26.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 761/2010

tal-25 ta’ Awwissu 2010

li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010 dwar is-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-limiti massimi ta’ residwu fl-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali fejn tidħol is-sustanza metilpredniżolon

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 li jistipula l-proċeduri Komunitarji għall-istabbiliment ta’ limiti ta’ residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 u li jemenda d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 flimkien mal-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini mogħtija mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju,

Billi:

(1)

Il-limitu massimu ta’ residwi għas-sustanzi attivi farmakoloġikament maħsuba għall-użu fl-Unjoni Ewropea fil-prodotti mediċinali veterinarji għall-annimali li jipproduċu l-ikel, jew prodotti bijoċidali użati fit-trobbija tal-annimali, għandu jkun stabbilit skont ir-Regolament (KEE) Nru 470/2009.

(2)

Is-sustanzi attivi farmakoloġikament u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-limiti massimi ta’ residwi fil-prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali huma stabbiliti fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar is-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-limiti massimi ta’ residwu fl-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali (2).

(3)

Fil-preżent, is-sustanza metilpredniżolon hija inkluża fit-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010 bħala sustanza awtorizzata. għall-ispeċi bovini, applikabbli għall-muskoli, ix-xaħam, il-fwied u l-kliewi, minbarra l-annimali li jipproduċu l-ħalib għall-konsum mill-bniedem.

(4)

Tressqet applikazzjoni lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini sabiex tiġi estiża l-entrata eżistenti għall-metilpredniżolon aplikabbli għall-ħalib mill-bovini.

(5)

Il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju irrakkomanda li jiġi stabbilit livell massimu ta’ residwi (maximum residue limits, minn hawn ‘il quddiem “MRL”) provviżorju għall-metilpredniżolon għall-ħalib mill-bovini u biex titneħħa d-dispożizzjoni “mhux għall-użu f’annimali li jipproduċu l-ħalib għall-konsum mill-bniedem”.

(6)

L-entrata eżistenti għall-metilpredniżolon fit-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010 għaldaqstant għandha tiġi emendata biex tinkludi l-MRL provviżorju għall-ħalib mill-bovini u biex titneħħa d-dispożizzjoni “mhux għall-użu f’annimali li jipproduċu l-ħalib għall-konsum mill-bniedem”. L-MRL provviżorju stabbilit f’dik it-Tabella għall-metilpredniżolon għandu jibqa’ validu sal-1 ta’ Lulju 2011.

(7)

Hemm bżonn li jiġi stipulat perjodu ta’ żmien raġonevoli biex il-partijiet interessati kkonċernati jadottaw miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa biex jikkonformaw mal-MRL ġodda stabbiliti.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 37/2010 huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-25 ta’ Ottubru 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Awwissu 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 152, 16.6.2009, p. 11.

(2)  ĠU L 15, 20.1.2010, p. 1.


ANNESS

L-entrata għall-metilpredniżolon fit-tabella1 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010 għandha tinbidel kif ġej:

Sustanza attiva farmakoloġikament

Residwu markatur

Speċi tal-annimali

MRL

Tessuti kkonċernati

Dispożizzjonijiet oħrajn (skont l-Artikolu 14(7) tar-Regolament (KE) Nru 470/2009)

Klassifikazzjoni terapewtika

“Metilpredniżolon

Metilpredniżolon

Bovini

10  μg/kg

Muskoli

 

Kortikojdi/Glukokortikojdi”

10  μg/kg

Xaħam

 

10  μg/kg

Fwied

 

10  μg/kg

Kliewi

 

2  μg/kg

Ħalib

L-MRL provviżorju għandu jibqa’ validu sal-1 ta’ Lulju 2011.