21.10.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 277/4 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 939/2010
tal-20 ta’ Ottubru 2010
li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 dwar it-tolleranzi permessi għat-tikkettjar tal-kompożizzjoni ta’ oġġetti tal-għalf jew għalf kompost kif imsemmi fl-Artikolu 11(5)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ għalf, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/511/KEE, id-Direttivi tal-Kunsill 82/471/KEE, 83/228/KEE, 93/74/KEE, 93/113/KE u 96/25/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/217/KE (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 27(1) tagħha.
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 jistipula sett ta’ regoli tal-UE li jirrigwardaw il-kondizzjonijiet tas-suq għall-oġġetti tal-għalf u għalf kompost. L-Anness IV ta’ dan ir-Regolament jinkludi t-tolleranzi permessi għat-tikkettjar tal-kompożizzjoni ta’ oġġetti tal-għalf u għalf kompost. |
(2) |
Id-dejta statistika ta’ kontroll mill-Awtoritajiet Kompetenti fl-Istati Membri dwar devjazzjonijiet f’kampjuni tal-għalf uriet li għandhom isiru tibdiliet sostanzjali lill-parametri stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 sabiex jitqiesu l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi fil-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u dawk analitiċi. Il-Kummissjoni issa lestiet il-valutazzjoni ta’ dik id-dejta u konsegwentement l-istruttura u l-parametri tal-Anness IV għandhom jiġu mmodifikati. |
(3) |
It-tolleranzi emendati għall-kontenut ta’ umdità għandhom iqisu ċerti oġġetti tal-għalf b’kontenut ta’ umdità ogħla minn 50 %, peress li għal dawn l-oġġetti tal-għalf ġew introdotti dispożizzjonijiet ġodda tat-tikkettjar mill-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament (KE) Nru 767/2009. |
(4) |
Fl-assenza ta’ metodi biex jiġu ddeterminati l-valur tal-enerġija u l-valur tal-proteini f’livell tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jitħallew iżommu t-tolleranzi nazzjonali tagħhom għal dawn il-parametri. |
(5) |
Għat-tolleranzi li ġew introdotti reċentement għall-addittivi tal-għalf fl-għalf għandu jiġi ċċarat li dawn japplikaw biss għad-devjazzjonijiet tekniċi, billi t-tolleranza analitika hija diġà determinata skont il-metodu uffiċjali ta’ sejbien għall-addittiv tal-għalf rispettiv. It-tolleranzi għandhom japplikaw għal valuri stabbiliti fil-lista ta’ addittivi u l-lista ta’ kostitwenti analitiċi. |
(6) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponiehom. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 huwa mibdul skont l-Anness ma’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Settembru 2010.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
ANNESS
L-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 767/2009 jinbidel b’dan li ġej:
“ANNESS IV
Tolleranzi permessi għat-tikkettjar tal-kompożizzjoni ta’ oġġetti tal-għalf jew għalf kompost stipulati fl-Artikolu 11(5)
Parti A: Tolleranzi għall-kostitwenti analitiċi stipulati fl-Annessi I, V, VI u VII
(1) |
It-tolleranzi stabbiliti f’din il-Parti jinkludu devjazzjonijiet tekniċi u analitiċi. Ladarba t-tolleranzi li jkopru l-inċertezzi fil-kejl u l-varjazzjonijiet proċedurali jiġu ffissati fil-livell tal-Unjoni, il-valuri ffissati fil-punt 2 għandhom jiġu adattati kif meħtieġ biex ikopru biss it-tolleranzi tekniċi. |
(2) |
Meta l-kompożizzjoni ta’ oġġetti tal-għalf jew għalf kompost tinstab li tmur lil hinn mill-valur indikat fuq it-tikketta tal-kostitwenti analitiċi stipulati fl-Annessi I, V, VI u VII għandhom japplikaw it-tolleranzi li ġejjin:
|
(3) |
B’deroga mill-punt 2(a) fir-rigward ta’ żejt u xaħmijiet mhux raffinati u proteini mhux raffinati fl-ikel tal-pets, fejn il-kontenuti dikjarati ikunu ta’ inqas minn 16 % id-devjazzjoni permessa għandha tkun ± 2 % tal-massa jew il-volum totali. |
(4) |
B’deroga mill-punt 2, id-devjazzjoni permessa mill-kontenut dikjarat għal-limitu massimu għaż-żejt u x-xaħmijiet mhux raffinati u z-zokkor, il-lamtu, il-kalċju, is-sodju, il-potassju, u l-manjesju, il-valur tal-enerġija u l-valur tal-proteini jista’ jkun sa darbtejn it-tolleranza stipulata fil-punti 2 u 3. |
(5) |
B’deroga mill-punt 2, il-tolleranzi għall-irmied li ma jinħallx fl-aċidu idrokloriku u l-umdità japplikaw biss għal-limitu massimu u m’hemmx limiti stabbiliti għat-tolleranzi għal-limitu minimu. |
Parti B: Tolleranzi għall-addittivi tal-għalf tikkettjati skont l-Annessi I, V, VI u VII
(1) |
It-tolleranzi stabbiliti f’din il-Parti jinkludu devjazzjonijiet tekniċi biss. Huma għandhom japplikaw għal addittivi tal-għalf fil-lista tal-addittivi tal-għalf u fil-lista tal-kostitwenti analitiċi. Fir-rigward tal-addittivi tal-għalf elenkati bħala kostitwenti analitiċi, it-tolleranzi għandhom japplikaw għall-ammont totali ttikkettjat bħala l-kwantità garantita fl-aħħar tal-iskadenza minima ta’ ħażna tal-għalf. Meta l-kontenut ta’ addittiv tal-għalf f’oġġetti tal-għalf jew għalf kompost ikun inqas mill-kontenut dikjarat, għandhom japplikaw it-tolleranzi li ġejjin (1):
|
(2) |
Fejn kontenut minimu u/jew massimu ta’ addittiv f’għalf huwa stipulat fl-att ta’ awtorizzazzjoni rispettiv għal dak l-addittiv tal-għalf, it-tolleranzi tekniċi stipulati fil-punt 1 għandhom japplikaw biss meta jinqabeż kontenut minimu jew meta ma jintlaħaqx kontenut massimu, fejn ikun xieraq. |
(3) |
Sakemm il-kontenut massimu ffissat ta’ addittiv, kif inhu msemmi fil-punt 2 ma jinqabiżx, id-devjazzjoni ’l fuq mill-kontenut dikjarat tista’ tiżdied sa tliet darbiet it-tolleranza stipulata fil-punt 1. Madankollu, jekk għal addittivi tal-għalf li jappartienu lill-grupp ta’ mikroorganiżmi, kontenut massimu huwa stipulat fl-att ta’ awtorizzazzjoni rispettiv għal dak l-addittiv tal-għalf, il-kontenut massimu għandu jikkostitwixxi il-valur massimu permess.” |
(1) Unità 1 f’dan il-punt tfisser 1 mg, 1 000 IU, 1 × 109 CFU jew 100 unità ta’ attività enżimatika tal-addittiv tal-għalf rispettiv għal kull kg ta’ għalf kif xieraq.