30.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/64


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1062/2010

tat-28 ta’ Settembru 2010

li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku għat-televixins

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta' ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbuta mal-enerġija (1), u b’mod partikolari, l-Artikolu 10 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2010/30/UE tirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta atti delegati fir-rigward tat-tikkettar ta' prodotti marbuta mal-enerġija li jirrappreżentaw potenzjal sostanzjali għall-iffrankar fl-enerġija u li għandhom differenzi estensivi fil-livelli ta' prestazzjoni b’funzjonalià ekwivalenti.

(2)

L-elettriku użat mit-televixins jokkupa parti sinifikanti tal-elettriku totali mitlub mid-djar fl-Unjoni u t-televixins b’funzjonalità ekwivalenti għandhom differenzi estensivi f’termini ta' effiċjenza enerġetika. L-effiċjenza enerġetika tat-televixins tista’ titjieb b’mod sostanzjali. Għalhekk, it-televixins għandhom ikunu koperti bir-rekwiżiti dwar l-ittikkettar enerġetiku.

(3)

Dispożizzjonijiet armonizzati għall-indikazzjoni tal-effiċjenza u l-konsum tal-enerġija tat-televixins permezz tat-tikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott għandhom jiġu stabbiliti sabiex jipprovdu inċentivi lill-produtturi biex itejbu l-effiċjenza enerġetika tat-televixins, iħeġġu lill-utenti aħħara biex jixtru mudelli enerġetikament effiċjenti, jitnaqqas il-konsum tal-elettriku minn dawn il-prodotti, u jingħata kontribut favur il-funzjonament tas-suq intern.

(4)

L-effett kumplessiv tad-dispożizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2009/KE tat-22 ta' Lulju 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodiżinn għat-televixins (2) jista’ jwassal għal iffrankar tal-elettriku ta' 43 TWh fis-sena sal-2020, meta mqabbel mas-sitwazzjoni fejn ma tittieħdet ebda miżura.

(5)

L-informazzjoni li tingħata fuq it-tikketta għandha tinkiseb permezz ta' proċeduri ta' kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli li jqisu metodi ta' kejl l-aktar reċenti u avvanzati rikonoxxibbli, inkluż fejn disponibbli, l-istandards armonizzati adottati mill-entitajiet Ewropej għal-istandardizzazzjoni, kif elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-Servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (3).

(6)

Dan ir-Regolament għandu jispeċifika disinn u kontenut uniformi għat-tikketta għat-televixins.

(7)

Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jispeċifika r-rekwiżiti fir-rigward tad-dokumentazzjoni teknika u l-iskeda għat-televixins.

(8)

Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jispeċifika r-rekwiżiti fir-rigward tal-informazzjoni li trid tiġi pprovduta għall-bejgħ mill-bogħod, ir-reklami u l-materjal promozzjonali tekniku għat-televixins.

(9)

Sabiex tiġi mħeġġa l-produzzjoni tat-televixins li huma effiċjenti fl-enerġija, il-fornituri li jixtiequ jqiegħdu fis-suq televixins li jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti għal klassijiet ogħla ta' effiċjenza enerġetika għandhom jitħallaw jipprovdu tikketti li juru l-klassijiet qabel id-data għall-wiri mandatorju ta' dawn il-klassijiet.

(10)

Għandha ssir proviżjoni għal reviżjoni ta' dan ir-Regolament billi jitqies il-progress teknoloġiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti għat-tikkettar tat-televixins u l-forniment ta' informazzjoni supplimentari dwar il-prodott għat-televixins.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Minbarra d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/30/UE, għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“televixin” tfisser sett tat-televixin jew moniter tat-televixin;

(2)

“sett tat-televixin” tfisser prodott primarjament iddisinnjat għall-wiri u l-qbid ta' sinjali awdjoviżivi li jitqiegħed fis-suq taħt tismija waħda ta' mudell jew sistema, u li jikkonsisti minn:

(a)

unità tal-wiri;

(b)

tjuner/riċevitur wieħed jew aktar u funzjonijiet fakultattivi addizzjonali għall-ħżin tad-dejta u/jew il-wiri bħal diska diġitali versatili (DVD), id-diska riġida (HDD) jew reġistratur tal-vidjokażetts (VCR), jew f’unità waħdanija flimkien mal-unità tal-wiri, jew f’unità għaliha waħda jew aktar.

(3)

“moniter tat-televixin” tfisser prodott iddisinnjat biex juri fuq skrin integrat sinjal vidjo minn għadd ta' sorsi, inkluż sinjali tax-xandir televiżiv, li fakultattivament jikkontrolla u jirriproduċi sinjali awdjo minn apparat sors estern, li jkun imqabbad bis-saħħa ta' mogħdijiet standardizzati għas-sinjali vidjo inkluż konnetturi cinch (komponenti, kompożitu), SCART, HDMI, u standards bla fili tal-ġejjieni (iżda bl-esklużjoni ta' mogħdijiet mhux standardizzati tas-sinjal vidjo bħal DVI u SDI), imma li ma jistax jirċievi u jipproċessa sinjali tax-xandir;

(4)

“modalità Mixgħul” tfisser il-kundizzjoni meta t-televixin ikun imqabbad mal-mejn tad-dawl u jipproduċi ħoss u stampa;

(5)

“modalità Dar” tfisser il-konfigurazzjoni tat-televixin li tkun irrakkomandata mill-manifattur għal użu normali domestiku;

(6)

“modalità/ajiet Stennija” tfisser kundizzjoni li fih l-apparat ikun imqabbad mal-mejn tad-dawl, jiddependi fuq enerġija li ġejja mis-sors tal-elettriku tal-mejn biex jaħdem kif suppost, u joffri l-funzjonijiet li ġejjin biss, li jistgħu jippersistu għal żmien indefinit:

(a)

funzjoni ta' riattivazzjoni, inkella funzjoni ta' riattivazzjoni u sempliċement indikazzjoni li din il-funzjoni ġiet attivata, u/jew

(b)

skrin ta' informazzjoni jew status;

(7)

“modalità Mitfi” tfisser kundizzjoni meta t-tagħmir ikun imqabbad mad-dawl tal-mejn u ma jkun qed jipprovdi l-ebda funzjoni; dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin huma wkoll meqjusa bħala modalità Mitfi:

(a)

kundizzjonijiet li jipprovdu biss indikazzjoni ta' modalità Mitfi;

(b)

kundizzjonijiet li jipprovdu biss funzjonalitajiet maħsuba biex jiżguraw kompatibbiltà elettromanjetika skont id-Direttiva 2004/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(8)

“funzjoni ta' riattivazzjoni” tfisser funzjoni li tippermetti l-attivazzjoni ta' modalitajiet oħra, fosthom il-modalità Mixgħul, permezz ta' swiċċ imbiegħed li jinkludi l-apparat tal-kontroll mill-bogħod, sonda interna, arloġġ għal kundizzjoni li tipprovdi funzjonijiet addizzjonali, fosthom il-modalità Mixgħul;

(9)

“displej ta' informazzjoni jew status” tfisser funzjoni kontinwa li tipprovdi informazzjoni jew inkella li tindika l-istatus tat-tagħmir fuq displej, inklużi arloġġi;

(10)

“menu obbligatorju” tfisser sett ta' konfigurazzjonijiet tat-televixin definit minn qabel mill-manifattur, li l-utent tat-televixin jrid jagħżel minnhom konfigurazzjoni partikolari malli jinxtegħel għall-ewwel darba t-televixin;

(11)

“il-proporzjon tal-luminanza massima” tfisser il-proporzjon tal-luminanza massima tal-kundizzjoni tal-modalità Dar jew tal-kundizzjoni tal-modalità Mixgħul tat-televixin kif konfigurata mill-fornitur, kif applikabbli u l-luminanza massima tal-kundizzjoni tal-ogħla luminoniżità;

(12)

“punt tal-bejgħ” tfisser post fejn it-televixins jintwerew jew jiġu offruti għall-bejgħ, kiri, jew xiri bin-nifs;

(13)

“utent aħħari” tfisser konsumatur li jixtri jew ikun mistenni jixtri televixin.

Artikolu 3

Responsabbiltajiet tal-fornituri

1.   Il-fornituri għandhom jiżġuraw li:

(a)

Kull televixin ikun fornut b’tikketta stampata skont it-taqsim u bl-informazzjoni stipulati fl-Anness V;

(b)

għandha tkun disponibbli skeda tal-prodott kif stipulat fl-Anness III;

(c)

id-dokumentazzjoni teknika, kif stipulata fl-Anness IV, tkun disponibbli fuq talba tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni;

(d)

kull reklam għal mudell speċifiku tat-televixin għandu jinkudi l-klassi tal-effiċjenza enerġetika, f’każ li r-reklam jipprovdi informazzjoni marbuta mal-enerġija jew il-prezz;

(e)

kull materjal tekniku promozzjonali li jikkonċerna mudell speċifiku ta' televixin, li jiddeskrivi l-parametri speċifiċi tiegħu, li jinkludi l-klassi ta' effiċjenza enerġetika ta' dak il-mudell.

2.   Il-klassijiet tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għandhom ikunu msejsa fuq l-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika li jiġi kkalkulat skont l-Anness II.

3.   It-taqsim tat-tikketta stipulata fl-Anness V se japplika skont l-iskeda li ġejja:

(a)

għat-televixins li tqiegħdu fis-suq mill-[id-data tiżdied aktar tard: 12-il xahar wara l-publikazzjoni ta' dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea] tikketta bil-klassijiet ta' effiċjenza enerġetika:

(i)

A, B, C, D, E, F u G għandhom ikunu skont il-punt 1 tal-Anness V jew, fejn il-fornituri jaraw li hu xieraq, skont il-punt 2 ta' dak l-Anness;

(ii)

A+ għandha tkun skont il-punt 2 tal-Anness V;

(iii)

A++ għandha tkun skont il-punt 3 tal-Anness V;

(iv)

A+++ għandha tkun skont il-punt 4 tal-Anness V.

(b)

Għat-televixins imqiegħda fis-suq mill-1 ta' Jannar 2014 bil-klassijiet tal-effiċjenza enerġetika A+, A, B, C, D, E, F, it-tikketti għandhom ikunu skont il-punt 2 tal-Anness V jew, fejn il-fornituri jaraw li hu xieraq, skont il-punt 3 ta' dak l-Anness.

(c)

Għat-televixins imqiegħda fis-suq mill-1 ta' Jannar 2017 bil-klassijiet tal-effiċjenza enerġetika A++, A+, A, B, C, D, E, it-tikketti għandhom ikunu skont il-punt 3 tal-Anness V jew, fejn il-fornituri jaraw li hu xieraq, skont il-punt 4 ta' dak l-Anness.

(d)

Għat-televixins imqiegħda fis-suq mill-1 ta' Jannar 2020 bil-klassijiet tal-effiċjenza enerġetika A+++, A++, A+, A, B, C, D, it-tikketti għandhom ikunu skont il-punt 4 tal-Anness V.

Artikolu 4

Responsabbiltajiet tan-negozjanti

In-negozjanti għandhom jiżguraw li:

(a)

kull televixin, fil-punt tal-bejgħ, għandu juri t-tikketta pprovduta mill-fornituri skont l-Artikolu 3(1) fuq quddiem tat-televixin, b’mod li tkun tidher ċara;

(b)

it-televixins offruti għall-bejgħ, kiri jew biex jinxtraw bin-nifs, fejn l-utent aħħari ma jistax ikun mistenni li jara t-televixin muri, għandhom ikunu kkummerċjalizzati bl-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-Anness VI;

(c)

kull reklam għal mudell speċifiku tat-televixin għandu jinkudi l-klassi tal-effiċjenza enerġetika, f’każ li r-reklam jipprovdi informazzjoni marbuta mal-enerġija jew il-prezz;

(d)

kull materjal tekniku promozzjonali li jikkonċerna mudell speċifiku ta' televixin, li jiddeskrivi l-parametri speċifiċi tiegħu, li jinkludi l-klassi ta' effiċjenza enerġetika ta' dak il-mudell.

Artikolu 5

Metodi tal-kejl

L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta skont l-Artikoli 3 u 4 għandha tinkiseb bis-saħħa ta' proċeduri ta' kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ta' kejl l-aktar avanzati u riċenti rikonoxxuti, kif stipulat fl-Anness VII.

Artikolu 6

Proċedura ta' verifika għall-finijiet ta' sorveljanza tas-suq

L-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura stipulata fl-Anness VIII meta jivvalutaw il-konformità tal-klassi tal-effiċjenza enerġetika ddikjarata.

Artikolu 7

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawk tal-progress teknoloġiku mhux aktar tard minn ħames snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

L-Artikoli 3(1)(d) u (e) u l-Artikolu 4(b), (c) u (d) mhux se japplikaw għar-reklamar stampat u għall-materjal tekniku promozzjonali stampat qabel it-30 ta' Marzu 2012.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn [id-data tiżdied aktar tard: 12-il xahar wara l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dan ir-Regolament]. Madankollu, l-Artikolu 3(1) (d) u (e) u l-Artikolu 4(b), (c) u (d) se japplikaw mit-30 ta' Marzu 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1.

(2)   ĠU L 191, 23.7.2009, p. 42.

(3)   ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

(4)   ĠU L 390, 31.12.2004, p. 24.


ANNESS I

Il-klassi tal-effiċjenza enerġetika

Il-klassi tal-effiċjenza enerġetika ta’ televixin għandha tkun iddeterminata skont l-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEI) kif stipulat fit-Tabella 1. L-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika ta’ televixin għandha tkun iddeterminata skont il-punt 1 tal-Anness II.

Tabella 1

Il-klassi tal-effiċjenza enerġetika ta’ televixin

Il-klassi tal-effiċjenza enerġetika

Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika

A+++ (l-iktar effiċjenti)

EEI < 0,10

A++

0,10 ≤ EEI < 0,16

A+

0,16 ≤ EEI < 0,23

A

0,23 ≤ EEI < 0,30

B

0,30 ≤ EEI < 0,42

C

0,42 ≤ EEI < 0,60

D

0,60 ≤ EEI < 0,80

E

0,80 ≤ EEI < 0,90

F

0,90 ≤ EEI < 1,00

G (l-anqas effiċjenti)

1,00 ≤ EEI


ANNESS II

Metodu għall-kalkolu tal-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika u l-konsum annwali tal-enerġija bil-modalità Mixgħul

1.

L-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEI) huwa kkalkolat EEI = P/Pref (A), fejn:

Pref (A)

=

Pbasic + A × 4,3224 Watt/dm2;

Pbasic

=

20 Watt għas-settijiet tat-televixin bi tjuner/riċevitur wieħed u mingħajr diska riġida;

Pbasic

=

24 Watt għas-settijiet tat-televixin b'diska/i riġida/i;

Pbasic

=

24 Watt għas-settijiet tat-televixin b'żewġ tjuners/riċevituri jew aktar;

Pbasic

=

28 Watt għas-settijiet tat-televixin b'diska/i riġida/i b'żewġ tjuners/riċevituri jew aktar;

Pbasic

=

15 Watt għall-moniters tat-televixin;

A huwa l-erja viżibbli tal-iskrin espressa f'dm2;

P huwa l-konsum tal-enerġija bil-modalità Mixgħul f'Watt imkejla skont l-Anness VII approssimat għal punt deċimali wieħed.

2.

Il-konsum annwali tal-enerġija bil-modalità Mixgħul E f'kWh jiġi kkalkolat E = 1,46 × P.

3.

Televixins bil-kontroll awtomatiku tal-luminożità

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika u l-konsum annwali tal-enerġija tal-modalità Mixgħul imsemmi fil-punti 1 u 2, il-konsum tal-enerġija tal-modalità Mixgħul kif stabbilit skont il-proċedura stipulata fl-Anness VII titnaqqas b'5 % jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati meta jitqiegħed televixin fis-suq:

(a)

il-luminanza tat-televixin fil-kundizzjoni ta' modalità Dar jew fil-modalità Mixgħul kif stabbilita mill-fornitur, titnaqqas awtomatikament bejn l-intensità tad-dawl tal-ambjent tal-anqas ta' 20 lux u 0 lux;

(b)

il-kontroll awtomatiku tal-luminoniżità huwa attivat fil-kundizzjoni tal-modalità Dar jew tal-modalità Mixgħul tat-televixin kif stabbilit mill-fornitur.


ANNESS III

Skeda tal-Prodott

1.

L-informazzjoni fl-iskeda tal-prodott għat-televixin għandha tiġi pprovduta fl-ordni li ġej, u għandha tkun inkluża fil-fuljett tal-prodott jew materjal ieħor għall-qari pprovdut mal-prodott:

(a)

isem il-fornitur jew il-marka kummerċjali;

(b)

l-identifikatur tal-mudell tal-fornitur; fejn l-identifikatur tal-mudell ikun ifisser il-kodiċi, normalment alfanumeriku, li jiddistingwi mudell speċifiku tat-televizjoni minn mudelli oħra tal-istess trade mark jew isem fornitur;

(c)

il-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-mudell kif iddefinita fl-Anness I, fit-Tabella 1; fejn it-televixin ngħata ‘Ekotikketta tal-UE’ skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), din l-informazzjoni tista’ tiġi inkluża;

(d)

l-iskrin viżibbli djagonali f’ċentimetri u f’pulzieri;

(e)

il-konsum tal-enerġija bil-modalità Mixgħul skont il-proċedura stipulata fl-Anness VII;

(f)

il-konsum annwali tal-Enerġija kif stipulat fl-Anness II f’kWh fis-sena, approssimat għall-ewwel numru sħiħ; dan għandu jiġi deskritt kif ġej: ‘Konsum tal-enerġija XYZ kWh fis-sena, abbażi ta’ konsum tal-enerġija tat-televixin imħaddem għal 4 sigħat kuljum għal 365 jum. Il-konsum reali tal-enerġija jiddependi fuq kif jintuża t-televixin.’;

(g)

il-konsum tal-enerġija bil-modalità Stennija u/jew Mitfi, imkejjel skont il-proċedura stipulata fl-Anness VII;

(h)

ir-riżoluzzjoni tal-iskrin fl-għadd ta’ tikek fiżiċi orizzontali u vertikali.

2.

Skeda waħda tista’ tkopri għadd ta’ mudelli tat-televixin fornuti mill-istess fornitur.

3.

L-informazzjoni fuq l-iskeda tista’ tingħata fil-forma ta’ kopja tat-tikketta, jew bil-kulur jew abjad u iswed. Fejn dan ikun il-każ, l-informazzjoni elenkata fil-punt 1 li ma tkunx diġà tidher fuq it-tikketta trid tiġi pprovduta wkoll.

(1)   ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.


ANNESS IV

Dokumentazzjoni teknika

Id-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Artikolu 3(1) għandha tinkludi:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-fornitur;

(b)

deskrizzjoni ġenerali tal-mudell tat-televixin, suffiċjenti li ma tħalli l-ebda dubju u tkun faċilment identifikata;

(c)

fejn ikun xieraq, ir-referenzi tal-istandards armonizzati applikati;

(d)

fejn ikun xieraq, l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi oħra użati;

(e)

identifikazzjoni u firma tal-persuna awtorizzata li tiffirma d-dikjarazzjoni f’isem il-fornitur;

(f)

il-parametri tal-ittestjar għall-kejl:

(i)

it-temperatura ambjentali;

(ii)

il-vultaġġ tat-test f’V u l-frekwenza f’Hz;

(iii)

id-distorsjoni armonika totali tas-sistema tal-provvista tal-elettriku;

(iv)

it-terminal tad-dħul għas-sinjali tat-test awdjo u vidjow;

(v)

informazzjoni u dokumentazzjoni dwar l-istrumentazzjoni, l-immuntar u ċ-ċirkuwiti użati għall-ittestjar tal-elettriku;

(g)

parametri għall-modalità Mixgħul:

(i)

id-dejta dwar il-konsum tal-enerġija f’Watt approssimata sal-ewwel punt deċimali għal-kejl tal-qawwa sa 100 Watt, u sal-ewwel numru sħiħ għall-kejl tal-qawwa ‘il fuq minn 100 Watt;

(ii)

il-karatteristiċi tas-sinjal vidjo dinamiku b’kontenut ta’ xandir li jirrappreżenta kontenut tipiku tax-xandir televiżiv;

(iii)

is-sekwenza tal-passi biex tintlaħaq kundizzjoni stabbli fir-rigward tal-konsum tal-enerġija;

(iv)

għat-televixins b’menu obbligatorju, il-proporzjon tal-quċċata tal-luminanza tal-modalità Dar u l-quċċata tal-luminanza tal-kundizzjoni tal-ogħla luminoniżità fuq il-modalità Mixgħul ipprovduta mit-televixin, espressa bħala persentaġġ;

(v)

għall-moniters tat-televixin, deskrizzjoni tal-karatteristiċi rilevanti għat-tjuner użat għall-kejl;

(h)

għal kull modalità standby u/jew modalità mitfi:

(i)

id-dejta dwar il-konsum tal-enerġija f’Watt, approssimata sat-tieni ċifra wara l-punt deċimali;

(ii)

il-metodu tal-kejl użat;

(iii)

id-deskrizzjoni ta’ kif intgħażlet jew ġiet ipprogrammata l-modalità tal-apparat;

(iv)

is-sekwenza tal-avvenimenti biex jintlaħaq il-modalità li biha l-apparat awtomatikament jibdel il-modalitajiet.


ANNESS V

Tikketta

1.   TIKKETTA 1

Image 1

(a)

It-tikketta għandha tinkludi din l-informazzjoni:

I.

isem il-fornitur jew il-marka kummerċjali;

II.

l-identifikatur tal-mudell mill-fornitur, fejn “l-identifikatur tal-mudell” ikun ifisser il-kodiċi, normalment alfanumeriku, li jiddistingwi mudell speċifiku tat-televizjoni minn mudelli oħra tal-istess marka kummerċjali jew isem il-fornitur;

III.

il-klassi tal-effiċjenza enerġetika tat-televixin, li tkun iddeterminata skont l-Anness I. Ras il-vleġġa li jkun fiha l-klassi tal-effiċjenza enerġetika tat-televixin għandha titqiegħed fl-istess għoli ta’ ras il-vleġġa tal-klassi rilevanti tal-effiċjenza enerġetika;

IV.

il-konsum tal-enerġija tal-modalità Mixgħul f’Watt, approssimat għall-ewwel numru sħiħ;

V.

il-konsum annwali tal-enerġija tal-modalità Mixgħul ikkalkolat kif deskritt fil-punt 2 tal-Anness II, f’kWh, approssimat għall-ewwel numru sħiħ;

VI.

l-iskrin viżibbli djagonali f’ċentimetri u f’pulzieri.

Għat-televixins bi swiċċ faċilment viżibbli, li jagħmel it-televixin f’kundizzjoni ta’ konsum tal-enerġija li ma jaqbiżx 0,01 Watt meta jitħaddem fil-modalità Mitfi, jista’ jiżdied is-simbolu ddefinit fil-punt 8 tal-punt 5.

Meta mudell ikun ingħata “Ekotikketta tal-Unjoni Ewropea” skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010.

(b)

L-aspetti tad-disinn tat-tikketta għandhom ikunu skont il-punt 5.

2.   TIKKETTA 2

Image 2

(a)

L-informazzjoni mniżżla fil-punt 1(b) għandha tiġi inkluża fit-tikketta.

(b)

L-aspetti tad-disinn tat-tikketta għandhom ikunu skont il-punt 5.

3.   TIKKETTA 3

Image 3

(a)

L-informazzjoni mniżżla fil-punt 1(b) għandha tiġi inkluża fit-tikketta.

(b)

L-aspetti tad-disinn tat-tikketta għandhom ikunu skont il-punt 5.

4.   TIKKETTA 4

Image 4

(a)

L-informazzjoni mniżżla fil-punt 1(b) għandha tiġi inkluża fit-tikketta.

(b)

L-aspetti tad-disinn tat-tikketta għandhom ikunu skont il-punt 5.

5.   Id-disinn tat-tikketta għandu jkun li ġej:

Image 5

Fejn:

(a)

It-tikketta trid tkun tal-inqas 60 mm wiesgħa u 120 mm twila. Meta t-tikketta tiġi stampata f’format ikbar, il-kontenut tagħha xorta waħda għandu jibqa’ proporzjonat mal-ispeċifikazzjonijiet imsemmija hawn fuq.

(b)

Għat-televixins b’erja tal-iskrin li jaqbeż id-29 dm2 l-isfond għandu jkun abjad. Għat-televixins b’erja tal-iskrin li ta’ 29 dm2 jew anqas l-isfond għandu jkun abjad jew trasparenti.

(ċ)

Il-kuluri huma CMYK — cyan, maġenta, isfar, u iswed — u jingħataw skont dan l-eżempju: 00-70-X-00: 0 % cyan, 70 % maġenta, 100 % isfar, 0 % iswed.

(d)

It-tikketta għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin (in-numri jirreferu għad-disinn ta’ hawn fuq):

Image 6

Linja tal-Bordura: 3 pt — kulur: Cyan 100 % — kantunieri tondi: 3,5 mm.

Image 7

Il-logo tal-UE — kuluri: X-80-00-00 u 00-00-X-00.

Image 8

Logos tat-tikketta:

kulur: X-00-00-00

Pittogramma kif murija; Logo tal-UE u logo tat-tikketta (ikkombinati): wisa’: 51 mm, għoli: 9 mm.

Image 9

Il-linja tal-bordura f’logos iżgħar: 1 pt — kulur: Cyan 100 % — tul: 51 mm.

Image 10

Skala A-G

Vleġġa: għoli: 3,8 mm, spazju bejn vleġġa u oħra: 0,75 mm — kulur:

L-ogħla klassi: X-00-X-00,

It-tieni klassi: 70-00-X-00,

It-tielet klassi: 30-00-X-00,

Ir-raba’ klassi: 00-00-X-00,

Il-ħames klassi: 00-30-X-00,

Is-sitt klassi: 00-70-X-00,

L-ogħla klassi: 00-X-X-00.

Test: Calibri bold 10 pt, kapitali, abjad. simboli “+”: Calibri bold 7 pt, kapitali, abjad.

Image 11

Il-klassi tal-effiċjenza enerġetika

Vleġġa: wisa’: 26 mm, għoli: 8 mm, 100 % iswed;

Test: Calibri bold 15 pt, kapitali, abjad. simboli “+”: Calibri bold 10 pt, kapitali, abjad.

Image 12

Enerġija

Test: Calibri regular 7 pt, kapitali, 100 % iswed.

Image 13

Logo tas-swiċċ:

Pittogramma kif murija, Bordura: 1 pt — kulur: Cyan 100 % — kantunieri tondi: 3,5 mm.

Image 14

Test b’rabta mal-konsum tal-enerġija tal-modalità Mixgħul:

Bordura: 1 pt — kulur: Cyan 100 % — kantunieri tondi: 3,5 mm.

Valur: Calibri bold 14 pt, 100 % iswed.

It-tieni linja: Calibri regular 11 pt, 100 % iswed.

Image 15

Il-qies djagonali tal-iskrin tat-televixin:

Pittogramma kif murija

Bordura: 1 pt — kulur: Cyan 100 % — kantunieri tondi: 3,5 mm.

Valur: Calibri bold 14 pt, 100 % iswed. Calibri regular 11 pt, 100 % iswed.

Image 16

Test b’rabta mal-konsum tal-enerġija annwali:

Bordura: 2 pt — kulur: Cyan 100 % — kantunieri tondi: 3,5 mm.

Valur: Calibri bold 25 pt,100 % iswed.

It-tieni linja: Calibri regular 11 pt, 100 % iswed.

Image 17

L-isem tal-fornitur jew il-marka kummerċjali

Image 18

L-identifikatur tal-mudell tal-fornitur

Image 19

L-isem tal-fornitur jew il-marka kummerċjali u l-informazzjoni tal-mudell għandhom jitqiegħdu fi spazju ta’ 51 × 8 mm.

Image 20

Perjodu ta’ referenza

Test: Calibri bold 8 pt

Test: Calibri light 9 pt


ANNESS VI

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f’każijiet fejn l-utenti aħħara ma jistgħux ikunu mistennija li jaraw il-prodott muri

1.

L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(b) għandha tingħata fl-ordni li ġejja:

(a)

il-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-mudell kif iddefinita fl-Anness I;

(b)

il-konsum tal-enerġija tal-modalità Mixgħul kif imsemmi fil-punt 1 tal-Anness II;

(c)

il-konsum tal-enerġija annwali skont il-punt 2 tal-Anness II;

(d)

id-djagonali tal-iskrin viżibbli.

2.

Fejn tingħata wkoll informazzjoni oħra li tinsab fl-iskeda tal-informazzjoni dwar il-prodott, din għandha tkun fil-forma u fl-ordni speċifikati fl-Anness III.

3.

Id-daqs u t-tipa, li bihom tkun stampata jew murija l-informazzjoni kollha msemmija f’dan l-Anness, għandha tkun leġibbli.

ANNESS VII

Kejl

1.   Għall-fini tal-konformità mar-rekwiżiti u tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-kejl għandu jitwettaq permezz ta’ proċedura ta’ kejl affidabbli, preċiża u riproduċibbli, li tqis il-metodi ta’ kejl l-aktar reċenti u avvanzati ġeneralment rikonoxxibbli, inkluż il-metodi stipulati f’dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Kejl tal-konsum tal-enerġija tal-modalità Mixgħul kif imsemmi fil-punt 1 tal-Anness II

(a)

Kundizzjonijiet ġenerali

(i)

il-kejl għandu jsir f’temperatura ambjentali ta’ 23 °C +/– 5 °C;

(ii)

il-kejl għandu jsir bl-użu ta’ sinjal vidjo dinamiku b’kontenut ta’ xandir li jirrappreżenta kontenut tipiku tax-xandir televiżiv; Il-kejl għandu jkun il-konsum medju tal-enerġija fuq għaxar minuti konsekuttivi;

(iii)

il-kejl għandu jsir wara li t-televixin jkun fil-modalità Mitfi għal minimu ta’ siegħa segwita minnufih minn minimu ta’ siegħa fil-modalità Mixgħul u għandu jitlesta qabel massimu ta’ tliet siegħat fil-modalità Mixgħul. Is-sinjal vidjo rilevanti għandu jintwera tul il-ħin kollu li ddum il-modalità Mixgħul. Għat-televixins magħrufin li jistabilizzaw fi żmien siegħa, dan id-dewmien jista’ jitnaqqas jekk il-kejl li jirriżulta jista’ jintwera li qiegħed fi ħdan 2 % tar-riżultati li kieku jintlaħqu bid-dewmien deskritt hawn;

(iv)

il-kejl għandu jsir b’inċertezza ta’ 2 % jew inqas b’livell ta’ kunfidenza ta’ 95 %;

(v)

il-kejl għandu jsir billi tiġi diżattivata l-funzjoni tal-Kontroll Awtomatiku tal-Luminożità jekk teżisti funzjoni bħal din. Jekk tkun teżisti l-funzjoni tal-Kontroll Awtomatiku tal-Luminożità u ma tistax tiġi diżattivata, mela l-kejl għandu jseħħ bid-dawl dieħel direttament fis-sonda tad-dawl ambjentali b’livell ta’ 300 lux jew aktar.

(b)

Kundizzjonijiet għall-kejl tal-konsum tal-enerġija tal-modalità Mixgħul tat-televixins:

(i)

is-settijiet tat-televixin mingħajr menu obbligatorju: Il-konsum tal-enerġija għandu jitkejjel fil-kundizzjoni Mixgħul tat-televixin kif maħruġ mill-produttur, jiġifieri, il-kontrolli tal-luminoniżità tat-televixin għandhom ikunu fil-pożizzjoni aġġustata mill-produttur għall-utent aħħari;

(ii)

is-settijiet tat-televixin b’menu obbligatorju: Il-konsum tal-enerġija għandu jitkejjel fil-kundizzjoni tal-modalità Dar;

(iii)

il-moniters tat-televixin mingħajr menu obbligatorju: Il-moniter tat-televixin għandu jitqabbad ma’ tjuner apposta. Il-konsum tal-enerġija għandu jitkejjel fil-kundizzjoni Mixgħul tat-televixin kif maħruġ mill-produttur, jiġifieri, il-kontrolli tal-luminoniżità tal-moniter tat-televixin għandhom ikunu fil-pożizzjoni aġġustata mill-produttur għall-utent aħħari. Il-konsum tal-enerġija tat-tjuner mhuwiex rilevanti għall-kejl tal-konsum tal-enerġija fil-modalità Mixgħul tal-moniter tat-televixin;

(iv)

il-moniters tat-televixin b’menu obbligatorju: Il-moniter tat-televixin għandu jitqabbad ma’ tjuner apposta. Il-konsum tal-enerġija għandu jitkejjel fil-kundizzjoni tal-modalità Dar.

3.   Kejl tal-konsum tal-enerġija tal-modalità Mixgħul/Stennija kif imsemmi fil-punt 1(g) tal-Anness III

Il-kejl ta’ enerġija ta’ 0,50 Watt jew aktar għandu jsiru b’inċertezza ta’ 2 % jew inqas b’livell ta’ kunfidenza ta’ 95 %. Il-kejl ta’ enerġija ta’ inqas minn 0,50 Watt għandu jsir b’inċertezza ta’ 0,01 Watt jew inqas b’livell ta’ kunfidenza ta’ 95 %.

4.   Il-kejl tal-luminanza massima msemmi fil-punt 2(c) tal-Anness VIII

(a)

Il-kejl tal-luminanza massima għandu jsir b’miter tal-luminanza, li jaqra l-parti tal-iskrin li turi immaġni bajda sħiħa (100 %), li tkun parti minn skema ta’ testijiet ta’ “test ta’ skrin sħiħ” li ma jaqbiżx il-punt tal-livell medju tal-istampa (average picture level — APL) fejn jokkorri xi llimitar tal-enerġija fis-sistema tat-trażmissjoni tal-luminanza tal-unità tal-wiri.

(b)

Il-kejl tal-proporzjon tal-luminanza massima għandu jsir mingħajr ma jintilef il-punt tal-qari tal-miter tal-luminanza fuq l-unità tal-wiri waqt il-qlib bejn il-kundizzjoni tal-modalità Dar jew il-kundizzjoni tal-modalità Mixgħul tat-televixin kif konfigurata mill-fornitur, kif applikabbli, u l-kundizzjoni tal-ogħla luminoniżità tal-modalità Mixgħul.


ANNESS VIII

Proċedura ta' verifika għall-finijiet ta' sorveljanza tas-suq

Għall-finijiet ta' verifika tal-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 3 u 4, l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom japplikaw il-proċedura ta' verifika li ġejja għall-konsum tal-enerġija għall-modalità Mixgħul imsemmi fil-punt 1 tal-Anness II u l-konsum tal-enerġija għall-modalità Stennija/Mitfi msemmi fil-punt 1(g) tal-Anness III.

(1)

L-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jittestjaw biss unità waħda.

(2)

Il-mudell għandu jitqies li jikkonforma mal-valur dikjarat tal-konsum tal-enerġija tal-modalità Mixgħul u l-valuri dikjarati tal-konsum tal-enerġija tal-modalità Stennija u/jew Mitfi, jekk:

(a)

ir-riżultat għall-konsum tal-enerġija fil-modailtà Mixgħul ma jaqbiżx il-valur dikjarat tal-konsum tal-enerġija b'aktar minn 7 %; kif ukoll

(b)

ir-riżultati għall-konsum tal-enerġija fil modalità Stennija/Mitfi, kif applikabbli, ma jaqbżux il-valuri dikjarati ta' konsum tal-enerġija b'aktar minn 0,10 Watt; kif ukoll

(c)

ir-riżultat tal-proporzjon tal-luminanza massima jkun ogħla minn 60 %.

(3)

Jekk ir-riżultati msemmija fil-punt 2(a) jew (b) jew (c) ma jintlaħqux, għandhom jiġu ttestjati tliet unitajiet oħra tal-istess mudell.

(4)

Wara li jiġu ttestjati tliet unitajiet addizzjonali tal-istess mudell, il-mudell għandu jitqies li jikkonforma mal-valur dikjarat tal-konsum tal-enerġija tal-modalità Mixgħul u l-valuri dikjarati tal-konsum tal-enerġija tal-modalità Stennija u Mitfi, jekk:

(a)

il-medja tar-riżultat għall-aħħar tliet unitajiet għall-konsum tal-enerġija fil-modailtà Mixgħul ma taqbiżx il-valur dikjarat tal-konsum tal-enerġija msemmi b'aktar minn 7 %; kif ukoll

(b)

il-medja tar-riżultati għall-aħħar tliet unitajiet għall-kundizzjonijiet Stennija/Mitfi, kif applikabbli, ma taqbiżx il-valuri dikjarati skont l-Anness III, fil-punt g b'aktar minn 0,10 Watt; kif ukoll

(c)

il-medja tar-riżultati tal-aħħar tliet unitajiet għall-proporzjon tal-luminanza massima jkun ogħla minn 60 %.

(5)

Jekk ir-riżultati msemmija fil-punti 4(a) jew (b) jew (c) ma jintlaħqux, il-mudell għandu jitqies bħala mhux konformi mar-rekwiżiti.