4.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 318/14


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1126/2010

tat-3 ta’ Diċembru 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1547/2007 fir-rigward ta’ estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali għall-irtirar tar-Repubblika ta’ Cape Verde mil-lista ta’ pajjiżi li jgawdu mill-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-anqas żviluppati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 tat-22 ta’ Lulju 2008 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2011 u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, (KE) Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1100/2006 u (KE) Nru 964/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(8) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Repubblika ta’ Cape Verde (minn hawn ’il quddiem, Cape Verde) tgawdi mill-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-inqas żviluppati (magħruf ukoll bħala l-iskema “Kollox barra l-Armi” (EBA – Everything but Arms)) taħt l-iskema tal-Unjoni ta’ preferenzi tarrifarji ġeneralizzati.

(2)

L-Artikolu 11(8) tar-Regolament (KE) Nru 732/2008 jipprovdi għat-tneħħija ta’ pajjiż mill-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-anqas żviluppati, meta dak il-pajjiż jiġi eskluż min-Nazzjonijiet Uniti mil-lista tal-pajjiżi l-anqas żviluppati. Dan l-Artikolu jipprovdi wkoll għat-twaqqif ta’ perjodu tranżizzjonali ta’ mill-inqas tliet snin qabel ma t-tneħħija tibda tgħodd.

(3)

Cape Verde ġiet eskluża min-Nazzjonijiet Uniti mil-lista tal-pajjiżi l-inqas żviluppati, b'effett mill-1 ta’ Jannar 2008 (2).

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1547/2007 (3) jipprovdi għat-tneħħija ta’ Cape Verde mil-lista tal-pajjiżi li jgawdu mill-arranġament speċjali għall-inqas pajjiżi żviluppati b'effett mill-1 ta’ Jannar 2011 wara l-iskadenza tal-perjodu tranżizzjonali ta’ tliet snin.

(5)

Il-perjodu tranżizzjonali mogħti skont ir-Regolament (KE) Nru 1547/2007, li inzerta fi żmien ta’ kriżi ekonomika, kien karatterizzat minn tnaqqis tal-volumi kummerċjali li fixkel l-isforzi ta’ diversifikazzjoni ekonomika ta’ Cape Verde. Għalhekk, dan il-perjodu tranżizzjonali ma pprovdiex iż-żmien meħtieġ biex Cape Verde tegħleb id-dipendenza żejda fuq settur ewlieni wieħed tal-esportazzjoni u għalhekk ittaffi l-effetti potenzjalment negattivi tat-tneħħija mill-iskema EBA. Dan il-perjodu għandu għalhekk jiġi mtawwal sal-1 ta’ Jannar 2012.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Preferenzi Ġeneralizzati,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1547/2007 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Ir-Repubblika ta' Cape Verde għandha titneħħa mil-lista ta’ pajjiżi li jgawdu mill-arranġament speċjali għall-inqas pajjiżi żviluppati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 732/2008, b’effett mill-1 ta' Jannar 2012.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 211, 6.8.2008, p. 1.

(2)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-UN A/Res/59/210 tal-20 ta’ Diċembru 2004.

(3)  ĠU L 337, 21.12.2007, p. 70.