebda rekwiżit legali għal din it-tip ta’ karatteristika [ara Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/106/KEE u, fejn applikabbli, il-klawsola 1.2.3 tad-Dokumenti Interpretattivi]. F’dawk il-każijiet, il-verifikazzjoni ta’ din it-tip ta’ karatteristika m’għandiex tkun imposta fuq il-manifattur jekk ma jixtieqx jiddikjara l-prestazzjoni tal-prodott f’dak ir-rigward.”