8.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/22


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1143/2010

tas-7 ta' Diċembru 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1251/2008 fir-rigward tal-perjodu ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali għal ċerti annimali akkwatiċi ornamentali maħsuba għal faċilitajiet ornamentali magħluqa

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard f'annimali akkwatiċi (1), u partikolarment l-Artikolu 17(2), l-Artikoli 22 u 25 u l-Artikolu 61(3) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1251/2008 tat-12 ta' Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għat-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali tal-akkwakultura u prodotti tagħhom u li jistabbilixxi lista ta' speċi li jgħaddu l-mard (2) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali u r-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' annimali akkwatiċi ornamentali maħsuba għal faċilitajiet ornamentali magħluqa.

(2)

L-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1251/2008 jistipula li ħut ornamentali ta' speċi suxxettibbli għal waħda jew aktar mill-mard elenkat fil-Parti II tal-Anness IV tad-Direttiva 2006/88/KE u maħsub għal faċilitajiet ornamentali magħluqa għandu jiġi impurtat fil-Komunità biss jekk ġej minn pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kompartimenti elenkati fl-Anness III ta' dak ir-Regolament. Is-sindromu epiżootiku li jrabbi l-ulċeri (EUS) huwa mniżżel fil-Parti II tal-Anness IV mad-Direttiva 2006/88/KE bħala marda eżotika ta' ċerti speċijiet suxxettibbli ta' ħut.

(3)

L-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 1251/2008 jistabbilixxi li għal perjodu tranżizzjonali sal-31 ta' Diċembru 2010, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta' annimali akkwatiċi ornamentali ta' speċi suxxettibbli għas-sindromu epiżotiku ulċerattiv (EUS) maħsuba esklużivament għal faċilitajiet ornamentali magħluqa minn pajjiżi terzi jew territorji li huma Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE).

(4)

Il-Parti II.2 taċ-ċertifikat li jservi ta' mudell tas-saħħa tal-annimali applikabbli għal annimali akkwatiċi ornamentali maħsuba għal faċilitajiet magħluqa elenkati fil-Parti B tal-Anness IV mar-Regolament (KE) Nru 1251/2008 tistabbilixxi ċerti rekwiżiti għall-importazzjoni relatati mal-EUS. It-tieni subparagrafu ta-Artikolu 20(5) ta' dak ir-Regolament jistipula li dawn ir-rekwiżiti ma għandhomx japplikaw waqt dak il-perjodu tranżizzjonali msemmi hawn fuq.

(5)

Attwalment hemm bżonn li jsiru iktar studji biex jiġu vvalutati b'mod iktar preċiż ir-riskji assoċjati mal-importazzjoni fl-Unjoni ta' annimali akkwatiċi ornamentali bħal dawn. Sabiex ma jkunx hemm xkiel għall-kummerċ f'dawn l-annimali, huwa xieraq li l-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri tranżizzjonali li attwalment huma stabbiliti fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 1251/2008, jiġi mtawwal sal-31 ta' Diċembru 2012.

(6)

Barra minn hekk, ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali oħra li attwalment huma stipulati fl-Artikolu 20 ta' dak ir-Regolament ma għadhomx applikabbli. Għall-finijiet ta' qosor u ċarezza fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huwa xieraq li dawk id-dispożizzjonijiet jitħassru.

(7)

Konsegwentement, ir-Regolament (KE) Nru 1251/2008 għandu jiġi emendat.

(8)

Il-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Peramanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1251/2008 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 20

Għal perjodu tranżizzjonali sal-31 ta' Diċembru 2012, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta' annimali akkwatiċi ornamentali ta' speċi suxxettibbli għas-sindromu epiżotiku ulċerattiv (EUS) maħsuba esklużivament għal faċilitajiet ornamentali magħluqa minn pajjiżi terzi jew territorji li huma Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE);

Waqt dak il-perjodu tranżizzjonali, ir-rekwiżiti li jirrigwardaw l-EUS stabbiliti fil-Parti II.2 taċ-ċertifikat li jservi ta' mudell tas-saħħa tal-annimali stabbilit fil-Parti B tal-Anness IV, ma għandhomx japplikaw għal annimali akkwatiċi ornamentali maħsubin esklużivament għal faċilitajiet ornamentali magħluqa.”

Artikolu 2

Fin-nota (3) għal Parti II.2 taċ-ċertifikat li jservi ta' mudell tas-saħħa tal-annimali stabbilit fil-Parti B tal-Anness IV, id-data “l-1 ta' Jannar 2011” hija sostitwita b'“l-1 ta' Jannar 2013”.

Għal perjodu tranżizzjonali sal-31 ta' Diċembru 2012, kunsinni ta' annimali akkwatiċi ornamentali akkumpanjati minn ċertifikati tas-saħħa tal-annimali maħruġin skont il-Parti B tal-Anness IV mar-Regolament (KE) Nru 1251/2008 qabel l-emendi introdotti bir-Regolament eżistenti, jistgħu jkomplu jiġi importati fl-Unjoni jew jgħaddu mill-Unjoni.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

(2)  ĠU L 337, 16.12.2008, p. 41.