|
8.6.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 140/19 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 494/2010
tal-25 ta’ Mejju 2010
li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(d) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fil-15 ta’ Diċembru 2009 l-Unjoni Ewropea inizjalat il-Ftehim ta’ Ġinevra dwar il-Kummerċ tal-Banana bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Perù u l-Venezwela dwar l-istruttura u l-operat tas-sistema kummerċjali tal-Unjoni fir-rigward tal-banana bil-kodiċi 0803 00 19 tan-NM (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”). Il-Ftehim jippreskrivi l-kundizzjonijiet għas-soluzzjoni finali ta’ tilwimiet u klejms pendenti fid-WTO rigward is-sistema tal-importazzjoni tal-banana fl-Unjoni. |
|
(2) |
B’konformità mal-paragrafu 3(a) tal-Ftehim, l-Unjoni għandha bil-mod il-mod tnaqqas id-dazju tariffarju fuq il-banana minn EUR 176/1 000 kg/net għal EUR 114/1 000 kg/net. |
|
(3) |
Sakemm il-Ftehim jidħol fis-seħħ, u b’konformità mal-paragrafu 8(b) tal-Ftehim, dak it-tnaqqis fit-tariffi għandu jiġu applikat b’mod provviżorju u b’mod retrospettiv, mid-data tal-iffirmar tal-Ftehim, dment li l-Partijiet l-oħrajn fil-Ftehim ikunu jikkonformaw mal-obbligi rispettivi tagħhom. |
|
(4) |
Il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fl-10 ta’ Mejju 2010. |
|
(5) |
Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jsir l-ewwel tnaqqis fit-tariffi li jipprovdi għalih il-Ftehim, li jikkonsisti fi tbaxxija tar-rata tad-dazju għal EUR 148/1 000 kg/net u li wieħed jara li dik ir-rata tkun tapplika b’mod retroattiv mill-15 ta’ Diċembru 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2010. |
|
(6) |
Jeħtieġ għalhekk li l-Anness I ta’ mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, kif emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 1031/2008 tal-Kummissjoni (2) u mir-Regolament (KE) Nru 948/2009 tal-Kummissjoni (3) jiġi emendat f’dan is-sens malli l-Ftehim jiġi ffirmat. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness I ta’ mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, kif emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 1031/2008, fir-ringiela għall-kodiċi 0803 00 19 tan-NM għall-“Banana, ħlief il-pjantaġġini, friska”, l-entrata fil-kolonna 3 (Rata konvenzjonali ta’ dazju) tinbidel b’“€ 148/1 000 kg/net”.
Artikolu 2
Fl-Anness I ta’ mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, kif emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 948/2009, fir-ringiela għall-kodiċi 0803 00 19 tan-NM għall-“Banana, ħlief il-pjantaġġini, friska”, l-entrata fil-kolonna 3 (Rata konvenzjonali ta’ dazju) tinbidel b “€ 148/1 000 kg/net”.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 1 għandu japplika mill-15 ta’ Diċembru 2009.
L-Artikolu 2 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2010.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Mejju 2010.
Għall-Kummissjoni, f’isem il-President,
Algirdas ŠEMETA
Membru tal-Kummissjoni