27.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 312/14


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1100/2010

tas-26 ta’ Novembru 2010

li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 891/2009 fir-rigward tad-dazji fuq l-importazzjoni tal-konċessjonijiet taz-zokkor tas-CXL bin-numri tal-ordni 09.4317, 09.4318, 09.4319 u 09.4320 matul is-sena tas-suq 2010/2011

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 144(1) u 187 flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-prezzijiet tas-suq dinji għaz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat ilu f'livell għoli kostanti sa mill-bidu tas-sena tas-suq 2010/2011. It-tbassir tal-prezzijiet tas-suq dinji għal Marzu, Mejju u Lulju 2011, imsejjes fuq is-suq tal-iskambju tal-kuntratti tal-futuri taz-zokkor ta' New York ukoll jindika li l-prezz tas-suq fid-dinja se jibqa' kostantament għoli.

(2)

It-tbassir tal-bilanċ taz-zokkor fl-UE għas-sena tas-suq 2010/2011 jidentifika differenza negattiva ta' 0.2 miljun tunnellata bejn l-użu u dak li suppost kellu jkun disponibbli. Id-differenza negattiva kumulata bejn id-disponibbiltà u l-użu fl-aħħar sentejn tas-suq, li hi stmata li tammonta għal 0.6 miljun tunnellata, se twassal għall-iktar livell baxx ta' stokkijiet tal-aħħar minn meta ġiet implimentata r-riforma tal-2006. Kwalunkwe tnaqqis ieħor fl-importazzjoni jhedded li jxekkel id-disponibbiltà tal-provvista tas-suq taz-zokkor tal-Unjoni Ewropea u jgħolli l-prezz intern tas-suq taz-zokkor fl-Unjoni Ewropea.

(3)

Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009 tal-25 ta' Settembru 2009 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ ċerti kwoti tariffarji tal-Komunità fis-settur taz-zokkor (2), l-importazzjoni ta' konċessjonijiet taz-zokkor tas-CXL bin-numri tal-ordni 09.4317, 09.4318, 09.4319 u 09.4320 għandha tkun suġġetta għal rata fil-kwota ta’ EUR 98 għal kull tunnellata. Minħabba l-livell għoli tal-prezzijiet tas-suq dinji għaz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat, l-importazzjoni taz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat bil-ħsieb li jiġi raffinat b'rata fil-kwota ta' EUR 98 għal kull tunnellata qed issir dejjem inqas ekonomika u qed toħloq riskju li xxekkel id-disponibbiltà tal-provvista fis-suq Ewropew.

(4)

Meta wieħed iqis li s-sitwazzjoni wisq probabbli se tibqa' kif inhi, ir-rata fil-kwota ta' EUR 98 għal kull tunnellata għandha tiġi sospiża għall-perjodu li baqa' mis-sena tas-suq 2010/2011. Għalhekk huwa xieraq li l-operaturi interessati kollha jingħataw il-possibbiltà li japplikaw għal liċenzji għall-konċessjonijiet tas-CXL b'rata tad-dazju fuq l-importazzjoni ta’ żero mill-1 ta' Diċembru 2010 sal-31 ta' Awwissu 2011.

(5)

Il-liċenzji tal-importazzjoni li nħarġu qabel l-1 ta' Diċembru 2010 għall-kwoti tas-CXL għandhom jibqgħu validi bil-kundizzjonijiet applikabbli matul il-perjodu ta' applikazzjoni. Madankollu, bil-għan li jitħarsu l-aspettattivi leġittimi tagħhom, l-operaturi kkonċernati għandu jkollhom il-possibbiltà jibagħtu lura liċenzji tal-importazzjoni li ma ntużawx jew li ntużaw biss parzjalment lill-awtorità kompetenti mingħajr ma jkollhom iħallsu l-penali msemmija fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 891/2009.

(6)

Il-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma tax l-opinjoni tiegħu fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   B'deroga mill-Artikolu 3(1) u mill-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 891/2009, id-dazju fuq l-importazzjoni tal-konċessjonijiet taz-zokkor tas-CXL bin-numri tal-ordni 09.4317, 09.4318, 09.4319 u 09.4320 għandu jispiċċa sal-31 ta' Awwissu 2011.

2.   Il-liċenzji għall-konċessjonijiet taz-zokkor tas-CXL li nħarġu qabel l-1 ta' Diċembru 2010 jistgħu jibqgħu jintużaw bil-kundizzjonijiet li kienu validi meta saret l-applikazzjoni għalihom. Inkella, dawn jistgħu jintbagħtu lura. F'dak il-każ il-penali msemmija fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 891/2009 ma għandhiex tapplika.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum mill-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Diċembru 2010.

Dan ir-Regolament jiskadi fil-31 ta' Awwissu 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 254, 26.9.2009, p. 82.