20.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 632/2010

tad-19 ta’ Lulju 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 24 u l-Istandard Internazzjonali għar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 8

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

(2)

Fid-4 ta’ Novembru 2009, il-Bord għall-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ippubblika reviżjoni tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 24 Żvelar fuq Partijiet Relatati, minn issa 'l quddiem “l-IAS 24 rivedut”. L-għan tat-tibdiliet li saru mill-IAS 24 rivedut huwa li tiġi ssimplifikata d-definizzjoni ta' parti relatata filwaqt li jitneħħew ċerti inkonsistenzi u jiġu pprovduti xi eżenzjonijiet għal entitajiet b'rabta governattiva fir-rigward tal-ammont ta' informazzjoni li dawn l-entitajiet jeħtiġilhom jipprovdu fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ma' partijiet relatati.

(3)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti Tekniċi (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) tikkonferma li l-IAS 24 rivedut jissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/505/KE tal-14 ta' Lulju 2006 li tistabbilixxi Grupp ta' Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi [Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards] biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-oġġettività u n-newtralità tal-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar ir-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) (3), il-Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards qies l-opinjoni tal-EFRAG dwar l-adozzjoni u ta parir lill-Kummissjoni li din hija bbilanċata kif xieraq u oġġettiva.

(4)

L-adozzjoni tal-IAS 24 rivedut timplika, b'konsegwenza, emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) nru 8 sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-istandards internazzjonali tal-kontabilità.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 hu emendat kif ġej:

(1)

L-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS ) 24 għandu jiġi mibdul mal-IAS 24 kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament;

(2)

L-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) 8 għandu jiġi emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-IAS 24 u l-emendi għall-IFRS 8, kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament, sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja li tibda wara l-31 ta’ Diċembru 2010.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 199, 21.7.2006, p. 33.


ANNESS

STANDARDS INTERNAZZJONALI TAL-KONTABILITÀ

IAS 24

IAS 24 Żvelar fuq Partijiet Relatati

IFRS 8

Emenda għall-IFRS 8 Segmenti tal-Operat

Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti riżervati barra miż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta' riproduzzjoni għall-użu personali jew għal skopijiet oħra ta' kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB minn www.iasb.org

Standard Internazzjonali tal-Kontabbiltà 24

Żvelar fuq Partijiet Relatati

GĦAN

1

L-għan ta' dan l-Istandard huwa li jiġi żgurat li r-rapporti finanzjarji ta' entità jkun fihom l-iżvelar meħtieġ biex jiġbed l-attenzjoni għall-possibbiltà li l-pożizzjoni finanzjarja u l-profitt jew it-telf tagħha setgħu kienu affettwati mill-eżistenza ta' partijiet relatati u minn tranżazzjonijiet u bilanċi pendenti, fosthom l-impenji, ma' dawn il-partijiet.

AMBITU

2

Dan l-Istandard għandu jiġi applikat fi:

(a)

l-identifikazzjoni ta' relazzjonijiet u tranżazzjonijiet tal-partijiet relatati;

(b)

l-identifikazzjoni ta' bilanċi pendenti, fosthom l-impenji, bejn entità u l-partijiet relatati magħha;

(c)

l-identifikazzjoni taċ-ċirkustanzi li fihom ikun meħtieġ l-iżvelar tal-punti (a) u (b); kif ukoll

(d)

li jiġi stabbilit l-iżvelar li għandu jsir dwar dawk il-punti.

3

Dan l-Istandard jeħtieġ l-iżvelar tar-relazzjonijiet, tranżazzjonijiet u bilanċi pendenti tal-parti relatata, fosthom l-impenji, fir-rapporti finanzjarji konsolidati u separati ta' kumpanija prinċipali, imprenditur jew investitur, ippreżentati skont l-IAS 27 Rapporti Finanzjarji Konsolidati u Separati. Dan l-Istandard japplika wkoll għar-rapporti finanzjarji individwali.

4

Tranżazzjonijiet u bilanċi pendenti ta' parti relatata ma' entitajiet oħra fi grupp huma żvelati fir-rapporti finanzjarji ta' entità. Tranżazzjonijiet u bilanċi pendenti ta' parti relatata fi ħdan grupp huma eliminati fil-preparazzjoni tar-rapporti finanzjarji konsolidati tal-grupp.

GĦAN TAL-IŻVELAR FUQ PARTIJIET RELATATI

5

Relazzjonijiet ma' partijiet relatati huma karatteristika normali tal-kummerċ u n-negozju. Pereżempju, entitajiet ta' spiss iwettqu partijiet mill-attivitajiet tagħhom permezz ta' sussidjarji, impriżi konġunti u kumpaniji assoċjati. F'dawn iċ-ċirkustanzi l-entità tista' taffettwa l-politiki finanzjarji u operattivi tal-entità li tirċievi l-investiment permezz ta' preżenza ta' kontroll, kontroll konġunt jew influwenza sinifikanti.

6

Relazzjoni ma' parti relatata jista' jkollha effett fuq il-profitt jew it-telf u l-pożizzjoni finanzjarja ta' entità. Partijiet relatati jistgħu jidħlu fi tranżazzjonijiet li partijiet li mhux relatati ma jidħlux għalihom. Pereżempju, entità li tbigħ prodotti lill-kumpanija prinċipali tagħha bil-prezz kemm jiswewha tista' ma tbigħx b'dawk it-termini lil klijent ieħor. Ukoll, tranżazzjonijiet bejn partijiet relatati jistgħu ma jsirux bl-istess ammonti bħal dawk li jsiru bejn partijiet mhux relatati.

7

Il-profitt jew telf u l-pożizzjoni finanzjarja ta' entità jistgħu jiġu affettwati b'relazzjoni ma' parti relatata, anki jekk it-tranżazzjonijiet ma' partijiet relatati ma jseħħux. Is-sempliċi eżistenza ta' relazzjoni tista' tkun biżżejjed biex taffettwa t-tranżazzjonijiet tal-entità ma' partijiet oħrajn. Pereżempju, sussidjarja tista' tittermina r-relazzjonijiet ma' sieħeb fin-negozju malli l-kumpanija prinċipali f'akkwiżizzjoni mill-kumpanija prinċipali ta' sussidjarja relatata li tagħmel l-istess attività bħalma jagħmel is-sieħeb ta-negozju msemmi qabel. Alternattivament, parti waħda tista' ma taġixxix minħabba l-influwenza sinifikanti tal-oħra – pereżempju, sussidjarja tista' tiġi ordnata mill-kumpanija prinċipali tagħha biex ma tagħmilx riċerka u żvilupp.

8

Għal dawn ir-raġunijiet, konoxxenza tat-tranżazzjonijiet ta' entità, il-bilanċi pendenti, fosthom l-impenji u r-relazzjonijiet mal-partijiet relatati jistgħu jaffettwaw il-valutazzjonijiet tal-operazzjonijiet tagħha mill-utenti tar-rapporti finanzjarji, li jinkludu l-valutazzjonijiet tar-riskji u tal-opportunitajiet li jippreżentaw ruħhom lill-entità.

DEFINIZZJONIJIET

9

It-termini li ġejjin jintużaw f’dan l-Istandard bit-tifsiriet speċifikati:

Parti relatata hija persuna jew entità li tkun relatata mal-entità li tħejjilha r-rapporti finanzjarji tagħha (f’dan l-Istandard imsejħa l-“entità li tirrapporta”).

(a)

Persuna jew membru qarib tal-familja ta' dik il-persuna tkun relatata ma' entità li tirrapporta jekk dik il-persuna:

(i)

ikollha kontroll jew kontroll konġunt fuq l-entità li tirrapporta;

(ii)

ikollha influwenza sinifikanti fuq l-entità li tirrapporta; jew

(iii)

tkun membru tal-persunal maniġerjali ewlieni tal-entità li tirrapporta jew ta' kumpanija prinċipali tal-entità li tirrapporta.

(b)

Entità tkun relatata ma' entità li tirrapporta jekk tkun tapplika kwalunkwe mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

L-entità u l-entità li tirrapporta jkunu membri tal-istess grupp (li tfisser li kull kumpanija prinċipali, sussidjarja jew sussidjarja relatata tkun relatata mal-oħrajn).

(ii)

Entità tkun kumpanija assoċjata jew impriża konġunta tal-entità l-oħra (jew kumpanija assoċjata jew impriża koġunta ta' membru ta' grupp li tiegħu hija membru l-entità l-oħra).

(iii)

Iż-żewġ entitajiet ikunu impriżi koġunti tal-istess parti terza.

(iv)

Entità tkun impriżi konġunta ta' entità terza u l-entità l-oħra tkun kumpanija assoċjata tal-entità terza.

(v)

L-entità tkun pjan għal wara l-irtirar mix-xogħol għall-benefiċċju tal-impjegati tal-entità li tirrapporta jew ta' xi entità relatata mill-entità li tirrapporta. Jekk l-entità li tirrapporta tkun hi stess pjan bħal dan, dawk li jħaddmu u jissponsorjaw jkunu ukoll relatati mal-entità li tirrapporta.

(vi)

L-entità tkun ikkontrollata unikament jew b'mod konġunt minn persuna identifikata f'(a).

(vii)

Persuna identifikata f'(a)(i) ikollha influwenza sinifikanti fuq l-entità jew fuq membru tal-persunal maniġerjali ewlieni tal-entità (jew ta' kumpanija prinċipali tal-entità).

Tranżazzjoni ma' parti relatata hija t-trasferiment ta' riżorsi, servizzi jew obbligi bejn entità li tirrapporta u parti relatata, irrelevanti minn jekk jintalabx prezz.

Qraba tal-familja ta' individwu huma dawk il-membri tal-familja li jkunu mistennija li jinfluwenzaw, jew jiġu influwenzati minn, dak l-individwu fin-negozju tagħhom mal-entità u jinkludu:.

(a)

it-tfal u l-mara/raġel jew sieħba/sieħeb domestika/u tal-persuna;

(b)

it-tfal tal-mara/raġel jew sieħba/sieħeb domestika/u tal-persuna; kif ukoll

(c)

id-dipendenti ta' dik il-persuna jew tal-mara/raġel jew sieħba/sieħeb domestika/u ta' dik il-persuna.

Kumpens jinkludi l-benefiċċji kollha tal-impjegati (kif iddefiniti fl-IAS 19 Benefiċċji għall-Impjegati) fosthom il-benefiċċji tal-impjegati li għalihom japplika l-IFRS 2 Pagament Ibbażat fuq l-Ishma. Benefiċċji tal-impjegati huma l-forom kollha ta' korrispettiv imħallas jew ipprovdut mill-entità, jew f'isem l-entità, għal servizzi mogħtija lill-entità. Jinkludi wkoll korrispettiv imħallas ta' dan it-tip f'isem il-kumpanija prinċipali tal-entità fir-rigward tal-entità. Kumpens jinkludi:

(a)

benefiċċji fuq perjodu qasir ta' żmien għall-impjegati, bħal pagi, salarji u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, frank annwali mħallas, assenza għall-mard imħallsa, qsim tal-profitti u bonusijiet (jekk imħallsa fi żmien tnax-il xahar mit-tmiem il-perjodu) u benefiċċji mhux monetarji (bħal kura medika, akkomodazzjoni, karrozzi u oġġetti jew servizzi mingħajr ħlas jew issussidjati) għal impjegati kurrenti;

(b)

benefiċċji ta' wara l-impjieg bħal pensjonijiet, benefiċċji oħra tal-irtirar, assigurazzjoni tal-ħajja ta' wara l-impjieg u kura medika ta' wara l-impjieg;

(c)

benefiċċji oħra fuq perjodu twil ta' żmien għall-impjegati, li jinkludu frank għal servizz twil jew frank sabbatiku, benefiċċji ta' ġublew jew benefiċċji oħra għal servizz twil, benefiċċji fuq perjodu twil ta' żmien minħabba diżabbiltà u jekk ma jkunux jitħallsu kollha fi żmien tnax-il xahar wara tmiem il-perjodu, qsim tal-profitti, bonusijiet u kumpens differit;

(d)

benefiċċji tat-terminazzjoni l-impjieg; kif ukoll

(e)

pagament ibbażat fuq l-ishma.

Kontroll hu s-setgħa li tirregola l-politiki finanzjarji u operattivi ta' entità biex tikseb benefiċċji mill-attivitajiet tagħha.

Kontroll konġunt hu l-kondiviżjoni miftehma b'kuntratt tal-kontroll fuq attività ekonomika.

Personal maniġerjali ewlieni huwa dawk il-persuni li għandhom l-awtorità u r-responsabbiltà għall-ippjannar, id-direzzjoni u l-kontroll tal-attivitajiet tal-entità, direttament jew indirettament u li jinkludu kwalunkwe direttur (kemm jekk eżekuttiv jew mhux) ta' dik l-entità.

Influwenza sinifikanti hi s-setgħa li tipparteċipa fid-deċiżjonijiet ta' politika finanzjarja u operattiva ta' entità, iżda mhix il-kontroll fuq dawk il-politiki. Influwenza sinifikanti tista' tinkiseb bil-pussess ta' ishma, statut jew ftehim.

Gvern tirreferi għall-gvern, aġenziji tal-gvern u korpi simili kemm jekk lokali, nazzjonali jew internazzjonali.

Entità relatat mal-gvern hija entità li hija kkontrollata, b'kontroll konġunt jew li hija influwenzata sinifikattivament minn xi gvern.

10

Meta tkun qed tiġi kkunsidrata kull relazzjoni possibbli ma' parti relatata, tingħata attenzjoni għas-sustanza tar-relazzjoni u mhux biss għal forma legali.

11

Fil-kuntest ta' dan l-Istandard, dawn li ġejjin mhumiex partijiet relatati:

(a)

żewġ entitajiet sempliċiment minħabba li jkollhom direttur jew membru ieħor tal-persunal maniġerjali ewlieni komuni jew għax membru tal-persunal maniġerjali ewlieni ta' entità minnhom ikollu influwenza sinifikanti fuq l-entità l-oħra.

(b)

żewġ imprendituri sempliċiment minħabba li jikkondiviżu kontroll konġunt fuq impriża konġunta.

(c)

(i)

fornituri ta' finanzi,

(ii)

trade unions,

(iii)

utilitajiet pubbliċi, u

(iv)

dipartimenti u aġenziji ta' gvern li la jikkontrollaw, la jikkontrollaw b'mod konġunt u lanqas jinfluwenzaw b'mod sinifikanti lill-entità li tirrapporta,

sempliċiment minħabba n-negozju normali tagħhom ma' entità (anki jekk jistgħu jaffettwaw il-libertà ta' entità li tagixxi jew jipparteċipaw fil-proċess tagħha tat-teħid tad-deċiżjonijiet).

(d)

klijent, fornitur, konċessjonarju, distributur jew aġent ġenerali ma' min l-entità tagħmel volum sinifikanti ta' tranżazzjonijiet kummerċjali, sempliċiment minħabba d-dipendenza ekonomika li tirriżulta.

12

Fid-definizzjoni ta' parti relatata, kumpanija assoċjata tinkludi s-sussidjarji tal-kumpanija assoċjata, filwaqt li impriża konġunta tinkludi s-sussidjarji tal-impriża konġunta. Għalhekk, pereżempju, sussidjarja ta' kumpanija assoċjata u l-investitur li għandu influwenza sinifikanti fuq il-kumpanija assoċjata huma relatati flimkien.

ŻVELAR

L-entitajiet kollha

13

Relazzjonijiet bejn kumpanija prinċipali u s-sussidjarji tagħha għandhom jiġu żvelati irrispettivament minn jekk kienx hemm tranżazzjonijiet bejniethom. Entità għandha tiżvela l-isem tal-kumpanija prinċipali tagħha u, jekk differenti, il-parti li finalment tikkontrollaha. Jekk la l-kumpanija prinċipali tal-entità u lanqas il-parti li finalment tikkontrollaha ma jipproduċu rapporti finanzjarji konsolidati disponibbli għall-użu pubbliku, għandu jiġi żvelat l-isem tal-kumpanija prinċipali l-aktar superjuri li jmiss.

14

Biex l-utenti tar-rapporti finanzjarji jkunu jistgħu jiffurmaw opinjoni dwar l-effetti tar-relazzjonijiet ma' parti relatata fuq entità, hu xieraq li tiġi żvelata r-relazzjoni ma' parti relatata meta jeżisti kontroll, irrispettivament minn jekk kienux seħħew tranżazzjonijiet bejn il-partijiet relatati.

15

Ir-rekwiżit li jkunu żvelati r-relazzjonijiet tal-partijiet relatati bejn kumpanija prinċipali u s-sussidjarji tagħha hija b'żieda mar-rekwiżiti tal-iżvelar fl-IAS 27, IAS 28 Investimenti f’Kumpaniji Assoċjati u IAS 31 Interessi f’Impriżi Konġunti.

16

Il-paragrafu 13 jirreferi għall-ewwel kumpanija importanti li jmiss. Din tkun l-ewwel kumpanija prinċipali fil-grupp li tiġi immedjatament fuq il-kumpanija prinċipali li tipproduċi r-rapporti finanzjarji konsolidati disponibbli għall-użu pubbliku.

17

Entità għandha tiżvela l-kumpens lill-persunal maniġerjali ewlieni kemm bħala total kif ukoll għall kull waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

benefiċċji fuq perjodu qasir ta' żmien għall-impjegati;

(b)

benefiċċji ta' wara l-impjieg;

(c)

benefiċċji oħra fuq perjodu twil ta' żmien;

(d)

benefiċċji ta' tmiem l-impjieg; kif ukoll

(e)

pagament ibbażat fuq l-ishma.

18

Jekk entità tkun għamlet tranżazzjonijiet ma' parti relatata matul il-perjodi koperti mir-rapporti finanzjarji, din għandha tiżvela n-natura tar-relazzjoni mal-parti relatata kif ukoll l-infromazzjoni dwar dawn it-tranżazzjonijiet u bilanċi pendenti, fosthom l-impenji li tkun meħtieġa mill-utenti biex jifhmu l-effett potenzjali tar-relazzjoni fuq ir-rapporti finanzjarji. Dawn ir-rekwiżiti tal-iżvelar huma b'żieda ma' dawk fil-paragrafu 17. Tal-anqas, l-iżvelar għandu jinkludi:

(a)

l-ammont tat-tranżazzjonijiet;

(b)

l-ammont tal-bilanċi pendenti, fosthom l-impenji, u:

(i)

it-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, bl-inklużjoni ta' jekk ġewx assigurati, u n-natura tal-korrispettiv li għandu jingħata bħala saldu; kif ukoll

(ii)

dettalji ta' kwalunkwe garanzija mogħtija jew li waslet;

(c)

dispożizzjonijiet għal djun dubjużi relatati mal-ammont ta' bilanċi pendenti; kif ukoll

(d)

l-ispiża rikonoxxuta matul il-perjodu fir-rigward ta' djun li ma jitħallsux jew dubjużi dovuti minn partijiet relatati.

19

L-iżvelar meħtieġ mill-paragrafu 18 għandu jsir b'mod separat għal kull waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

il-kumpanija prinċipali;

(b)

entitajiet li jkollhom kontroll konġunt jew b'influwenza sinifikanti fuq l-entità;

(c)

sussidjarji;

(d)

kumpaniji assoċjati;

(e)

impriżi konġunti li fihom l-entità tkun imprenditriċi;

(f)

persunal maniġerjali ewlieni tal-entità jew il-kumpanija prinċipali tagħha; kif ukoll

(g)

partijiet relatati oħra.

20

Il-klassifikazzjoni tal-ammonti pagabbli lil, u dovuti minn, partijiet relatati fil-kategoriji differenti kif meħtieġ fil-paragrafu 19 hi estensjoni tal-iżvelar meħtieġ fl-IAS 1 Preżentazzjoni ta' Rapporti Finanzjarji biex l-informazzjoni tiġi ppreżentata jew fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja jew fin-noti. Il-kategoriji huma estiżi biex jipprovdu analiżi aktar komprensiva tal-bilanċi tal-partijiet relatati u japplikaw għat-tranżazzjonijiet tal-partijiet relatati.

21

Dawn li ġejjin huma eżempji ta' tranżazzjonijiet li għandhom jiġu żvelati jekk isiru ma' parti relatata:

(a)

xiri jew bejgħ ta' oġġetti (lesti jew le);

(b)

xiri jew bejgħ ta' proprjetà u assi oħra;

(c)

servizzi mogħtija jew irċevuti;

(d)

kuntratti ta' kiri;

(e)

trasferimenti ta' riċerka u żvilupp;

(f)

trasferimenti taħt ftehimiet ta' liċenzja;

(g)

trasferimenti taħt arranġamenti finanzjarji (li jinkludu self u kontribuzzjonijiet tal-ekwità fi flus jew f'oġġetti);

(h)

dispożizzjonijiet għal garanziji jew kollateral;

(i)

impenji li wieħed iwettaq xi ħaġa f'każ li jseħħ jew ma jseħħx xi avveniment partikolari fil-futur, fosthom kuntratti eżekutorji (*) (rikonoxxuti jew mhux); kif ukoll

(j)

saldu ta' obbligazzjonijiet f'isem l-entità jew mill-entità f'isem dik il-parti relatata.

22

Parteċipazzjoni minn kumpanija prinċipali jew minn sussidjarju fi pjan ta' benefiċċju ddefinit li jaqsam ir-riskji bejn entitajiet tal-grupp hija tranżazzjoni bejn partijiet relatati (ara l-paragrafu 34B tal-IAS 19).

23

Żvelar li tranżazzjonijiet ma' partijiet relatati saru fuq termini li huma ekwivalenti għal dawk eżistenti fi tranżazzjonijiet distakkati jsir biss jekk dawn it-termini jistgħu jiġu ssostanzjati.

24

Punti li jkunu ta' natura simili jistgħu jiġu żvelati flimkien, ħlief meta żvelar separat hu meħtieġ biex wieħed jifhem l-effetti ta' tranżazzjonijiet ma' parti relatata fid-dikjarazzzjonijiet finanzjarji tal-entità.

Entitajiet relatati mal-gvern

25

Entità li tirrapporta hija eżentata mir-rekwiżiti tal-iżvelar tal-paragarfu 18 b'rabta mat-tranżazzjonijiet u l-bilanċi pendenti ma' parti relatata, inkużi l-impenji ma':

(a)

gvern li għandu kontroll, kontroll konġunt jew sinifikanti fuq l-entità li tirrapporta; kif ukoll

(b)

entità oħra li tkun parti relatata minħabba li l-istess gvern ikollu kontroll, kontroll konġunt jew sinifikanti fuq kemm l-entità li tirrapporta u l-entità l-oħra.

26

Jekk entità li tirrapporta tapplika l-eżenzjoni fil-paragrafu 25, din għandha tiżvela dan li ġej dwar it-tranżazzjonijiet u l-bilanċi dependi relatati msemmija fil-paragrafu 25:

(a)

l-isem tal-gvern u x'tip ta' relazzjoni għandu mal-entità li tirrapporta (jiġifieri kontroll, kontroll konġunt jew influwenza sinifikanti);

(b)

l-informazzjoni li ġejja f'biżżejjed dettall sabiex tippermetti lill-utenti tar-rapporti finanzjarji tal-entità jifhmu l-effett tat-tranżazzjonijiet tal-parti relatata fuq ir-rapporti finanzjarji tagħha:

(i)

it-tip u l-ammont ta' kull tranżazzjoni individwali sinifikanti; kif ukoll

(ii)

għal tranżazzjonijiet oħra li jkunu kollettivament, iżda mhux individwalment, sinifikanti, indikazzjoni kwalitattiva jew kwantitattiva tad-daqs tagħhom. It-tipi ta' tranżazzjonijiet jinkludu dawk elenkati fil-paragrafu 21.

27

Fil-ġudizzju tagħha meta tiddetermina l-livell ta' detall li għandu jkun żvelat skont ir-rekwiżiti fil-paragrafu 26(b), l-entità li tirrapporta għandha tqis kemm hija mill-qrib ir-relazzjoni tal-parti relatata u fatturi oħra relevanti biex jiġi stabbilit il-livell tas-sinifikat tat-tranżazzjoni bħal jekk tkunx:

(a)

sinifikanti f'termini ta' daqs;

(b)

imwettqa b'termini li mhux tas-suq;

(c)

lil hinn mill-operati kummerċjali normali ta' kuljum, bħax-xiri u l-bejgħ ta' negozji;

(d)

żvelata lill-awtoritajiet regolatorji jew superviżorji;

(e)

rapportata lill-maniġment fil-livelli għoljin;

(f)

soġġetta għall-approvazzjoni tal-azzjonisti.

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

28

Entità għandha tapplika dan l-Istandard retrospettivament għal perjodi annwali li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2011 jew wara. Hija permessa l-applikazzjoni minn aktar kmieni, jew tal-Istandard kollu jew tal-eżenzjoni parzjali fil-paragrafi 25-27 għall-entitajiet relatati mal-gvern. Entità, kemm jekk tapplika dan l-istandard sħiħ jew dik l-eżenzjoni parzjali għal perjodu li jibda qabel l-1 ta' Jannar 2011, dejjem għandha tiżvela li qed tagħmel hekk.

IRTIRAR TAL-IAS 24 (2003)

29

Dan l-Istandard jieħu post l-IAS 24 Żvelar fuq Partijiet Relatati (kif revedut fl-2003).


(*)  L-IAS 37, Provvedimenti, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti jiddefinixxi l-kuntratti eżekutorji bħala kuntratti li fihom il-partijiet ma jkunu wettqu xejn mill-obbligi tagħhom jew fejn iż-żewġ partijiet ikunu wettqu l-obbligi tagħhom parzjalment u fl-istess miżura.

Appendiċi

Emenda fl-IFRS 8 Segmenti tal-Operat

A1

Il-paragrafu 34 għandu jiġi emendat kif ġej (it-test il-ġdid huwa ssottolinjat u t-test imħassar huwa maqtugħ) u għandu jiżdied il-paragrafu 34B.

34

Entità għandha tagħti informazzjoni dwar sa fejn tasal id-dipendenza tagħha fuq il-klijenti prinċipali tagħha. Jekk id-dħul minn tranżazzjonijiet minn klijent estern wieħed jammontaw għal 10 fil-mija jew aktar tad-dħul tal-entità, l-entità għandha tiddikjara dan il-fatt, l-ammont totali tad-dħul minn kull klijent bħal dan, u l-identità tas-segment jew segmenti li qed jirrappurtaw dan id-dħul. L-entità m'għandhiex għalfejn tiżvela l-identità ta' klijent prinċipali jew l-ammont tad-dħul li kull segment jirrapporta mingħand dak il-klijent. Għall-finijiet ta’ dan l-IFRS, grupp ta’ entitajiet magħruf għall-entità li qed tirrapporta li jkun taħt kontroll komuni għandu jiġi meqjus bħala klijent wieħed,. Madankollu, huwa meħtieġ ġudizzju biex jkun ivvalutat jekk u gvern (nazzjonali, stat, provinċjali, territorjali, lokali jew barrani inkluż l-aġenziji tal-gvern u entitajiet simili kemm jekk lokali, nazzjonali jew internazzjonali) u entitajiet magħrufa għall-entità li qed tirrapporta li jkunu taħt il-kontroll ta' dak il-gvern għandhom jitqiesu bħal klijent wieħed. F'din il-valutazzjoni, l-entità li tirrapporta għandha tqis il-grad ta' integrazzjoni bejn dawn iż-żewġ entitajiet.

36B

L-IAS 24 Żvelar fuq Partijiet Relatati (kif rivedut fl-2009) emeda l-paragrafu 34 għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2011 jew wara. Jekk entità tapplika l-IAS 24 (emendat fl-2009) għal perjodu li ġie qabel, hija għandha tapplika l-emenda fil-paragrafu 34 għal dak il-perjodu li ġie qabel.