31.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 348/17 |
REGOLAMENT (UE) Nru 1236/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-15 ta' Diċembru 2010
li jistabbilixxi skema ta' kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-Koperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2791/1999
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (“il-Konvenzjoni”), kienet approvata mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 81/608/KEE (3) u daħlet fis-seħħ fis-17 ta' Marzu 1982. |
(2) |
Il-Konvenzjoni tipprovdi qafas xieraq għall-kooperazzjoni multilaterali dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni razzjonali tar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona definita mill-Konvenzjoni (“iż-Żona tal-Konvenzjoni”). |
(3) |
Il-Kummissjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (“NEAFC”), fil-Laqgħa Annwali tagħha li saret fil-15 ta' Novembru 2006, adottat rakkomandazzjoni li tistabbilixxi skema ta' kontroll u infurzar (“l-Iskema”) applikabbli għall-bastimenti tas-sajd li joperaw fl-ilmijiet taż-Żona tal-Konvenzjoni li jinsabu lil hinn mill-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tas-sajd tal-Partijiet Kontraenti (“iż-Żona Regolatorja”). L-Iskema, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2007, ġiet emendata minn diversi rakkomandazzjonijiet fil-Laqgħat Annwali f’Novembru 2007, 2008 u 2009. |
(4) |
Skont l-Artikoli 12 u 15 tal-Konvenzjoni, dawn ir-rakkomandazzjonijiet daħlu fis-seħħ fid-9 ta' Frar 2008, fis-6 u t-8 ta' Jannar 2009, u fis-6 ta' Frar 2010 rispettivament; |
(5) |
L-Iskema tipprovdi għal miżuri ta' kontroll u nfurzar li japplikaw għal bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Partijiet Kontraenti u li jaħdmu fiż-Żona Regolatorja, u arranġamenti għal spezzjonijiet fuq il-baħar li jinkludu proċeduri ta' spezzjonar u sorveljanza u proċeduri kontra l-kontravenzjonijiet illi jridu jiġu implimentati mill-Partijiet Kontraenti. |
(6) |
L-Iskema tipprovdi għal sistema ġdida għall-Kontroll mill-Istat tal-Port, li effettivament tagħlaq il-portijiet Ewropej għall-ħatt l-art ta' ħut iffriżat li ma jkunx ġie vverfikat li huwa legali mill-Istat tal-bandiera tal-bastiment li jtajjar il-bandiera ta' Parti Kontraenti li ma tkunx l-Istat tal-Port. |
(7) |
Ċerti dispożizzjonijiet ta' kontroll li ġew adottati min-NEAFC ġew ukoll inkorporati fil-liġi tal-Unjoni permezz tar-Regolament annwali dwar it-TACs u l-kwoti, aktar reċentement bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 43/2009 tas-16 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi għall-2009 l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet Komunitarji, għal bastimenti Komunitarji, f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti tal-qbid (4). Għall-finijiet taċ-ċertezza legali, tali dispożizzjonijiet li mhumiex ta' natura temporanja għandhom ikunu is-suġġett ta' regolament ġdid separat. |
(8) |
L-Iskema tinkludi wkoll dispożizzjonijiet għall-promozzjoni tal-konformità minn bastimenti li jtajjru l-bandiera ta' Parti mhux Kontraenti mal-miżuri ta' kontroll u ta' infurzar biex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni li ġew adottati min-NEAFC. In-NEAFC għamlet rakkomandazzjoni għat-tneħħija ta' għadd ta' bastimenti mill-lista ta' bastimenti li ġew ikkonfermati bħala involuti f’sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat. Għandha tiġi żgurata l-inklużjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet fil-liġi tal-Unjoni. |
(9) |
L-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (5) jipprovdi li l-Istati Membri jikkontrollaw l-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi u jikkontrollaw attivitajiet barra l-ilmijiet tal-UE mwettqa minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom. Għalhekk għandu jsir provvediment sabiex l-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom jistadu fiż-Żona Regolatorja jassenjaw spetturi għall-Iskema sabiex jieħdu ħsieb il-monitoraġġ u s-sorveljanza kif ukoll riżorsi adegwati għall-ispezzjonar. |
(10) |
Sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni, huwa meħtieġ illi l-Istati Membri jikkoperaw bejniethom u mal-Kummissjoni, kif ukoll mal-entità ddeżinjata minnha għall-implimentazzjoni tal-Iskema. |
(11) |
Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiżguraw illi l-ispetturi tagħhom jikkonformaw mal-proċeduri tal-ispezzjonar stabbiliti min-NEAFC. |
(12) |
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati bi qbil mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward ta' regoli dettaljati dwar listi tar-riżorsi tas-sajd li għandhom jiġu notifikati, proċeduri għan-notifikazzjoni minn qabel tad-dħul fil-port u għall-kanċellazzjoni ta' dan kif ukoll awtorizzazzjoni biex il-bastimenti jħottu l-art jew jittrażbordaw. Il-Kummissjoni għandha wkoll tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’dak li għandu x’jaqsam mal-inklużjoni fil-liġi tal-Unjoni ta' emendi futuri ta' dawk il-miżuri tal-Iskema li jkunu s-suġġett ta' ċerti elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament definiti espressament u li jsiru jorbtu fuq l-Unjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. |
(13) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE. Skont dak l-Artikolu, għandhom jiġu stabbiliti bil-quddiem regoli u prinċipji ġenerali li jikkonċernaw mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tal-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni permezz ta' regolament adottat skont il-proċedura leġislattiva ordinarja. Sakemm jiġi adottat dak ir-regolament il-ġdid, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (6) tibqa’ tapplika, bl-eċċezzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, li ma tapplikax. |
(14) |
Peress li dan ir-Regolament se jistabbilixxi regoli ġodda li jikkonċernaw il-kontroll u l-infurzar fiż-Żona tal-Konvenzjoni, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2791/1999 tas-16 ta' Diċembru 1999 li jippreskrivi ċerti miżuri ta' kontroll applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (7) għandu jiġi revokat, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni mill-Unjoni tal-Iskema adottata min-NEAFC.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
Ħlief jekk jingħad mod ieħor, dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-UE kollha li jintużaw jew hemm il-ħsieb li jintużaw f’attivitajiet ta' sajd li jitwettqu fi-rigward tar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona Regolatorja.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“Konvenzjoni” tfisser il-Konvenzjoni dwar il-Koperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal, kif emendata; |
(2) |
“Żona tal-Konvenzjoni” tfisser iż-Żona tal-Konvenzjoni kif definita fl-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni; |
(3) |
“Żona Regolatorja” tfisser l-ilmijiet taż-Żona tal-Konvenzjoni li jinsabu barra mill-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tas-sajd tal-Partijiet Kontraenti; |
(4) |
“Partijiet Kontraenti” tfisser il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni; |
(5) |
“NEAFC” tfisser il-Kummissjoni għas-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku; |
(6) |
“attivitajiet tas-sajd” tfisser sajd, inkluż operazzjonijiet konġunti tas-sajd, operazzjonijiet tal-ipproċessar tal-ħut, it-trażbord jew il-ħatt tal-ħut u ta' prodotti tal-ħut u kull attività kummerċjali oħra bi tħejjija għas-sajd jew li għandha x’taqsam miegħu; |
(7) |
“riżorsi tas-sajd” tfisser ir-riżorsi msemmija fl-Artikolu 1(2) tal-Konvenzjoni; |
(8) |
“riżorsi regolati” tfisser dawk ir-riżorsi tas-sajd li huma soġġetti għar-rakkomandazzjonijiet skont il-Konvenzjoni u huma elenkati fil-lista fl-Anness; |
(9) |
“bastiment tas-sajd” tfisser kwalunkwe bastiment użat jew maħsub għall-użu fl-isfruttar kummerċjali tar-riżorsi tas-sajd, inklużi bastimenti għall-ipproċessar tal-ħut u bastimenti involuti fit-trażbord; |
(10) |
“bastiment ta' Parti mhux Kontraenti” tfisser kwalunkwe bastiment tas-sajd mhux irreġistrat f’Parti Kontraenti, inklużi bastimenti li għalihom teżisti bażi raġjonevoli ta' suspetti li huma mingħajr nazzjonalità; |
(11) |
“operazzjoni konġunta tas-sajd” tfisser kwalunkwe operazzjoni bejn żewġ bastimenti jew aktar fejn il-qabda titneħħa mill-irkaptu tas-sajd ta' bastiment tas-sajd għal bastiment ieħor; |
(12) |
“operazzjoni ta' trażbord” tfisser il-ħatt ta' kwalunkwe prodott tas-sajd jew tal-prodotti kollha abbord bastiment għal fuq bastiment tas-sajd ieħor; |
(13) |
“port” tfisser kwalunkwe post li jintuża għall-ħatt l-art, inkella post qrib ix-xatt, iddeżinjat minn Parti Kontraenti għall-finijiet tat-trażbord tar-riżorsi tas-sajd. |
Artikolu 4
Punti ta' kuntatt
1. L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw l-awtorità kompetenti li għandha taġixxi bħala l-punt ta' kuntatt li jirċievi r-rapporti ta' sorveljanza u spezzjoni skont l-Artikoli 12, 19, 20 u 27 u sabiex tirċievi n-notifiki u toħroġ l-awtorizzazzjonijiet skont l-Artikoli 24 u 25.
2. Il-punti ta' kuntatt li jirċievu n-notifiki u joħorġu l-awtorizzazzjonijiet skont l-Artikoli 24 u 25 għandhom ikunu disponibbli 24 siegħa kuljum.
3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni jew lill-entità nominata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC, in-numru tat-telefon, l-indirizz tal-e-Mail u n-numru tal-feks tal-punt ta' kuntatt iddeżinjat.
4. Kwalunkwe tibdil sussegwenti li ssir lill-informazzjoni dwar il-punti ta' kuntatt imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni inkella lill-entità nominata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC, mhux aktar tard minn ħmistax-il jum qabel il-bidla tidħol fis-seħħ.
5. Il-format għat-trażmissjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandu jkun stabbilit f’konformità mal-Artikolu 50(2).
KAPITOLU II
MIŻURI TA' MONITORAĠĠ
Artikolu 5
Parteċipazzjoni tal-Unjoni
1. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, f’forma li tinqara mill-kompjuter, lista tal-bastimenti kollha li jtajru l-bandiera tagħhom u reġistrati fl-Unjoni li huma awtorizzati li jistadu fiż-Żona Regolatorja, b’mod partikolari l-bastimenti awtorizzati li jistadu direttament għal waħda jew iktar mir-riżorsi regolati, flimkien ma' kwalunkwe emenda għal-lista. Din l-informazzjoni għandha tintbagħat mhux iktar tard mill-15 ta' Diċembru ta' kull sena jew mhux aktar tard minn 5 ijiem qabel ma l-bastiment jidħol fiż-Żona Regolatorja. Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lis-Segretarju tan-NEAFC, mingħajr telf ta' żmien.
2. Il-format għat-trażmissjoni tal-lista msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi determinat f’konformità mal-Artikolu 50(2).
Artikolu 6
Markar tal-irkaptu
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-irkaptu li jużaw il-bastiment tas-sajd tagħhom fiż-Żona Regolatorja huwa mmarkat skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 356/2005 tal-1 ta' Marzu 2005 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-immarikar u għall-identifikazzjoni ta' rkaptu tas-sajd passiv u tat-tkarkir bit-travu (8).
2. L-Istati Membri jistgħu ineħħu u jarmu rkaptu fiss li ma jkunx immarkat skont ir-Regolament (KE) Nru 356/2005 jew li bi kwalunkwe mod ieħor jikser ir-rakkomandazzjonijiet adottati min-NEAFC, kif ukoll kwalunkwe ħut li jinsab f’dak l-irkaptu.
Artikolu 7
Irkupru ta' rkaptu mitluf
1. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera għandha tibgħat mingħajr dewmien lis-Segretarjat tan-NEAFC l-informazzjoni mogħtija lilha, skont l-Artikolu 48(3) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 kif ukoll il-kodiċi tal-bastiment li jkun tilef l-irkaptu.
2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jirkupraw, fuq bażi regolari, irkaptu mitluf ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.
Artikolu 8
Reġistrazzjoni tal-qabdiet
1. B’żieda mal-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (9), il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-UE għandhom jirreġistraw jew f’ġurnal ta' abbord dwar is-sajd, bil-paġni nnumerati u llegati jew b’mezz elettroniku, u fih iniżżlu dan li ġej:
(a) |
kull dħul ġewwa, u ħruġ miż-Żona Regolatorja; |
(b) |
fuq bażi ta' kuljum u/jew għal kull refgħa, stima tal-qabdiet kumulattivi miżmuma abbord mill-aħħar dħul fiż-Żona Regolatorja; |
(c) |
fuq bażi ta' kuljum u/jew għal kull refgħa, l-ammont ta' ħut mormi; |
(d) |
minnufih wara kull komunikazzjoni skont l-Artikolu 9, id-data u l-ħin, skont il-Ħin Universali Kkordinat (“UTC”), tat-trasmissjoni ta' rapport u, fil-każ ta' trasmissjoni bir-radju, l-isem tal-istazzjon tar-radju li minnu jiġi trasmess ir-rapport; |
(e) |
il-fond tas-sajd, fejn ikun xieraq. |
2. Il-kaptani ta' bastimenti tas-sajd tal-UE involuti f’attivitajiet ta' sajd imwettqa fir-rigward ta' riżorsi regolati u li jipproċessaw u/jew jiffriżaw il-qabda tagħhom għandhom:
(a) |
jirreġistraw il-produzzjoni kumulattivi skont l-ispeċijiet u l-forma tal-prodott f’ġurnal ta' abbord tal-produzzjoni, u |
(b) |
jaħżnu fl-istiva il-qabdiet ipproċessati kollha b’tali mod li mill-pjan tal-istivi miżmum abbord il-bastiment tas-sajd, jista’ jiġi identifikat il-post fejn kull speċi tkun maħżuna. |
3. B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-obbligu tar-reġistrazzjoni f’ġurnal ta' abbord dwar is-sajd jew elettronikament, bastiment li jkun involut f’operazzjonijiet ta' trażbord li jgħabbi kwantitajiet abbord.. Bastimenti li jgawdu minn din id-deroga għandhom jispeċifikaw fil-pjan tal-istivi, il-post fl-istivi fejn jinsab il-ħut iffriżat imsemmi fl-Artikolu 14(1) u jirreġistraw fil-ġurnal ta' abbord tal-produzzjoni:
(a) |
id-data u l-ħin, skont l-UTC, tat-trażmissjoni tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 9; |
(b) |
fil-każ ta' trażmissjoni bir-radju, l-isem tal-istazzjon tar-radju li permezz tiegħu twassal ir-rapport; |
(c) |
id-data u l-ħin, skont l-UTC, tal-operazzjoni tat-trażbord; |
(d) |
il-post (lonġitudni/latitudni) tal-operazzjoni tat-trażbord; |
(e) |
il-kwantitajiet ta' kull speċi mgħobbija; |
(f) |
l-isem u l-kodiċi internazzjonali tar-radju tal-bastiment tas-sajd li minnu tniżżlet il-qabda. |
4. Għandhom jiġu ddeterminati regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 50(2).
Artikolu 9
Rappurtar tal-qabdiet ta' riżorsi regolati
1. Il-kaptani ta' bastimenti tas-sajd tal-UE involuti f’attivitajiet ta' sajd imwettqa fir-rigward ta' riżorsi regolati, għandhom jikkomunikaw ir-rapporti dwar il-qabdiet permezz ta' mezzi elettroniċi liċ-Ċentru tagħhom tal-Monitoraġġ tas-Sajd, kif definit fil-punt 15 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Id-data li tinsab f’tali rapporti għandha tkun aċċessibbli għall-Kummissjoni meta titlobha. Ir-rapporti għandhom jinkudu dan li ġej:
(a) |
rapporti dwar il-kwantitajiet ta' ħut miżmuma abbord mad-dħul fiż-Żona Regolatorja. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu trażmessi mhux iktar kmieni minn 12-il siegħa u mhux iktar tard minn sagħtejn (2) qabel kull dħul fiż-Żona Regolatorja; |
(b) |
rapporti fuq il-qabdiet ta' kull ġimgħa. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu trażmessi għall-ewwel darba sa mhux iktar tard mit-tmiem tas-seba’ jum wara d-dħul tal-bastiment fiż-Żona Regolatorja jew meta l-vjaġġi tas-sajd jieħdu iktar minn 7 ijiem, mhux aktar tard mit-Tnejn f’nofsinhar għal dawk il-qabdiet tal-ħut li jkunu ttellgħu miż-Żona Regolatorja matul il-ġimgħa ta' qabel li tagħlaq f’nofs il-lejl tal-jum tal-Ħadd. Dan ir-rapport għandu jinkludi l-għadd ta' jiem tas-sajd mill-bidu tal-attivitajiet tas-sajd, inkella mill-aħħar rapport dwar il-qabdiet; |
(c) |
rapporti dwar il-qabdiet miżmuma abbord mal-ħruġ miż-Żona Regolatorja. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu trażmessi mhux iktar kmieni minn 8 sigħat u mhux iktar tard minn sagħtejn (2) qabel kull ħruġ miż-Żona Regolatorja. Fejn ikun xieraq, tali rapporti għandhom jinkludu l-għadd ta' jiem tas-sajd u l-qabdiet li saru fiż-Żona Regolatorja mill-bidu tas-sajda, jew mill-aħħar rapport dwar il-qabdiet; |
(d) |
rapporti dwar il-kwantitajiet ta' ħut mgħobbija u maħtuta għal kull trażbord tal-ħut fil-perjodu li fih il-bastiment kien preżenti fiż-Żona Regolatorja. Bastimenti donaturi għandhom jagħmlu dan ir-rapport mhux aktar tard minn 24 siegħa qabel it-trażbord, u l-bastimenti riċevituri għandhom jagħmluh mhux aktar tard minn siegħa wara t-trażbord. Ir-rapport għandu jinkludi d-data, il-ħin u l-pożizzjoni ġeografika tat-trażbord ippjanat u l-piż totali għal kull speċi li jkun se jiġi skarikat jew li jkun tgħabba f’kilogrammi u l-kodiċi tal-bastimenti donaturi u riċevituri. Mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu IV, il-bastiment riċevitur għandu jirrapporta l-qabda totali abbord, il-piż totali li għandu jinħatt, l-isem tal-port u d-data u ħin stmati tal-ħatt l-art mhux inqas minn 24 siegħa qabel kwalunkwe ħatt l-art. |
2. Ir-rapporti dwar il-qabdiet msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jingħataw f’kilogrammi (miġjuba għall-eqreb 100 kg). Il-piż totali sħiħ għandu jiġi rrapurtat skont l-ispeċi, bl-użu tal-kodiċijiet tal-FAO. Il-kwantità totali ta' speċijiet li għalihom il-piż totali skont l-ispeċi huwa anqas minn tunnellata jista’ jiġi rreġistrat skont il-kodiċi 3-alpha MZZ (ħut tal-baħar mhux speċifikat).
3. L-Istati Membri għandhom jirreġistraw id-data misjuba fir-rapporti dwar il-qabdiet fid-database imsemmija fl-Artikolu 109(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
4. Ir-regoli dettaljati sabiex jiġi implimentat dan l-Artikolu u b’mod partikolari l-format u l-ispeċifikazzjonijiet għat-trażmissjonijiet għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 50(2).
Artikolu 10
Rappurtaġġ globali tal-qabdiet tal-ħut u tal-isforz tas-sajd
1. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, permezz ta' trażmissjoni bil-kompjuter qabel il-ħmistax-il jum ta' kull xahar, bil-kwantitajiet tar-riżorsi tas-sajd maqbuda fiż-Żona Regolatorja minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, illi jkunu nħattu l-art jew ġew trażbordati fix-xahar ta' qabel.
2. Bla ħsara għall-Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu wkoll lill-Kummissjoni, permezz ta' trażmissjoni bil-kompjuter qabel il-ħmistax-il jum ta' kull xahar, dwar il-kwantitajiet tar-riżorsi regolati maqbuda f’żoni taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali dwar is-sajd ta' pajjiżi terzi u fl-ilmijiet tal-UE taż-Żona tal-Konvenzjoni minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, illi jkunu nħattu l-art jew ġew trażbordati fix-xahar ta' qabel.
3. Il-format għat-trażmissjoni tad-data skont il-paragrafi 1 u 2 għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-Artikolu 50(2).
Il-lista tar-riżorsi tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi adottata skont il-proċedura msemmija fl-Artikoli 46 sa 49.
4. Il-Kummissjoni għandha tikkompila d-data li tissemma fil-paragrafi 1 u 2 għall-Istati Membri kollha u għandha tibgħatha lis-Segretarju tan-NEAFC fi żmien 30 jum mit-tmiem tax-xahar kalendarju li fih il-qabdiet ikunu nħattu l-art jew ġew ittrażbordati.
Artikolu 11
Sistema ta' Monitoraġġ tal-Bastimenti
L-Istati Membri għandhom jiżguraw t-trażmissjoni awtomatika u elettronika lis-Segretarju tan-NEAFC tal-informazzjoni miksuba bis-sistema tal-monitoraġġ tal-bastimenti (VMS) rigward il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' dawn l-Istati u li jistadu jew biħsiebhom jistadu fiż-Żona Regolatorja. Il-format u l-ispeċifikazzjonijiet ta' dawn it-trażmissjonijiet għandhom jiġu ddeterminati f’konformità mal-Artikolu 50(2).
Artikolu 12
Komunikazzjoni tal-informazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni r-rapporti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 9 u 11 mingħajr dewmien lis-Segretarjat tan-NEAFC. Madankollu, fil-każ ta' problema teknika, dawn ir-rapporti u l-informazzjoni għandhom jiġu trażmessi lis-Segretarju tan-NEAFC fi żmien 24 siegħa mill-wasla. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapporti u l-messaġġi kollha li jgħaddu jkunu nnumerati sekwenzjalment.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapporti u l-informazzjoni trażmessa lis-Segretarju tan-NEAFC jkunu fi qbil mal-formati u l-protokolli għall-iskambju tad-data ddeterminati f’konformità mal-Artikolu 50(2).
Artikolu 13
Trażbordi u operazzjonijiet konġunti tas-sajd
1. Il-bastimenti tas-sajd tal-UE għandhom jidħlu biss għal attivitajiet ta' trażbordar fiż-Żona Regolatorja jekk ikunu rċevew awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom.
2. Il-bastimenti tas-sajd tal-UE jistgħu jidħlu għal operazzjonijiet tat-trażbord jew operazzjonijiet konġunti tas-sajd ma' bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Parti Kontraenti u bastimenti ta' Parti Mhux Kontraenti li jkunu ngħataw l-istatus ta' Parti Mhux Kontraenti li tikkoopera, min-NEAFC.
3. Il-bastimenti tas-sajd tal-UE involuti f’operazzjonijiet tat-trażbord, li jgħabbu abbord kwantitajiet ta' qabdiet, m’għandhomx ikunu involuti f’attivitajiet oħra ta' sajd, fosthom operazzjonijiet konġunti ta' sajd, matul l-istess vjaġġ, bl-eċċezzjoni ta' operazzjonijiet ta' pproċessar tal-ħut u tal-ħatt l-art.
Artikolu 14
Stivar separat
1. Bastimenti tas-sajd tal-UE li jġorru abbord riżorsi ffriżati tas-sajd maqbuda fiż-żona tal-Konvenzjoni minn aktar minn bastiment tas-sajd wieħed, jistgħu jistivaw il-ħut minn kull wieħed minn dawk il-bastimenti f’aktar minn parti waħda mill-istiva, iżda għandhom iżommuhom separati b’mod ċar minn ħut maqbud minn bastimenti oħra, partikolarment permezz tal-użu tal-plastik, plywood jew xbieki.
2. Il-qabdiet kollha meħuda miż-Żona tal-Konvenzjoni għandhom jiġu stivati separatament mill-qabdiet kollha meħuda barra minn din iż-żona.
Artikolu 15
Ttikkettar tal-ħut iffriżat
Meta jiġi ffriżat, il-ħut kollu maqbud fiż-żona tal-Konvenzjoni għandu jiġi identifikat b’tikketta jew timbru li jistgħu jinqraw b’mod ċar. It-tikketta jew it-timbru għandhom jitqiegħdu fuq kull kaxxa jew blokka ta' ħut iffriżat fil-ħin tal-istivar u, għandhom jindikaw l-ispeċi, id-data tal-produzzjoni, is-subżona u d-diviżjoni tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) li fiha nqabad il-ħut, u l-bastiment li qabdu.
KAPITOLU III
SPEZZJONIJIET FUQ IL-BAĦAR
Artikolu 16
Spetturi tan-NEAFC
1. L-Istati Membri li l-bastimenti tas-sajd tagħhom huma awtorizzati li jistadu fiż-Żona Regolatorja għandhom jassenjaw spetturi għall-Iskema sabiex iwettqu sorveljanza u spezzjoni (“Spetturi tan-NEAFC”).
2. L-Istati Membri għandhom joħorġu dokument speċjali tal-identità lil kull spettur tan- NEAFC. L-għamla ta' dan id-dokument speċjali ta' identità għandha tkun stabbilita f’konformità mal-Artikolu 50(2).
3. Kull spettur tan-NEAFC għandu jġorr u juri dan id-dokument speċjali tal-identità meta jimbarka fuq bastiment tas-sajd.
Artikolu 17
Dispożizzjonijiet ġenerali għall-ispezzjoni u għas-sorveljanza
1. Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha tikkoordina l-attivitajiet ta' sorveljanza u spezzjoni għall-Unjoni u kull sena għandha tħejji, flimkien mal-Istati Membri kkonċernati, pjan ta' mobilitazzjoni konġunta għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-Iskema matul is-sena ta' wara. Il-pjan ta' mobilitazzjoni għandu, inter alia, jiddetermina l-għadd ta' spezzjonijiet li għandhom isiru.
Meta, fi kwalunkwe ħin, ikun hemm iktar minn għaxar bastimenti tas-sajd tal-UE involuti f’attivitajiet tas-sajd imwettqa fir-rigward ta' riżorsi regolati tal-ħut fiż-Żona Regolatorja, il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha tiżgura li bastiment ta' spezzjoni ta' Stat Membru jkun preżenti matul dak il-ħin fiż-Żona Regolatorja jew li jkun ġie konkluż ftehim ma' Parti Kontraenti oħra li jiżgura l-preżenza ta' bastiment ta' spezzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispezzjonijiet mill-ispetturi tan-NEAFC tagħhom isiru b’mod mhux diskriminatorju u f’konformità mal-Iskema. L-għadd ta' spezzjonijiet għandu jkun abbażi tad-daqs, b’konsiderazzjoni għall-ħin li l-bastimenti tas-sajd jqattgħu fiż-Żona Regolatorja.
3. Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha tfittex li tiżgura, permezz ta' tqassim ekwu tal-ispezzjonijiet, trattament ugwali tal-Partijiet Kontraenti kollha mal-bastimenti li joperaw fiż-Żona Regolatorja permezz ta' tqassim ġust ta' spezzjonijiet.
4. L-Istati Membri għandhom jieħdu passi sabiex jiżguraw li l-ispetturi tan-NEAFC minn Partijiet Kontraenti oħrajn jitħallew iwettqu spezzjonijiet abbord bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.
5. L-ispetturi tan-NEAFC għandhom jevitaw l-użu tal-forza, għajr fil-każ ta' difiża leġittima. Meta jkunu qegħdin iwettqu spezzjonijiet abbord bastimenti tas-sajd, l-ispetturi tan-NEAFC m’għandhomx iġorru armi tan-nar. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward il-projbizzjoni tal-użu tal-forza.
6. L-ispetturi tan-NEAFC għandhom jevitaw li joħolqu kwalunkwe inkonvenjenza lill-bastiment tas-sajd jew li jinterferixxu fl-attivitajiet tiegħu u l-qabda miżmuma abbord, ħlief meta u sal-punt meħtieġ biex iwettqu dmirijiethom.
Artikolu 18
Mezzi biex titwettaq spezzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-ispetturi tan-NEAFC tagħhom il-mezzi adegwati biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti ta' sorveljanza u ta' spezzjoni tagħhom. Għal dan l-iskop, huma għandhom jassenjaw bastimenti u inġenji tal-ajru għall-Iskema.
2. Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha tibgħat lis-Segretarju tan-NEAFC qabel l-1 ta' Jannar kull sena, id-dettalji tal-pjan flimkien mal-ismijiet tal-ispetturi tan-NEAFC u tal-bastimenti speċjali ta' spezzjoni, kif ukoll it-tipi ta' inġenji tal-ajru u d-dettalji tal-identifikazzjoni tagħhom (in-numru ta' reġistrazzjoni, l-isem, is-sinjal tar-radju) li l-Istati Membri jassenjaw għall-Iskema matul dik is-sena. Fejn ikun xieraq, din l-informazzjoni għandha tittieħed mil-lista ta' spetturi msemmija fl-Artikolu 79(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. L-Istati Membri għandhom jibagħtu t-tibdil għal din il-lista lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha, li min-naħa tagħha għandha tgħaddihom lis-Segretarju tan-NEAFC u lill-Istati Membri l-oħra xahar qabel ma l-bidliet ikollhom jidħlu fis-seħħ.
3. Kwalunkwe bastiment assenjat għall-Iskema u li jġorr spetturi tan-NEAFC, kif ukoll l-inġenju għat-tlugħ abbord, mobilizzat minn dak il-bastiment, għandu juri s-sinjal speċjali ta' spezzjoni tan-NEAFC, sabiex jindika li l-ispetturi tan-NEAFC abbord jistgħu iwettqu dmirijiet ta' spezzjoni f’konformità mal-Iskema. Inġenji tal-ajru assenjati mal-Iskema juru b’mod ċar il-kodiċi tagħhom tar-radju. Il-forma tal-kodiċi speċjali għandha tiġi ddeterminata f’konformità mal-Artikolu 50(2).
4. Għal kull bastimenti u jew inġenji tal-ajru ta' spezzjoni tal-Unjoni assenjat għall-Iskema, il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha żżomm reġistru tad-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tad-dmirijiet tagħhom taħt l-Iskema kif stipulat fil-forma ddeterminata f’konformità mal-Artikolu 50(2).
Artikolu 19
Proċedura ta' sorveljanza
1. Is-sorveljanza għandha tkun ibbażata fuq avvistamenti tal-bastimenti tas-sajd mill-ispetturi tan-NEAFC minn bastiment jew minn inġenji tal-ajru assenjati għall-Iskema. L-ispetturi tan-NEAFC għandhom iressqu kopja ta' kull rapport ta' avvistament għal kull bastiment mingħajr dewmien permezz ta' trażmissjoni elettronika, fil-forma stabbilita f’konformità mal-Artikolu 50(2) lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment ikkonċernat, lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC. Kopja fiżika ta' kull rapport ta' avvistament u kwalunkwe ritratt għandhom jitressqu, fuq talba lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment ikkonċernat.
2. L-ispetturi tan-NEAFC għandhom jirreġistraw l-avvistamenti f’rapport ta' sorveljanza permezz ta' formola stabbilita f’konformità mal-Artikolu 50(2).
Artikolu 20
Proċedura ta' spezzjoni
1. L-ispetturi tan-NEAFC m’għandhom jimbarkaw ebda bastiment tas-sajd mingħajr ma jkun ġie trażmess avviż minn qabel bir-radju lil dak il-bastiment jew mingħajr ma dak il-bastiment ikun ingħata s-sinjal xieraq permezz tas-Sinjal tal-Kodiċi Internazzjonali, inkluż l-identità tal-pjattaforma ta' spezzjoni; madankollu, m’għandux ikun meħtieġ li jkun hemm għarfien tal-wasla ta' tali avviż.
2. L-ispetturi tan-NEAFC għandhom ikunu awtorizzati illi jeżaminaw iż-żoni, il-gverti u l-kmamar kollha rilevanti tal-bastiment tas-sajd, il-qabdiet (sewwa jekk ipproċessati u sewwa jekk le), ix-xbieki u rkaptu ieħor, it-tagħmir u d-dokumenti kollha rilevanti meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-osservanza mal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' mmaniġġar adottati min-NEAFC u li jagħmlu mistoqsijiet lill-kaptan jew lill-persuna ddeżinjata minnu.
3. Il-bastiment tas-sajd li jkun se jiġi imbarkat ma għandux ikollu għalfejn jieqaf jew jimmanuvra jekk ikun qiegħed jistad, ikala jew jerfa’ l-qabda. L-ispetturi tan-NEAFC jistgħu jordnaw l-interruzzjoni jew l-ittardjar fl-irfih tal-irkaptu tas-sajd sakemm ikunu imbarkaw il-bastiment iżda fi kwalunkwe każ ma jistgħux jagħmlu dan iktar minn 30 minuta wara li l-bastiment tas-sajd ikun irċieva s-sinjal imsemmi fil-paragrafu 1.
4. L-kaptani tal-pjattaformi ta' spezzjoni għandhom jiżguraw li jimmanuvraw f’distanza sikura mill-bastimenti tas-sajd skont prinċipji tajba tat-tbaħħir.
5. L-ispetturi tan-NEAFC jistgħu jagħtu struzzjonijiet lil bastiment tas-sajd biex jittardja d-dħul tiegħu fiż-Żona Regolatorja, jew il-ħruġ minnha għal massimu ta' sitt sigħat mill-ħin tat-trażmissjoni mill-bastiment tas-sajd tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 9(1)(a) u (c).
6. L-ispezzjoni m’għandhiex tieħu aktar minn 4 sigħat, jew il-ħin meħtieġ biextintrefa’ x-xibka u jiġu spezzjonati x-xibka u l-qabda, skont liema ddum l-aktar. Fil-każ li jinsab xi ksur, l-ispetturi tan-NEAFC jistgħu jibqgħu abbord għall-perjodu taż-żmien meħtieġ sabiex jitlestew il-miżuri pprovduti fl-Artikolu 29(1)(b).
7. Iżda, f’ċirkostanzi speċjali, marbuta mad-daqs tal-bastiment tas-sajd u l-kwantitajiet ta' ħut miżmuma abbord, it-tul taż-żmien ta' spezzjonati jista’ jaqbeż il-perjodi taż-żmien stipulati fil-paragrafu 6. F’sitwazzjoni bħal din, l-ispetturi tan-NEAFC ma għandhom fl-ebda cirkustanza jibqgħu abbord il-bastiment tas-sajd aktar mill-ħin meħtieġ biex itemmu l-ispezzjoni tagħhom. Ir-raġunijiet għall-qbiż tal-limitu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 6 għandhom ikunu rreġistrati fir-rapport ta' spezzjoni msemmi fil-paragrafu 9.
8. M’għandhomx jitilgħu aktar minn żewġ spetturi tan-NEAFC assenjati minn xi Stati Membru abbord bastiment tas-sajd ta' Parti Kontraenti oħra. Huma u jwettqu l-ispezzjoni tagħhom, l-ispetturi tan-NEAFC jistgħu jitolbu lill-kaptan għal kwalunkwe għajnuna li jistgħu jeħtieġu. L-ispetturi tan-NEAFC m’għandhomx jindaħlu mal-kapaċità tal-kaptan li jikkomunika mal-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera matul it-tlugħ abbord u l-ispezzjoni.
9. Kull spezzjoni għandha tkun iddokumentata permezz tal-ikkompletar ta' rapport ta' spezzjoni fil-format stabbilit f’konformità mal-Artikolu 50(2). Il-kaptan jista’ jżid il-kummenti tiegħu fuq ir-rapport ta' spezzjoni li għandu jiġi ffirmat mill-ispetturi fi tmiem l-ispezzjoni. Għandha tingħata kopja tar-rapport ta' spezzjoni lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd. Kopja ta' kull rapport ta' spezzjoni għandha tiġi trażmessa mingħajr dewmien lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat u lill-Kummissjoni, jew lill-entità nnominata minnha. Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha tibagħt il-kopja minnufih lis-Segretarju tan-NEAFC. L-oriġinal jew kopja ċċertifikata ta' kull rapport ta' spezzjoni għandu jintbagħat fuq talba lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat.
Artikolu 21
Obbligu tal-kaptan tal-bastimenti matul il-proċedura ta' spezzjoni
Il-kaptan ta' basiment tas-sajd għandu:
(a) |
jiffaċilita l-imbark u l-iżbark, minnufih u b’mod sikur, skont l-ispeċifikazzjonijiet adottati f’konformità mal-Artikolu 50(2); |
(b) |
jikkoopera ma' u jgħin fl-ispezzjoni tal-bastiment tas-sajd magħmul skont dan ir-Regolament, u ma għandux ifixkel, jintimida jew jindaħal fix-xogħol tal-ispetturi tan-NEAFC fit-twettiq ta' dmirijiethom u għandu jiżgura s-sikurezza tagħhom; |
(c) |
jippermetti li l-ispetturi tan-NEAFC jikkomunikaw mal-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera u mal-Istat tal-ispezzjoni; |
(d) |
jipprovdi aċċess għal kwalunkwe żona, gverta u kamra tal-bastiment, qabda (ipproċessata jew le), xibka u rkaptu ieħor, tagħmir, u għal kwalunkwe tagħrif jew dokumenti li l-ispetturi tan-NEAFC iqisu li jkunu meħtieġa skont l-Artikolu 20(2); |
(e) |
jipprovdi kopji tad-dokumenti kif meħtieġ mill-ispetturi tan-NEAFC; and |
(f) |
jipprovdi lill-ispetturi tan-NEAFC b’faċilitajiet raġjonevoli, inklużi, fejn xieraq, ikel u akkommodazzjoni meta jibqgħu abbord il-bastiment skont l-Artikolu 32(3). |
KAPITOLU IV
KONTROLL MILL-ISTAT TAL-PORT TA' BASTIMENTI TAS-SAJD LI JTAJRU L-BANDIERA TA' PARTI KONTRAENTI OĦRA
Artikolu 22
Kamp ta' applikazzjoni
Bla ħsara għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (10), id-dispożizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għall-ħatt l-art jew it-trażbord fil-portijiet tal-Istati Membri fir-rigward ta' riżorsi tal-ħut iffriżat wara li jkunu nqabdu fiż-żona tal-Konvenzjoni NEAFC minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Parti Kontraenti oħra.
Artikolu 23
Portijiet deżinjati
L-Istati Membri għandhom jagħżlu u jinnotifikaw lill-Kummissjoni portijiet fejn il-ħatt l-art jew it-trażbord ta' riżorsi tal-ħut iffriżati wara li jkunu nqabdu fiż-Zona tal-Konvenzjoni minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Parti Kontraenti oħra jkunu permessi. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lis-Segretarju tan-NEAFC dwar dawn il-portijiet u bi kwalunkwe tibdil li jsir fil-lista ta' portijiet deżinjati għallinqas ħmistax-il jum qabel ma jidħol fis-seħħ it-tibdil.
Il-ħatt l-art u t-trażbord ta' ħut iffriżat wara li jkun inqabad fiż-żona tal-Konvenzjoni minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Parti Kontraenti oħra għandhom jitħallew jidħlu biss f’portijiet iddeżinjati.
Artikolu 24
Notifika minn qabel dwar id-dħul fil-port
1. F’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, meta l-kaptan ta' bastiment tas-sajd li jkun qed iġorr ħut imsemmi fl-Artikolu 22 ta' dan ir-Regolament, ikun biħsiebu jidħol f’port biex iħott jew jittrażborda l-ħut, il-kaptan tal-bastiment, jew ir-rappreżentant tiegħu, għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port li jixtieq juża mhux aktar tard minn tlett ijiem ta' xogħol qabel il-ħin stmat tal-wasla.
Madankollu, Stat Membru jista’ jipprovdi għal perjodu ieħor ta' notifika, filwaqt li jqis, b’mod partikolari, id-distanza bejn iż-żoni tas-sajd u l-portijiet tiegħu. F’każ bħal dan, l-Istat Membru għandu, mingħajr dewmien, jinforma b’dan lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC.
2. Il-kaptani jew ir-rappreżentanti tagħhom jistgħu jħassru notifika minn qabel billi jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-port li jixtiequ jużaw għallinqas 24 siegħa qabel il-ħin stmat tal-wasla f’dak il-port. In-notifika għandha jkollha magħha kopja tal-formola tan-notifika oriġinali bil-kelma “IMĦASSRA” miktuba minn naħa sa oħra tagħha.
Madankollu, Stat Membru jista’ jipprovdi għal perjodu ta' notifika ieħor għat-tħassir. F’każ bħal dan, l-Istat Membru għandu, mingħajr dewmien, jinforma b’dan lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC.
3. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port għandu jibgħat kopja tan-notifika msemmija fil-paragrafi 1 u 2 mingħajr dewmien lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd, u lill-Istat(i) tal-bandiera tal-bastimenti donaturi meta l-bastiment tas-sajd kien involut f’operazzjonijiet ta' trażbord. Kopja tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2 għandha tintbagħat ukoll mingħajr dewmien lis-Segretarju tan-NEAFC.
4. Il-format u l-ispeċifikazzjonijiet tan-notifiki għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 50(2).
Safejn meħtieġ, regoli dettaljati ulterjuri dwar il-proċeduri ta' notifika u ta' kanċellazzjoni fil-qafas ta' dan l-Artikolu, inklużi perjodi, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 46 sa 49.
Artikolu 25
Awtorizzazzjoni għall-ħatt l-art u t-trażbord
1. L-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd li jkun beħsiebu jħott l-art jew jittrażborda, jew fejn il-bastiment tas-sajd kien involut f’operazzjonijiet tat-trażbord barra l-ilmijiet tal-UE, l-Istat tal-bandiera jew l-Istati tal-bastimenti donaturi, għandhom, billi jirritornaw kopja tan-notifika minn qabel imsemmija fl-Artikolu 24 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port, jikkonfermaw li:
(a) |
il-bastiment tas-sajd li ddikjara li qabad il-ħut kellu kwota suffiċjenti għall-ispeċijiet iddikjarati; |
(b) |
il-kwantitajiet ta' ħut abbord ġew rappurtati u tqiesu kif suppost għall-kalkolu ta' kwalunkwe limitazzjoni tal-qbid jew tal-isforz li jista’ jkun applikabbli; |
(c) |
il-bastiment tas-sajd li ddikjara li qabad il-ħut kellu l-awtorizzazzjoni li jistad fiż-żoni ddikjarati; |
(d) |
il-preżenza tal-bastiment tas-sajd fiż-żona tal-qabda ddikjarata ġiet ivverifikata skont id-data VMS. |
2. L-operazzjonijiet ta' ħatt l-art jew trażbord jistgħu jibdew biss wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port. Tali awtorizzazzjoni għandha tingħata biss jekk tkun waslet il-konferma mill-Istat tal-bandiera, kif jissemma fil-paragrafu 1.
3. B’deroga mill-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port jistgħu jawtorizzaw l-ħatt l-art kollu jew parti minnu fl-assenza tal-konferma msemmija fil-paragrafu 1 iżda f’każijiet bħal dawn iżommu l-ħut ikkonċernat maħżun taħt il-kontroll tagħhom. Il-ħut jista’ jiġi biss irrilaxxat għall-bejgħ, għall-għoti jew għat-trasport ladarba tkun waslet il-konferma msemmija fil-paragrafu 1. Jekk il-konferma ma tasalx fi żmien 14-il jum wara l-ħatt l-art, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port jistgħu jikkonfiskaw u jiddisponu mill-ħut skont ir-regoli nazzjonali.
4. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien lill-kaptan dwar id-deċiżjoni tagħhom li jawtorizzaw jew le il-ħatt l-art jew it-trażbord u għandhom jinfurmaw b’dan lis-Segretarju tan-NEAFC.
5. Regoli dettaljati dwar l-awtorizzazzjoni għall-ħatt l-art jew it-trażbord skont dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura stipulata fl-Artikoli 46 sa 49.
Artikolu 26
Spezzjonijiet tal-Port
1. Kull Stat Membru għandu jwettaq spezzjonijiet fuq mhux inqas minn 15 % tal-kwantitajiet li jinħattu jew li jiġu ttrażbordati fil-portijiet tiegħu matul kull sena ta' rappurtar.
2. L-ispezzjonijiet għandhom jinvolvu l-monitoraġġ tal-iskariku kollu jew tat-trażbord u għandhom jinkludu kontroverifiki bejn il-kwantitajiet irreġistrati skont l-ispeċi fin-notifika preċedenti tal-ħatt l-art u l-kwantitajiet li jinħattu l-art jew li jiġu ttrażbordati, skont l-ispeċi. Meta l-ħatt jew it-trażbord ikun tlesta, l-ispettur għandu jivverifika u jinnota l-kwantitajiet ta' ħut, skont l-ispeċi, li jibqgħu abbord.
3. L-ispetturi nazzjonali għandhom jagħmlu l-isforzi kollha possibbli sabiex jevitaw illi bastiment idewmuh iżżejjed u jiżguraw li l-bastiment ibati l-minimu ta' interferenza u inkonvenjenza u li tiġi evitata d-degradazzjoni tal-kwalità tal-ħut.
4. L-Istat Membru tal-port jista’ jistieden spetturi minn Partijiet Kontraenti oħra sabiex jakkumpanjaw l-ispetturi tagħhom u josservaw l-ispezzjoni tal-operazzjonijiet tal-ħatt jew tat-trażbord tar-riżorsi tas-sajd maqbuda minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Parti Kontraenti oħra.
Artikolu 27
Rapporti tal-ispezzjoni
1. Kull spezzjoni għandha tkun iddokumentata permezz tal-ikkompletar ta' rapport ta' spezzjoni permezz tal-formola stabbilita f’konformità mal-Artikolu 50(2).
2. Il-kaptan jista’ jżid il-kummenti tiegħu mar-rapport ta' spezzjoni li għandu jiġi ffirmat mill-ispettur u mill-kaptan fi tmiem l-ispezzjoni. Għandha tingħata kopja tar-rapport ta' spezzjoni lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd.
3. Kopja ta' kull rapport ta' spezzjoni għandha tintbagħat mingħajr dewmien lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd spezzjonat, lill-Istat(i) tal-bandiera tal-bastimenti donaturi fejn il-bastiment kien involut f’operazzjonijiet ta' trażbord, lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC. L-oriġinal jew kopja ċċertifikata ta' kull rapport ta' spezzjoni għandu jintbagħat fuq talba lill-Istat tal-Bandiera tal-bastiment spezzjonat.
KAPITOLU V
KSUR
Artikolu 28
Kamp ta' applikazzjoni
Bla ħsara għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u għar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, id-dispożizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għal bastimenti tas-sajd tal-UE u għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Parti Kontraenti oħra użati, jew li hemm ħsieb li jintużaw f’attivitajiet ta' sajd imwettqa fir-rigward ta' riżorsi tas-sajd fiż-Żona Regolatorja.
Artikolu 29
Proċeduri ta' ksur
1. Meta l-ispetturi jsibu li hemm bażijiet ċari sabiex jemmnu illi bastiment tas-sajd inqabad f’attività kuntrarja għall-miżuri ta' konservazzjoni u ta' mmaniġġar adottati min-NEAFC, huma għandhom:
(a) |
jirrekordjaw il-ksur fir-rapport imsemmi fl-Artikoli 19(2), 20(9) jew 27; |
(b) |
jieħdu l-miżuri kolha meħtieġa sabiex jiżguraw is-sigurtà u l-kontinwità tal-evidenza. Għandha tiġi mwaħħla fis-sod marka ta' identifikazzjoni ma' kull parti tal-irkaptu tas-sajd illi tidher waqt l-ispezzjoni li tmur jew li marret kontra l-miżuri applikabbli; |
(c) |
jippruvaw immedjatament jikkomunikaw ma' spettur jew mal-awtorità ddeżinjata tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd spezzjonat; |
(d) |
jittrażmettu r-rapport ta' spezzjoni minnufih lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha. |
2. L-Istat Membru li jwettaq l-ispezzjoni għandu jikkomunika bil-miktub id-dettalji tal-ksur lill-awtorità nnominata tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat u lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha u, kull meta jkun possibbli, għandu jagħmel dan matul l-ewwel jum tax-xogħol wara l-bidu tal-ispezzjoni.
3. L-Istat Membru li jwettaq l-ispezzjoni għandu jibgħat mingħajr dewmien l-oriġinali tar-rapport ta' sorveljanza jew ta' spezzjoni flimkien mad-dokumenti ta' appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat, kif ukoll kopja lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha, li mbagħad tgħaddi kopja lis-Segretarju tan-NEAFC.
Artikolu 30
Azzjoni ta' segwitu fil-każ ta' ksur
1. Meta Stat Membru jiġi mgħarraf minn Parti Kontraenti oħra jew minn Stat Membru ieħor dwar ksur minn bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu, dan l-Istat għandu jieħu azzjoni fil-pront skont il-liġijiet nazzjonali tiegħu billi jikseb u jeżamina l-evidenza u jissokta bl-investigazzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa sabiex tittieħed azzjoni ta' segwitu għall-ksur u, kulfejn possibbli, jispezzjona l-bastiment tas-sajd ikkonċernat.
2. L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet kompetenti li għandhom jirċievu l-evidenza dwar il-ksur u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha dwar l-indirizz ta' dawk l-awtoritajiet u bi kwalunkwe bidla f’din l-informazzjoni. Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha sussegwentament għandha tgħaddi l-informazzjoni lis-Segretarju tan-NEAFC.
Artikolu 31
Ksur serju
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-tipi ta' ksur li ġejjin għandhom jitqiesu bħala serji:
(a) |
sajd mingħajr awtorizzazzjoni valida maħruġa mill-Istat tal-bandiera; |
(b) |
sajd mingħajr kwota jew wara li din tkun ġiet eżawrita; |
(c) |
l-użu ta' rkaptu pprojbit tas-sajd; |
(d) |
nuqqasijiet serji fir-reġistrazzjoni tal-qabdiet tal-ħut; |
(e) |
nuqqasijiet ripetuti ta' konformità mal-Artikoli 9 jew 11; |
(f) |
ħatt l-art jew trażbord f’port mhux iddeżinjat f’konformità mal-Artikolu 23; |
(g) |
nuqqas ta' konformità mal-Artikolu 24; |
(h) |
ħatt jew trażbord mingħajr awtorizzazzjoni tal-Istat tal-port kif imsemmi fl-Artikolu 25; |
(i) |
żamma ta' spettur mit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu; |
(j) |
sajd dirett għal stokk li huwa suġġett għal moratorju jew li s-sajd tiegħu huwa pprojbit; |
(k) |
falsifikazzjoni jew ħabi tal-marki, tal-identità jew tar-reġistrazzjoni ta' bastiment tas-sajd; |
(l) |
il-ħabi, tbagħbis jew twarrib ta' evidenza li jkollha x’taqsam ma' investigazzjoni; |
(m) |
vjolazzjonijiet multipli li flimkien jikkostitwixxu indifferenza serja tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni; |
(n) |
involviment f’operazzjonijiet ta' trażbord jew ta' sajd konġunt ma' bastimenti ta' Partijiet mhux Kontraenti li ma jkunux ingħataw l-istatus ta' Parti Mhux Kontraenti li tikkoopera min-NEAFC; |
(o) |
ifornu provvisti, karburant jew servizzi oħra lil bastimenti li jkunu tqiegħdu fuq il-listi msemmija fl-Artikolu 44. |
Artikolu 32
Azzjoni ta' segwitu f’każijiet ta' ksur serju
1. Jekk spettur iqis li jeżistu raġunijiet ċari biex wieħed jemmen li bastiment tas-sajd wettaq ksur serja skont l-Artikolu 31, dak l-ispettur għandu jinnotifika minnufih dik l-ksur lill-Kummissjoni, inkella lill-entità nnominata minnha, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd spezzjonat u lill-Istat(i) tal-bandiera ta' bastimenti donaturi fejn il-bastiment spezzjonat kien involut f’operazzjonijiet ta' trażbord, skont l-Artikolu 29(3), u għandu wkoll jittrażmetti kopja lis-Segretarju tan-NEAFC.
2. Sabiex ma titħassarx l-evidenza, l-ispetturi għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura s-sigurtà u l-kontinwità tagħha filwaqt li jimminimizza l-inkonvenzjenza lill-bastiment u l-interferenza fix-xogħol tiegħu.
3. L-ispettur għandu jkun intitolat jibqa’ abbord il-bastiment tas-sajd għall-perjodu meħtieġ sabiex jipprovdi inforamzzjoni dwar il-ksur lill-ispettur awtorizzat kif xieraq, imsemmi fl-Artikolu 33, jew sakemm jirċievi tweġiba mill-Istat tal-bandiera tal-bastiment li jitlob lill-ispettur biex jitlaq minn fuq il-bastiment tas-sajd.
Artikolu 33
Azzjoni ta' segwitu f’każijiet ta' ksur serju minn bastiment tas-sajd tal-UE
1. L-Istati Membri tal-Bandiera għandhom jirrispondu għan-notifika msemmija fl-Artikolu 32(1) mingħajr dewmien u għandhom jiżguraw li l-bastiment tas-sajd ikkonċernat jiġi spezzjonat fi żmien 72 siegħa minn spettur awtorizzat kif jixraq f’dak li jirrigwarda l-ksur. L-ispettur awtorizzat kif xieraq għandu jitla’ abbord il-bastiment involut u jeżamina l-evidenza tal-ksur suspettat, stabbilita minn spettur, u jibgħat mill-aktar fis ir-riżultati tal-eżami lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru u lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha.
2. Wara n-notifika tar-riżultati tal-eżami msemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri tal-bandiera għandhom, jekk l-evidenza titlob hekk, jesiġu li l-bastiment tas-sajd jipproċedi immedjatament, u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa, f’port iddeżinjat minn dak l-Istat Membru tal-bandiera, għal spezzjoni bir-reqqa taħt l-awtorità tagħha.
3. L-Istat Membru tal-bandiera jista’ jawtorizza lill-Istat Membru li jispezzjona sabiex idaħħal il-bastiment tas-sajd mingħajr dewmien f’port magħżul mill-Istat Membru tal-bandiera.
4. Jekk il-bastiment tas-sajd ma jissejjaħx biex jidħol fil-port, l-Istati Membri tal-bandiera għandhom jipprovdu ġustifikazzjoni xierqa mingħajr dewmien żejjed lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha u lill-Istat li jispezzjona. Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha tgħaddi din il-ġustifikazzjoni lis-Segretarju tan-NEAFC.
5. Meta bastiment huwa meħtieġ li jipproċedi f’port għal spezzjoni bir-reqqa skont il-paragrafi 2 jew 3, spettur tan-NEAFC minn Parti Kontraenti oħra jista’, bil-kunsens tal-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd, jimbarka u jibqa’ abbord il-bastiment tas-sajd hekk kif ikun qed jipproċedi lejn port, u jista’ jkun preżenti waqt l-ispezzjoni tal-bastiment tas-sajd fil-port.
6. L-Istati Membri tal-bandiera għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha dwar ir-riżultat tal-ispezzjoni bir-reqqa u l-miżuri li jkunu ħadu bħala riżultat tal-ksur.
7. Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 50(2).
Artikolu 34
Rappurtar u azzjoni ta' segwitu għall-każijiet ta' ksur
1. Sal-15 ta' Frar kull sena, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha dwar l-istatus tal-proċedimenti rigward każijiet ta' ksur tal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' mmaniġġar adottati min-NEAFC li seħħew matul is-sena kalendarja preċedenti. Il-każijiet ta' ksur għandhom jibqgħu jiġu elenkati fuq kull rapport sussegwenti sakemm il-proċediment jiġi konkluż f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġijiet nazzjonali. Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha tgħaddi dawn ir-rapporti lis-Segretarju tan-NEAFC qabel l-1 ta' Marzu tal-istess sena.
2. Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jindika l-istatus attwali tal-proċedimenti u b’mod partikolari jekk il-każ hux pendenti, qed jiġi appellat jew għadu qed jiġi investigat. Ir-rapport għandu jiddeskrivi kwalunkwe sanzjoni imposta f’termini speċifiċi, u jispeċifika b’mod partikolari il-livell tal-multi, il-valur tal-ħut u/jew tal-irkaptu kkonfiskat u kwalunkwe twissija bil-miktub li ngħatat u, jekk ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni, huwa għandu jiddikjara r-raġunijiet ta' dan.
Artikolu 35
Trattament tar-rapporti ta' spezzjoni
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 77 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri għandhom jikkollaboraw flimkien u ma' Partijiet Kontraenti oħrajn sabiex jiffaċilitaw il-proċeduri ġudizzjarji jew oħrajn, li joħorġu minn rapport ippreżentat minn spettur taħt l-Iskema, soġġett għar-regoli li jirregolaw l-ammissibbiltà tal-provi fis-sistemi nazzjonali, ġudizzjarji jew oħrajn.
Artikolu 36
Rapporti dwar l-attivitajiet ta' sorveljanza u spezzjoni
1. Kull Stat Membru għandu jirrappurta lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha, sal-15 ta' Frar kull sena għas-sena kalendarja ta' qabel dwar:
(a) |
l-għadd ta' spezzjonijiet imwettqa minnu skont l-Artikoli 19, 20 u 26 fejn jiġi speċifikat l-għadd ta' spezzjonijiet fuq il-bastimenti ta' kull Parti Kontraenti u, fejn tkun saret kontravvenzjoni, id-data u l-pożizzjoni tal-ispezzjoni tal-bastiment involut u n-natura tal-ksur; |
(b) |
l-għadd ta' sigħat fl-ajru u l-għadd ta' jiem fuq il-baħar minn operazzjonijiet tal-għassa tan-NEAFC, l-għadd ta' avvistamenti kemm ta' bastimenti ta' Partijiet Kontraenti kif ukoll ta' bastimenti ta' Partijiet mhux Kontraenti, u lista ta' bastimenti individwali li għalihom ġie kkompletat rapport ta' sorveljanza. |
2. Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha tiġbor rapport tal-Unjoni abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri. Gћandha tibgћat ir-rapport Komunitarju lis-Segretarju tan-NEAFC sal-1 ta' Marzu kull sena.
KAPITOLU VI
MIŻURI GĦALL-PROMOZZJONI TAL-KONFORMITÀ MINN BASTIMENTI TAS-SAJD TA' PARTIJIET MHUX KONTRAENTI
Artikolu 37
Kamp ta' applikazzjoni
1. Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd ta' Partijiet mhux Kontraenti, użati jew li hemm ħsieb li jintużaw f’attivitajiet ta' sajd imwettqa fir-rigward ta' riżorsi tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni.
2. Dan il-Kapitolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolament (KE) Nru 1005/2008.
Artikolu 38
Avvistamenti u identifikazzjonijiet ta' bastimenti ta' Partijiet mhux Kontraenti
1. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu mingħajr dewmien lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha, kwalunkwe informazzjoni rigward bastimenti ta' Partijiet Mhux Kontraenti avvistati jew identifikati bi kwalunkwe mezz ieħor bħala involuti f’attivitajiet tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni. Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha tinforma minnufih lis-Segretarju tan-NEAFC u lill-Istati Membri l-oħra kollha dwar kull rapport ta' avvistament li tirċievi.
2. L-Istat Membru li jkun avvista l-bastiment ta' Parti mhux Kontraenti għandu jipprova jinforma minnufih lil dan il-bastiment dwar l-avvistament jew l-identifikazzjoni b’xi mezz ieħor tal-involviment tiegħu f’attivitajiet ta' sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni u b’konsegwenza jitqies, ħlief jekk l-Istat tal-bandiera tiegħu ma jkunx ingħata l-istatus ta' Parti mhux Kontraenti li tikkoopera min-NEAFC, li qiegħed jimmina l-miżuri ta' konservazzjoni u mmaniġġar tan-NEAFC.
3. Fil-każ ta' bastiment ta' Parti mhux Kontraenti avvistat jew identifikat b’xi mezz ieħor bħala involut f’attivitajiet ta' trażbord, il-preżunzjoni li qed jimmina l-miżuri ta' konservazzjoni u mmaniġġar tan-NEAFC għandha tapplika għal kwalunkwe bastiment ieħor ta' Parti Mhux Kontraenti li jkun ġie identifikat bħala involut f’attivitajiet tali ma' dak il-bastiment.
Artikolu 39
Spezzjonijiet fuq il-baħar
1. L-ispetturi tan-NEAFC għandhom jitolbu permess biex jitilgħu abbord u jispezzjonaw bastimenti ta' Partijiet mhux Kontraenti avvistati jew identifikati bi kwalunkwe mezz ieħor bħala involuti f’attivitajiet tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni. Jekk il-kaptan jagħtihom kunsens biex jitilgħu abbord u jispezzjonaw il-bastiment, l-ispezzjoni għandha tiġi ddokumentata billi jiġi kkompletat rapport ta' spezzjoni kif jissemma fl-Artikolu 20(9).
2. L-ispetturi tan-NEAFC għandhom jittrażmettu kopja tar-rapport ta' spezzjoni mingħajr dewmien lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha, lis-Segretarju tan-NEAFC u lill-kaptan tal-bastiment ta' Parti mhux Kontraenti. Fejn l-evidenza f’dak ir-rapport hekk titlob, l-Istat Membru jista’ jieħu tali azzjoni kif xieraq skont il-liġi internazzjonali. L-Istati Membri huma mħeġġa jeżaminaw kemm ikunu xierqa l-miżuri domestiċi biex jeżerċitaw il-ġuridisdizzjoni fuq bastimenti bħal dawn.
3. Jekk il-kaptan ma jippermettix it-tlugħ abbord u l-ispezzjoni tal-bastiment tiegħu jew ma jissodisfax xi wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 21(a) sa (d), dan il-bastiment jitqies li kien involut f’attivitajiet ta' sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (“attivitajiet IUU”). L-ispettur tan-NEAFC għandu jinforma lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha dwar dan mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha imbghad tinforma b’dan minnufih lis-Segretarju tan-NEAFC.
Artikolu 40
Dħul fil-port
1. Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd ta' Parti mhux Kontraenti jista’ jidħol biss f’port iddeżinjat skont l-Artikolu 23. Il-kaptan li jkun beħsiebu jidħol f’port ta' Stat Membru għandu jinnotifika lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-port skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24. L-Istat Membru tal-port ikkonċernat għandu jibgħat din l-informazzjoni mingħajr dewmien lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment u lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha. Min-naħa tagħhom, il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha, għandha tibgħat din l-informazzjoni lis-Segretarju tan-NEAFC.
2. L-Istat Membru tal-port għandu jipprojbixxi d-dħul fil-portijiet tiegħu lil bastimenti li ma jkunux taw in-notifika minn qabel tad-dħul ġewwa port kif jissemma fl-Artikolu 24.
Artikolu 41
Spezzjonijiet fil-port
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti kollha ta' Partijiet mhux Kontraenti li jidħlu f’wieħed mill-portijiet tagħhom jiġu spezzjonati. Il-bastiment ma għandux jitħalla jħott jew jittrażborda ħut sakemm titlesta l-ispezzjoni. Kull spezzjoni għandha tiġi ddokumentata billi jimtela rapport tal-ispezzjoni kif stipulat fl-Artikolu 27. Fejn il-kaptan tal-bastiment ikun naqas milli jissodisfa kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 21 (a) sa (d), il-bastiment jiġi preżunt li kien involut f’attivitajiet IUU.
2. Informazzjoni dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet kollha ta' bastimenti ta' Partijiet mhux Kontraenti mwettqa fil-portijiet tal-Istati Membri, u dwar l-azzjoni sussegwenti, għandha tiġi trażmessa minnufih lill-Kummissjoni, jew lill-entità nnominataminnha, li għandha tgħaddi din l-informazzjoni lis-Segretarju tan-NEAFC.
Artikolu 42
Ħatt l-art u trażbord
1. L-operazzjonijiet ta' ħatt l-art jew trażbord jistgħu jibdew biss wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-port.
2. Il-ħatt l-art u t-trażbord minn bastiment ta' Parti mhux Kontraenti, li jkun ġie spezzjonat skont l-Artikolu 41, għandu jiġi pprojbit fil-portijiet u fl-ilmijiet tal-Istati Membri kollha jekk spezzjoni bħal din turi li l-bastiment għandu speċijiet abbord li huma soġġetti għal rakkomandazzjonijiet stabbiliti taħt il-Konvenzjoni, sakemm il-kaptan tal-bastiment ma jipprovdix evidenza sodisfaċenti għall-awtoritajiet kompetenti li biha jipprova li l-ħut inqabad barra ż-Żona Regolatorja jew f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti kollha stabbiliti taħt il-Konvenzjoni.
3. Il-bastiment tas-sajd m’għandux jitħalla jħott jew ikun involut f’operazzjoni tat-trażbord jekk l-Istat tal-bandiera tal-bastiment, jew l-Istat(i) tal-bandiera tal-bastimenti donaturi, fejn il-bastiment kien involut f’operazzjonijiet tat-trażbord ma jipprovdix il-konferma msemmija fl-Artikolu 25.
4. Barra minn hekk, il-ħatt u t-trażbord għandu jkun ipprojbit jekk il-kaptan tal-bastiment ikun naqas milli jonora kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 21 (a) sa (d).
Artikolu 43
Rapporti dwar attivitajiet ta' Partjiet Mhux Kontraenti
1. Kull Stat Membru għandu jirrappurta lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha, sal-15 ta' Frar kull sena għas-sena kalendarja ta' qabel dwar:
(a) |
L-għadd ta' spezzjonijiet ta' bastimenti ta' Partijiet mhux Kontraenti li jwettqu taħt din l-Iskema, fuq il-baħar jew fil-portijiet tagħhom, l-ismijiet tal-bastimenti spezzjonati u l-istati tal-bandiera rispettivi tagħhom, id-dati tal-ispezzjonijiet u l-ismijiet tal-portijiet fejn twettqu l-ispezzjonijiet, u r-riżultati ta' dawn l-ispezzjonijiet; u |
(b) |
meta l-ħut jinħatt jew jiġi ttrażbordat wara spezzjoni f’konformità ma' din l-Iskema, l-evidenza pprovduta skont l-Artikolu 42. |
2. Minbarra r-rapport ta' sorveljanza u l-informazzjoni dwar l-ispezzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu fi kwalunkwe ħin iressqu quddiem il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tista’ tkun rilevanti għall-identifikazzjoni ta' bastimenti ta' Parti Mhux Kontraenti li jistgħu jkunu qed iwettqu attivitajiet IUU fiż-Żona tal-Konvenzjoni.
3. Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni, il-Kummissjoni jew l-entità nnominataminnha għandha tibgħat rapport globali dwar l-attivitajiet tal-Partijiet Mhux Kontraenti lis-Segretarju tan-NEAFC sal-1 ta' Marzu kull sena.
Artikolu 44
Bastimenti involuti f’attivitajiet IUU
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li bastimenti li jidhru fil-lista provviżorja ta' bastimenti involuti f’attivitajiet IUU stabbilita min-NEAFC (il-lista “A”):
(a) |
jiġu spezzjonati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 41 meta jidħlu fil-portijiet tagħhom; |
(b) |
mhumiex awtorizzati jħottu jew jittrażbordaw fil-portijiet tagħhom jew fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom; |
(c) |
ma jingħatawx għajnuna minn bastimenti tas-sajd, bastimenti ta' appoġġ, bastimenti li jfornu l-fjuwil, bastimenti omm u bastimenti tal-merkanzija li jtajru l-bandiera tagħhom, jew jitħallew jipparteċipaw f’xi operazzjoni ta' trażbord jew operazzjonijiet konġunti ta' sajd ma' dawn il-bastimenti; |
(d) |
ma jiġux fornuti bi provvisti, karburant jew servizzi oħra. |
2. Id-dispożizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1(b) u (d) m’għandhom jiġu applikati għall-ebda bastiment li jidher fil-lista “A” meta jkun ġie rrakkomandat lin-NEAFC li l-bastimenti ikkonċernat għandu jitneħħa mil-lista “A”.
CHAPTER VII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 45
Kunfidenzjalità
1. Minbarra l-obbligi stipulati fl-Artikoli 112 u 113 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-trattament konfidenzjali ta' rapporti u messaġġi elettroniċi trażmessi lejn u riċevuti mingħand is-Segretarjat tan-NEAFC skont l-Artikoli 11, 12 u 19(1).
2. Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu determinati f’konformità mal-Artikolu 50(2).
Artikolu 46
Delega ta' setgħat
1. Il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta' atti ddelegati f’konformita mal-Artikolu 47 u soġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 48 u 49 ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 25, kif ukoll il-lista ta' riżorsi tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 10(1) u regoli dettaljati dwar il-proċeduri ta' notifika u ta' kanċellazzjoni, inklużi perjodi, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(4).
2. Meta tadotta atti ddelegati bħal dawn, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 47
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħat li tadotta atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 46 għandhom ikunu konferiti fuq il-Kummissjoni għal perjodu ta' tliet snin mill-1 ta' Jannar 2011. Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport fir-rigward tas-setgħat iddelegati mhux aktar tard minn sitt xhur qabel tmiem il-perjodu ta' tliet snin. Id-delega tas-setgħat għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokawhiex f’konformita mal-Artikolu 48.
2. Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess waqt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
3. Is-setgħat li tadotta atti ddelegati huma konferiti fuq il-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 48 u 49.
Artikolu 48
Revoka tad-delega
1. Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 46 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.
2. L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna biex tiddeċiedi jekk tirrevokax id-delega ta' setgħat għandha tagħmel ħiltha biex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, filwaqt li tindika s-setgħat iddelegati li jistgħu jkunu soġġetti għal revoka u raġunijiet possibbli għal revoka.
3. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Għandha tieħu effett immedjatament jew f’data sussegwenti speċifikata fiha. M’għandhiex taffettwa l-validità ta' atti ddelegati li diġà huma fis-seħħ. Għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 49
Oġġezzjonijiet għal atti ddelegati
1. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att iddelegat fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika.
Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dan il-perjodu jista’ jiġi estiż b’xahrejn.
2. Jekk, malli jiskadi dak il-perjodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkun oġġezzjona għall-att iddelegat, dan għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data stipulata fih.
L-att iddelegat jista’ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel ma jiskadi dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu għarrfu lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.
3. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal att iddelegat, dan m’għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tistqarr ir-raġunijiet għall-oġġezzjoni għall-att iddelegat.
Artikolu 50
Implimentazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn Kumitat ta' Ġestjoni tas-Sajd u l-Akwakultura.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw. Il-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.
Artikolu 51
Proċeduri għall-emendi
Sa fejn huwa meħtieġ, sabiex emendi għad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Iskema li jsiru obbligatorji għall-Unjoni jiġu inkorporati fil-liġi tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ temenda d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament permezz ta' atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 47 u soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 48 u 49, dwar:
(a) |
il-parteċipazzjoni tal-Partijiet Kontraenti fis-sajd fiż-Żona Regolatorja kif imsemmi fl-Artikolu 5; |
(b) |
it-tneħħija u d-disponiment tal-ikraptu fiss u l-irkupru ta' rkaptu mitluf kif imsemmi fl-Artikolu 6 u 7; |
(c) |
l-użu tal-VMS kif imsemmi fl-Artikolu 11; |
(d) |
il-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni ta' informazzjoni lis-Segretarju tan-NEAFC kif jingħad fl-Artikolu 12; |
(e) |
rekwiżiti għall-ħżin separat u t-tikkettar tar-riżorsi tas-sajd iffriżati kif imsemmi fl-Artikoli 14 u 15; |
(f) |
l-assenjazzjoni tal-ispetturi tan-NEAFC kif imsemmi fl-Artikolu 16; |
(g) |
miżuri għall-promozzjoni tal-konformità mal-Iskema minn bastimenti tas-sajd ta' Partijiet mhux Kontraenti taħt l-Kapitolu VI; |
(h) |
il-lista ta' riżorsi regolati stipulata fl-Anness. |
Meta tadotta atti ddelegati bħal dawn, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 52
Revoka
Ir-Regolament (KE) Nru 2791/1999 huwa b’dan irrevokat.
Artikolu 53
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Diċembru 2010.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BUZEK
Għall-Kunsill
Il-President
O. CHASTEL
(1) Opinjoni tas-17 ta' Marzu 2010 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Novembru 2010.
(3) ĠU L 227, 12.8.1981, p. 21.
(5) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.
(6) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(7) ĠU L 337, 30.12.1999, p. 1.
(9) ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1.
(10) ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
ANNESS
RIŻORSI REGOLATI
A) Speċijiet Pelaġiċi u Oċeaniċi
Stokk (isem komuni) |
Kodiċi FAO |
Isem Xjentifiku |
Subżoni u diviżjonijiet tal-ICES |
Redfish |
REB |
Sebastes mentella |
I, II, V, XII, XIV |
Aringi tan-Norveġja li Jorqoq fir-Rebbiegħa (Atlanto Scandian) |
HER |
Clupea harengus |
I, II |
Stokkafixx |
WHB |
Micromesistius poutassou |
IIa, IVa, Vb, VI, VII, XII, XIV |
Kavalli |
MAC |
Scomber scombrus |
IIa, IV, V, VI, VII, XII |
Haddock |
HAD |
Melanogrammus aeglefinus |
VIb |
B) Speċijiet tal-baħar fond
Stokk (isem komuni) |
Kodiċi FAO |
Isem Xjentifiku |
Subżoni tal-ICES |
Baird’s smoothhead |
BDM |
Alepocephalus bairdii |
I sa XIV |
Risso’s smoothhead |
PHO |
Alepocephalus rostratus |
I sa XIV |
Antimora blu (Marlozz blu) |
ANT |
Antimora rostrata |
I sa XIV |
Ċinturin iswed |
BSF |
Aphanopus carbo |
I sa XIV |
Iceland catshark |
API |
Apristurus spp. |
I sa XIV |
Arġentina |
ARG |
Argentina silus |
I sa XIV |
Alfonsinos |
ALF |
Beryx spp. |
I sa XIV |
Tusk |
USK |
Brosme brosme |
I sa XIV |
Żagħrun |
GUP |
Centrophorus granulosus |
I sa XIV |
Leafscale gulper shark |
GUQ |
Centrophorus squamosus |
I sa XIV |
Mazzola sewda |
CFB |
Centroscyllium fabricii |
I sa XIV |
Mazzola Portugiża |
CYO |
Centroscymnus coelolepis |
I sa XIV |
Longnose velvet dogfish |
CYP |
Centroscymnus crepidater |
I sa XIV |
Granċ aħmar tal-fond |
KEF |
Chaceon (Geryon) affinis |
I sa XIV |
Fenek tal-Baħar |
CMO |
Chimaera monstrosa |
I sa XIV |
Frilled shark |
HXC |
Chlamydoselachus anguineus |
I sa XIV |
Gringu |
COE |
Conger conger |
I sa XIV |
Roundnose grenadier |
RNG |
Coryphaenoides rupestris |
I sa XIV |
Murruna Sewda |
SCK |
Dalatias licha |
I sa XIV |
Mazzola (Birdbeak dogfish) |
DCA |
Deania calceus |
I sa XIV |
Black cardinal fish (tal-fond) |
EPI |
Epigonus telescopus |
I sa XIV |
Mazzola kbira tal-fanal |
SHL |
Etmopterus princeps |
I sa XIV |
Mazzola tal-Fanal |
SHL |
Etmopterus spinax |
I sa XIV |
Gattarell ħalqu iswed |
SHO |
Galeus melastomus |
I sa XIV |
Mouse catshark |
GAM |
Galeus murinus |
I sa XIV |
Ċippullazza tal-għajn |
BRF |
Helicolenus dactylopterus |
I sa XIV |
Murruna b’sitt garġi |
SBL |
Hexanchus griseus |
I sa XIV |
Orange roughy |
ORY |
Hoplostethus atlanticus |
I sa XIV |
Ġurdien tal-warda |
HPR |
Hoplostethus mediterraneus |
I sa XIV |
Large-eyed rabbit fish (Ratfish) |
CYH |
Hydrolagus mirabilis |
I sa XIV |
Xabla |
SFS |
Trichiuridae |
I sa XIV |
Eelpout |
ELP |
Lycodes esmarkii |
I sa XIV |
Roughhead Grenadier |
RHG |
Macrourus berglax |
I sa XIV |
Linarda |
BLI |
Molva dypterygia |
I sa XIV |
Lipp |
LIN |
Molva molva |
I sa XIV |
Marlozz tal-fond |
RIB |
Mora moro |
I sa XIV |
Sailfin roughshark (Sharpback shark) |
OXN |
Oxynotus paradoxus |
I sa XIV |
Bażuga |
SBR |
Pagellus bogaraveo |
I sa XIV |
Lipp tal-qawwi |
GFB |
Phycis spp. |
I sa XIV |
Ħanżir tal-fond |
WRF |
Polyprion americanus |
I sa XIV |
Rebekkin tond |
RJY |
Raja fyllae |
I sa XIV |
Rebekkin tal-Artiku |
RJG |
Raja hyperborea |
I sa XIV |
Rebekkin tan-Norveġja |
JAD |
Raja nidarosiensis |
I sa XIV |
Ħalibatt ta’ Greenland |
GHL |
Rheinhardtius hippoglossoides |
I sa XIV |
Straightnose rabbitfish |
RCT |
Rhinochimaera atlantica |
I sa XIV |
Knifetooth dogfish |
SYR |
Scymnodon ringens |
I sa XIV |
Small redfish (Norway haddock) |
SFV |
Sebastes viviparus |
I sa XIV |
Greenland shark |
GSK |
Somniosus microcephalus |
I sa XIV |
Spiny (Deep-sea) Scorpionfish |
TJX |
Trachyscorpia cristulata |
I sa XIV |
Appendiċi
Stqarrijiet dwar l-Artikolu 51
“Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jinnotaw li kwalunkwe dispożizzjoni ta’ karattru mhux essenzjali tal-att leġislattiv bażiku, li issa huma elenkati fl-Artikolu 51 tar-Regolament (delega ta’ setgħat), tista’ fi kwalunkwe waqt fil-ġejjieni ssir element sinifikanti tal-iskema ta’ kontroll eżistenti tan-NEAFC minn perspettiva politika, f’liema każ il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru li kwalunkwe wieħed miż-żewġ leġiżlaturi, il-Kunsill jew il-Parlament Ewropew, jista’ minnufih jeżerċita jew id-dritt ta’ oġġezzjoni għal abbozz ta’ att iddelegat tal-Kummissjoni jew id-dritt ta’ revoka tas-setgħat iddelegati kif stipulat fl-Artikolu 48 u l-Artikolu 49 tar-Regolament rispettivament.”
“Il-Kunsill u l-Parlament jaqblu li l-inklużjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni tal-iskema ta’ kontroll tan-NEAFC f’dan ir-Regolament bħala element mhux essenzjali, issa elenkata taħt l-Artikolu 51, ma timplikax per se li t-tali dispożizzjoni awtomatikament se titqies bħala ta’ natura mhux essenzjali mil-leġiżlaturi fi kwalunkwe Regolament tal-ġejjieni.”
“Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddikjaraw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu bla ħsara għal kwalunkwe pożizzjoni futura tal-istituzzjonijiet rigward l-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE jew għal atti leġislattivi individwali li jkun fihom tali dispożizzjonijiet.”