30.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 285/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 974/2010

tad-29 ta’ Ottubru 2010

li jistabbilixxi, għas-sena fiskali tal-2011 tal-FAEG, ir-rati tal-imgħax li għandhom jintużaw sabiex jiġu kkalkulati l-ispejjeż għall-finanzjament tal-miżuri ta’ intervent, li jikkonsistu fix-xiri, il-ħżin u r-rimi tal-ħażniet

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni [titlu mhux uffiċjali] (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 f’dak li għandu x’jaqsam mal-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (l-FAEG) ta’ miżuri ta’ intervent fil-forma ta’ ħżin pubbliku u l-kontabbiltà tal-operazzjonijiet ta’ ħżin pubbliku min-naħa tal-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri [titlu mhux uffiċjali] (2), jistipula li l-infiq marbut mal-ispejjeż finanzjarji li jġarrbu l-Istati Membri biex isibu l-fondi għax-xiri tal-prodotti għandhom jiġu deċiżi skont il-metodi ta' kalkolu stabbiliti fl-Anness IV għal dak ir-Regolament.

(2)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-punt I.1 tal-Anness IV għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2006, il-kalkolu tal-ispejjeż finanzjarji jsir abbażi ta’ rata tal-imgħax li hija l-istess fl-Unjoni kollha, u li hija stabbilita mill-Kummissjoni fil-bidu ta’ kull sena fiskali. Din ir-rata tal-imgħax tikkorrispondi għall-medja tar-rati tal-Euribor fit-tul, fuq perjodu ta’ tliet xhur u ta’ tnax-il xahar, irreġistrati matul is-sitt xhur ta’ qabel in-notifika mill-Istati Membri li dwarha hemm dispożizzjoni fil-punt I.1 tal-Anness IV msemmi. Dawn ir-rati għandu jkollhom valur ta’ terz u ta’ żewġ terzi rispettivament. Din ir-rata għandha tiġi stabbilita fil-bidu ta’ kull sena fiskali tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (l-FAEG).

(3)

Madankollu, jekk ir-rata tal-imgħax innotifikata minn Stat Membru tkun inqas mir-rata tal-imgħax uniformi stabbilita għall-Unjoni, għandha tiġi stabbilita rata tal-imgħax fil-livell tat-taxxa nnotifikata għal dak l-Istat Membru, skont it-tieni subparagrafu tal-punt I.2 tal-Anness IV għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2006.

(4)

Barra minn hekk, f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-punt I.2 tal-Anness IV għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2006, jekk Stat Membru ma jibgħat l-ebda notifika, fil-forma u sad-data tal-iskadenza msemmijin fl-ewwel subparagrafu tal-punt I.2 tal-Anness IV msemmi, ir-rata tal-imgħax imġarrba minn dak l-Istat Membru se titqies li hija ta’ 0 %. Jekk Stat Membru jiddikjara li ma ġarrab l-ebda spiża tal-imgħax minħabba li ma kellux prodotti agrikoli maħżunin fl-imħażen pubbliċi matul il-perjodu ta’ referenza, għalih tapplika r-rata uniformi tal-imgħax stabbilita mill-Kummissjoni. Il-Lussemburgu, Malta u l-Portugall iddikjaraw li ma ġarrbu l-ebda spiża tal-imgħax minħabba li ma kellhomx prodotti agrikoli maħżunin fl-imħażen pubbliċi matul il-perjodu ta’ referenza.

(5)

Fid-dawl tan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni, ir-rati tal-imgħax applikabbli għas-sena fiskali tal-2011 tal-FAEG għandhom jiġu stabbiliti billi jitqiesu dawn id-diversi fatturi.

(6)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT,

Artikolu 1

Għall-infiq marbut mal-ispejjeż finanzjarji li jġarrbu l-Istati Membri biex isibu l-fondi għax-xiri tal-prodotti ta’ intervent, li għandhom jitħallsu mis-sena fiskali tal-2011 tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (l-FAEG), ir-rati tal-imgħax li dwarhom hemm dispożizzjoni fl-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 884/2006 skont l-Artikolu 4(1)(a) ta’ dak ir-Regolament għandhom ikunu ta’:

(a)

0,0 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli f’Ċipru, fl-Estonja u fil-Latvja;

(b)

0,2 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fil-Bulgarija;

(c)

0,3 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fl-Isvezja;

(d)

0,4 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fil-Ġermanja, fl-Irlanda u fil-Finlandja;

(e)

0,5 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fl-Awstrija u fir-Renju Unit;

(f)

0,6 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fl-Italja;

(g)

0,7 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fil-Greċja;

(h)

1,0 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fil-Belġju;

(i)

1,1 % għar-rata tal-imgħax uniformi għall-Unjoni applikabbli fl-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Ottubru 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 171, 23.6.2006, p. 35.