29.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 254/5


REGOLAMENT IMPLIMENTATTIV TAL-KUNSILL (UE) Nru 856/2010

tas-27 ta’ Settembru 2010

li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali tar-Regolament (KE) Nru 661/2008 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 8, 9(4) u 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA PREĊEDENTI

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 2022/1995 (2), il-Kunsill impona dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju (“AN”) li joriġinaw mir-Russja, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3102 30 90 u 3102 40 90 . Wara aktar investigazzjoni skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku, li stabbiliet li d-dazju kien qed jiġi assorbit, il-miżuri ġew emendati mir-Regolament (KE) Nru 663/1998 (3). Wara talba għal skadenza u għal reviżjoni interim skont l-Artikoli 11(2) u 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 658/2002 (4), impona dazju definittiv anti-dumping ta’ EUR 47,07 għal kull tunnellata fuq importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3102 30 90 u 3102 40 90 u li joriġinaw mir-Russja. Fl-aħħarnett, saret reviżjoni interim tal-ambitu tal-prodott skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku u, permezz tar-Regolament (KE) Nru 945/2005 (5), dazju definittiv anti-dumping li jvarja bejn EUR 41,42 għal kull tunnellata u EUR 47,07 għal kull tunellata kien impost fuq l-importazzjonijiet ta’ fertilizzanti solidi li joriġinaw mir-Russja b’kontenut ta’ nitrat tal-ammonju li jeċċedi 80 % tal-piż, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3102 30 90 , 3102 40 90 , ex 3102 29 00 , ex 3102 60 00 , ex 3102 90 00 , ex 3105 10 00 , ex 3105 20 10 , ex 3105 51 00 , ex 3105 59 00 u ex 3105 90 91 .

(2)

Wara talba għal skadenza u reviżjoni interim (“l-aħħar reviżjoni ta’ skadenza”) skont l-Artikoli 11(2) u 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 661/2008 (6), impona dazju antidumping definittiv li jvarja bejn EUR 28,88 għal kull tunnellata u EUR 47,07 għal kull tunnellata għal ħames snin oħra.

(3)

Wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim Istanza tal-Komunitajiet Ewropej li tannulla parzjalment ir-Regolament (KE) Nru 945/2005, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 989/2009 (7), emenda d-dazju antidumping definittiv f’dak li kien jikkonċerna JSC Kirovo-Chepetsky Khimichesky Kombinat.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni 2008/577/KE tal-4 ta’ Lulju 2008 (8), il-Kummissjoni aċċettat l-offerti ta’ impenn imressqa minn diversi produtturi, inkluż il-produtturi esportaturi Russi relatati Joint Stock Company Acron u Joint Stock Company Dorogobuzh (“Acron” Holding Company), b’konnessjoni mal-proċedura ta’ antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja u mill-Ukraina.

B.   PROĊEDURA PREŻENTI

1.   Talba għal reviżjoni

(5)

Talba għal reviżjoni interim parzjali (“ir-reviżjoni preżenti”) skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku saret minn JSC Acron, JSC Dorogobuzh u l-kumpanija kummerċjali relatata tagħhom Agronova International Inc., membri ta’ “Acron” Holding Company (“l-applikant”). It-talba kienet limitata fl-ambitu għall-eżaminazzjoni tal-forma tal-miżura u b’mod partikolari l-inklużjoni ta’ Agronova International Inc. fl-impenn tal-prezz ta’ JSC Acron u JSC Dorogobuzh.

(6)

L-applikant allega li ċ-ċirkostanzi li fihom ingħata l-impenn tal-prezz kienu tbiddlu, partikolarment li Agronova International Inc., kummerċjant ġdid stabbilit fl-Istati Uniti, kien inkorporat fil-kumpanija “Acron” Holding Company. L-applikant kompla jallega li dawn il-bidliet kienu ta’ natura dejjiema.

2.   Bidu ta’ reviżjoni

(7)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza prima facie ppreżentata mill-applikant u kkunsidrat li din kienet suffiċjenti biex tiġġustifika l-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni bdiet (9) reviżjoni tal-miżuri ta’ antidumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 661/2008 (“miżuri fis-seħħ”) limitati fl-ambitu għall-eżaminazzjoni tal-forma tal-miżuri, partikolarment l-effett potenzjali tal-inklużjoni ta’ Agronova International Inc. fl-impenn tal-prezz ta’ JSC Acron u JSC Dorogobuzh.

3.   Prodott Ikkonċernat

(8)

Il-prodott ikkonċernat minn din ir-reviżjoni huwa l-istess bħal fl-aħħar reviżjoni tal-iskadenza, jiġifieri fertilizzanti solidi b’kontenut ta’ nitrat tal-ammonju li jeċċedi 80 % tal-piż, li joriġina mir-Russja (“il-prodott ikkonċernat”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3102 30 90 , 3102 40 90 , ex 3102 29 00 , ex 3102 60 00 , ex 3102 90 00 , ex 3105 10 00 , ex 3105 20 10 , ex 3105 51 00 , ex 3105 59 00 u ex 3105 90 91 .

4.   Partijiet Ikkonċernati

(9)

Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-applikant, lir-rappreżentanti tal-pajjiż li jesporta u l-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni dwar il-bidu tar-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu ta’ żmien stabbilit fin-notifika tal-bidu. Il-partijiet kollha interessati li talbu dan u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu, ingħataw possibbiltà ta’ smigħ.

(10)

Il-Kummissjoni bagħtet il-kwestjonarji lill-applikant u rċeviet ir-risposti fil-limiti ta’ żmien stabbiliti għal dan. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa meħtieġa. Il-Kummissjoni wettqet żjara ta’ verifika fuq il-post ta’ Agronova International Inc., Hallandale, USA (“Agronova”).

5.   Perijodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni

(11)

Il-perijodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni kopra l-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2008 u t-30 ta’ Ġunju 2009 (“PIV”).

C.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

(12)

L-investigazzjoni kkonfermat li Agronova kienet kumpanija kummerċjali ġdida li tappartjeni għall-kumpanija “Acron” Holding company.

1.   It-tħaddim tal-impenn

(13)

Il-kunsiderazzjonijiet prinċipali għall-inklużjoni ta’ kumpanija kummerċjali fl-impenn preżenti kienu l-prattikabbiltà tal-kumpanija, jiġifieri l-effettività tal-monitoraġġ tagħha u partikolarment il-valutazzjoni tar-riskji ta’ kontrokumpens u tgħawwiġ permezz ta’ kanali differenti ta’ bejgħ u/jew permezz ta’ prezzijiet ta’ diversi prodotti potenzjalment mibjugħa lill-istess klijenti.

1.1.   Riskju għoli ta’ kontrokumpens permezz ta’ kumpanija kummerċjali mhux iddikjarata

(14)

L-investigazzjoni wriet li Agronova kellha rabtiet qawwija interpersonali u operattivi ma’ tal-anqas kumpanija oħra mhux iddikjarata attiva fin-negozju u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti fertilizzanti. Instab li kienu l-istess persuni li joperaw Agronova li fil-fatt kienu involuti wkoll fl-attivitajiet ta’ din il-kumpanija kummerċjali. B’mod partikolari, l-evidenza disponibbli wriet li ż-żewġ kumpaniji kellhom maniġer komuni u uffiċjal komuni matul il-parti l-kbira tal-PIV, fil-waqt li persuna oħra (li f’dak iż-żmien instab li kienet il-President tal-kumpanija kummerċjali msemmija), għalkemm mhux formalment impjegata minn Agronova, kienet fil-fatt qed twettaq il-kummerċ ta’ kuljum inkluż it-tmexxija waqt iż-żjara tal-verifika għan-nom ta’ Agronova fejn kienet ippreżentata bħala konsulent ta’ Agronova. Barra mir-rabtiet qawwija interpersonali, instab li ż-żewġ kumpaniji kienu qed joperaw mill-istess uffiċċju, jimpjegaw l-istess segretarja u jużaw l-istess kompjuters u tagħmir tal-uffiċċju matul il-parti l-kbira tal-PIV. Agronova ma kixfitx l-eżistenza u l-operazzjonijiet ta’ din il-kumpanija kummerċjali l-oħra, la fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju, u lanqas matul iż-żjara ta’ verifika. It-talba tal-Kummissjoni għal aktar informazzjoni sabex tiċċara s-sitwazzjoni kienet sodisfatta biss in parti mill-applikant minħabba li din ma kixfitx, inter alia, min kien preċiżament il-proprjetarju tal-kumpanija kummerċjali u lanqas l-attivitajiet dettaljati tagħha. L-informazzjoni mogħtija għalhekk kienet meqjusa bħala insuffiċjenti.

(15)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kumpanija kummerċjali msemmija hawn fuq kienet relatata ma’ Agronova fis-sens tal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (l-“IPCCC”) (10) u kellha tkun irrappurtata fir-risposta għall-kwestjonarju mill-applikant. Il-Kummissjoni nnotifikat lill-applikant skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku dwar l-intenzjoni tagħha li tibbaża dawn is-sejbiet fuq il-fatti disponibbli u stiednet lill-applikant biex jikkummenta fuqhom skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku.

(16)

L-applikant ikkuntesta li Agronova hija relatata mal-kumpanija kummerċjali msemmija hawn fuq jew ma’ kwalunkwe kumpanija oħra. Barra minn dan, fuq talba oħra tal-Kummissjoni, ma pprovda l-ebda informazzjoni dettaljata u li tista’ tkun verifikata dwar il-proprjetarju u l-attivitajiet tal-kumpanija kummerċjali msemmija fil-limitu ta’ żmien stabbilit.

(17)

Wara l-iżvelar tal-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu bbażati s-sejbiet fuq l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, l-applikant kompla jirrifjuta kwalunkwe relazzjoni bejn Agronova u l-kumpanija kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 143 tal-IPCCC. Fir-rigward tar-rwoli preċiżi tal-persuni involuti fiż-żewġ kumpaniji, l-applikant ikkuntesta li ż-żewġ kumpaniji kellhom diretturi jew uffiċjali komuni. L-applikant saħansitra rtira l-informazzjoni li kien ta qabel, u ddikjara li din kienet ħażina jew mhux preċiża. L-informazzjoni l-ġdida mogħtija, madankollu, ma kinitx sostnuta b’biżżejjed evidenza. B’mod ġenerali, l-informazzjoni u l-evidenza mogħtija f’dan ir-rigward ma kinux ċari u f’ċertu postijiet kienu kontradittorji, u għalhekk b’mod ġenerali dawn tefgħu id-dubji fuq l-affidabbiltà tal-informazzjoni mogħtija.

(18)

Bħala eżempju, filwaqt li l-applikant oriġinarjament iddikjara li l-president ta’ Agronova kien ukoll il-maniġer tal-kumpanija kummerċjali inkwistjoni, din id-dikjarazzjoni wara ġiet ikkwalifikata bl-ispjegazzjoni li x-xogħlijiet imwettqa fil-kumpanija kummerċjali mill-president ta’ Agronova ma kienu jinkludu l-ebda funzjoni ta’ kontroll jew ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Bl-istess mod, filwaqt li l-evidenza mogħtija (il-kontijiet annwali) urew li persuna oħra kienet “uffiċjal” fiż-żewġ kumpaniji, wara ġie ddikjarat li l-funzjonijiet reali ta’ din il-persuna kienu dawk ta’ segretarju legali.

(19)

B’konklużjoni, l-applikant ma ppreżentax informazzjoni jew evidenza affidabbli biżżejjed li setgħu juru li r-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ kull parti kienu definiti u mwettqa b’tali mod li setgħu jeskludu l-evidenza ta’ relazzjoni.

(20)

L-applikant ikkuntesta wkoll li l-kumpanija kummerċjali msemmija għandha tkun meqjusa bħala kumpanija kummerċjali minħabba li din kienet involuta prinċipalment fil-kummerċjalizzazzjoni aktar milli fil-bejgħ ta’ prodotti fertilizzanti. Madankollu, minbarra l-fatt li din id-dikjarazzjoni ma kienet sostnuta bl-ebda evidenza, il-kumpanija ddikjarat ukoll f’diversi okkażjonijiet li fil-fatt kienet involuta fil-bejgħ ta’ fertilizzanti bħala kummerċjant, imma biss għal kwantitajiet żgħar maħsuba għal swieq oħra barra mill-Ewropa. Għalhekk, il-kumpanija kellha tkun ikkunsidrata bħala kummerċjant u dan l-argument kellu jkun irrifjutat.

(21)

Il-Kummissjoni qieset li l-applikant fixkel l-investigazzjoni fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku billi pprovda informazzjoni rilevanti biss gradwalment u meta din ġiet mitluba, u l-informazzjoni mogħtija f’bosta każijiet ġiet sussegwentement korretta, emendata jew ingħatat kontradizzjoni. F’dan ir-rigward, minħabba l-kooperazzjoni mhux sodisfaċenti ta’ Agronova, relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-Kummissjoni u l-kumpanija, li, bħala politika ġenerali, hija prekondizzjoni meħtieġa għall-aċċettazzjoni ta’ impenn, ma setgħatx tkun stabbilita.

(22)

Huwa mfakkar li fl-analiżi tar-riskju tal-kontrokumpens, l-għarfien ta’ kanali tal-bejgħ differenti u l-fluss tal-prodotti minn dawn il-kanali hija informazzjoni indispensabbli. Minħabba r-rabtiet mill-qrib ħafna interpersonali u operattivi bejn Agronova u l-kumpanija kummerċjali l-oħra, ġie konkluż li r-riskju ta’ kontrokumpens u tgħawwiġ permezz ta’ kanali tal-bejgħ differenti kien għoli wisq u għalhekk Agronova m’għandhiex tkun inkluża f’dan l-impenn.

(23)

Wara l-iżvelar, l-applikant iddikjara li jkun hemm riskju ta’ kontrokumpens biss meta l-kumpaniji jkunu relatati permezz tal-ishma. L-ewwelnett, għandu jkun innutat li r-riskju ta’ kontrokumpens mhux limitat għal sitwazzjonijiet fejn kumpaniji huma relatati b’ishma, minħabba li hemm diversi metodi ta’ kontrokumpens. Għalhekk, f’dan il-każ partikolari u għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, ġie meqjus li hemm riskju għoli ta’ kontrokumpens anke jekk l-applikant u Agronova mhumiex relatati permezz tal-ishma. Barra minn dan, l-applikant ma wera l-ebda bażi legali jew fattwali jew ma ppreżenta l-ebda evidenza biex isostni d-dikjarazzjoni tiegħu. Għalhekk, dan l-argument kellu jkun irrifjutat.

1.2.   Riskju konsiderevoli għal kontrokumpens permezz tal-prezzijiet ta’ prodotti differenti

(24)

L-impenn preżenti mhux biss ikopri n-nitrat tal-ammonju imma jimponi wkoll skema ta’ prezzijiet għal prodotti oħra kummerċjati mill-grupp biex ikun evitat ir-riskju ta’ kontrokumpens. L-applikant iddikjara fir-risposta tiegħu għall-kwestjonarju li kellu l-ħsieb li permezz ta’ Agronova jbiegħ, inter alia, prodotti li mhumiex inklużi f’din l-iskema ta’ prezzijiet u anke prodotti ta’ fertilizzant prodotti minn produtturi oħra, li jinstabu kemm fir-Russja u kif ukoll f’pajjiżi oħra. Għalhekk, ir-riskju ta’ kontrokumpens minħabba esportazzjonijiet ta’ prodotti differenti lill-istess klijenti kien meqjus bħala għoli.

(25)

Uħud mill-prodotti li Agronova kellha l-ħsieb li tbiegħ m’għandhomx prezz tas-suq ikkwotat li jista’ jservi bħala limitu għal skopijiet ta’ monitoraġġ. Għaldaqstant, il-monitoraġġ tal-impenn ukoll ma jkunx prattiku.

(26)

Wara l-iżvelar, l-applikant iddikjara li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-offerta tal-applikant li jħassar il-pjanijiet kummerċjali tiegħu relatati mat-taħlit u prodotti oħra fil-każ li l-Kummissjoni tqis li dan ikun neċessarju. F’dan ir-rigward, hu nnutat li l-Kummissjoni rċeviet dawk l-offerti emendati biss aktar tard matul il-proċedura. Il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tibdil kontinwu tal-applikant tal-pjan kummerċjali tiegħu biex dan jakkomoda dak li hu kkunsidra li kienu l-aspettazzjonijiet tal-Kummissjoni tefgħa dubji fuq il-kredibbiltà tal-offerta tal-applikant. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset ukoll il-livell insuffiċjenti ta’ kooperazzjoni minn Agronova f’din l-investigazzjoni bħala impediment fit-twaqqif ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-Kummissjoni u Agronova. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta li tali impenn fil-fatt ser ikun rispettat.

(27)

Għalhekk ġie konkluż li l-inklużjoni ta’ Agronova fil-kanali tal-bejgħ ta’ “Acron” Holding Company iżid serjament ir-riskji ta’ kontrokumpens u tgħawwiġ u dan jaffetwa t-tħaddim u l-monitoraġġ effettiv tal-impenn.

2.   In-natura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdula

(28)

Matul l-investigazzjoni, il-kumpanija “Acron” Holding Company stabbiliet kumpanija kummerċjali oħra, jiġifieri Agronova Europe AG (“Agronova Europe”) li din iddikjarat li se tkun responsabbli għall-parti l-kbira tal-kummerċ mal-klijenti Ewropej u għalhekk gradwalment tissostitwixxi lil Agronova. F’ċertu punt tal-proċedura, l-applikant talab li din il-kumpanija kummerċjali ġdida tiġi inkluża wkoll f’din ir-reviżjoni bil-ħsieb li ż-żewġ kumpaniji kummerċjali jiġu inklużi fl-impenn tal-prezz eżistenti jew, li bħala alternattiva, tinbeda reviżjoni ġdida biex tinkludi l-kummerċjant il-ġdid ukoll fil-kanali tal-bejgħ tal-impenn. Dan juri li ċ-ċirkostanzi mibdula li abbażi tagħhom intalbet din ir-reviżjoni mhumiex ta’ natura dejjiema.

(29)

Wara l-iżvelar, l-applikant iddikjara li analiżi dwar jekk iċ-ċirkostanzi mibdula li abbażi tagħhom inbdiet din ir-reviżjoni kinux ta’ natura dejjiema, ma tkunx rilevanti fil-kuntest tar-reviżjoni interim preżenti limitata fl-ambitu tagħha għall-forma tal-miżuri. L-applikant iddikjara li tali analiżi tkun meħtieġa biss fil-każ li jkun verifikat dumping u/jew ħsara.

(30)

L-applikant iddikjara wkoll li m’għandux il-ħsieb li jibqa’ jbiegħ in-nitrat tal-ammonju mill-kanali tal-bejgħ ta’ Agronova Europe.

(31)

Fir-rigward tal-argument tal-applikant li analiżi dwar jekk iċ-ċirkostanzi mibdula kinux ta’ natura dejjiema tkunx irrelevanti f’din ir-reviżjoni, l-applikant ma pprovda l-ebda raġuni legali li tkun tista’ ssostni din l-opinjoni. F’din ir-reviżjoni ġie kkunsidrat li l-istabbiltà tal-kanal(i) tal-bejgħ kien fattur importanti fid-deċiżjoni biex tkun aċċettata l-inklużjoni ta’ kummerċjant ġdid stabbilit f’impenn minħabba li ma’ kull kummerċjant ġdid inkluż f’impenn ta’ prezz jiżdied ir-riskju ta’ kontrokumpens u tgħawwiġ. Dan irid ikun indirizzat ukoll permezz ta’ attivitajiet adegwati ta’ monitoraġġ. Għalhekk, ġie konkluż li n-natura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdula fil-fatt kien fattur relevanti, u l-argument tal-applikant kellu jkun rifjutat.

(32)

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-applikant li Agronova Europe ma kinitx se tintuża għal bejgħ ta’ nitrat tal-ammonju fis-suq tal-Unjoni Ewropea, din ingħatat fi stadju tard wisq tal-investigazzjoni (wara l-għeluq finali) u kkontradixxiet l-informazzjoni li kienet ingħatat preċedentement. Barra minn dan, l-applikant ma setax jagħti assigurazzjonijiet biżżejjed fir-rigward tar-rispett ta’ dan l-impenn. Il-Kummissjoni reġgħet ikkunsidrat li t-tibdil kontinwu mill-applikant tal-pjanijiet tal-kummerċ tiegħu biex jakkomodaw dak li hu kien jaħseb li kienu l-aspettazzjonijiet tal-Kummissjoni jitfgħu dubji fuq il-kredibbiltà tal-offerta tal-applikant. Kif indikat fil-premessa 26, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll l-aġir ta’ Agronova meta fixklet l-investigazzjoni bħala impediment għat-twaqqif ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-partijiet fl-impenn. Għaldaqstant, l-argument tal-applikant kellu jkun rifjutat.

D.   TMIEM TAR-REVIŻJONI

(33)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu fir-rigward tat-tħaddim tal-impenn u n-natura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdula, l-investigazzjoni għandha tiġi mitmuma mingħajr tibdil fl-impenn eżistenti tal-applikant.

E.   ŻVELAR

(34)

L-applikant u l-partijiet interessati ġew infurmati dwar il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien maħsub li tintemm l-investigazzjoni. Il-partiijet kollha ngħataw l-opportunità li jikkummentaw.

(35)

L-applikant iddikjara li d-drittijiet tiegħu ta’ difiża u ta’ smigħ ġust ġew imtellfa matul il-proċedura. L-applikant ingħata u fil-fatt uża diversi okkażjonijiet biex jippreżenta s-sottomissjonijiet u ngħata żmien suffiċjenti biex jipprovdi informazzjoni u evidenza matul il-proċedura. L-applikant ingħata wkoll il-possibilità li jitlob smigħ f’diversi okkażjonijiet. Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward mhumiex ġustifikati.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-reviżjoni interim parzjali li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ fertilizzanti solidi b’kontenut ta’ nitrat tal-ammonju li jeċċedi 80 % tal-piż, li bħalissa jaqgħu fil-kodiċi NM 3102 30 90 , 3102 40 90 , ex 3102 29 00 , ex 3102 60 00 , ex 3102 90 00 , ex 3105 10 00 , ex 3105 20 10 , ex 3105 51 00 , ex 3105 59 00 u ex 3105 90 91 u li joriġinaw mir-Russja prodotti minn Joint Stock Company Acron u Joint Stock Company Dorogobuzh hija mitmuma mingħajr bidla għall-forma tal-miżura.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

K. PEETERS


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU L 198, 23.8.1995, p. 1.

(3)   ĠU L 93, 26.3.1998, p. 1.

(4)   ĠU L 102, 18.4.2002, p. 1.

(5)   ĠU L 160, 23.6.2005, p. 1.

(6)   ĠU L 185, 12.7.2008, p. 1.

(7)   ĠU L 278, 23.10.2009, p. 1.

(8)   ĠU L 185, 12.7.2008, p. 43.

(9)   ĠU C 152, 4.7.2009, p. 40.

(10)   ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.