14.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 329/1 |
REGOLAMENT (UE) Nru 1091/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-24 ta' Novembru 2010
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-proposta leġiżlattiva lill-parlamenti nazzjonali,
Waqt li jaġixxu b’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
(1) |
Il-kompożizzjoni tal-listi ta' pajjiżi terzi fl-Annessi I u II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (2) għandha tkun, u għandha tibqa’, konsistenti mal-kriterji mniżżla fil-premessa 5 ta' dak ir-Regolament. Pajjiżi terzi li għalihom inbidlet is-sitwazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kriterji, għandhom ikunu trasferiti minn Anness għall-ieħor. |
(2) |
F’konformita’ mal-impenn politiku magħmul mill-Unjoni Ewropea dwar il-liberalizzazzjoni tar-rekwiżit għal viża fuq żmien qasir għaċ-ċittadini tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent bħala parti mill-Aġenda ta' Tessaloniki u meta wieħed jieħu f’kunsiderazzjoni l-progress li sar minn Diċembru 2009 fid-djalogi ta' liberalizzazzjoni tal-viża mal-Albanija u mal-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn iż-żewġ pajjiżi ssodisfaw il-kriterji tal-pjani direzzjonali rispettivi tagħhom. |
(3) |
L-Albanija u l-Bosnja-Ħerżegovina għandhom għalhekk ikunu trasferiti għall-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Il-liberalizzazzjoni tal-viża għandha tapplika biss għal dawk id-detenturi tal-passaporti bijometriċi maħruġa minn kull wieħed minn dawk iż-żewġ pajjiżi involuti. |
(4) |
Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (3), li huma fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1(B) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas- 17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim (4). |
(5) |
Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (5), li jaqa’ fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punti (B) u (C) tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (6). |
(6) |
Fir-rigward ta' Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, skont it-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta' Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta' Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqa’ fl-ambitu tal-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti (B) u (C) tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE (7). |
(7) |
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad- 29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu sehem f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (8). ir-Renju Unit għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu. |
(8) |
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat- 28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (9); Għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. |
(9) |
Fir-rigward ta' Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat ma’, l-acquis ta' Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003. |
(10) |
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat ma’, l-acquis ta' Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005. |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa b’dan emendat kif ġej:
1. |
fl-Anness I, Parti 1, ir-referenzi għall-Albanija u għall-Bosnja-Ħerzegovina huma mħassra; |
2. |
fl-Anness II, Parti 1, it-termini “l-Albanija (*)” u “Bosnja-Ħerzegovina (*)” huma mdaħħla fil-lista, fejn xieraq, bin-nota ta' qiegħ il-paġna li ġejja:
|
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Novembru 2010.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BUZEK
Għall-Kunsill
Il-President
O. CHASTEL
(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2010 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2010.
(3) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(4) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.
(5) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(8) ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.