8.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1139/2010

tas-7 ta’ Diċembru 2010

li jemenda għall-141 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk ta' Al-Qaida u t-Taliban

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-network ta' Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta' ċerti prodotti u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta' titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (1), u partikolarment l-Artikoli 7(1)(a) u 7a(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jelenka l-persuni, il-gruppi u l-entitajiet koperti mill-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi skont dak ir-Regolament. Permezz tar-Regolament (KE) Nru 246/2006 (2) Ghunia Abdrabbah, Al-Bashir Mohammed Al-Faqih u Tahir Nasuf ġew miżjuda fl-Anness I. Dan seħħ wara d-deċiżjoni tal-Kumitat tan-NU għas-Sanzjonijiet kontra Al Qaida u t-Taliban, li ġiet stabbilita wara r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1267(1999) rigward Al-Qaida u t-Taliban u l-Individwi u Entitajiet Assoċjati, sabiex jiżdiedu mal-Lista Konsolidata tiegħu.

(2)

Fid-29 ta' Settembru 2010 l-Qorti Ġenerali (3) annullat ir-Regolament (KE) Nru 881/2002 safejn jikkonċerna lis-Sur Abdrabbah, lis-Sur Al-Faqih u lis-Sur Nasuf minħabba li ssostni li d-drittijiet tad-difiża, id-dritt għal reviżjoni ġudizzjarja u d-dritt għall-proprjetà ma kinux ġew rispettati.

(3)

Dikjarazzjoni ta' raġunijiet ġiet ipprovduta mill-Kummissjoni lis-Sur Abdrabbah, lis-Sur Al-Faqih u lis-Sur Nasuf, rispettivament, fit-22 ta' Settembru 2009, fis-7 ta' Awwissu 2009 u fil-11 ta' Awwissu 2009, wara li beda l-proċess tal-Qorti msemmi hawn fuq. Għaldaqstant, in-nuqqas identifikat mill-Qorti Ġenerali ġie indirizzat.

(4)

Fid-dawl ta' dan, id-deċiżjoni ta' elenkar fil-lista rigward is-Sur Abdrabbah, is-Sur Al-Faqih u s-Sur Nasuf għandha għalhekk tiġi sostitwita b'deċiżjoni ġdida li saret skont l-Artikolu 7a(1) tar-Regolament (KE) Nru 881/2002, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mad-deċiżjoni tal- Kumitat tan-NU għas-Sanzjonijiet kontra Al Qaida u t-Taliban filwaqt li jiġu kkunsidrati l-għanijiet tal-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 881/2002.

(5)

Din id-deċiżjoni ġdida għandha tapplika mill-11 ta' Frar 2006, minħabba n-natura u l-għanijiet preventivi tal-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi taħt ir-Regolament (KE) Nru 881/2002 u l-ħtieġa li jiġu mħarsa l-interessi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi, li kienu qed iserrħu fuq id-deċiżjoni li saret fl-2006.

(6)

Is-Sur Abdrabbah, is-Sur Al-Faqih u s-Sur Nasuf diġà kellhom opportunità li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dikjarazzjonijiet ta' raġunijiet li ngħatawlhom kif stipulat mill-Artikoli 7a(3) u 7c(3) tar-Regolament (KE) Nru 881/2002. Il-Kummissjoni kkomunikat dawk l-osservazzjonijiet lill-Kumitat għas-Sanzjonijiet u bħalissa qegħda fil-proċess li tagħmel reviżjoni tad-deċiżjoni tagħha biex timponi miżuri restrittivi fuqhom, li qed isir skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7b(2) tar-Regolament (KE) Nru 881/2002. Ir-riżultati tar-reviżjoni se jiġu kkomunikati lis-Sur Abdrabbah, lis-Sur Al-Faqih u lis-Sur Nasuf.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru No 881/2002 huwa b'dan emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-11 ta' Frar 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.

(2)  ĠU L 40, 11.2.2006, p. 13.

(3)  Kawżi Konġunti T-135/06 sa T-138/06.


ANNESS

L-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa emendat kif ġej:

Dawn l-annotazzjonijiet li ġejjin taħt l-intestatura 'Persuni fiżiċi' huma kkonfermati.

(a)

Ghuma Abd’rabbah (magħruf ukoll bħala (a) Ghunia Abdurabba, (b) Ghoma Abdrabba, (c) Abd’rabbah, (d) Abu Jamil, (e) Ghunia Abdrabba). Indirizz: Birmingham, ir-Renju Unit. Data tat-twelid: 2.9.1957. Post tat-twelid: Benghazi, il-Libja. Nazzjonalità: Brittanika. Data tal-klassifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2a (4) (b): 7.2.2006.

(b)

Abd Al-Rahman Al-Faqih (magħruf ukoll bħala (a) Mohammed Albashir, (b) Muhammad Al-Bashir, (c) Bashir Mohammed Ibrahim Al-Faqi, (d) Al-Basher Mohammed, (e) Abu Mohammed, (f) Mohammed Ismail, (g) Abu Abd Al Rahman, (h) Abd Al Rahman Al-Khatab, (i) Mustafa, (j) Mahmud, (k) Abu Khalid). Indirizz: Birmingham, ir-Renju Unit. Data tat-twelid: 15.12.1959. Post tat-twelid: il-Libja. Data tal-klassifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2a (4) (b): 7.2.2006.

(c)

Tahir Nasuf (magħruf ukoll bħala (a) Tahir Mustafa Nasuf, (b) Tahar Nasoof, (c) Taher Nasuf, (d) Al-Qa’qa, (e) Abu Salima El Libi, (f) Abu Rida, (g) Tahir Moustafa Nasuf, (h) Tahir Moustafa Mohamed Nasuf). Indirizz: Manchester, ir-Renju Unit. Data tat-twelid: (a) 4.11.1961, (b) 11.4.1961. Post tat-twelid: Tripli, il-Libja. Nazzjonalità: Libjan. Nru tal-Passaport: RP0178772 (numru tal-passaport Libjan). Nru tal-identifikazzjoni nazzjonali: PW548083D (Nru tal-Assikurazzjoni Nazzjonali Britannika). Tagħrif ieħor: Residenti fir-Renju Unit f'Jannar 2009. Data tal-klassifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2a (4) (b): 7.2.2006.