8.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 595/2010

tat-2 ta’ Lulju 2010

li jemenda l-Annessi VIII, X u XI għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jippreskrivi regoli li jirrigwardaw is-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika li jikkonċernaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsubin għall-konsum uman. Jipprovdi li proteina pproċessata tal-annimali u prodotti oħrajn ipproċessati li jistgħu jintużaw bħala materjal ta’ għalf għandhom jitqiegħdu fis-suq biss jekk ikunu ġew ipproċessati skont l-Anness VII għal dak ir-Regolament. Barra minn hekk, ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jipprovdi li ikel għal annimali domestiċi, ikel ta’ mastikazzjoni għall-klieb u prodotti tekniċi u dawk il-prodotti sekondarji tal-annimali msemmijin fl-Anness VIII għandhom jitqiegħdu fis-suq biss jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti f’dak l-Anness.

(2)

Il-Kapitolu V tal-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 attwalment jistabbilixxi rekwiżiti armonizzati għat-tqegħid fis-suq u għall-importazzjoni tas-serum taż-żwiemel. Iżda ċerti Stati Membri, sieħba fil-kummerċ u operaturi ekonomiċi wrew l-interess tagħhom fl-użu tad-demm u f’firxa usa’ ta’ prodotti tad-demm taż-żwiemel, ta’ oriġini kemm mill-Unjoni kif ukoll minn pajjiżi terzi, għal għanijiet tekniċi fl-Unjoni. Biex ikun iffaċilitat l-użu ta’ demm bħal dan u ta’ prodotti ta’ demm bħal dawn, huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-użu tagħhom għal għanijiet tekniċi. Rekwiżiti bħal dawn għandhom itaffu r-riskji li jista’ jkun hemm ta’ trażmissjoni ta’ ċertu mard li bilfors irid jiġi nnotifikat, liema mard jidher fil-Lista tad-Direttiva tal-Kunsill 90/426/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar kundizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni ta’ żwiemel (2) minn pajjiżi abbażi ta’ evidenza xjentifika disponibbli. B’mod partikolari, id-demm għandu jiġi minn biċċeriji li jkunu ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għal ikel li jkun ġej mill-annimali (3), jew minn faċilitajiet approvati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, u taħt is-superviżjoni tiegħu, għal ġbir ta’ demm, bħal azjendi fejn l-annimali jinżammu f’kundizzjonijiet speċjali ta’ saħħa.

(3)

Il-Kapitolu X tal-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jistabbilixxi rekwiżiti għall-importazzjoni ta’ qrejjen u prodotti tal-qrejjen (eskluż biċċiet tal-qrejjen) u dwiefer u prodotti ta’ dwiefer (eskluż biċċiet ta’ dwiefer), maħsubin għal użu li mhuwiex dak ta’ materjal ta’ għalf, fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija.

(4)

Operaturi ekonomiċi wrew l-interess tagħhom fl-użu ta’ prodotti sekondarji tal-annimali bħal dawn għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti organiċi jew ta’ materjali li jtejbu l-ħamrija. Iżda t-tqegħid fis-suq, inkluż l-importazzjoni ta’ prodotti sekondarji bħal dawn tal-annimali, għandu jitħalla jsir biss jekk dawn il-prodotti joriġinaw minn annimali li jkunu tajbin għall-qatla għall-konsum uman jew li ma jkunux urew sinjali kliniċi ta’ mard li jittieħed u jekk għalihom ikun ġie applikat trattament li jtaffi r-riskji li jista’ jkun hemm għas-saħħa.

(5)

Fil-każ tal-qrejjen, għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex tkun impeduta t-trażmissjoni tal-enċefalopatija sponġiforma li tittieħed (transmissible spongiform encephalopathy - TSE) meta l-qrejjen jitneħħew mill-irjus. Il-Kumitat Xjentifiku ta’ Tmexxija ħareġ opinjoni dwar it-tixrid infettiv tat-TSE f’tessuti ta’ annimali li jixtarru (4). Skont dik l-opinjoni, il-qrejjen għandhom jitneħħew mingħajr il-ftuħ tal-kavità kranjali, biex kontaminazzjoni reċiproka ma’ aġenti tat-TSE tkun impeduta.

(6)

Għaldaqstant għandu jiżdied Kapitolu XV ġdid tal-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 li jispeċifika l-kundizzjonijiet ta’ saħħa għat-tqegħid fis-suq, inkluża l-importazzjoni, ta’ qrejjen u prodotti ta’ qrejjen, eskluż biċċiet ta’ qrejjen, u dwiefer u prodotti tad-dwiefer, eskluż biċċiet tad-dwiefer, li jkunu maħsubin għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti organiċi jew ta’ materjali li jtejbu l-ħamrija.

(7)

L-Anness X għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 437/2008 (5), jistabbilixxi mudell wieħed ta’ ċertifikat tas-saħħa għal ħalib u prodotti tal-ħalib mhux maħsubin għall-konsum mill-bniedem li joriġinaw f’pajjiżi terzi biex jintbagħtu lejn l-Unjoni jew biex jgħaddu minnha. Il-Kapitolu V tal-Anness VII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għat-tqegħid fis-suq u għall-importazzjoni ta’ ħalib, prodotti tal-ħalib u kolostrum. Il-punt 3 tas-Sezzjoni A u l-punt 1.5 tas-Sezzjoni B ta’ dak il-Kapitolu jistabbilixxu r-rekwiżiti għax-xorrox li għandu jintama’ lil annimali ta’ speċi suxxettibbli għall-marda tal-ilsien u dwiefer. Iċ-ċertifikat mudell ta’ saħħa għall-importazzjoni ta’ ħalib u prodotti tal-ħalib mhux maħsubin għall-konsum mill-bniedem jinsab fil-Kapitolu 2 tal-Anness X għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002. Ir-rekwiżiti għax-xorrox stabbiliti f’dak iċ-ċertifikat mudell huma aktar stretti mir-rekwiżiti li japplikaw għax-xorrox fil-kummerċ fl-Unjoni stabbiliti fil-Kapitolu V tal-Anness VII għal dak ir-Regolament. Għaldaqstant dak iċ-ċertifikat mudell għandu jiġi emendat biex ir-rekwiżiti għall-importazzjoni tax-xorrox ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li japplikaw għall-produzzjoni u t-tqegħid għall-bejgħ tax-xorrox fil-kummerċ fl-Unjoni. Iċ-ċertifikat mudell tas-saħħa fil-Kapitolu 2 tal-Anness X għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 għandu, għaldaqstant, jiġi emendat.

(8)

L-Anness XI għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jistabbilixxi listi ta’ pajjiżi terzi li minnhom, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsubin għall-konsum mill-bniedem b’referenza għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 79/542/KEE (6), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/296/KE (7), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/85/KEE (8), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/984/KE (9), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/585/KE (10), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/609/KE (11), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE (12), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/438/KE (13) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/696/KE (14). Dawn l-atti legali ġew emendati jew sostitwiti b’mod konsiderevoli. L-Anness XI għandu jiġi emendat biex iqis emendi magħmulin għal dawk l-atti tal-Unjoni.

(9)

Għandu jingħata perjodu ta’ tranżizzjoni wara d-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, biex jingħata żmien biżżejjed lill-partijiet interessati kollha biex jikkonformaw mar-regoli l-ġodda u biex jitħalla l-issoktar tal-importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, kif hemm ipprovdut fir-Regolament (KE) Nru 1774/2002, qabel l-emendi introdotti b’dan ir-Regolament.

(10)

Il-miżuri msemmijin f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi VIII, X u XI għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 huma emendati skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Għal perjodu ta’ tranżizzjoni sal-31 ta’ Awwissu 2010, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw kunsinni ta’ ħalib u ta’ prodotti tal-ħalib, serum taż-żwiemel u prodotti ta’ demm ittrattat, esklużi dawk ta’ żwiemel għall-manifattura ta’ prodotti tekniċi li jkollhom magħhom ċertifikat tas-saħħa mimli u ffirmat skont iċ-ċertifikati mudelli rilevanti, kif stabbilit fil-Kapitolu 2, il-Kapitolu 4(A) u l-Kapitolu 4(D) rispettivament tal-Anness X għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Sat-30 ta’ Ottubru 2010, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw kunsinni bħal dawn jekk iċ-ċertifikati ta’ saħħa li jkollhom magħhom ikunu mtlew u ġew iffirmati qabel l-1 ta’ Settembru 2010.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ u għandu japplika fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 42.

(3)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(4)  Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku ta’ Tmexxija adottata fil-laqgħa tiegħu tal-10 u l-11 ta’ Jannar 2002 u emendata fil-laqgħa tiegħu tas-7 u t-8 ta’ Novembru 2002.

(5)  ĠU L 132, 22.5.2008, p. 7.

(6)  ĠU L 146, 14.6.1979, p. 15.

(7)  ĠU L 122, 14.5.1997, p. 21.

(8)  ĠU L 44, 17.2.1994, p. 31.

(9)  ĠU L 378, 31.12.1994, p. 11.

(10)  ĠU L 251, 6.10.2000, p. 1.

(11)  ĠU L 258, 12.10.2000, p. 49.

(12)  ĠU L 73, 11.3.2004, p. 1.

(13)  ĠU L 154, 30.4.2004, p. 72.

(14)  ĠU L 295, 25.10.2006, p. 1.


ANNESS

L-Annessi VIII, X u XI għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness VIII huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Kapitolu V huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“KAPITOLU V

Rekwiżiti għal demm u prodotti tad-demm taż-żwiemel għal għanijiet tekniċi

A.   Tqegħid fis-suq

It-tqegħid fis-suq għal għanijiet tekniċi ta’ demm u prodotti tad-demm minn żwiemel għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.

Id-demm jista’ jitqiegħed fis-suq bil-kundizzjoni li:

(a)

ikun inġabar minn żwiemel li:

(i)

waqt l-ispezzjoni fid-data tal-ġbir tad-demm ma jurux sinjali kliniċi ta’ xi marda li bilfors trid tiġi nnotifikata elenkata fl-Anness A għad-Direttiva 90/426/KEE, u tal-influwenza tal-ekwini, il-piroplażmożi tal-ekwini, ir-rinopnewmonite tal-ekwini u l-artrite virali tal-ekwini, elenkati fil-punt 4 tal-Artikolu 1.2.3. tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), Edizzjoni tal-2009;

(ii)

jkunu nżammu għal mill-inqas 30 jum qabel id-data tal-ġbir tad-demm u matul dan il-ġbir, f’azjendi taħt superviżjoni veterinarja, li ma kinux soġġetti għal ordni ta’ projbizzjoni skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 90/426/KEE jew għal restrizzjonijiet skont l-Artikolu 5 tagħha;

(iii)

għall-perjodi stabbiliti fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 90/426/KEE ma kellhomx kuntatt ma’ żwiemel ta’ azjendi li ma kinux soġġetti għal ordni ta’ projbizzjoni għal raġunijiet ta’ saħħa tal-annimali skont dak l-Artikolu, u li għal mill-inqas 40 jum qabel id-data tal-ġbir tad-demm u matul dan il-ġbir ma kellhomx kuntatt ma’ żwiemel minn Stat Membru jew pajjiż terz li ma kinux jitqiesu ħielsa minn marda Afrikana taż-żwiemel skont l-Artikolu 5(2)(a) ta’ dik id-Direttiva;

(b)

ikun inġabar taħt superviżjoni veterinarja:

(i)

f’biċċeriji approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 853/2004; jew

(ii)

f’faċilitajiet approvati u li jkollhom numru ta’ approvazzjoni veterinarja u taħt superviżjoni mill-awtorità kompetenti bil-għan li jinġabar demm taż-żwiemel għall-produzzjoni ta’ prodotti tad-demm għal għanijiet tekniċi.

2.

Prodotti tad-demm jistgħu jitqiegħdu fis-suq bil-kundizzjoni li:

(a)

ikunu ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex tkun evitata l-kontaminazzjoni tal-prodotti tad-demm ma’ aġenti patoġeniċi matul il-produzzjoni, l-immaniġġar u l-ippakkjar;

(b)

il-prodotti tad-demm ikunu ġew prodotti minn demm li:

(i)

jew jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1(a); jew

(ii)

kienu soġġetti għal mill-inqas wieħed mit-trattamenti li ġejjin, segwiti minn kontroll tal-effikaċja, għall-inattivar ta’ patoġeni kawżattivi għall-marda Afrikana taż-żwiemel, l-enċefalomajlite tal-ekwini ta’ kull xorta, inkluża l-enċefalomajlite tal-ekwini tal-Venezwela, l-anemija infettiva ekwina, l-istomatite vesikulari u glanders (Burkholderia mallei) li seta’ kien hemm:

trattament bis-sħana f’temperatura ta’ 65 °C għal mill-inqas tliet sigħat;

irradjazzjoni f’25 kGy b’raġġi gamma;

bidla fil-pH għal pH 5 għal sagħtejn;

trattament bis-sħana ta’ mill-inqas 80 °C fis-sustanza kollha tagħhom.

3.

Demm u prodotti tad-demm minn żwiemel għandhom ikunu ppakkjati f’reċipjenti impermeabbli u ssiġillati li:

(a)

jkollhom tikketta li tinqara faċilment bil-kliem ‘DEMM U PRODOTTI TAD-DEMM MINN ŻWIEMEL, MHUX GĦALL-KONSUM MILL-BNIEDEM JEW MILL-ANNIMALI’;

(b)

ikollhom in-numru ta’ approvazzjoni tal-istabbiliment tal-ġbir li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1(b).

B.   Importazzjoni

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ demm u ta’ prodotti tad-demm taż-żwiemel għal għanijiet tekniċi, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.

Id-demm għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1(a) tas-Sezzjoni A u għandu jinġabar taħt superviżjoni veterinarja jew:

(a)

f’biċċeriji

(i)

approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 853/2004; jew

(ii)

approvati u taħt superviżjoni mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz; jew

(b)

f’faċilitajiet approvati u li jkollhom numru ta’ approvazzjoni veterinarja u taħt superviżjoni mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz bil-għan li jinġabar demm taż-żwiemel għall-produzzjoni ta’ prodotti tad-demm għal għanijiet tekniċi.

2.

Il-prodotti tad-demm għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 tas-Sezzjoni A.

Barra minn hekk, il-prodotti tad-demm imsemmijin fil-paragrafu 2(b)(i) tas-Sezzjoni A għandhom ikunu ġew prodotti minn demm miġbur minn żwiemel li jkunu nżammu għal perjodu ta’ mill-inqas tliet xhur, jew mit-twelid tagħhom jekk kellhom inqas minn tliet xhur qabel id-data tal-ġbir f’azjendi taħt superviżjoni veterinarja fil-pajjiż terz tal-ġbir, li matul dak il-perjodu u matul il-perjodu tal-ġbir tad-demm kienu ħielsa minn:

(a)

marda Afrikana taż-żwiemel skont l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 90/426/KEE;

(b)

l-enċefalomajlite tal-ekwini tal-Venezwela għal perjodu ta’ mill-inqas sentejn;

(c)

glanders:

(i)

għal perjodu ta’ tliet snin; jew

(ii)

għal perjodu ta’ sitt xhur li matulu l-annimali ma jkunu wrew ebda sinjali kliniċi ta’ glanders (Burkholderia mallei) matul l-ispezzjoni post-mortem fil-biċċerija li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1(a), inkluż eżami bir-reqqa tal-membrani mukużi mit-trakea, il-larinġi, il-kavitajiet nażali u s-sinus u r-ramifikazzjonijiet tagħhom, wara l-qsim tar-ras fil-pjan medjan u l-qtugħ barra tas-septum nażali;

(d)

l-istomatite vesikulari, għal sitt xhur.

3.

Il-prodotti tad-demm għandhom jiġu minn impjant tekniku approvat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz li jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

4.

Id-demm u l-prodotti tad-demm għandhom jiġu minn pajjiż terz li jidher fil-lista li hemm referenza għaliha fil-Partijiet li ġejjin tal-Anness XI:

(a)

Parti XIII(A) fejn id-demm ikun inġabar skont il-paragrafu 1 tas-Sezzjoni A jew fejn prodotti tad-demm ikunu ġew prodotti skont il-paragrafu 2(b)(i) tas-Sezzjoni A; jew

(b)

Parti XIII(B) fejn huma jkunu ġew ittrattati skont il-paragrafu 2(b)(ii) tas-Sezzjoni A.

5.

Id-demm u prodotti tad-demm għandhom ikunu ppakkjati u ttikkettjati skont il-paragrafu 3(a) tas-Sezzjoni A u għandu jkollhom magħhom ċertifikat tas- saħħa li jkun konformi mal-mudell stabbilit fil-Kapitolu 4(A) tal-Anness X, mimli u ffirmat kif dovut mill-veterinarju uffiċjali.”

(b)

ġie miżjud il-Kapitolu XV li ġej:

“KAPITOLU XV

Rekwiżiti għal qrejjen u prodotti ta’ qrejjen, eskluż biċċiet ta’ qrejjen, u dwiefer u prodotti ta’ dwiefer, eskluż biċċiet ta’ dwiefer, maħsubin għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti organiċi jew materjali li jtejbu l-ħamrija

A.   Tqegħid fis-suq

It-tqegħid fis-suq ta’ qrejjen u prodotti ta’ qrejjen, eskluż biċċiet ta’ qrejjen, u dwiefer u prodotti ta’ dwiefer, eskluż biċċiet ta’ dwiefer, maħsubin għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti organiċi jew materjali li jtejbu l-ħamrija, għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.

huma għandhom joriġinaw minn annimali li:

(a)

jew ikunu nqatlu f’biċċerija, wara li jkunu għaddew minn spezzjoni ante-mortem, u nstabu li kienu, b’riżultat ta’ din l-ispezzjoni, tajbin għall-qatla għall-konsum mill-bniedem skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

(b)

jew ma wrewx sinjali kliniċi ta’ xi marda ta’ dak il-prodott li tittieħed mill-bniedem jew mill-annimali.

2.

ikunu għaddew minn trattament bis-sħana għal siegħa f’temperatura ta’ mill-inqas 80°C fil-qalba tagħha;

3.

il-qrejjen ikunu tneħħew mingħajr il-ftuħ tal-kavità kranjali;

4.

f’kull stadju tal-proċessar, ħżin jew trasport, tkun ittieħdet kull prekawzjoni biex tkun evitata l-kontaminazzjoni reċiproka;

5.

għandhom jiġu ppakkjati f’pakki jew f’reċipjenti ġodda; jew għandhom jiġu ttrasportati f’vetturi jew f’kontejners li jġorru bil-kwantità li kienu ġew diżinfettati qabel it-tagħbija bl-użu ta’ prodott approvat mill-awtorità kompetenti;

6.

Il-pakki jew ir-reċipjenti għandhom:

(a)

jindikaw it-tip ta’ prodott (qrejjen, prodotti ta’ qrejjen, dwiefer jew prodotti ta’ dwiefer);

(b)

ikunu ttikkettjati b’mod ċar ‘MHUX GĦALL-KONSUM MILL-BNIEDEM JEW MILL-ANNIMALI’;

(c)

ikunu mmarkati bl-isem u bl-indirizz tal-impjant tekniku jew ta’ ħażna approvat ta’ destinazzjoni.

B.   Importazzjoni

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ qrejjen u prodotti ta’ qrejjen, eskluż biċċiet ta’ qrejjen, u dwiefer u prodotti ta’ dwiefer, eskluż biċċiet ta’ dwiefer, maħsubin għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti organiċi jew materjali li jtejbu l-ħamrija bil-kundizzjoni li dawn:

1.

jiġu minn pajjiż terz li jidher fil-lista li hemm referenza għaliha fil-Parti XVIII tal-Anness XI;

2.

ikunu ġew prodotti skont il-punt A ta’ dan il-Kapitolu;

3.

ikollhom magħhom ċertifikat tas-saħħa li jikkonforma mal-mudell stabbilit fil-Kapitolu 18 tal-Anness X, mimli u ffirmat kif dovut mill-veterinarju uffiċjali;

4.

jitwasslu, wara li jkunu saru l-eżamijiet veterinarji fil-post ta’ spezzjoni tal-fruntiera fil-punt ta’ dħul fl-Unjoni kif hemm provdut fid-Direttiva 97/78/KE, u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(4) ta’ dik id-Direttiva, direttament għal impjant tekniku approvat jew impjant ta’ ħażna approvat.”

(2)

L-Anness X huwa emendat kif ġej:

(a)

il-Kapitolu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“KAPITOLU 2

Ċertifikat tas-saħħa

Għal ħalib u prodotti tal-ħalib mhux maħsubin għall-konsum mill-bniedem biex jintbagħtu lejn l-Unjoni Ewropea jew biex jgħaddu minnha (2)

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

(b)

Il-Kapitolu 4(A) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“KAPITOLU 4 (A)

Ċertifikat tas-saħħa

Għal importazzjoni ta’ demm u prodotti tad-demm taż-żwiemel għal għanijiet tekniċi, maħsubin biex jintbagħtu lejn l-Unjoni Ewropea jew biex jgħaddu minnha (2)

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

(c)

Il-Kapitolu 4(D) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“KAPITOLU 4 (D)

Ċertifikat tas-saħħa

Għal prodotti ta’ demm ittrattat, esklużi dawk taż-żwiemel, għall-manifattura ta’ prodotti tekniċi, maħsubin biex jintbagħtu lejn l-Unjoni Ewropea jew biex jgħaddu minnha (2)

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

(d)

il-Kapitolu 18 li ġej ġie miżjud:

“KAPITOLU 18

Ċertifikat tas-saħħa

Għal qrejjen u prodotti ta’ qrejjen, eskluż biċċiet ta’ qrejjen, u dwiefer u prodotti ta’ dwiefer, eskluż biċċiet ta’ dwiefer, maħsubin għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti organiċi jew materjali li jtejbu l-ħamrija maħsubin biex jintbagħtu lejn l-Unjoni Ewropea jew biex jgħaddu minnha(2)

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

(3)

L-Anness XI huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS XI

Listi ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw importazzjoni mingħandhom ta’ prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsubin għall-konsum mill-bniedem

L-inklużjoni ta’ pajjiż terz f’waħda mil-listi li ġejjin hija kundizzjoni neċessarja, iżda mhux biżżejjed, għall-importazzjoni tal-prodotti rilevanti minn dak il-pajjiż terz. L-importazzjoni għandha wkoll tissodisfa r-rekwiżiti rilevanti tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika. Id-deskrizzjonijiet li ġejjin jirreferu għat-territorji jew partijiet minnhom minn fejn titħalla ssir importazzjoni ta’ ċerti prodotti sekondarji tal-annimali, kif jingħad fiċ-ċertifikat jew dikjarazzjoni rilevanti tas-saħħa tal-annimali kif stabbilit fl-Anness X.

PARTI I

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ ħalib u prodotti tal-ħalib (ċertifikat tas-saħħa, Kapitolu 2)

Pajjiżi terzi awtorizzati elenkati fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2004/438/KE (1).

PARTI II

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ proteini proċessati tal-annimali (eskluż biċċiet ta’ ħut) (ċertifikat tas-saħħa, Kapitolu 1)

Pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (2)

PARTI III

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ biċċiet ta’ ħut u ta’ żejt tal-ħuta (ċertifikat tas-saħħa, Kapitoli 1 u 9)

Pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/766/KE (3).

PARTI IV

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ xaħmijiet imdewwba (eskluż iż-żejt tal-ħuta) (ċertifikat tas-saħħa, Kapitoli 10(A) u 10(B))

Pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010.

PARTI V

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ prodotti tad-demm għal materjal ta’ ikel (ċertifikat tas-saħħa, Kapitolu 4(B))

A.   Prodotti tad-demm minn mammali bid-dwiefer (ungulati)

Pajjiżi terzi jew partijiet ta’ pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010, li mingħandhom hija awtorizzata l-importazzjoni tal-kategoriji kollha ta’ laħam frisk tal-ispeċi rispettivi.

B.   Prodotti tad-demm minn speċijiet oħrajn

Pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010.

PARTI VI

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti tad-demm (bl-eċċezzjoni ta’ dawk taż-żwiemel) maħsubin għal għanijiet tekniċi, inklużi farmaċewtiċi (ċertifikat tas-saħħa, Kapitoli 4(C) u 8)

A.

Prodotti tad-demm:

1.

Prodotti ta’ demm mhux ittrattat ta’ ungulati:

Pajjiżi terzi jew partijiet ta’ pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010 li mingħandhom hija awtorizzata l-importazzjoni ta’ laħam frisk ta’ kull speċi ta’ ungulati domestiċi u għall-perjodu biss indikat fil-kolonni 7 u 8 ta’ dik il-Parti,

(JP) Il-Ġappun.

2.

Prodotti ta’ demm mhux ittrattat ta’ tjur u speċi oħrajn ta’ għasafar:

Pajjiżi terzi jew partijiet ta’ pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness I għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 (4),

(JP) Il-Ġappun.

3.

Prodotti ta’ demm mhux ittrattat ta’ annimali oħrajn:

Pajjiżi terzi elenkati jew fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010, fil-Parti 1 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 798/2008, jew fil-Parti 1 tal-Anness I għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 119/2009 (5),

(JP) Il-Ġappun.

4.

Prodotti ta’ demm ittrattat ta’ kull speċi:

Pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010, fil-Parti 1 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 798/2008, jew fil-Parti 1 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 119/2009,

(JP) Il-Ġappun.

B.

Prodotti sekondarji tal-annimali għal użu farmaċewtiku:

Pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010, fil-Parti 1 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 798/2008, jew fil-Parti 1 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 119/2009 u l-pajjiżi terzi li ġejjin:

(JP) Il-Ġappun,

(PH) Il-Filippini,

(TW) It-Tajwan.

C.

Prodotti sekondarji tal-annimali għal għanijiet tekniċi barra minn użijiet farmaċewtiċi: pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010 li mingħandhom hija awtorizzata l-importazzjoni ta’ dik il-kategorija ta’ laħam frisk tal-ispeċi rispettiva, fil-Parti 1 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 798/2008, jew fil-Parti 1 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 119/2009.

PARTI VII(A)

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ prodotti sekondarji tal-annimali għall-manifattura ta’ ikel għal annimali domestiċi (ċertifikat tas-saħħa, Kapitolu 3(F))

A.

Prodotti sekondarji tal-annimali minn żwiemel u annimali tal-ispeċi tal-ifrat, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tal-ħnieżer, inklużi annimali ta’ rziezet u annimali selvaġġi:

Pajjiżi terzi jew partijiet ta’ pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010, li mingħandhom hija awtorizzata l-importazzjoni ta’ laħam frisk ta’ dawk l-ispeċi ta’ annimali għall-konsum mill-bniedem.

B.

Materjal nej ta’ tjur, inklużi ratiti u għasafar tal-kaċċa selvaġġi:

Pajjiżi terzi jew partijiet ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jawtorizzaw importazzjoni mingħandhom ta’ laħam frisk ta’ tjur, li huma elenkati fil-Parti 1 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 798/2008.

C.

Materjal nej ta’ ħut:

Pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2006/766/KE.

D.

Materjal nej ta’ mammali oħra selvaġġi tal-art u Leparopidi.

Pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010 jew fil-Parti 1 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 119/2009, li l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ laħam frisk mill-istess speċi.

PARTI VII(B)

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ ikel nej għal annimali domestiċi maħsub biex jintbagħat lejn l-Unjoni Ewropea għal bejgħ dirett, jew prodotti sekondarji tal-annimali biex jingħata bħala ikel lil annimali tel-fer f’irziezet (ċertifikat tas-saħħa, Kapitolu 3(D))

Pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010 jew fil-Parti 1 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 798/2008, li l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ laħam frisk mill-istess speċi u fejn għadam fil-laħam biss huwa awtorizzat.

Fil-każ ta’ materjal ta’ ħut, pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2006/766/KE.

PARTI VII(C)

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ interjuri li jagħtu togħma għal użu fil-manifattura ta’ ikel għal annimali domestiċi, maħsubin biex jintbagħtu lejn l-Unjoni Ewropea (ċertifikat tas-saħħa, Kapitolu 3(E))

Pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010 jew fil-Parti 1 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 798/2008, li l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ laħam frisk mill-istess speċi u fejn għadam fil-laħam biss huwa awtorizzat.

Fil-każ ta’ interjuri li jagħtu togħma minn materjal ta’ ħut, pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2006/766/KE.

PARTI VIII

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ lanżit ta’ ħnieżer (ċertifikat tas-saħħa, Kapitoli 7(A) u 7(B))

A.

Għal lanżit ta’ ħnieżer mhux ittrattat, pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010, li jkunu ħielsa mid-deni Afrikan tal-ħnieżer għat-tnax-il xahar qabel id-data tal-importazzjoni.

B.

Għal lanżit ta’ ħnieżer ittrattat, pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010, li jistgħu ma jkunux ħielsa mid-deni Afrikan tal-ħnieżer għat-tnax-il xahar qabel id-data tal-importazzjoni.

PARTI IX

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ demel ipproċessat u prodotti ta’ demel ipproċessat għat-trattament tal-ħamrija (ċertifikat tas-saħħa, Kapitolu 17)

Għal demel ipproċessat u prodotti ta’ demel ipproċessat, pajjiżi terzi elenkati fi:

(a)

Il-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010;

(b)

Fl-Anness I għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE (6); jew

(c)

Il-Parti 1 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 798/2008.

PARTI X

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ ikel għal annimali domestiċi u ikel ta’ mastikazzjoni għall-klieb (ċertifikat tas-saħħa, Kapitoli 3(A), 3(B) u 3(C))

Pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010, u l-pajjiżi terzi li ġejjin:

(JP) Il-Ġappun

(EC) L-Ekwador (7)

(LK) Is-Sri Lanka (8)

(TW) It-Tajwan (9)

PARTI XI

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ ġelatina, proteina idrolizzata, kollaġenu, fosfat tad-dikalċju u fosfat tat-trikalċju (ċertifikat tas-saħħa, Kapitoli 11 u 12).

Pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010, u l-pajjiżi terzi li ġejjin:

(KR) Il-Korea t’Isfel (10)

(MY) Il-Malażja (10)

(PK) Il-Pakistan (10)

(TW) It-Tajwan (10).

PARTI XII

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ prodotti tal-apikoltura (ċertifikat tas-saħħa, Kapitolu 13)

Pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010.

PARTI XIII

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ demm u prodotti tad-demm taż-żwiemel (ċertifikat tas-saħħa, Kapitolu 4(A))

A.

Demm u prodotti tad-demm mhux ittrattati: Pajjiżi terzi jew partijiet ta’ pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2004/211/KE, li mingħandhom titħalla ssir l-importazzjoni ta’ żwiemel għat-trobbija u l-produzzjoni.

B.

Prodotti ta’ demm ittrattat: pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010, li l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ laħam frisk ta’ żwiemel domestiċi.

PARTI XIV

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ ġlud ħoxnin (hides) u ġlud oħrajn (skins) ta’ ungulati (ċertifikat tas-saħħa, Kapitoli 5(A), 5(B) u 5(C))

A.

Għal ġlud ħoxnin u ġlud oħrajn friski u mkessħin ta’ ungulati, pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010, li l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ laħam frisk mill-istess speċi.

B.

Għal ġlud ħoxnin u ġlud oħrajn ittrattati ta’ ungulati, pajjiżi terzi jew partijiet ta’ pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010.

C.

Għal ġlud ħoxnin u ġlud oħrajn ittrattati ta’ annimali li jixtarru li huma maħsubin biex jintbagħtu lejn l-Unjoni u li nżammu separati għal perjodu ta’ 21 jum jew li jkollhom jinġarru għal perjodu ta’ 21 jum bla waqfien qabel l-importazzjoni, għal kull pajjiż terz.

PARTI XV

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ trofej tal-kaċċa (ċertifikat tas-saħħa, Kapitoli 6(A) u 6(B))

A.

Għal trofej tal-kaċċa ttrattati ta’ għasafar u ungulati, li jkunu biss għadam, qrejjen, dwiefer (hooves), dwiefer ippuntati (claws), qrejjen imsaġġrin (antlers), snien, ġlud ħoxnin jew ġlud oħrajn, għal kull pajjiż terz.

B.

Għal trofej tal-kaċċa ta’ għasafar li jikkonsistu minn partijiet sħaħ li ma jkunux ġew ittrattati, pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 798/2008, li l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ laħam frisk ta’ tjur mingħandhom, u għall-pajjiżi li ġejjin:

(GL) Greenland

(TN) It-Tuneżija.

C.

Għal trofej tal-kaċċa ta’ ungulati li jikkonsistu minn partijiet sħaħ li ma jkunux ġew ittrattati, pajjiżi terzi elenkati fil-kolonni rilevanti għal laħam frisk ta’ ungulati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010, inkluż kull restrizzjoni stabbilita fil-kolonna għal rimarki speċjali għal laħam frisk.

PARTI XVI

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ prodotti tal-bajd mhux maħsubin għall-konsum mill-bniedem li jistgħu jintużaw bħala materjal ta’ ikel (ċertifikat tas-saħħa, Kapitolu 15)

Pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010, u pajjiżi terzi jew partijiet ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ laħam frisk ta’ tjur, li huma elenkati fil-Parti 1 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 798/2008.

PARTI XVII

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ għadam u prodotti tal-għadam (eskluż biċċiet tal-għadam), qrejjen u prodotti ta’ qrejjen (eskluż biċċiet ta’ qrejjen) u dwiefer u prodotti ta’ dwiefer (eskluż biċċiet ta’ dwiefer) maħsubin għal użu li mhuwiex dak ta’ materjal ta’ għalf, fertilizzanti organiċi jew materjali li jtejbu l-ħamrija (dikjarazzjoni, Kapitolu 16)

Kull pajjiż terz.

PARTI XVIII

Lista ta’ pajjiżi terzi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni mingħandhom ta’ qrejjen u prodotti ta’ qrejjen (eskluż biċċiet ta’ qrejjen) u dwiefer u prodotti ta’ dwiefer, (eskluż biċċiet ta’ dwiefer) maħsubin għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti organiċi jew materjali li jtejbu l-ħamrija (ċertifikat tas-saħħa, Kapitolu 18)

Kull pajjiż terz.


(1)  ĠU L 154, 30.4.2004, p. 72.

(2)  ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1.

(3)  ĠU L 320, 18.11.2006, p. 53.

(4)  ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1.

(5)  ĠU L 39, 10.2.2009, p. 12.

(6)  ĠU L 73, 11.3.2004, p. 1.

(7)  Ikel għal annimali domestiċi li joriġna minn ħut biss.

(8)  Ikel ta’ mastikazzjoni għall-klieb magħmul minn ġlud ħoxnin u ġlud oħrajn ta’ ungulati biss.

(9)  Ikel ipproċessat għal annimali domestiċi għal ħut ornamentali biss.

(10)  Ġelatina biss.”