28.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/33


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 967/2010

tas-27 ta’ Ottubru 2010

li jagħlaq il-bejgħ ipprovdut fir-Regolament (UE) Nru 446/2010 li jiftaħ il-bejgħ tal-butir permezz ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(j), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-bejgħ permezz ta' sejħa għall-offerti tal-butir maħżun qabel l-1 ta' Ottubru 2009 infetaħ permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 446/2010 (2) skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1272/2009 tal-11 ta' Diċembru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f'dak li għandu x'jaqsam max-xiri u l-bejgħ ta' prodotti agrikoli taħt intervent pubbliku (3).

(2)

Minħabba s-sitwazzjoni attwali fis-suq tal-butir u b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-ħażniet tal-intervent għall-butir u l-fatt li ċerti kwantitajiet ta' butir huma riservati fl-ambitu tal-iskema tat-tqassim tal-ikel lill-iskema l-aktar imċaħħda fl-Unjoni, il-bejgħ miftuħ bir-Regolament (UE) Nru 446/2010 għandu jingħalaq.

(3)

Sabiex jingħata sinjal malajr lis-suq u biex tiġi żgurata ġestjoni effiċjenti tal-miżura, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-bejgħ tal-butir permezz ta' sejħa għall-offerti, miftuħ bl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 446/2010 huwa magħluq.

Offerti li ġew riċevuti mill-aġenziji ta' intervent tal-Istati Membri wara l-11.00 (ħin ta' Brussell) fid-19 ta' Ottubru 2010 u wara, mhumiex aċċettati.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Dacian CIOLOŞ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 126, 22.5.2010, p. 17.

(3)  ĠU L 349, 29.12.2009, p. 1.