29.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 29/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Jannar 2011

b’applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Parlament Ewropew u d-Direttiva tal-Kunsill 98/37/KE fir-rigward ta’ miżura ta’ projbizzjoni adottata mill-awtoritajiet Pollakki fir-rigward ta’ trapan elettriku tal-impatt bil-marka VERTO MD-2009-153

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 29/01

1.   In-notifika mill-awtoritajiet pollakki

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/37/KE (1) dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-makkinarju (li kienet tapplika sad-29 ta' Diċembru 2009), jistipula li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li l-makkinarju kopert mid-Direttiva jkun jista' jitqiegħed fis-suq u jintuża biss jekk ma jipperikolax is-saħħa u s-sikurezza tan-nies u, fejn xieraq, tal-annimali domestiċi jew tal-proprjetà, meta jkun installat u miżmum kif suppost u użat għall-iskop li għalih ikun maħsub.

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jistipula li meta Stat Membru jaċċerta li makkinarju li juri l-marka CE użat skont l-għan li għalih ikun maħsub jista’ jipperikola s-sikurezza tan-nies, u, fejn xieraq, tal-annimali domestiċi jew tal-proprjetà, dan għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jirtira mis-suq makkinarju ta’ dan it-tip, jipprojbixxi t-tqegħid tiegħu fis-suq, it-tħaddim jew l-użu tiegħu, jew jirrestrinġi l-moviment liberu tiegħu. L-Istat Membru għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura ta' dan it-tip, filwaqt li jindika r-raġuni għad-deċiżjoni tiegħu.

Fis-26 ta' Frar 2009, l-awtoritajiet Pollakki nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea b'miżura ta' projbizzjoni li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' trapan tal-impatt tal-elettriku tal-idejn bil-marka VERTO, tat-tip 50G502. Il-makkinarju kien manifatturat minn Zhejiang Wuyi Gongli Electric Machine Co. Ltd, F. H. Shan Ind. Zone Donggan, 321201 Wuyi Zhejiang Prov., iċ-Ċina u mqiegħad fis-suq minn Topex Sp. z.o.o. Sp. k., ul. Pograniczna 2/4, 02-285 Varsavja, il-Polonja.

Il-fajl trasmess lill-Kummissjoni Ewropea inkluda Dikjarazzjoni ta' Konformità tal-KE mfassla minn Topex Sp. z o.o. datata t-22 ta' Ottubru 2007.

Skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati, hija mistennija tiddikjara jekk issibx din il-miżura ġġustifikata jew le. Jekk il-miżura tinstab li hija ġġustifikata, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri biex dawn ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha xierqa fir-rigward tal-makkinarju kkonċernat, skont l-obbligi tagħhom fl-Artikolu 2(1).

2.   Ir-raġunijiet mogħtija mill-awtoritajiet Pollakki

Il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Pollakki kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta’ konformità tat-trapan tal-impatt tal-elettriku mar-rekwiżiti essenzjali ta' saħħa u sikurezza tal-Anness I mad-Direttiva 98/37/KE li ġejjin, b'referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tal-istandards armonizzati Ewropej EN 60745-1:2003 – Hand-held motor-operated electric toolsSafety – Parti 1.: Rekwiżiti ġenerali, u EN 60745-2-1:2003 – Hand-held motor-operated electric toolsSafety – Parti 2-1: Particular requirements for drills and impact drills, li ssemmew fid-Dikjarazzjoni ta' Konformità tal-KE:

1.5.1. –   Provvista tal-elettriku

Qawwa elettrika insuffiċjenti ta' insulazzjoni imsaħħa: għadda l-kurrent bejn il-partijiet aċċessibbli tal-metall (spindle) u l-partijiet li fihom il-kurrent b'livell ta' vultaġġ aktar baxx mil-limitu preskritt, li għaldaqstant joħloq riskju ta' xokk elettriku.

1.7.3. –   L-immarkar

It-trapan ma kienx immarkat sew. il-plakka tal-informazzjoni inqalgħet u tista' twassal għal nuqqas ta' informazzjoni essenzjali għal użu sikur tal-makkinarju.

3.   L-opinjoni tal-Kummissjoni

Fit-28 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni kitbet lill-Topex Sp. z.o.o. li ffirma Dikjarazzjoni ta’ Konformità tal-KE, filwaqt li talbu jikkomunika l-kummenti tiegħu dwar il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Pollakki. Sal-lum, għadha ma waslet l-ebda tweġiba.

Fid-dawl tad-dokumentazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Pollakki wrew li l-makkinarju soġġett għall-miżura restrittiva ma jikkonformax mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza msemmija fuq. Dawn in-nuqqasijiet ta’ konformità huma ta’ riskju serju għall-persuni li jużaw il-makkinarju msemmi.

Għaldaqstant, wara li segwiet il-proċedura meħtieġa, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura meħuda mill-awtoritajiet Pollakki hija ġġustifikata.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi-President


(1)  ĠU L 207, 23.7.1998, p. 1.