15.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 331/162


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1096/2010

tas-17 ta’ Novembru 2010

li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Il-kriżi finanzjarja kixfet nuqqasijiet importanti fis-superviżjoni finanzjarja, li ma rnexxilhiex tantiċipa l-iżviluppi makroprudenzjali avversi u tevita l-akkumulazzjoni ta’ riskji eċċessivi fis-settur finanzjarju u li b’mod partikolari enfasizzat id-dgħjufijiet tas-sorveljanza makroprudenzjali eżistenti.

(2)

F’Novembru 2008, il-Kummissjoni tat mandat lil Grupp ta’ Livell Għoli ppresedut mis-Sur Jacques de Larosière (il-“‘Grupp de Larosière”) sabiex jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jissaħħu l-arranġamenti superviżorji Ewropej bil-għan li jiġi protett aħjar iċ-ċittadin u tinbena mill-ġdid il-fiduċja fis-sistema finanzjarja.

(3)

Fir-rapport finali tiegħu li ġie ppreżentat fil-25 ta’ Frar 2009, il-Grupp de Larosière rrakkomanda, fost affarijiet oħrajn, l-istabbiliment ta’ korp fil-livell tal-Unjoni li jkun inkarigat mill-monitoraġġ tar-riskji fis-sistema finanzjarja kollha.

(4)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-4 ta’ Marzu 2009 intitolata “Nixprunaw l-Irkupru Ewropew”, il-Kummissjoni laqgħet u appoġġat b’mod ġenerali r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp de Larosière. Fil-laqgħa tiegħu tad-19 u l-20 ta’ Marzu 2009, il-Kunsill Ewropew qabel mal-ħtieġa li jittejbu kemm ir-regolamentazzjoni kif ukoll is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni u li r-rapport tal-Grupp de Larosière jintuża bħala bażi għall-azzjoni.

(5)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-27 ta’ Mejju 2009 intitolata “Superviżjoni Finanzjarja Ewropea”, il-Kummissjoni stabbiliet sensiela ta’ riformi għall-arranġamenti attwali għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja fil-livell tal-Unjoni, notevolment l-inklużjoni ta’ Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) responsabbli għas-sorveljanza makroprudenzjali. Il-Kunsill, fid-9 ta’ Ġunju 2009, u l-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009, appoġġaw l-opinjoni tal-Kummissjoni u laqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq proposti leġislattivi sabiex il-qafas il-ġdid ikun jista’ jiġi stabbilit kompletament.

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxa sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fil-livell tal-Unjoni u Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS).

(7)

Minħabba fl-esperjenza tiegħu dwar kwistjonijiet makroprudenzjali, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jista’ joffri kontribut sinifikanti għas-sorveljanza makroprudenzjali effikaċi tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

(8)

Is-Segretarjat tal-BERS (is-Segretarjat) għandu jiġi żgurat mill-BĊE u, għal dan il-għan, il-BĊE għandu jipprovdi riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti. Għalhekk, il-persunal tas-Segretarjat għandu jkun soġġett għall-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għall-Persunal tal-BĊE. B’mod partikolari, skont il-preambolu tad-Deċiżjoni tal-BĊE tad-9 ta’ Ġunju 1998 dwar l-adozzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew kif emendata fil-31 ta’ Marzu 1999 (BĊE/1998/4) (4), il-persunal tal-BĊE għandu jiġi reklutat fuq l-usa’ bażi ġeografika possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri.

(9)

Fid-9 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill ikkonkluda li l-BĊE għandu jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku lill-BERS. Minħabba li huwa l-kompitu tal-BERS li jkopri l-aspetti u l-oqsma kollha tal-istabbiltà finanzjarja, l-BĊE għandu jinvolvi lill-banek ċentrali u lis-superviżuri nazzjonali biex jipprovdu l-kompetenza speċifika tagħhom. L-għażla li kompiti speċifiċi dwar linji ta’ politika relatati mas-superviżjoni prudenzjali jiġu kkonferiti lill-BĊE prevista mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha għaldaqstant tiġi applikata, billi l-BĊE jingħata l-kompitu li jiżgura s-Segretarjat għall-BERS.

(10)

Il-BĊE għandu jkun fdat bil-kompitu li jipprovdi appoġġ statistiku lill-BERS. Il-ġbir u l-ipproċessar ta’ informazzjoni kif stabbilit f’dan ir-Regolament u kif meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tal-BERS għandhom għalhekk jaqgħu taħt l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-BĊE, u taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (5). Għaldaqstant, informazzjoni tal-istatistika konfidenzjali miġbura mill-BĊE jew is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali għandha tkun kondiviża mal-BERS. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (6).

(11)

Is-Segretarjat għandu jħejji l-laqgħat tal-BERS u jappoġġa l-ħidma tal-Bord Ġenerali, il-Kumitat ta’ Tmexxija, il-Kumitat Tekniku Konsultattiv u l-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv tal-BERS. F’isem il-BERS, is-Segretarjat għandu jiġbor l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-kisba tal-kompiti tal-BERS,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kompożizzjoni

Il-President u l-Viċi President tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandhom ikunu Membri tal-Bord Ġenerali tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) kif stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

Artikolu 2

Appoġġ għall-BERS

Il-BĊE għandu jiżgura Segretarjat, u b’hekk jipprovdi sostenn analitiku, statistiku, loġistiku u amministrattiv għall-BERS. Il-missjoni tas-Segretarjat kif definita fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, għandha tinkludi b’mod partikolari:

(a)

it-tħejjija tal-laqgħat tal-BERS;

(b)

f’konformità mal-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, il-ġbir u l-ipproċessar tal-informazzjoni, inkluża l-informazzjoni statistika, f’isem u għall-benefiċċju tat-twettiq tal-kompiti tal-BERS;

(c)

it-tħejjija tal-analiżi meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti tal-BERS, filwaqt li jsir użu mill-pariri tekniċi mill-banek ċentrali u s-superviżuri nazzjonali;

(d)

l-appoġġ għall-BERS fil-kooperazzjoni internazzjonali tiegħu fuq livell amministrattiv ma’ korpi rilevanti oħrajn dwar kwistjonijiet makroprudenzjali;

(e)

l-appoġġ għall-ħidma tal-Bord Ġenerali, il-Kumitat ta’ Tmexxija, il-Kumitat Tekniku Konsultattiv u l-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv.

Artikolu 3

Organizzazzjoni tas-Segretarjat

1.   Il-BĊE għandu jipprovdi biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji għat-twettiq tal-kompitu tiegħu li jiżgura s-Segretarjat.

2.   Il-kap tas-Segretarjat għandu jinħatar mill-BĊE, f’konsultazzjoni mal-Bord Ġenerali tal-BERS.

Artikolu 4

Ġestjoni

1.   Il-President tal-BERS u l-Kumitat ta’ Tmexxija tiegħu għandhom jagħtu istruzzjonijiet lill-kap tas-Segretarjat f’isem il-BERS.

2.   Il-kap tas-Segretarjat jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jkun preżenti għal-laqgħat tal-Bord Ġenerali, tal-Kumitat ta’ Tmexxija, tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv u tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv tal-BERS.

Artikolu 5

Ġbir ta’ informazzjoni f’isem il-BERS

1.   Il-BERS għandu jiddetermina l-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti tiegħu, kif stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010. Fid-dawl ta’ dan, is-Segretarjat għandu jiġbor l-informazzjoni kollha meħtieġa f’isem il-BERS fuq bażi regolari u ad hoc, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 u soġġett għall-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament.

2.   F’isem il-BERS, is-Segretarjat għandu jagħmel disponibbli lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-informazzjoni dwar ir-riskji meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

Artikolu 6

Kunfidenzjalità tal-informazzjoni u tad-dokumenti

1.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali, kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li s-Segretarjat jirċievi matul it-twettiq tal-kompiti tiegħu ma tistax tiġi żvelata lil kwalunkwe persuna jew awtorità li tkun barra mill-BERS, ħlief f’forma fil-qosor jew aggregata, b’mod li l-istituzzjonijiet finanzjarji individwali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati.

2.   Is-Segretarjat għandu jiżgura li d-dokumenti jiġu ppreżentati lill-BERS b’mod li jiżgura l-kunfidenzjalità tagħhom.

3.   Il-BĊE għandu jiżgura l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni rċevuta mis-Segretarjat għat-twettiq tal-kompiti tal-BĊE skont dan ir-Regolament. Il-BĊE għandu jistabbilixxi mekkaniżmi interni u għandu jadotta regoli interni sabiex jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni miġbura mis-Segretarjat f’isem il-BERS. Il-persunal tal-BĊE għandu jikkonforma mar-regoli applikabbli relatati mas-segretezza professjonali.

4.   L-informazzjoni miksuba mill-BĊE bħala riżultat tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-finijiet imsemmijin fl-Artikolu 2.

Artikolu 7

Aċċess għad-dokumenti

1.   Is-Segretarjat għandu jiżgura l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew BĊE/2004/3 (7).

2.   L-arranġamenti prattiċi għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni BĊE/2004/3 għad-dokumenti relatati mal-BERS, għandhom jiġu adottati sas-17 ta’ Ġunju 2011.

Artikolu 8

Reviżjoni

Sas-17 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill għandu jeżamina dan ir-Regolament, abbażi ta’ rapport mill-Kummissjoni. Wara li jkun irċieva opinjonijiet mill-BĊE u mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, huwa għandu jiddetermina jekk dan ir-Regolament għandux jiġi rivedut.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-16 ta’ Diċembru 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REYNDERS


(1)  Opinjoni tat-22 ta’ Settembru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 270, 11.11.2009, p. 1.

(3)  Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  ĠU L 125, 19.5.1999, p. 32.

(5)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(6)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

(7)  ĠU L 80, 18.3.2004, p. 42.