26.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 310/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1085/2010

tal-25 ta’ Novembru 2010

li jistabbilixxi kwoti tariffarji annwali u mod għall-ġestjoni tagħhom għall-importazzjoni tal-patata ħelwa, tal-manjoka, tal-lamtu tal-manjoka u ta' prodotti oħra rilevanti għal kodiċijiet NM 0714 90 11 u NM 0714 90 19 u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1000/2010

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 144(1) u l-Artikolu 148 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Bħala riżultat tal-ftehimiet li ntlaħqu waqt in-negozjati kummerċjali multilaterali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), il-Kummissjoni stabbilixxiet lista ta' “CXL-Communautés européennes” (minn issa 'l quddiem “il-lista CXL”) li tiġbor fiha l-konċessjonjiet li ngħataw. Din il-lista tobbliga lill-Unjoni biex tiftaħ ċerti kwoti tariffarji annwali għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 0714 10 91, 0714 10 98, 0714 90 11 u 0714 90 19 li joriġinaw fl-Indoneżja, fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (iċ-Ċina) f’partijiet kontraenti oħra għall-WTO minbarra t-Tajlandja, u f’ċerti pajjiżi terzi mhux membri tal-WTO. Taħt dawk il-kwoti d-dazju tad-dwana huwa limitat għal 6 % ad valorem. Dawn il-kwoti għandhom jinfetħu fuq bażi multiannwali u għandhom ikunu ġestiti mill-Kummissjoni.

(2)

Il-lista CXL tobbliga wkoll lill-Unjoni biex tiftaħ żewġ kwoti tariffarji ta' bla dazju għal patata ħelwa li taqa’ taħt il-kodiċi NM 0714 20 90 favur iċ-Ċina u pajjiżi terzi oħra rispettivament, kif ukoll żewġ kwoti tariffarji għal lamtu tal-manjoka li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1108 14 00 favur pajjiżi terzi oħra.

(3)

Il-Ftehim permezz ta' skambju ta' ittri dwar il-konsultazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tat-Tajlandja skont l-Artikolu XXIII tal-GATT (2) (minn issa 'l quddiem msejjaħ “il-ftehim mat-Tajlandja”), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/317/KE tat-13 ta' Mejju 1996, dwar il-konklużjoni tar-riżultati tal-konsultazzjonijiet mat-Tajlandja skont l-Artikolu XXIII tal-GATT (3) [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jistipula l-ftuħ ta' kwota tariffarja annwali awtonoma addizzjonali tal-lamtu tal-manjoka ta' 10 500 tunnellata, li 10 000 minnhom huma allokati għat-Tajlandja. Id-dazju applikabbli huwa ugwali għal dak tan-nazzjon l-iktar vantaġġat (dazju NPF – droit de la Nation la Plus Favorisée) fis-seħħ imnaqqas b'EUR 100 kull tunnellata.

(4)

Attwalment, ir-regoli dwar l-implimentazzjoni għall-ġestjoni ta' dawn il-kwoti tariffarji kollha flimkien, minn issa 'l quddiem imsejjħa “il-kwoti” huma stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2402/96 tas-17 ta’ Diċembru 1996 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ ċerti kwoti ta’ tariffa annwali għal patata ħelwa u karboidrat manjoku [il-lamtu tal-manjoka] (4), kif ukoll bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 27/2008 tal-15 ta’ Jannar 2008 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ ċerti kwoti tariffarji annwali għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 0714 10 91, ex 0714 10 98, 0714 90 11 u 0714 90 19 li joriġinaw f’ċerti pajjiżi terzi minbarra t-Tajlandja (5).

(5)

L-użu tal-prinċipju “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” irriżulta pożittiv f'setturi agrikoli oħra, u għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni amministrattiva, jeħtieġ li dawn il-kwoti jiġu ġestiti skont il-metodu indikat fl-Artikolu 144(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Dan għandu jsir skont l-Artikoli 308(a), 308(b) u 308(c)(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (6).

(6)

Minħabba l-partikolaritajiet marbutin mat-trasferiment minn sistema ta' amministrazzjoni għall-oħra, l-Artikolu 308(c)(2) u (3) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 m’għandux japplika għall-perjodu ta' kwota li jibda mill-1 ta' Jannar 2011 sal-31 ta' Diċembru 2011.

(7)

Fil-każ tal-patata ħelwa, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn patata ħelwa maħsuba għall-konsum uman u prodotti oħra; għalhekk huwa xieraq li jiġi definit il-mod ta' kif tiġi ppreżentata u ppakkjata l-patata ħelwa maħsuba għall-użu imsemmi hawn fuq u li taqa’ taħt il-kodiċi NM 0714 20 10 u prodotti li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-preżentazzjoni u tal-ippakkjar kif definiti jitqiesu li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0714 20 90.

(8)

Huwa meħtieġ li tinżamm sistema ta’ ġestjoni li tiżgura li prodotti li joriġinaw mill-Indoneżja, miċ-Ċina u mit-Tajlandja biss jistgħu jiġu importati skont il-kwoti allokati lil dawn il-pajjiżi. Għandu jkun ikkjarifikat liema tip ta' prova li tiċċertifika l-oriġini tal-prodotti għandha tiġi pprovduta biex wieħed jibbenefika mill-kwoti tariffarji taħt is-sistema ta' “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel”.

(9)

Għaldaqstant, ir-Regolamenti (KE) Nru 2402/96 u (KE) Nru 27/2008, għandhom jitħassru u jinbidlu b'Regolament ġdid. Madankollu huwa xieraq li r-Regolamenti imsemmija jinżammu applikabbli għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa għall-perjodi tal-kwota tal-importazzjoni ta’ qabel dawk koperti b’dan ir-Regolament.

(10)

Id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 1, 2 u 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1000/2010 tat-3 ta' Novembru 2010 li jidderoga mir-Regolamenti (KE) Nru 2402/96, (KE) Nru 2058/96, (KE) Nru 2305/2003, (KE) Nru 969/2006, (KE) Nru 1918/2006, (KE) Nru 1964/2006, (KE) Nru 27/2008, (KE) Nru 1067/2008 u (KE) Nru 828/2009 f'dak li għandu x'jaqsam mad-dati għat-tressiq tal-applikazzjonjiet u l-forniment tal-liċenzji tal-importazzjoni għall-2011 fil-qafas tal-kwoti tariffarji relatati mal-patata ħelwa, il-lamtu tal-manjoka, il-manjoka, iċ-ċereali, ir-ross, iz-zokkor u ż-żejt taż-żebbuġa, li jidderogaw mir-Regolamenti (KE) Nru 382/2008, (KE) Nru 1518/2003, (KE) Nru 596/2004, (KE) Nru 633/2004 u (KE) Nru 951/2006 f'dak li għandu x'jaqsam mad-dati tal-forniment tal-liċenzji tal-esportazzjoni għall-2011 fis-setturi tal-laħam taċ-ċanga, tal-majjal, tal-bajd, tal-laħam tat-tjur, u taz-zokkor u tal-isoglukożju għajr għall-kwoti (7) li ma għadhomx japplikaw minħabba t-trasferiment tal-ġestjoni ta' dawn il-kwoti għas-sistema ta' “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” stipulata fl-Artikolu 144(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Jeħtieġ għalhekk li jitħassru.

(11)

Il-miżuri stipulati b'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-kumitat ta' ġestjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jiftaħ il-kwoti tarriffarji tal-importazzjoni stipulati fl-Anness. Dawn il-kwoti għandhom jiġu ġestiti abbażi ta' sena kalendarja, li tibda mill-1 ta' Jannar 2011.

Artikolu 2

Il-kwoti indikati fl-Anness għandhom jiġu ġestiti skont l-Artikoli 308a, 308b u 308c(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. L-Artikolu 308(c)(2) u (3), tar-Regolament imsemmi ma għandux japplika għall-perjodu ta' kwota li jibda mill-1 ta' Jannar 2011 sal-31 ta' Diċembru 2011.

Artikolu 3

Il-benefiċċju tal-kwoti tariffarji bin-numru tas-serje 09.0125, 09.0126 jew 09.0124 u 09.0127 indikati fl-Anness għal prodotti li joriġinaw mit-Tajlandja, mill-Indoneżja jew mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, rispettivament, għandu jkun bil-kundizzjoni tal-preżentazzjoni ta' ċertifikat tal-oriġini maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-Artikoli 55 sa 65 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

Artikolu 4

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, hija meqjusa bħala prodott maħsub għall-konsum uman fi ħdan il-kodiċi NM 0714 20 10 il-patata ħelwa, friska, u sħiħa imqiegħda f'imballaġġi immedjati, filwaqt li jsiru l-formalitajiet tad-dwana għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw biss għal patata ħelwa li mhix maħsuba għall-konsum uman skont it-tifsira stipulata fil-paragrafu 1.

3.   “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-prodotti bil-kodiċi NM ex 0714 10 98’ huma dawk il-prodotti miksuba minn dqiq jew smida li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0714 10 98.”

Artikolu 5

Ir-Regolmenti (KE) Nru 2402/96 u (KE) Nru 27/2008 huma mħassra. Madankollu, ikomplu japplikaw għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa qabel l-1 ta' Jannar 2011 u sal-iskadenza tagħhom.

Artikolu 6

Fir-Regolament (KE) Nru 1000/2010, l-Artikoli 1, 2 u 3 huma mħassra.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi-President


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 122, 22.5.1996, p. 16.

(3)  ĠU L 122, 22.5.1996, p. 15.

(4)  ĠU L 327, 18.12.1996, p. 14.

(5)  ĠU L 13, 16.1.2008, p. 3.

(6)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.

(7)  ĠU L 290, 6.11.2010, p. 26.


ANNESS

Mingħajr preġudizzju għar-regoli li jirregolaw l-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda, id-deskrizzjoni tal-prodotti hija kkunsidrata li tkun indikattiva biss. L-ambitu tal-applikazzjoni tal-kwoti, fil-qafas ta’ dan l-Anness, huwa determinat mill-iskop tal-kodiċijiet NM kif jeżistu meta jiġi adottat dan ir-Regolament.

Numru tas-serje

Kodiċijiet NM/Prodott

Oriġini

Dazju doganali

Kwota tariffarja annwali

(f'tunnellati, piż nett)

09.0124

0714 20 90

Patata ħelwa maħsuba għal skopijiet li mhumiex il-konsum mill-bniedem

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

Bla dazju

600 000

09.0125

1108 14 00

Lamtu tal-manjoka

It-Tajlandja

Id-dazju applikabbli huwa ugwali għak dak tan-nazzjon l-iktar vantaġġat (dazju MFN) fis-seħħ imnaqqas b'EUR 100 kull tunnellata.

10 000

09.0126

0714 10 91 , ex 0714 10 98 , 0714 90 11

0714 90 19

Manjoka u għeruq tal-ararut, u tas-salep u għeruq u tuberi simili b’kontenut għoli ta’ lamtu

L-Indoneżja

6 % ad valorem

825 000

09.0127

0714 10 91 , ex 0714 10 98 , 0714 90 11

0714 90 19

Manjoka u għeruq tal-ararut, u tas-salep u għeruq u tuberi simili b’kontenut għoli ta’ lamtu

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

6 % ad valorem

350 000

09.0128

0714 10 91 , ex 0714 10 98 , 0714 90 11

0714 90 19

Manjoka u għeruq tal-ararut, u tas-salep u għeruq u tuberi simili b’kontenut għoli ta’ lamtu

Pajjiżi terzi membri tal-WTO bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, it-Tajlandja u l-Indoneżja

6 % ad valorem

145 590

09.0130

0714 10 91 , 0714 90 11

Manjoka u għeruq tal-ararut, u tas-salep u għeruq u tuberi simili b’kontenut għoli ta’ lamtu

pajjiżi terzi li mhumiex membri tal-WTO

6 % ad valorem

2 000

09.0129

0714 10 91 , ex 0714 10 98 , 0714 90 11

0714 90 19

Manjoka u għeruq tal-ararut, u tas-salep u għeruq u tuberi simili b’kontenut għoli ta’ lamtu

pajjiżi terzi li mhumiex membri tal-WTO

6 % ad valorem

30 000

09.0131

0714 20 90

Patata ħelwa maħsuba għal skopijiet li mhumiex il-konsum uman

Pajjiżi terżi minbarra r-Repubblika Popolari taċ-Ċina

Bla dazju

5 000

09.0132

1108 14 00

Lamtu tal-manjoka

Il-pajjiżi terzi kollha

Id-dazju applikabbli huwa ugwali għak dak tan-nazzjon l-iktar vantaġġat (dazju MFN) fis-seħħ imnaqqas b'EUR 100 kull tunnellata.

10 500