27.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/140


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2011

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2009

(2011/572/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet definittivi tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2009,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2011 (05892/2011 — C7-0052/2011),

wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE, u l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 60 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju qafas għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0123/2011),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2009;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Jerzy BUZEK

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 338, 14.12.2010, p. 22.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1

(3)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.



27.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/141


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2011

li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2009

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2009,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2011 (05892/2011 — C7-0052/2011),

wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE, u l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jistabblixxi Aġenzija tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 60 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju qafas għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77, u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0123/2011),

A.

billi l-Qorti tal-Awdituri ddikjarat li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2009 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari,

B.

billi fit-5 ta’ Mejju 2010, il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2008 (5), u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni ta’ kwittanza, inter alia:

wera sogħba li, fl-2008, is-sistema tal-miżati fissi annwali ġġenerat dħul li kien ogħla b'mod sinifikanti mill-ispejjeż attwali tas-servizzi mogħtija u jistieden lill-Aġenzija biex tressaq, bħala kwistjoni urġenti, pjan dettaljat sabiex jiġi garantit li dan ma jerġax iseħħ fis-snin li ġejjin,

ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-Aġenzija ttrasferiet għall-2009 livell għoli ta’ approprjazzjonijiet għall-infiq operattiv (aktar minn EUR 53 000 000, li kien 79 % tal-approprjazzjonijiet operattivi),

insista dwar kemm kien importanti għall-Aġenzija li jiġu stabbiliti għanijiet SMART u indikaturi RACER fit-tfassil tal-programm tagħha bl-iskop ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni tagħha,

Esprima t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-ħtiġijiet, il-persunal u r-regolament finanzjarju tal-Aġenzija u, b'mod partikulari, li l-proċeduri tal-għażla tal-persunal għamluha diffiċli li jiġi rreklutat persunal li jkun ikkwalifikat kif jixraq,

C.

billi l-baġit tal-Aġenzija għall-2009 kien ta’ EUR 92 500 000, jiġifieri 6 % aktar mill-baġit tal-2008; billi r-riżerva għal attitivajiet tal-miżati u l-ħlasijiet għall-2009 kienet ta’ EUR 29 500 000,

1.

Jilqa' l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri sabet li l-kontabilità tal-Aġenzija għall-2009 hija affidabbli u t-tranżazzjonjiet sottostanti, meħuda bħala entità sħiħa, huma legali u regolari;

Żieda sostanzjali tal-baġit

2.

Jinnota li l-baġit tal-Aġenzija żdied bi 28 % mill-2007 sal-2009;

3.

Jinnota li l-Aġenzija rċeviet EUR 31 540 000 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 29 180 000 f'approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet mill-Baġit tal-Unjoni għall-2009;

4.

Jinnota, barra minn hekk, li l-baġit globali tal-Aġenzija żdied bi kważi 20 % minn EUR 102 000 000 għal EUR 122 000 000 mill-2008 sal-2009 u li l-għadd tal-persunal żdied minn 440 għal 509;

Ir-rendiment

5.

Jisħaq għal darba oħra fuq l-importanza li l-Aġenzija tfassal objettivi SMART u indikaturi RACER fil-programmazzjoni tagħha sabiex tevalwa l-operazzjonijiet tagħha; jinnota t-tweġiba mill-Aġenzija, li tagħti assigurazzjoni li tejbet il-programm ta’ ħidma tagħha għall-2010, li jistabbilixxi għanijiet u indikaturi ewlenin ta’ prestazzjoni u sistema ta’ ppjanar aħjar tar-riżorsi; jitlob, barra minn hekk, lill-Aġenzija tikkunsidra tagħmel dijagramma ta’ Gantt parti mill-programmazzjoni għal kull waħda mill-attivitajiet operattivi tagħha, bil-ħsieb li jiġi indikat f'forma konċiża l-ammont ta’ ħin li jkun għadda kull membru tal-persunal fuq proġett u jitħeġġeġ l-approċċ immirat lejn il-kisba tar-riżultati;

6.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija biex timplimenta struttura bbażata fuq l-attività għall-baġit funzjonali sabiex tistabilixxi konnessjoni ċara bejn il-programm tax-xogħol u t-tħabbir finanzjarju u biex ittejjeb il-monitoraġġ u r-rappourtar tal-prestazzjoni; jinnota li l-Aġenzija tipprepara pjan multiannwali kull sena, li jiġi diskuss ma’ dawk kollha interessati u approvat mill-Bord tal-Ġestjoni, fejn jiġi preżentat il-baġit għal kull attività; jagħraf l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-istruttura tal-baġit funzjonali tal-Aġenzija (Titlu III) baqgħet parzjalment relatata mal-input u li l-emendi tal-baġit saru mingħajr aġġornament tal-programm tax-xogħol, anki meta kellhom impatt sinifikanti fuq l-allokazzjoni tar-riżorsi umani u finanzjarji;

7.

Jistieden għal darb'oħra lill-Aġenzija tistabbilixxi, f'tabella li għandha tinhemeż mar-rapport li jmiss tal-Qorti tal-Awdituri, tqabbil tal-operazzjonijiet li twettqu matul is-sena li għaliha għandha tingħata l-kwittanza u fis-sena finanzjarja ta’ qabel bil-għan li l-awtorità ta’ kwittanza tkun tista' tevalwa b'mod aktar effettiv il-prestazzjoni tagħha minn sena għall-oħra;

Trasferiment ta’ approprjazzjonijiet għas-sena ta’ wara

8.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għal darb'oħra l-Aġenzija ttrasferiet għall-2010 livell għoli ta’ approprjazzjonijiet għan-nefqa operattiva (65 % mit-Titolu III — Attività operattiva — meta d-dħul allokat jiġi eskluż mit-trasferimenti, il-persentaġġ tal-impenji ttrasferiti huwa ta’ 13 %); jenfasizza li dan imur kontra l-prinċipju tal-annwalità; jirrikonoxxi li ċerta inċertezza dwar il-livell tad-drittijiet u l-ħlasijiet hija inerenti fiċ-ċiklu inizjali ta’ ħidma tal-Aġenzija minħabba l-multiannwalità tal-proġetti; barra minn hekk, jenfasizza li din is-sitwazzjoni tikxef nuqqasijiet fis-sistema tal-pjanifikazzjoni tar-riżorsi tal-Aġenzija, li jirriżultaw minħabba dewmien fl-iffirmar tal-kuntratt ta’ servizz; għalhekk, jitlob li l-kuntratti jiġu ġestiti b'mod aktar eżatt u f'waqtu u li jiġi ppreżentat tbassir ħafna aktar realistiku lill-Parlament u lill-Kummissjoni għas-sena finanzjarja li jmiss, waqt li jitħalla biżżejjed żmien biex dan jiġi analizzat;

9.

Jitlob li mal-baġit ta’ kull sena jiġi mehmuż rapport speċjali dwar il-bilanċ pożittiv trasferit minn snin preċedenti, li jispjega għalfejn l-approprjazzjonijiet imsemmija ma ntużawx, u kif u meta se jintużaw;

Drittijiet u ħlasijiet imposti mill-Aġenzija

10.

Jinnota li l-2009 kienet l-ewwel sena sħiħa ta’ implimentazzjoni tal-ħidmiet ta’ ċertifikazzjoni skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 593/2007 tal-31 ta’ Mejju 2007 dwar drittijiet u ħlasijiet imposti mill-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni (6);

11.

Jerġa' jitlob lill-Aġenzija biex ittejjeb sistema ta’ sorveljanza fil-livell tal-proġetti ta’ ċertifikazzjoni biex tiżgura li, matul il-perjodu kollu tal-proġett, id-drittijiet imposti ma jvarjawx min-nefqa reali b'mod sinifikanti;

12.

Jitlob lill-Aġenzija, speċifikament, biex tistima b'mod korrett, għall-istabbiliment tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-2010, l-ispiża relatata mal-ġesjoni ta’ xogħlijiet ta’ ċertifikazzjoni li jiġu esternalizzati lill-awtoritajiet tal-avjazzjoni nazzjonali; jinnota, fil-fatt, li l-Qorti tal-Awdituri rrapurtat li n-nefqa dovuta relatata fl-aħħar tas-sena ġiet stmata billi ġie mistmugħ persentaġġ għat-tlestija li mhuwiex ġustifikat minn esperjenza storika; jirrikonoxxi, madankollu, l-intenzjoni tal-Aġenzija li ddaħħal “ftehim dwar rata fissa” għal ċerti servizzi (bidliet żgħar, tiswijiet żgħar, Ċertifikati tat-Tip Supplementari standard, sorveljanza tal-organizzazzjonijiet) biex ikunu disponibbli kosti affidabbli tal-proġetti meta servizz jiġi esternalizzat;

Ir-riżorsi umani

13.

Jinnota, barra minn hekk, nuqqasijiet fil-proċeduri ta’ għażla tal-persunal li jipperikolaw it-trasparenza ta’ dawn il-proċeduri; jirrikonoxxi li l-Qorti tal-Awdituri rrappurtat fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri li d-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-għażla ma kinux iġġustifikati u ddokumentati biżżejjed billi r-riżultati minimi sabiex wieħed jiġi mistieden għal intervista jew sabiex jitqiegħed fil-lista tar-riżervi ma ġewx iddefiniti minn qabel u billi ma ttiħdux il-minuti;

14.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-azzjonijiet li ttieħdu biex tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni u biex il-proċeduri tal-għażla tal-esperti/istaff tagħha jsiru aktar trasparenti; jenfasizza li l-impatt ta’ dawn in-nuqqasijiet huwa saħansitra aktar kruċjali meta jitqies li l-Aġenzija għandha l-objettivi li toħroġ speċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni, tieħu deċiżjonijiet rigward l-ajrunavigabbiltà u ċ-ċertifikazzjoni ambjentali, u twettaq spezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri;

Verifika Interna

15.

Jirrikonoxxi li l-Aġenzija implimentat 20 rakkomandazzjoni mis-26 li saru mis-Servizz tal-Verifika Interna (IAS) mill-2006 'l hawn;

16.

Jirrikonoxxi li l-Aġenzija bagħtet lill-awtorità tal-kwittanza rapport imfassal mid-Direttur Eżekuttiv tagħha li jagħti sommarju tal-kontenut tar-rakkomandazzjoni tal-IAS kif stipulat fl-Artikolu 72(5) tar-Regolament Finanzjarju ta’ qafas; madankollu, jistieden lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija biex jipprovdi informazzjoni speċifika dwar il-kontenut tar-rakkomandazzjonijiet miftuħa kollha tal-IAS fl-2009;

17.

Jirreferi, fir-rigward tal-osservazzjonijiet l-oħra li qegħdin mad-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2011 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  ĠU C 338, 14.12.2010, p. 22.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(5)  ĠU L 252, 25.9.2010, p. 136.

(6)  ĠU L 140, 1.6.2007, p. 3.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2011)0163 (Ara paġna 269 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).