20.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 276/1


REGOLAMENT (UE) Nru 911/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Settembru 2010

dwar il-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 189 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fil-laqgħa tiegħu tal-15 u s-16 ta’ Ġunju 2001 f’Gothenburg, il-Kunsill Ewropew qabel dwar strateġija għal żvilupp sostenibbli, biex isaħħaħ b’mod reċiproku l-linji politiċi fl-oqsma ekonomiku, soċjali u ambjentali u żied dimensjoni ambjentali fil-proċess ta’ Lisbona.

(2)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2007 dwar il-Politika Spazjali Ewropea (3) adottata fir-raba’ laqgħa konġunta u konkomitanti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Aġenzija Spazjali Ewropea f’livell ministerjali, stabbilit skont l-Artikolu 8(1) tal-Ftehim Qafas bejn il-Komunità Ewropea u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (4) (il-“Kunsill Spazjali”), il-Kunsill għaraf il-kontribuzzjonijiet attwali u potenzjali permezz ta’ attivitajiet spazjali lejn l-Istrateġija ta’ Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi billi jipprovdu teknoloġiji u servizzi favorevoli għas-soċjetà emerġenti Ewropea tal-konoxxenza u jikkontribwixxu għall-koeżjoni Ewropea, u enfasizza li l-ispazju huwa element sinifikanti tal-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ewropa.

(3)

Ir-Riżoluzzjoni tas-26 ta’ Settembru 2008, bit-titolu “Il-progress fil-Politika Spazjali Ewropea” (5), adottata fil-ħames laqgħa konġunta u konkomitanti tal-Kunsill dwar l-Ispazju enfasizzat il-ħtieġa li jiġu żviluppati strumenti adegwati tal-UE u skemi ta’ finanzjament li jqisu l-ispeċifiċitajiet tas-settur spazjali, il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kompetittività ġenerali tagħha u dik tal-industrija tagħha u n-neċessità ta’ struttura industrijali bilanċjata; u li jiġi permess investiment tal-Unjoni xieraq għal perjodu fit-tul fir-riċerka relatata mal-ispazju u għall-operazzjoni ta’ applikazzjonijiet sostenibbli bbażati fuq l-ispazju għall-benefiċċju tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha, b’mod partikolari billi jiġu eżaminati l-konsegwenzi kollha relatati mal-politika spazjali fil-qafas tal-perspettiva finanzjarja li jmiss.

(4)

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar “Il-politika spazjali Ewropea: Kif nistgħu inqarrbu l-ispazju lejn id-dinja” (6) enfasizzat il-ħtieġa li jinstabu strumenti u skemi ta’ finanzjament tal-UE adegwati għall-Politika Spazjali Ewropea biex jissupplimentaw l-allokazzjonijiet mis-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (“is-Seba’ Programm Kwadru”), sabiex l-atturi ekonomiċi differenti jkunu jistgħu jippjanaw l-azzjonijiet tagħhom għal perjodu ta’ żmien medju u twil u enfasizzat li l-qafas finanzjarju li jmiss għandu jqis strumenti u skemi ta’ finanzjament tal-UE adegwati sabiex ikun jista’ jsir investiment tal-Unjoni għal perjodu ta’ żmien twil fir-riċerka marbuta mal-ispazju u għall-operazzjoni ta’ applikazzjonijiet sostenibbli bbażati fuq l-ispazju għall-benefiċċju tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha.

(5)

Il-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) ikkonsista f’inizjattiva, ta’ monitoraġġ tad-dinja, immexxija mill-Unjoni u mwettqa bi sħubija mal-Istati Membri u mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (“ESA”). L-gan tal-GMES hu li jipprovdi, taħt il-kontroll tal-Unjoni, servizzi ta’ informazzjoni, li jagħtu aċċess għal data u informazzjoni preċiżi fil-qasam tal-ambjent u s-sigurtà u li huma mfassla skont il-ħtiġijiet tal-utenti. B’dan il-mod, il-GMES għandu jrawwem sfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali tal-linji politiċi ta’ innovazzjoni, riċerka u żvilupp teknoloġiku fil-qasam tal-osservazzjoni tad-dinja. Il-GMES għandu jkun, inter alia, għodda ewlenija li tappoġġa l-bijodiversità, l-immaniġġar tal-ekosistema u l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

(6)

Sabiex jinkiseb l-għan tal-GMES fuq bażi sostenibbli, jinħtieġ li jiġu kkoordinati l-attivitajiet tad-diversi sħab involuti fil-GMES, u li tiġi żviluppata, stabbilita u mħaddma kapaċità ta’ servizz u osservazzjoni li tissodisfa l-eżiġenzi tal-utenti, bla ħsara għar-restrizzjonijiet rilevanti nazzjonali u Ewropej rigward is-sigurtà.

(7)

F’dan il-kuntest, kumitat għandu jassisti lill-Kummissjoni fl-iżgurar tal-koordinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għall-GMES mill-Unjoni, l-Istati Membri u l-aġenziji intergovernattivi, bl-aħjar użu tal-kapaċitajiet eżistenti u bl-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet li jridu jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni. Huwa għandu jgħin ukoll lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni koerenti tal-GMES. Huwa għandu jimmonitorja l-evoluzzjoni tal-politika u jipprovdi l-possibbiltà li jsiru skambji ta’ prattika tajba fil-GMES.

(8)

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politika tas-sigurtà tal-GMES, megħjuna mill-Kumitat. Għal dan il-għan għandha titwaqqaf konfigurazzjoni speċifika tal-Kumitat (il-“Bord tas-Sigurtà”).

(9)

Il-GMES għandu jkun immexxi mill-utent, u b’hekk jeħtieġ l-involviment kontinwu u effettiv tal-utenti, partikolarment rigward id-definizzjoni u l-validazzjoni ta’ rekwiżiti tas-servizz. Sabiex jiżdied il-valur tal-GMES għall-utenti, il-kontribut tagħhom għandu jiġi mfittex b’mod attiv permezz ta’ konsultazzjoni regolari mal-utenti finali mis-setturi pubbliċi u privati. Għandu jiġi stabbilit ukoll Korp iddedikat (il-“User-Forum”) sabiex jiffaċilita l-identifikazzjoni tal-ħtiġiet tal-utenti, il-verifika tal-konformità tas-servizz u l-koordinazzjoni tal-GMES mal-utenti tiegħu fis-settur pubbliku.

(10)

Sabiex tipprovdi għal qafas li jiżgura aċċess sħiħ u miftuħ għall-informazzjoni prodotta mis-servizzi tal-GMES u għad-data miġbura permezz ta’ infrastruttura tal-GMES, filwaqt li tipprovdi għall-protezzjoni neċessarja ta’ dik l-informazzjoni u ta’ dik id-data, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ delega skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) fir-rigward tal-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni u tal-liċenzjar għall-utenti tal-GMES u tal-kriterji għar-restrizzjoni tal-aċċess għad-data u l-informazzjoni tal-GMES, filwaqt li tqis il-linji politiċi dwar id-data u dwar l-informazzjoni tal-fornituri tad-data meħtieġa għall-GMES, u mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali u l-proċeduri applikabbli għall-ispazju u l-infrastrutturi in situ taħt il-kontroll nazzjonali. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti.

(11)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tal-atti ta’ delega adottati fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament, is-setgħat tal-implimentazzjoni għandhom ikunu konferiti lill-Kummissjoni biex tadotta, fuq il-bażi tal-kondizzjonijiet u l-kriterji stabbiliti mill-atti ta’ delega, miżuri speċifiċi biex jirrestrinġu l-aċċess għall-informazzjoni prodotta mis-servizzi tal-GMES u għad-data miġbura permezz tal-infrastruttura dedikata tal-GMES, inklużi miżuri individwali li jqisu s-sensittività tal-informazzjoni u tad-data kkonċernata. Is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom ukoll jiġu konferiti lill-Kummissjoni biex tikkoordina l-kontribuzzjonijiet volontarji tal-Istati Membri u s-sinerġiji potenzjali ma’ inizjattivi rilevanti nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali, sabiex tistabbilixxi r-rata massima ta’ kofinanzjament għall-għotjiet, tadotta miżuri li jistipulaw ir-rekwiżiti tekniċi sabiex jiġu żgurati l-kontroll u l-integrità tas-sistema fi ħdan il-programm iddedikat tal-komponent spazjali tal-GMES u biex tikkontrolla l-aċċess għal, u l-ġestjoni ta’, teknoloġiji li jipprovdu sigurtà għall-programm iddedikat tal-komponent spazjali tal-GMES, u biex tadotta l-programm ta’ ħidma annwali tal-GMES.

Skont l-Artikolu 291 tat-TFUE, ir-regoli u l-prinċipji ġenerali li għandhom x’jaqsmu mal-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat implimentattivi tagħha għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’regolament adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Sa meta jiġi adottat dak ir-regolament il-ġdid, tibqa’ tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (7), bl-eċċezzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, li mhijiex applikabbli.

(12)

Billi l-GMES hija bbażata fuq sħubija bejn l-Unjoni, l-ESA u l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tkompli d-djalogu li ġie stabbilit reċentement mal-ESA u l-Istati Membri li jippossjedu assi spazjali rilevanti.

(13)

Is-servizzi tal-GMES huma meħtieġa biex irawmu l-użu ta’ sorsi ta’ informazzjoni mis-settur privat fuq bażi kontinwa, u b’hekk jiffaċilitaw l-innovazzjoni, b’riżultat ta’ valur miżjud, minn fornituri ta’ servizzi, li ħafna minnhom huma impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

(14)

Il-GMES jinkludi kemm attivitajiet ta’ żvilupp kif ukoll operazzjonijiet. Fir-rigward tal-operazzjonijiet, fit-tielet orjentazzjoni tiegħu adottata fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ispazju fit-28 ta’ Novembru 2005, il-Kunsill appoġġa approċċ maqsum f’diversi fażijiet għall-implimentazzjoni tal-GMES imsejjes fuq prijoritajiet identifikati b’mod ċar, billi jibda bl-iżvilupp ta’ tliet servizzi rapidi fil-qasam tar-reazzjonijiet ta’ emerġenza, il-monitoraġġ tal-art u s-servizzi marittimi.

(15)

L-ewwel servizzi operattivi fil-qasam ta’ reazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ monitoraġġ tal-art kienu ffinanzjati bħala azzjonijiet preparatorji skont l-Artikolu 49(6)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (8) (“ir-Regolament Finanzjarju”).

(16)

Minbarra l-attivitajiet ta’ żvilupp iffinanzjati skont il-qasam tematiku spazjali inklużi fis-Seba’ Programm Kwadru, tinħtieġ azzjoni tal-Unjoni fil-perjodu tal-2011-2013 biex tiżgura l-kontinwità mal-azzjonijiet preparatorji u biex tistabbilixxi servizzi operattivi fuq bażi aktar permanenti f’oqsma ta’ maturità teknika suffiċjenti b’potenzjal ippruvat għall-iżvilupp ta’ servizzi fil-livell suċċessiv.

(17)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-12 ta’ Novembru 2008 bit-titlu “Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES): għal qalbna dinja iżjed protetta”, il-Kummissjoni fissret l-approċċ tagħha għat-tmexxija u l-finanzjament tal-GMES u indikat l-intenzjoni tagħha li tiddelega l-implimentazzjoni teknika tal-GMES lil entitajiet speċjalizzati, inkluża l-ESA għall-komponent spazjali tal-GMES minħabba l-pożizzjoni unika u l-konoxxenza esperta tagħha.

(18)

Il-Kummissjoni għandha tafda l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni teknika tas-servizzi tal-GMES, fejn xieraq, lil entitajiet tal-Unjoni jew organizzazzjonijiet intergovernattivi kompetenti, bħall-Aġenzija Ambjentali Ewropea u ċ-Ċentru Ewropew għat-Tbassir tat-Temp fuq Medda Medja.

(19)

Is-servizzi operattivi fil-qasam tal-immaniġġar ta’ emerġenzi u ta’ assistenza umanitarja huma neċessarji biex jikkoordinaw il-kapaċità eżistenti tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha biex itejbu l-preparazzjoni, ir-reazzjoni u l-irkupru wara diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem, li ħafna drabi jkollhom ukoll impatt negattiv fuq l-ambjent. Billi t-tibdil fil-klima jista’ jwassal għal żieda fin-numru ta’ emerġenzi, il-GMES se jkun essenzjali għall-appoġġ tal-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. Is-servizzi tal-GMES għandhom għalhekk jipprovdu informazzjoni ġeospazjali biex jappoġġaw reazzjonijiet ta’ emerġenza u assistenza umanitarji.

(20)

Is-servizzi ta’ monitoraġġ tal-art huma importanti għall-monitoraġġ tal-bijodiversità u tal-ekosistemi jappoġġaw il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-miżuri ta’ adattament u l-ġestjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ riżorsi u linji politiċi, li ħafna minnhom huma marbuta mal-ambjent naturali: il-ħamrija, l-ilma, l-agrikoltura, il-foresti, l-enerġija u l-utilitajiet, iż-żoni mibnija, il-faċilitajiet ta’ rikreazzjoni, l-infrastruttura u t-trasport. Is-servizzi operattivi ta’ monitoraġġ tal-art huma meħtieġa kemm fil-livell Eworpew kif ukoll f’dak globali, u jridu jiġu żviluppati b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, mal-pajjiżi terzi fl-Ewropa u ma’ msieħba barra mill-Ewropa kif ukoll man-Nazzjonijiet Uniti.

(21)

Is-servizzi tal-GMES fil-qasam tal-ambjent tal-baħar huma importanti għall-appoġġ ta’ kapaċità Ewropea integrata għat-tbassir u l-monitoraġġ tal-oċeani u l-provvista futura ta’ Parametri Essenzjali tal-Klima (ECVs). Huma element essenzjali għall-monitoraġġ tat-tibdil fil-klima, il-monitoraġġ tal-ambjent tal-baħar u l-appoġġ tal-linja politika tat-trasport.

(22)

Is-servizzi ta’ monitoraġġ tal-atmosfera huma importanti għall-monitoraġġ tal-kwalità tal-arja, il-kimika u l-kompożizzjoni atmosferika. Huma wkoll element essenzjali għall-monitoraġġ tat-tibdil fil-klima u l-provvista futura ta’ ECVs. L-għoti ta’ informazzjoni dwar l-istat tal-atmosfera huwa meħtieġ fuq bażi regolari u fil-livelli reġjonali u globali.

(23)

Is-servizzi tas-sigurtà jiffurmaw parti importanti fl-inizjattiva GMES. L-Ewropa ser tibbenefika mill-użu tal-ispazju u l-assi in situ bħala appoġġ tal-implimentazzjoni ta’ servizzi li jirrispondu għall-isfidi li l-Ewropa qed tiffaċċja fil-qasam tas-sigurtà, b’mod partikolari l-kontroll tal-fruntieri, is-sorveljanza marittima u l-appoġġ għall-azzjonijiet esterni tal-Unjoni.

(24)

Il-monitoraġġ tat-tibdil fil-klima għandu jippermetti l-adattament u l-mitigazzjoni tal-effetti tiegħu. Għandu b’mod partikolari jikkontribwixxi għall-provvista ta’ ECVs, l-analiżi tal-klima u projezzjonijiet fuq skala rilevanti għall-adattament u l-mitigazzjoni, u l-prestazzjoni tas-servizz rilevanti.

(25)

Il-provvediment ta’ servizzi operattivi ffinanzjati skont dan ir-Regolament jiddipendi fuq l-aċċess għal data miġbura permezz ta’ infrastruttura spazjali kif ukoll faċilitajiet tal-ajru, tal-baħar u tal-art (“infrastruttura in situ”) u programmi ta’ stħarriġ. B’rispett sħiħ għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, għandu għalhekk jiġi assigurat l-aċċess għad-data meħtieġa u fejn ikun meħtieġ, jista’ jiġi appoġġat il-ġbir ta’ data in situ b’mod komplementari mal-attivitajiet eżistenti nazzjonali u tal-Unjoni. Jeħtieġ li tiġi żgurata d-disponibbiltà kontinwa tal-ħtiġijiet ta’ infrastruttura in situ u tal-osservazzjoni spazjali sottostanti, inkluża infrastruttura spazjali żviluppata speċifikament għall-GMES fil-qafas tal-programm tal-komponent spazjali ESA GMES (is-“Sentinels”). L-ewwel Sentinels għandhom jibdew il-fażi operattiva inizjali tagħhom fl-2012.

(26)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-komplementarjetà tal-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp relatati mal-GMES skont is-Seba’ Programm Kwadru, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-operazzjonijiet inizjali tal-GMES, l-attivitajiet tas-sħab tal-GMES u l-istrutturi diġà eżistenti, bħaċ-Ċentri ta’ Data Ewropej.

(27)

L-operazzjonijiet inizjali tal-GMES għandhom jiġu implimentati b’mod konsistenti ma’ linji politiċi, strumenti u azzjoni oħra rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-linji politiċi fil-qasam tal-ambjent, is-sigurtà, il-kompetittività u l-innovazzjoni, il-koeżjoni, ir-riċerka, it-trasport, il-kompetizzjoni u l-linji politiċi ta’ koperazzjoni internazzjonali, il-programm Ewropew tas-Sistemi Globali għan-Navigazzjoni bis-Satelliti (GNSS) u l-protezzjoni tad-data personali. Barra minn hekk, id-data tal-GMES għandha żżomm il-koerenza mad-data ta’ referenza spazjali tal-Istati Membri u tappoġġa l-iżvilupp tal-infrastruttura għall-informazzjoni spazjali fl-Unjoni stabbilita mid-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (9). Il-GMES għandu wkoll jikkomplementa s-Sistema Komuni ta’ Informazzjoni Ambjentali (SEIS) u l-attivitajiet tal-Unjoni fil-qasam tar-reazzjonijiet ta’ emerġenza.

(28)

Il-GMES u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu għandhom jitqiesu bħala kontribuzzjoni Ewropea għall-bini tas-Sistema tas-Sistemi Globali tal-Osservazzjoni tad-Dinja (GEOSS) żviluppata fil-qafas tal-Grupp fuq l-Osservazzjonijiet tad-Dinja (GEO).

(29)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Ftehimiet ta’ Qafas mal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali jistipulaw il-parteċipazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali għandha ssir possibbli billi jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali għal dan l-għan.

(30)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi għat-tul kollu tal-operazzjonijiet inizjali tal-GMES, pakkett finanzjarju ta’ EUR 107 miljun li jikkostitwixxi l-ewwel referenza, skont it-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (10) (“il-Ftehim Interistituzzjonali”) għall-awtorità baġitarja matul il-proċedura baġitarja annwali. Huwa mistenni li dan il-pakkett finanzjarju se jiġi kkomplementat b’ammont ta’ EUR 209 miljun mit-tema spazjali tas-Seba’ Programm Kwadru għal azzjonijiet ta’ riċerka li jakkumpanjaw l-operazzjonijiet inizjali tal-GMES li għandhom jiġu ġestiti b’konformità mar-regoli u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet applikabbli fis-Seba’ Programm Kwadru. Dawn iż-żewġ sorsi ta’ finanzjament għandhom jiġu amministrati b’mod koordinat sabiex jiġi żgurat progress konsistenti fl-implimentazzjoni tal- GMES.

(31)

Dan il-pakkett finanzjarju huwa kompatibbli mal-limitu għas-subintestatura 1a tal-qafas finanzjarju multiannwali (“MFF”) 2007-2013, iżda l-marġni li jibqa’ fis-subintestatura 1a għall-2011-2013 huwa żgħir ħafna. Għandu jkun enfasizzat li l-ammont annwali ser jiġi stabbilit matul il-proċedura baġitarja annwali, b’konformità mal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali.

(32)

Il-fond, jekk ikun possibbli, għandu jkompli jiżdied sabiex l-approprjazzjonijiet ta’ impenn ikunu jistgħu jiġu allokati għall-komponent spazjali matul l- MFF attwali. F’termini speċifiċi, dan jikkonċerna l-operazzjoni tas-serje A tas-Sentinels u t-tnedija tas-serje B u l-akkwist ta’ komponenti kruċjali għas-serje C.

(33)

Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tar-reviżjoni intermedja tal-MFF attwali, u qabel tmiem l-2010, teżamina l-possibbiltà ta’ finanzjament addizzjonali għall-GMES, fi ħdan il-baġit globali tal-Unjoni matul l-MFF 2007-2013.

(34)

L-allokazzjoni ta’ kwalunkwe finanzjament addizzjonali għal dan ir-Regolament minbarra l-EUR 107 miljun diġà allokati għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tad-diskussjoni dwar il-futur tal-politika spazjali tal-Ewropa, b’mod partikolari dwar l-akkwist u l-governanza.

(35)

Il-Kummissjoni għandha wkoll tissottometti strateġija ta’ finanzjament fit-tul għall-MFF futur matul l-ewwel semestru tal-2011, mingħajr preġudizzju għall-eżitu tan-negozjati dwar l-MFF 2014-2020.

(36)

Fl-ippjanar finanzjarju tagħha, il-Kummissjoni għandha tiżgura li tinżamm il-kontinwità tad-data kemm waqt il-perjodu inizjali tal-operazzjoni tal-programm GMES (2011-2013) kif ukoll wara, u li s-servizzi jistgħu jintużaw mingħajr waqfien u mingħajr restrizzjonijiet.

(37)

Skont ir-Regolament Finanzjarju, l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi fuq il-bażi ta’ ftehimiet xierqa.

(38)

L-informazzjoni tal-GMES għandha tkun aċċessibbli b’mod sħiħ u miftuħ, bla ħsara għar-restrizzjonijiet rilevanti tas-sigurtà jew għal-linji politiċi tad-data tal-Istati Membri u organizzazzjonijiet oħra li jikkontribwixxu data u informazzjoni lill-GMES. Dan hu meħtieġ biex jippromwovi l-użu u l-qsim ta’ data u informazzjoni tal-osservazzjoni tad-dinja b’konformità mal-prinċipji tas-SEIS, INSPIRE u GEOSS. L-aċċess sħiħ u miftuħ għad-data għandu wkoll iqis il-provvista tad-data kummerċjali eżistenti u għandu jippromwovi swieq tal-osservazzjoni tad-dinja aktar b’saħħithom fl-Ewropa, b’mod partikolari f’setturi downstream, biex jiżdiedu t-tkabbir u l-impjiegi.

(39)

Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ottubru 2009 bit-titlu “Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES): L-Isfidi u l-Passi li Jmiss għall-Komponent Spazjali”, għandu jkun hemm linja ta’ politika ta’ aċċess sħiħ u miftuħ għal data għas-Sentinels permezz ta’ skema bla ħlas ta’ liċenzji u ta’ aċċess online, suġġetta għal kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà. Tali approċċ għandu l-għan li jimmassimizza l-użu vantaġġuż ta’ data tas-Sentinels għall-firxa l-aktar wiesgħa ta’ applikazzjonijiet u huwa maħsub biex jistimola l-adozzjoni ta’ informazzjoni bbażata fuq data ta’ osservazzjoni tad-dinja għall-utenti finali.

(40)

L-azzjoni ffinanzjata taħt dan ir-Regolament għandha tiġi mmonitorjata u vvalutata biex ikunu jistgħu jsiru dawk l-aġġustamenti meħtieġa mill-ġdid.

(41)

Għandhom jittieħdu wkoll miżuri xierqa biex ma jitħallewx iseħħu irregolaritajiet u frodi u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu rkuprati fondi mitlufa, imħallsa meta mhux dovuti jew użati ħażin, skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (11) u (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni biex tħares l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej mill-frodi u irregolaritajiet oħra (12) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (13).

(42)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment tal-programm GMES u tal-operazzjonijiet inizjali tiegħu, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li l-operazzjonijiet inizjali tal-GMES se jinkludu wkoll il-kapaċità pan-Ewropea u jiddipendu fuq l-għoti kkoordinat ta’ servizzi fl-Istati Membri kollha li jrid jiġi kkoordinat fil-livell tal-Unjoni u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan, b’mod speċjali rigward ir-rwol tal-Kummissjoni bħala koordinatur tal-attivitajiet nazzjonali,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja imsejjaħ GMES u jistabbilixxi r-regoli tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet inizjali tiegħu matul il-perjodu 2011-2013.

Artikolu 2

Il-programm GMES

1.   Il-programm GMES għandu jibni fuq l-attivitajiet ta’ riċerka mwettqa taħt id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (14) u l-Programm tal-Komponent Spazjali tal-GMES tal-ESA.

2.   Il-programm GMES għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

komponent tas-servizzi li jiżgura l-aċċess għall-informazzjoni bħala appoġġ għall-oqsma li ġejjin:

monitoraġġ tal-atmosfera;

monitoraġġ tat-tibdil fil-klima bħala appoġġ għal-linji politiċi ta’ adattament u ta’ mitigazzjoni;

immaniġġar ta’ emerġenzi;

monitoraġġ tal-art;

monitoraġġ tal-ambjent tal-baħar;

sigurtà;

(b)

komponent spazjali li jiżgura osservazzjonijiet sostenibbli tal-ispazju għall-oqsma tas-servizz msemmija fil-punt (a);

(c)

komponent in situ li jiżgura osservazzjonijiet permezz ta’ istallazzjonijiet tal-ajru, tal-baħar u tal-art għall-oqsma tas-servizz imsemmija fil-punt (a).

Artikolu 3

L-operazzjonijiet inizjali tal-GMES (2011-2013)

1.   L-operazzjonijiet inizjali tal-GMES għandhom ikopru l-perjodu mill-2011 sal-2013 u jistgħu jinkludu azzjonijiet operattivi fl-oqsma li ġejjin:

(1)

l-oqsma tas-servizz imsemmija fl-Artikolu 2(2)(a);

(2)

miżuri biex jappoġġjaw l-użu tas-servizzi mill-utenti;

(3)

aċċess għal data;

(4)

appoġġ għall-ġbir ta’ data in situ;

(5)

il-komponent spazjali tal-GMES.

2.   L-għanijiet tal-azzjonijiet operattivi msemmija fil-paragrafu 1 huma definiti fl-Anness.

Artikolu 4

Arranġamenti ta’ organizzazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-koordinazzjoni tal-programm GMES b’attivitajiet fil-livell nazzjonali, fil-livell tal-Unjoni u wkoll fil-livell internazzjonali bħal, b’mod partikolari l-GEOSS. L-implimentazzjoni u l-operazzjoni tal-GMES għandha tkun ibbażata fuq sħubijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, b’konformità mar-regoli u l-proċeduri rispettivi tagħhom. Il-kontribuzzjonijiet volontarji tal-Istati Membri u s-sinerġiji potenzjali ma’ inizjattivi rilevanti nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali għandhom jiġu kkoordinati b’konformità mal-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(5).

2.   Il-Kummissjoni għandha tamministra l-fondi allokati għall-attivitajiet skont ir-Regolament Finanzjarju u l-proċedura ta’ amministrazzjoni imsemmija fl-Artikolu 16(4). Hija għandha tiżgura l-komplementarjetà u l-konsistenza tal-programm GMES ma’ linji politiċi, strumenti u azzjonijiet rilevanti oħra tal-Unjoni, relatati b’mod partikolari mal-ambjent, is-sigurtà, il-kompetittività u l-innovazzjoni, il-koeżjoni, ir-riċerka (b’mod partikolari l-attivitajiet tas-Seba’ Programm Kwadru marbutin mal-GMES, bla ħsara għad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE), it-trasport u l-kompetizzjoni, il-koperazzjoni internazzjonali, il-programmi Ewropej tas-Sistemi Globali għan-Navigazzjoni bis-Satelliti (GNSS), il-protezzjoni tad-data personali u drittijiet eżistenti tal-proprjetà intellettwali, id-Direttiva 2007/2/KE, is-Sistema Komuni ta’ Informazzjoni Ambjentali (SEIS) u attivitajiet tal-Unjoni fil-qasam tar-reazzjonijiet ta’ emerġenza.

3.   Billi l-programm GMES huwa inizjattiva mmexxija mill-utent, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ispeċifikazzjonijiet tas-servizz jaqblu mal-ħtiġijiet tal-utenti. Għal dak il-għan, għandha tistabbilixxi mekkaniżmu trasparenti għall-involviment u l-konsultazzjoni regolari tal-utent, li jippermetti l-identifikazzjoni tal-ħtiġiet tal-utent fuq il-livell tal-Unjoni u fuq dak nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura koordinazzjoni ma’ utenti rilevanti tas-settur pubbliku fl-Istati Membri, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Għandhom jiġu stabbiliti ħtiġiet tad-data tas-servizzi b’mod indipendenti mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Forum tal-Utenti.

4.   Il-koordinazzjoni teknika u l-implimentazzjoni tal-komponent spazjali tal-GMES għandha tiġi ddelegata lill-ESA. Dawn għandhom jiddipendu fuq l-Organizzazzjoni Ewropea għall-Utilizzazzjoni ta’ Satelliti Meteoroloġiċi (EUMETSAT) fejn ikun meħtieġ.

5.   Il-Kummissjoni għandha tafda l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni teknika tas-servizzi tal-GMES, fejn xieraq, lil entitajiet tal-Unjoni jew organizzazzjonijiet intergovernattivi kompetenti.

Artikolu 5

L-għoti tas-servizzi

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri adegwati sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva fil-provvista ta’ servizzi GMES u biex tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-SMEs. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-użu tal-għoti tas-servizzi tal-GMES biex jiġi żviluppat is-settur fil-livelli suċċessivi.

2.   L-għoti ta’ servizzi tal-GMES għandha tkun deċentralizzata, fejn xieraq, biex jiġu integrati fil-livell Ewropew l-inventarji tad-data ta’ referenza u in situ u l-kapaċitajiet spazjali eżistenti fl-Istati Membri, u b’hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni. L-akkwist ta’ data ġdida li tidduplika sorsi eżistenti għandha tiġi evitata sakemm l-użu ta’ settijiet eżistenti jew aġġornabbli ta’ data mhuwiex teknikament vijabbli jew effettiv meta mqabbel man-nefqa.

3.   Il-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Forum tal-Utenti, tista’ tiddefinixxi jew tivvalida proċeduri xierqa għaċ-ċertifikazzjoni tal-produzzjoni ta’ data fil-qafas tal-programm GMES. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu trasparenti u verifikabbli biex tiġi żgurata l-awtentiċità, it-traċċabbiltà u l-integrità tad-data għall-utent. Fl-arranġamenti kuntrattwali tagħha mal-operaturi tas-servizz tal-GMES, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk il-proċeduri jiġu implimentati.

4.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena dwar ir-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Forom ta’ finanzjament mill-Unjoni

1.   Il-finanzjament mill-Unjoni jista’ jieħu l-forom legali li ġejjin:

(a)

ftehimiet ta’ delega;

(b)

għotjiet;

(c)

kuntratti ta’ akkwist pubbliku.

2.   Il-kompetizzjoni ġenwina, it-trasparenza u t-trattament ugwali għandhom jiġu żgurati fl-għoti ta’ fondi mill-Unjoni. F’każijiet ġustifikati, l-għotjiet tal-Unjoni jistgħu jiġu pprovduti f’forom speċifiċi, inkluż ftehim qafas ta’ sħubija, jew kofinanzjament ta’ għotjiet operattivi jew ta’ azzjoni. L-għotjiet operattivi lil entitajiet li jsegwu l-għanijiet ta’ interess ġenerali Ewropew ma għandhomx ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar tnaqqis gradwali fir-Regolament Finanzjarju. Għall-għotjiet, ir-rata massima ta’ kofinanzjament għandha tiġi stabbilita skont il-proċedura ta’ amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(4).

3.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-allokazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni għal kull waħda mill-attivitajiet speċifikati fl-Artikolu 3(1) u dwar il-proċess ta’ evalwazzjoni u r-riżultati tas-sejħiet għall-offerti ta’ akkwist u tal-kuntratti konklużi fuq il-bażi ta’ dan l-Artikolu, wara l-għoti tal-kuntratti.

Artikolu 7

Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi

Il-pajjiżi li ġejjin jistgħu jipparteċipaw fl-azzjonijiet operattivi msemmija fl-Artikolu 3:

(1)

il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE b’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim taż-ŻEE;

(2)

il-pajjiżi kandidati għas-sħubija fl-Unjoni, kif ukoll kandidati potenzjali inklużi fil-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni skont il-Ftehimiet ta’ Qafas, jew taħt Protokoll għal Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni, konklużi ma’ dawk il-pajjiżi;

(3)

il-Konfederazzjoni Svizzera, pajjiżi terzi oħra mhux imsemmija fil-punti (1) u (2), u organizzazzjonijiet internazzjonali, skont il-ftehimiet konklużi mill-Unjoni ma’ dawn il-pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, skont l-Artikolu 218 tat-TFUE, li għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-regoli dettaljati għall-involviment tagħhom.

Artikolu 8

Finanzjament

1.   Il-pakkett finanzjarju allokat għall-azzjonijiet operattivi msemmija fl-Artikolu 3(1) għandu jkun ta’ EUR 107 miljun.

2.   L-approprjazzjonijiet għandhom jiġu awtorizzati kull sena mill-awtorità baġitarja fil-limiti stabbiliti fl-MFF.

3.   Il-pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jipprovdu wkoll finanzjament addizzjonali għall-programm GMES.

Il-finanzjament addizzjonali msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jitqies bħala introjtu assenjat, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 9

Il-politika dwar data u informazzjoni tal-GMES

1.   Il-politika dwar id-data u l-informazzjoni għal azzjonijiet iffinanzjati taħt il-programm GMES għandha jkollha l-għanijiet li ġejjin:

(a)

jitħeġġeġ l-użu u l-qsim ta’ informazzjoni u data tal-GMES;

(b)

aċċess sħiħ u miftuħ għall-informazzjoni prodotta mis-servizzi tal-GMES u d-data miġbura permezz tal-infrastruttura tal-GMES, suġġett għal ftehimiet internazzjonali rilevanti, restrizzjonijiet ta’ sigurtà u kondizzjonijiet tal-liċenzjar, inklużi r-reġistrazzjoni u l-aċċettazzjoni ta’ liċenzji tal-utenti;

(c)

it-tisħiħ tas-swieq ta’ osservazzjoni tad-dinja fl-Ewropa, b’mod partikolari s-settur fil-livell suċċessiv, bl-għan li jippermetti t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

(d)

il-kontribuzzjoni lejn is-sostenibbiltà u l-kontinwità tal-għoti ta’ data u informazzjoni tal-GMES;

(e)

l-appoġġ għall-komunitajiet tar-riċerka, tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni tal-Ewropa.

2.   Sabiex tipprovdi għal qafas li jiżgura l-kisba tal-informazzjoni tal-GMES u l-objettiv tal-politika tad-data msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 filwaqt li tipprovdi għall-protezzjoni neċessarja tal-informazzjoni prodotta mis-servizzi tal-GMES u tad-data miġbura permezz tal-infrastruttura ddedikata tal-GMES, il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta’ atti ta’ delega skont l-Artikolu 10 u suġġett għall-kondizzjonijiet speċifikati fl-Artikoli 11 u 12, il-miżuri li ġejjin, filwaqt li jitqiesu l-linji politiċi tad-data u tal-informazzjoni tal-fornituri tad-data meħtieġa għall-GMES, u mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali u l-proċeduri applikabbli għall-ispazju u infrastrutturi in situ taħt kontroll nazzjonali:

(a)

miżuri li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni u tal-liċenzjar għall-utenti tal-GMES;

(b)

miżuri li jiddefinixxu l-kriterji ta’ restrizzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni prodotta mis-servizzi tal-GMES u għal data miġbura permezz tal-infrastruttura ddedikata tal-GMES.

Artikolu 10

L-eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħat għall-adozzjoni tal-atti ta’ delega msemmija fl-Artikolu 9(2) għandhom jiġu konferiti lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2013.

2.   Hekk kif tadotta att ta’ delega, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Is-setgħat għall-adozzjoni ta’ atti ta’ delega għandhom jiġu konferiti lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 11 u 12.

Artikolu 11

Ir-revoka tad-delega

1.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 9(2) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2.   L-istituzzjoni li tkun bdiet il-proċedura interna għad-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tiġi rrevokata d-delega tas-setgħat, għandha timpenja ruħha biex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed deċiżjoni finali, b’indikazzjoni tad-delega tas-setgħat li tista’ tkun suġġetta għal revoka u r-raġunijiet possibbli għal dan.

3.   Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ immedjatament jew f’data aktar tard speċifikata fid-deċiżjoni. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti ta’ delega li jkunu diġà fis-seħħ. Għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

Oġġezzjonijiet għall-atti ta’ delega

1.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att ta’ delega fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika.

Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dan il-perjodu ta’ żmien għandu jiġi estiż b’xahrejn.

2.   Jekk, meta jiskadi dan il-perjodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att ta’ delega, dan għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data ddikjarata fih.

L-atti ta’ delega jistgħu jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħlu fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jressqux oġġezzjonijiet.

3.   Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għall-att ta’ delega, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-oġġezzjoni għall-att ta’ delega.

Artikolu 13

Miżuri ta’ implimentazzjoni dwar il-politika dwar id-data u l-informazzjoniu dwar il-governanza tas-sigurtà tal-komponenti u tal-informazzjoni tal-GMES

1.   Fuq il-bażi tal-kriterji msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 9(2), il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri speċifiċi skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 16(3), għar-restrizzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni prodotta mis-servizzi tal-GMES u għad-data miġbura permezz tal-infrastruttura dedikata tal-GMES.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura koordinazzjoni ġenerali rigward is-sigurtà tal-komponenti tal-GMES u s-servizzi, filwaqt li tqis il-ħtieġa ta’ monitoraġġ u integrazzjoni tal-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-elementi kollha tiegħu, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali u l-proċeduri applikabbli għall-ispazju u infrastrutturi in situ taħt il-kontroll nazzjonali. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri, b’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 16(3), li jistabbilixxu r-rekwiżiti tekniċi sabiex jiġu żgurati l-kontroll u l-integrità tas-sistema fi ħdan il-komponent spazjali tal-programm dedikat tal-GMES, u għall-kontroll tal-aċċess għal, u l-immaniġġar ta’ teknoloġiji li jipprovdu sigurtà għall-komponent spazjali tal-programm dedikat tal-GMES.

Artikolu 14

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorizza u tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet operattivi msemmija fl-Artikolu 3(1).

2.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport ta’ valutazzjoni interim sal-31 ta’ Diċembru 2012 kif ukoll rapport ta’ valutazzjoni ex-post sal-31 ta’ Diċembru 2015.

Artikolu 15

Miżuri implimentattivi

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-programm ta’ ħidma annwali skont l-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikoli 90 u 166 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li japplika għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (15) skont il-proċedura ta’ amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(4) ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-allokazzjoni finanzjarja għall-programm GMES tista’ tkopri wkoll spejjeż relatati ma’ attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, kontroll, verifika u valutazzjoni li huma meħtieġa direttament għall-ġestjoni tal-programm GMES u l-kisba tal-għanijiet tiegħu, u b’mod partikulari studji, laqgħat, azzjonijiet ta’ informazzjoni u pubblikazzjoni, flimkien mal-ispejjeż l-oħra kollha għal għajnuna teknika u amministrattiva li l-Kummissjoni tista’ ġġarrab għall-ġestjoni tal-programm GMES.

Artikolu 16

Il-Kumitat GMES

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat (il-“Kumitat GMES”).

2.   Il-Kumitat tal-GMES jista’ jiltaqa’ f’konfigurazzjonijiet speċifiċi biex jindirizza kwistjonijiet konkreti, notevolment dawk relatati mas-sigurtà (il-“Bord tas-Sigurtà”).

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ xahrejn

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ xahrejn.

5.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 17

Forum tal-Utenti

1.   Il-Forum tal-Utenti huwa hawnhekk stabbilit bħala korp dedikat. Huwa għandu jagħti pariri lill-Kummissjoni fir-rigward tad-definizzjoni u l-validazzjoni tal-ħtiġiet tal-utent, u għall-koordinazzjoni tal-programm tal-GMES mal-utenti tiegħu fis-settur pubbliku.

2.   Il-Forum tal-Utenti għandu jkun presedut mill-Kummissjoni. Għandu jikkonsisti minn utenti tas-settur pubbliku tal-GMES maħtura mill-Istati Membri.

3.   Is-Segretarjat tal-Forum tal-Utenti għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni.

4.   Il-Forum tal-Utenti għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

5.   Il-Kumitat tal-GMES għandu jinżamm kompletament infurmat dwar il-parir tal-Forum tal-Utenti għall-implimentazzjoni tal-programm tal-GMES.

Artikolu 18

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti bl-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u permezz tal-irkupru tal-ammonti indebitament imħallsa u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, permezz ta’ pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, skont ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95, ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

2.   Għall-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati taħt dan ir-Regolament, il-kunċett ta’ irregolarità imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 għandu jfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni ta’ liġi tal-Unjoni jew kull nuqqas ta’ obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew omissjoni minn operatur ekonomiku li għandha jew ikollha, l-effett li tippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, minn element ta’ spiża mingħajr ġustifikazzjoni.

3.   Il-ftehimiet li jirriżultaw taħt dan ir-Regolament, inklużi ftehimiet konklużi ma’ pajjiżi terzi parteċipanti u organizzazzjonijiet internazzjonali, għandhom jipprovdu għas-sorveljanza u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni, jew kull rappreżentant awtorizzat minnha, kif ukoll verifiki li jsiru mill-Qorti tal-Awdituri li, jekk ikun meħtieġ, ikunu verifiki fuq il-post.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Settembru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  Opinjoni tal-20 ta’ Jannar 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Ġunju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2010.

(3)  ĠU C 136, 20.6.2007, p. 1.

(4)  ĠU L 261, 6.8.2004, p. 64.

(5)  ĠU C 268, 23.10.2008, p. 1.

(6)  ĠU C 16E, 22.1.2010, p. 57.

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(8)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(9)  ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1.

(10)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(11)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(12)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(13)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(14)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(15)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.


ANNESS

L-GĦANIJIET TAL-OPERAZZJONIJIET INIZJALI TAL-GMES (2011-2013)

L-azzjonijiet operattivi msemmija fl-Artikolu 3(1) għandhom jikkontribwixxu għall-għanijiet li ġejjin:

(1)

is-servizzi ta’ reazzjoni ta’ emerġenza, imsejsa fuq attivitajiet eżistenti fl-Ewropa, għandhom jiżguraw li d-data tal-osservazzjoni tad-dinja u l-prodotti derivati jkunu disponibbli għall-benefiċċju tal-parteċipanti fir-reazzjoni ta’ emerġenza fil-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali fir-rigward ta’ tipi differenti ta’ diżastri, inklużi perikli meteoroloġiċi (inklużi maltempati, nirien u għargħar), perikli ġeofiżiċi (inklużi terremoti, tsunamis, żbroffi ta’ vulkani u żerżiq ta’ ġebel minn ġnub l-għoljiet), diżastri kkawżati mill-bniedem bi ħsieb jew b’mod aċċidentali u diżastri umanitarji oħra. Billi t-tibdil fil-klima jista’ jwassal għal żieda fl-emerġenzi, ir-reazzjoni ta’ emerġenza tal-GMES tkun essenzjali biex jappoġġja l-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima f’dan il-qasam bħala parti mill-attivitajiet ta’ prevenzjoni, preparazzjoni, reazzjoni u rkupru fl-Ewropa;

(2)

is-servizzi ta’ monitoraġġ tal-art għandhom jiżguraw li d-data tal-osservazzjoni tad-dinja u l-prodotti derivati jkunu disponibbli għall-benefiċċju tal-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali u reġjonali responsabbli għall-monitoraġġ ambjentali, minn perspettiva globali sa dik lokali, tal-bijodiversità, ħamrija, ilma, foresti u riżorsi nazzjonali, kif ukoll fl-implimentazzjoni ġenerali tal-linji politiċi ambjentali, il-ġbir ta’ informazzjoni ġeografika, l-agrikoltura, l-enerġija, l-ippjanar urban, l-infrastruttura u t-trasport. Is-servizzi ta’ monitoraġġ tal-art għandhom jinkludu l-monitoraġġ tal-parametri tat-tibdil fil-klima;

(3)

is-servizzi ta’ monitoraġġ tal-baħar għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-istat tal-ekosistemi fiżiċi, oċeaniċi u marini, kemm għall-oċeani fuq skala globali kif ukoll għaż-żoni reġjonali Ewropej. L-oqsma ta’ applikazzjoni tas-servizzi tal-baħar tal-GMES jinkludu s-sigurtà marittima, l-ambjent tal-baħar u r-reġjuni kostali, ir-riżorsi tal-baħar kif ukoll it-tbassir meteoroloġiku staġonali u l-monitoraġġ tal-klima;

(4)

is-servizzi ambjentali tal-atmosfera għandhom jiżguraw il-monitoraġġ tal-kwalità tal-arja fuq skala Ewropea u tal-kompożizzjoni kimika tal-atmosfera fuq skala globali. Huma għandhom b’mod partikolari jipprovdu informazzjoni għas-sistemi ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja fuq l-iskali lokali sa nazzjonali, u għandhom jikkontribwixxu għall-monitoraġġ ta’ parametri klimatiċi tal-kimika atmosferika;

(5)

is-servizzi tas-sigurtà għandhom jipprovdu informazzjoni utli li tappoġġa l-isfidi li l-Ewropa qed tiffaċċja fil-qasam tas-sigurtà, notevolment il-kontroll tal-fruntieri, is-sorveljanza marittima u l-appoġġ għall-azzjonijiet esterni tal-UE;

(6)

il-monitoraġġ tat-tibdil fil-klima għandu jippermetti l-adattament u l-mitigazzjoni tal-effetti tiegħu. Għandu b’mod partikolari jikkontribwixxi għall-provvista ta’ ECVs, l-analiżi tal-klima u projezzjonijiet fuq skala rilevanti għall-adattament u l-mitigazzjoni, u l-prestazzjoni tas-servizz rilevanti;

(7)

il-miżuri biex jappoġġjaw l-użu tas-servizzi mill-utenti għandhom jinkludu l-implimentazzjoni ta’ interfaces tekniċi adattati għall-ambjent, it-taħriġ, il-komunikazzjoni u l-iżvilupp speċifiċi tal-utent tas-settur fil-livell suċċessiv;

(8)

l-aċċess għad-data għandu jiżgura li d-data tal-osservazzjoni tad-dinja minn firxa wiesgħa ta’ missjonijiet Ewropej u tipi oħra ta’ infrastruttura tal-osservazzjoni jinġabru u jkunu disponibbli biex jinkisbu l-għanijiet tal-GMES;

(9)

il-komponent in situ għandu jiżgura l-koordinazzjoni tal-ġbir tad-data in situ u l-aċċess għad-data in situ għas-servizzi tal-GMES;

(10)

l-operazzjonijiet inizjali tal-GMES għandhom jiżguraw l-operazzjonijiet u l-iżvilupp tal-komponent spazjali tal-GMES, li jikkonsisti f’infrastruttura spazjali ta’ osservazzjoni tad-dinja u jimmira li jiżgura l-osservazzjoni ta’ subsistemi tad-dinja (inklużi s-superfiċji terrestri, l-atmosfera u l-oċeani). L-operazzjonijiet inizjali tal-GMES għandhom ikunu msejsa fuq infrastruttura spazjali nazzjonali u Ewropea ppjanata u fuq infrastruttura spazjali żviluppata fil-Programm tal-Komponent Spazjali GMES.