|
22.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 126/17 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 446/2010
tal-21 ta’ Mejju 2010
dwar il-ftuħ tal-bejgħ tal-butir permezz ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(f) u (j) flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Minħabba s-sitwazzjoni attwali fis-suq tal-butir f’termini ta’ domanda u prezzijiet u l-livell ta' ħażniet ta’ intervent, huwa xieraq li jinfetaħ il-bejgħ tal-butir mill-intervent bi proċedura ta' sejħa għall-offerti skont ir-Regolament tal-Kumissjoni (KE) Nru 1272/2009 tal-11 ta' Diċembru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f'dak li għandu x'jaqsam max-xiri u l-bejgħ ta' prodotti agrikoli taħt intervent pubbliku (2). |
|
(2) |
Sabiex ikun immaniġġjat aħjar il-bejgħ mill-intervent, għandha tiġi stipulata data li qabilha l-butir tal-intervent għandu jkun inħażen sabiex ikun disponibbli għall-bejgħ. |
|
(3) |
L-Artikolu 40(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009 jipprovdi li jeħtieġ li jkun stipulat il-perjodu ta' żmien għat-tressiq tal-offerti. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009 għandhom ikunu stipulati l-limiti taż-żmien biex l-aġenziji tal-intervent jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-offerti. |
|
(5) |
Fl-isfond ta' iktar volatilità tal-prezzijiet tas-suq, ikun xieraq li jiżdied l-ammont tal-garanzija tal-offerti, b’deroga mill-Artikolu 44(b) tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009. |
|
(6) |
Il-Kumitat tal-Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, ma tax opinjoni fil-limitu ta' żmien stipulat mill-President tiegħu, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ambitu
Il-bejgħ permezz tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti tal-butir maħżun qabel l-1 ta' Ottubru 2009 huwa miftuħ, skont il-kundizzjonijiet provduti fit-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009.
Il-prezz propost għandu jkun il-prezz għal kull 100 kilo ta' prodotti
Artikolu 2
Dati ta’ tressiq tal-offerti
1. Il-limitu taż-żmien għat-tressiq tal-offerti bi tweġiba għas-sejħiet individwali għall-offerti għandu jkun il-11:00 (ħin ta' Brussell) tal-ewwel u tat-tielet Tlieta tax-xahar. Madankollu, f’Awwissu għandu jkun il-11.00 (ħin ta’ Brussell) fir-raba’ nhar ta’ Tlieta, u f’Diċembru għandu jkun il-11.00 (ħin ta’ Brussell) fit-tieni nhar ta’ Tlieta. F’każ li t-Tlieta tkun festa pubblika, il-limitu taż-żmien għandu jkun il-11.00 (ħin ta’ Brussell) tal-jum tax-xogħol ta’ qabel.
2. Il-limitu taż-żmien għat-tressiq tal-offerti għall-ewwel sejħa individwali għall-offerti huwa l-1 ta' Ġunju 2010 fil-11.00 (ħin ta' Brussell).
3. L-offerti għandhom jitressqu lill-aġenziji tal-intervent (3).
Artikolu 3
Notifika lill-Kummissjoni
In-notifika prevista fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009 għandha ssir sal-16.00 (ħin ta' Brussell), fid-data tal-għeluq għat-tressiq tal-offerti msemmija fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 4
Deroga
B’deroga mill-Artikolu 44(b) tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009, il-garanzija tal-offerti għall-butir għandha tkun ta' EUR 200/tunnellata.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Mejju 2010.
Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,
Dacian CIOLOŞ
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(2) ĠU L 349, 29.12.2009, p. 1
(3) L-indirizzi tal-aġenziji tal-intervent huma disponibbli fuq is-sit tal-Kummissjoni Ewropea CIRCA (http://circa.europa.eu/Public/irc/agri/lait/library?l=/&vm=detailed&sb=Title).