1.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 166/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 573/2010

tat-30 ta’ Ġunju 2010

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 185/2010 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni msemmija fl-Artikolu 4(1) u tal-miżuri ġenerali li jissupplimentaw l-istandards bażiċi komuni msemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Jekk ikun fihom miżuri ta’ sigurtà sensittivi, dawn il-miżuri għandhom jitqiesu bħala tagħrif tal-UE ikklassifikat fi ħdan it-tifsira tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, il-KEFA, il-Euratom tad-29 ta’ Novembru 2001 li temenda r-regoli interni tal-proċedura (2), kif ipprovdut bl-Artikolu 18, il-punt (a) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 u għalhekk ma għandhomx jiġu ppubblikati. Dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati separatament, permezz ta’ Deċiżjoni indirizzata lill-Istati Membri.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 għandu japplika bis-sħiħ mid-data speċifikata fir-regoli tal-implimentazzjoni adottati skont il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 4(2) u 4(3) ta’ dak ir-Regolament iżda mhux aktar tard mid-29 ta’ April 2010. Dan ir-Regolament għandu għalhekk japplika mid-29 ta’ April 2010 sabiex tiġi armonizzata l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 u l-atti li jimplimentawh.

(4)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1217/2003 tal-4 ta’ Lulju 2003 li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet komuni għal programmi ta’ kontroll ta’ kwalità għas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili nazzjonali (3), (KE) Nru 1486/2003 tat-22 ta’ Awwissu 2003 li jistabbilixxi proċeduri sabiex jitmexxew spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (4), (KE) Nru 1138/2004 tal-21 ta’ Ġunju 2004 li jistabbilixxi tifsira komuni għal partijiet kritiċi taż-żoni ta’ sigurtà ristretta fl-ajruporti (5), u (KE) Nru 820/2008 tat-8 ta’ Awwissu 2008 li jistipula miżuri għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni (6), li kollha implimentaw ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili (7) għandhom għalhekk jiġu rrevokati.

(5)

L-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 jippermetti li, minkejja r-regola ġenerali li l-Kummissjoni għandha tippubblika miżuri li għandhom impatt dirett fuq il-passiġġieri, ċerti miżuri li jkun fihom informazzjoni sensittiva dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni jistgħu jiġu kklassifikati skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta’ Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura, u ma jiġux ippubblikati. Dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati separatament, permezz ta’ Deċiżjoni indirizzata lill-Istati Membri. Il-parti tad-Deċiżjoni li fiha miżuri u proċeduri sensittivi ta’ sigurtà m’għandhiex tiġi ppubblikata u trid tkun disponibbli biss lil dawk l-operaturi u entitajiet b’interess leġittimu. Dawn il-miżuri jinkludu, b’mod partikolari, ċerti proċeduri u eżenzjonijiet dettaljati, li jikkonċernaw il-mod kif l-inġenji tal-ajru, il-vetturi, il-persuni, il-bagalji, il-posta u l-merkanzija jiġu kkontrollati huma u deħlin jew ġewwa żoni ta’ sigurtà ristretti, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-tagħmir ta’ skrinjar.

(6)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili stabbilit bl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ standards bażiċi komuni sabiex l-avjazzjoni ċivili tkun issalvagwardjata kontra atti illeġittimi ta’ interferenza li jipperikolaw is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u l-miżuri ġenerali li jissupplimentaw l-istandards bażiċi komuni.

Artikolu 2

Regoli ta’ implimentazzjoni

1.   Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 huma stipulati fl-Anness.

2.   Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, il-programmi nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili għandhom iqisu dan ir-Regolament kif xieraq.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ u japplika mill-għoxrin jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, it-30 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

(2)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.

(3)  ĠU L 169, 8.7.2003, p. 44.

(4)  ĠU L 213, 23.8.2003, p. 3.

(5)  ĠU L 221, 22.6.2004, p. 6.

(6)  ĠU L 221, 19.8.2008, p. 8.

(7)  ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1.


ANNESS

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 185/2010 (1) huwa emendat kif ġej:

A.

Fil-Kapitolu 4, jiżdied il-punt 4.1.1.2 (c):

“(c)

klieb għall-individwazzjoni tal-isplussivi flimkien mal-punt (a).”

B.

Fil-Kapitolu 4, jiżdied il-punt 4.1.1.9:

“4.1.1.9.

Il-klieb għall-individwazzjoni tal-isplussivi jistgħu biss jintużaw bħala mezz supplimentari ta’ skrinjar.”

C.

Fil-Kapitolu 4, jiżdied il-punt 4.1.2.3.(d)

“(d)

klieb għall-individwazzjoni tal-isplussivi flimkien mal-punt (a).”

D.

Fil-Kapitolu 5, jiżdied il-punt 5.1.1.(e):

“(e)

klieb għall-individwazzjoni tal-isplussivi.”

E.

Fil-Kapitolu 12, jiżdied il-punt 9:

“12.9   KLIEB GĦALL-INDIVIDWAZZJONI TAL-ISPLUSSIVI

12.9.1   Prinċipji Ġenerali

12.9.1.1

Kelb għall-individwazzjoni tal-isplussiv (KIS) għandu jkun kapaċi jindividwa u jindika kwantitajiet individwali speċifikati u ogħla ta’ materjal splussiv.

12.9.1.2

L-individwazzjoni għandha tkun indipendenti mill-għamla, il-pożizzjoni jew l-orjentament tal-materjal splussiv.

12.9.1.3

KIS iwissi, fil-forma ta’ rispons passiv, meta jindividwa materjali splussivi kif stipulati fl-Hemża 12-D ta’ -Deċiżjoni separata tal-Kummissjoni.

12.9.1.4

KIS u min imexxih jistgħu jintużaw għall-iskrinjar jekk it-tnejn ikunu ġew approvati indipendentament u flimkien bħala tim.

12.9.1.5

KIS u min imexxih għandhom ikunu soġġetti għal taħriġ inizjali u rikorrenti sabiex jiżguraw li l-kompetenzi meħtieġa jintgħallmu u jinżammu u, fejn xieraq, jitgħallmu kompetenzi ġodda.

12.9.1.6

Sabiex jiġi approvat, tim KIS, li jikkonsisti minn KIS u persuna(i) jmexxih, għandhom ikunu għaddew b’suċċess minn kors ta’ taħriġ.

12.9.1.7

Tim KIS għandu jiġi approvat minn jew f’isem l-awtorità x-xierqa skont l-Hemżiet 12-E u 12-F ta’ Deċiżjoni separata tal-Kummissjoni.

12.9.1.8

Wara approvazzjoni mill-awtorità x-xierqa, tim KIS jista’ jintuża għal skrinjar ta’ sigurtà bl-użu ta’ ġiri ħieles jew tal-metodu ta’ traċċar remot tal-isplussiv bix-xamm.

12.9.2   Standards għall-KIS

12.9.2.1

Ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni għal KIS huma stipulati fl-hemża 12-D ta’ Deċiżjoni separata tal-Kummissjoni.

12.9.2.2

Tim KIS użat għall-iskrinjar ta’ persuni, bagalji fil-kabini, oġġetti li jġorru persuni oħra għajr passiġġieri, vetturi, inġenji tal-ajru, provvisti għal fuq it-titjira u provvisti tal-ajruport, u żoni ta’ sigurtà ristretta ta’ ajruport għandu jilħaq l-istandard 1 ta’ individwazzjoni.

12.9.2.3

Tim KIS użat għall-iskrinjar ta’ bagalji fl-istiva, posta tat-trasportaturi bl-ajru, materjali tat-trasportatur bl-ajru, merkanzija u posta għandu jilħaq l-istandard 2 ta’ individwazzjoni.

12.9.2.4

Tim KIS approvat biex jindividwa materjal splussiv bl-użu tal-metodu ta’ traċċar remot tal-isplussiv bix-xamm jista’ biss jintuża fl-iskrinjar tal-merkanzija, iżda fl-ebda qasam ieħor inkluż fl-istandard 2.

12.9.2.5

KIS użat għall-iskrinjar tal-materjali splussivi għandu jiġi armat b’mezzi xierqa li jippermettu l-identifikazzjoni unika tal-KIS.

12.9.2.6

Meta jkun qed iwettaq dmirijiet ta’ individwazzjoni tal-isplussiv, KIS għandu dejjem ikun akkumpanjat minn min imexxih li jkun approvat biex jaħdem mal-KIS.

12.9.2.7

KIS approvat għall-metodu tal-ġiri ħieles jista’ jkollu persuna waħda biss tmexxih. Persuna waħda tista’ tiġi approvata biex tmexxi massimu ta’ żewġt KIS.

12.9.2.8

KIS approvat għall-metodu ta’ traċċar remot tal-isplussiv bix-xamm għandu jkollu massimu ta’ żewġ persuni jmexxuh għal kull KIS.

12.9.3   Ħtiġijiet tat-taħriġ

Obbligi ta’ taħriġ ġenerali

12.9.3.1

It-taħriġ ta’ tim KIS għandu jinkludi taħriġ teoretiku, prattiku u fuq il-lant tax-xogħol.

12.9.3.2

Il-kontenut tal-korsijiet ta’ taħriġ għandu jiġi speċifikat jew approvat mill-awtorità xierqa.

12.9.3.3

It-taħriġ għandu jitmexxa minn jew f’isem l-awtorità x-xierqa bl-użu ta’ għalliema kkwalifikati skont il-punt 11.5 tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 185/2010.

12.9.3.4

Il-klieb imħarrġa għall-individwazzjoni tal-isplussiv għandhom ikunu klieb li jintużaw għal għan uniku.

12.9.3.5

Waqt it-taħriġ, għandhom jintużaw għajnuniet għat-taħriġ li jirrappreżentaw materjali splussivi.

12.9.3.6

It-taħriġ għandu jingħata lil kwalunkwe persuna li qed taħdem bl-għajnuniet tat-taħriġ sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni.

Taħriġ inizjali għal timijiet KIS

12.9.3.7

Tim KIS għandu jkun suġġett għal taħriġ inizjali li jkun imsejjes fuq il-kriterji stipulati fil-punt 12.9.3 ta’ Deċiżjoni separata tal-Kummissjoni.

12.9.3.8

It-taħriġ inizjali għat-tim KIS għandu jinkludi taħriġ prattiku fl-ambjent tax-xogħol li t-taħriġ huwa maħsub għalih.

Taħriġ rikorrenti għal timijiet KIS

12.9.3.9

KIS u min imexxih għandhom ikunu suġġetti għal rekwiżiti ta’ taħriġ rikorrenti, sew individwalment sew flimkien bħala tim.

12.9.3.10

It-taħriġ rikorrenti għandu jżomm il-kompetenzi eżistenti kif meħtieġa mit-taħriġ inizjali u dawk miksuba skont żviluppi fis-sigurtà.

12.9.3.11

It-taħriġ rikorrenti għal tim KIS għandu jitwettaq mill-inqas kull 6 ġimgħat It-tul minimu tat-taħriġ rikorrenti għandu jkun ta’ mhux inqas minn 4 sigħat fi kwalunkwe perjodu ta’ 6 ġimgħat.

12.9.3.12

Il-Punt 11 m’għandux japplika fil-każ fejn KIS huwa soġġett għal taħriġ tal-għarfien tal-materjali kollha mniżżla fl-hemża 12-D ta’ Deċiżjoni separata tal-Kummissjoni mill-inqas darba dil-ġimgħa.

Reġistri tat-taħriġ għal timijiet KIS

12.9.3.13

Ir-reġistri sew għat-taħriġ inzjali sew rikorrenti għandhom jinżammu sew għall-KIS sew għal min imexxih għal mill-inqas it-tul tal-kuntratt tal-impjieg tagħhom u għandhom ikunu disponibbli lill-awtorità xierqa fuq talba.

Taħriġ Operattiv għal timijiet KIS

12.9.3.14

Meta KIS jintuża fid-dimirijiet tal-iskrinjar, il-KIS għandu jkun suġġett għal taħriġ operattiv sabiex jiġi żgurat li jilħaq il-prestazzjoni stipulata fl-Hemża 12-D ta’ Deċiżjoni separata tal-Kummissjoni.

12.9.3.15

It-taħriġ operattiv għandu jsir fuq bażi aleatorja kontinwa waqt il-perjodu tal-użu, u għandu jkejjel il-prestazzjoni tal-individwazzjoni tal-KIS bis-saħħa ta’ għajnuniet għat-taħriġ approvati.

12.9.4   Proċeduri tal-Approvazzjoni

12.9.4.1

Il-proċedura tal-approvazzjoni għandha tiżgura li jitkejlu l-kompetenzi li ġejjin:

(a)

il-ħila tal-KIS li jilħaq il-prestazzjoni tal-individwazzjoni stipulata fl-Hemża 12-D tad-Deċiżjoni separata tal-Kummissjoni;

(b)

il-ħila tal-KIS li jagħti indikazzjoni passiva dwar il-preżenza ta’ materjali splussivi;

(ċ)

il-ħila ta’ KIS u min imexxih li jaħdmu effettivament bħala tim; u

(d)

il-ħila ta’ min imexxi l-kelb li jmexxih korrettament, u jinterpreta u jwieġeb kif xieraq għar-reazzjoni tal-KIS għall-preżenza ta’ materjal splussiv.

12.9.4.2

Il-proċedura tal-approvazzjoni għandha tissimula kull waħda mill-oqsma ta’ ħidma li se jaħdmu fihom it-tim KIS.

12.9.4.3

It-tim KIS għandu jkun lesta b’suċċess it-taħriġ f’kull qasam li għalih tintalab l-approvazzjoni.

12.9.4.4

Il-proċeduri tal-approvazzjoni għandhom jitwettqu skont l-Hemżiet 12-E u 12-F tad-Deċiżjoni separata tal-Kummissjoni.

12.9.4.5

Il-validità ta’ kull perjodu ta’ approvazzjoni m’għandhiex tkun itwal minn 12-il xahar.

12.9.5   Kontroll tal-Kwalità

12.9.5.1

It-tim EDD għandu jkun suġġett għal miżuri ta’ kontroll tal-kwalità stipulati fl-Hemża 12-G tad-Deċiżjoni separata tal-Kummissjoni.

12.9.6   Metodoloġija tal-Iskrinjar

Aktar rekwiżiti dettaljati jinsabu f’ Deċiżjoni separata tal-Kummissjoni.”


(1)  ĠU L 55, 5.3.2010, p. 1.