|
2.9.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 232/1 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 772/2010
tal-1 ta’ Settembru 2010
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 555/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid fir-rigward ta’ programmi ta’ appoġġ, kummerċ ma’ pajjiżi terzi, potenzjal tal-produzzjoni u kontrolli fis-settur tal-inbid
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 103za, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 tas-27 ta’ Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid fir-rigward ta’ programmi ta’ appoġġ, kummerċ ma’ pajjiżi terzi, potenzjal tal-produzzjoni u kontrolli fis-settur tal-inbid (2) jipprovdi li l-appoġġ għal promozzjoni u informazzjoni fuq swieq ta’ pajiżi terzi jtul aktar minn tliet snin għal benefiċjarju partikulari f’pajjiż terz partikulari. |
|
(2) |
Fid-dawl tal-esperjenza miksuba waqt l-implimentazzjoni ta’ dawk l-azzjonijiet ta’ appoġġ, jeħtieġ li jkun previst it-tiġdid tagħhom b’mhux iktar minn sentejn, minħabba l-ispeċifiċità tal-azzjonijiet ta’ promozzjoni u informazzjoni fil-pajjiżi terzi li, pereżempju, jirrikjedu formalitajiet amministrattivi itwal fuq livell ta’ Stat Membru u pajjiż terz. |
|
(3) |
L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 555/2008 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċedura ta’ applikazzjoni, li għandha, b’mod partikulari, tipprovdi regoli dettaljati dwar l-evalwazzjoni ta’ kwalunkwe azzjoni ta’ appoġġ partikulari. Jeħtieġ ukoll li tiġi pprovduta obligazzjoni għall-Istat Membri biex jistabbilixxu l-proċedura għat-tiġdid possibbli tal-appoġġ kif ukoll evalwazzjoni minn qabel tal-azzjonijiet appoġġati. |
|
(4) |
L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 555/2008 jiddeskrivi l-ġestjoni finanzjarja tar-ristrutturar u l-konverżjoni tal-vinji mingħajr ma tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi marbuta mal-kontroll tal-operazzjonijiet. L-operazzjonijiet ta’ ristrutturar u konverżjoni tal-vinji jistgħu, f’ċertu każijiet, ikunu soġġetti għal bosta kontrolli fil-post mingħajr titjib fl-ispejjeż amministrattivi u finanzjarji involuti. |
|
(5) |
L-Artikolu 81 tar-Regolament (KE) Nru 555/2008 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet relatati mal-monitoraġġ tal-potenzjal tal-produzzjoni biss. Minkejja li l-operazzjonijiet ta’ ristrutturar u konverżjoni tal-vinji huma marbuta mill-viċin mal-operazzjonijiet relatati mal-potenzjal tal-produzzjoni, dawn bħalissa huma esklużi mill-applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu. Sabiex tiġi ssemplifikata s-sistema ta’ kontroll, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jikkonċernaw il-verifika tal-operazzjonijiet ta’ ristrutturar u konverżjoni tal-vinji li jkunu simili għar-regoli attwali li jikkonċernaw il-verifika tal-operazzjonijiet tal-potenzjal tal-produzzjoni. |
|
(6) |
Sabiex tiġi ssemplifikata l-verifika tal-operazzjonijiet ta’ ristrutturar u konverżjoni tal-vinji, jeħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet li jippermettu, flimkien mal-użu ta’ għodod grafiċi, l-użu ta’ strumenti ekwivalenti li jippermettu wkoll l-identifikazzjoni, il-kejl u l-lokalizzazzjoni tar-raba’. |
|
(7) |
Ir-Regolament (KE) 555/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan. |
|
(8) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 555/2008 għandu jiġi emendat kif ġej:
|
(1) |
Fl-Artikolu 4, l-ewwel paragrafu, il-punt (d) qed jitbiddel b’dan li ġej:
|
|
(2) |
L-Artikolu 5(1) huwa emendat kif ġej:
|
|
(3) |
Fl-Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu għandu jiġi mibdul b’dan li ġej: “L-appoġġ għandu jitħallas ġaladarba jkun ġie aċċertat li jew applikazzjoni waħdanija jew l-operazzjonijiet kollha koperti mill-applikazzjoni għall-appoġġ, skont l-għażla li jagħmel l-Istat Membru għall-ġestjoni tal-miżura, jkunu ġew implimentati u kkontrollati fil-post, skont l-Artikolu 81 ta’ dan ir-Regolament.”; |
|
(4) |
L-Artikolu 81 huwa mibdul b’dan li ġej: “Artikolu 81 Kontroll relatat mal-potenzjal tal-produzzjoni u l-operazzjonijiet ta’ ristrutturar u konverżjoni tal-vinji 1. Sabiex tiġi vverifikata l-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-potenzjal tal-produzzjoni stabbiliti fis-Sezzjoni IVa tal-Kapitolu III tat-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, inkluż il-projbizzjoni tranżizzjonali fuq taħwil ġdid stabbilita fl-Artikolu 85g(1) ta’ dak ir-Regolament, kif ukoll id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 103q ta’ dak ir-Regolament, relatati mal-operazzjonijiet ta’ ristrutturar u konverżjoni tal-vinji, l-Istati Membri għandhom jużaw reġistru tal-vinji. 2. Meta jingħataw drittijiet ta’ taħwil mill-ġdid kif previst fl-Artikolu 85i tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-erjas tal-meded għandhom ikunu vverifikati b’mod sistematiku qabel u wara l-eżekuzzjoni tat-tħammil. Il-plotts issorveljati għandhom ikunu dawk li għalihom għandu jingħata dritt ta’ taħwil mill-ġdid. Il-kontroll qabel it-tħammil għandu jinkludi verifika tal-eżistenza tal-vinja konċernata. Dan il-kontroll għandu jitwettaq permezz ta’ kontroll fil-post. Iżda jekk l-Istat Membru jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu reġistru tal-vinji kompjuterizzat, affidabbli u aġġornat, il-kontroll ikun jista’ jitwettaq b’mod amministrattiv u l-obbligu ta’ kontroll fil-post qabel it-tħammil jista’ jkun limitat għal 5 % tal-applikazzjonijiet li jkunu daħlu (fuq bażi annwali) biex tkun ikkonfermata l-affidabbiltà tas-sistema amministrattiva ta’ kontroll. Jekk kontrolli fil-post jiżvelaw irregolaritajiet jew diskrepanzi sinifikanti f’reġjun jew f’parti ta’ reġjun, l-awtorità kompetenti għandha żżid kif imiss l-għadd ta’ kontrolli fil-post matul is-sena konċernata u s-sena ta’ wara. 3. Erjas li jirċievu primjum ta’ tħammil għandhom ikunu vverifikati b’mod sistematiku qabel u wara l-eżekuzzjoni tat-tħammil. Il-plotts ivverifikati għandhom ikunu dawk li jkunu suġġetti ta’ applikazzjoni għal għajnuna. Il-kontroll qabel it-tħammil għandu jinkludi wkoll il-verifika tal-eżistenza tal-vinja konċernata, il-medda mħawla u determinata skont l-Artikolu 75 u jekk il-medda partikulari kinitx ikkoltivata sewwa. Dan il-kontroll għandu jitwettaq permezz ta’ kontroll fil-post. Madankollu, jekk l-Istat Membru jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu għodda grafika jew l-ekwivalenti li jippermetti l-kejl tal-erja tar-raba’ skont l-Artikolu 75 fir-reġistru tal-vinji kompjuterizzat u informazzjoni aġġornata affidabbli dwar ir-raba’ li kienet ikkoltivata sewwa, il-kontroll ikun jista’ jitwettaq b’mod amministrattiv u l-obbligu ta’ kontroll fil-post qabel it-tħammil jista’ jkun limitat għal 5 % tal-applikazzjonijiet biex tkun ikkonfermata l-affidabbiltà tas-sistema amministrattiva ta’ kontroll. Jekk kontrolli fil-post jiżvelaw irregolaritajiet jew diskrepanzi sinifikanti f’reġjun jew f’parti ta’ reġjun, l-awtorità kompetenti għandha żżid kif imiss l-għadd ta’ kontrolli fil-post matul is-sena konċernata. 4. Il-kontroll li jivverifika li t-tħammil fil-fatt sar, għandu jsir permezz ta’ kontroll fil-post. F’każ li t-tħammil tar-raba’ sħiħa tal-vinja jew li r-riżoluzzjoni tat-telerilevament hija ugwali għal 1 m2 jew aħjar, il-kontroll jista’ jsir bit-telerilevament. 5. F’każ ta’ erjas li jirċievu primjum ta’ tħammil, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, it-tielet subparagrafu u l-paragrafu 4, talanqas wieħed miż-żewġ kontrolli msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 għandu jitwettaq permezz ta’ kontroll fil-post. 6. Erjas li qegħdin jirċievu għajnuna għar-ristrutturar u l-konverżjoni tal-vinji għandhom jiġu kkontrollati, b’mod sistematiku, qabel u wara l-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet. Il-plotts li għandhom jiġu kkontrollati huma dawk li għalihom ġiet sottomessa applikazzjoni għall-għajnuna. Il-kontroll qabel l-operazzjonijiet għandu jkopri wkoll il-verifika tal-eżistenza tal-vinja konċernata, l-erja mħawla determinata skont l-Artikolu 75 u l-esklużjoni tal-każ ta’ tiġdid normali tal-vinji kif definit fl-Artikolu 6. Il-kontroll imsemmi fit-tieni subparagrafu għandu jitwettaq permezz ta’ kontroll fil-post. Madankollu, jekk l-Istat Membru jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu għodda grafika jew l-ekwivalenti, li jippermetti l-kejl tar- raba’ skont l-Artikolu 75 fir-reġistru tal-vinji kompjuterizzat, u informazzjoni aġġornata affidabbli dwar il-varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid imħawla, il-kontroll imbagħad ikun jista’ jitwettaq b’mod amministrattiv u l-obbligu ta’ kontroll fil-post qabel it-tħammil jista’ jkun limitat għal 5 % tal-applikazzjonijiet biex tkun ikkonfermata l-affidabbiltà tas-sistema amministrattiva ta’ kontroll. Jekk kontrolli fil-post jiżvelaw irregolaritajiet jew diskrepanzi sinifikanti f’reġjun jew f’parti ta’ reġjun, l-awtorità kompetenti għandha żżid kif imiss l-għadd ta’ kontrolli fil-post matul is-sena konċernata.” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Settembru 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO