13.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 413/2010

tat-12 ta’ Mejju 2010

li jemenda l-Annessi III, IV u V għar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjeġġi ta’ skart sabiex jitqiesu l-bidliet adottati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-OECD Nru C(2008) 156

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 58(1) tiegħu,

Billi:

(1)

F’Diċembru 2005, fit-tmien laqgħa tiegħu, il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Prevenzjoni tal-Iskart u tar-Riċiklaġġ (WGWPR) tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) qabel li jiċċara t-test tal-annotazzjoni nru B1030 tal-Anness IX għall-Konvenzjoni ta’ Basel. L-emenda ta’ dik l-annotazzjoni ġiet adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-OECD Nru C(2008) 156 u għadha trid tiġi maqbula skont il-Konvenzjoni ta’ Basel. Approvazzjoni pendenti fil-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Basel u l-emenda tal-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 huma xierqa sabiex tkun tista’ tkun inkorporata dik il-kjarifika fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(2)

F’April 2008, fil-ħdax-il laqgħa tiegħu, il-WGWPR tal-OECD qabel li jemenda t-test tal-annotazzjoni nru AA010 tal-lista l-ambra ta’ skart perikoluż maħruġa mill-OECD. L-emenda ta’ dik l-annotazzjoni ġiet adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-OECD Nru C(2008) 156. Huwa għalhekk xieraq li dik l-emenda tiġi inkorporata fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18 tad-Direttiva Nru 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi III u IV għar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 huma emendati skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1.

(2)   ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9.


ANNESS

L-Annessi III, IV u IV tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 huma emendati kif ġej:

1.

Fil-Parti I tal-Anness III, it-tielet paragrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Għall-finijet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

kwalunkwe referenza għal-lista A, li ssir fl-Anness IX tal-Konvenzjoni ta’ Basel għandha tinftiehem bħala referenza għall-Anness IV għal dan ir-Regolament;

(b)

fl-annotazzjoni Nru B1020 fil-klassifikazzjoni ta’ Basel, it-terminu ‘forma massiċċa lesta’ jinkludi l-forom kollha metalliċi (3) li ma jixterdux tar-ruttam elenkat fiha;

(ċ)

l-annotazzjoni Nru B1030 fil-klassifikazzjoni ta’ Basel għandha tinqara: ‘Residwi li fihom metalli refrattarji’;

(d)

il-parti tal-annotazzjoni Nru B1100 fil-klassifikazzjoni ta’ Basel li tirreferi għall-‘Fdalijiet minn metall imdewweb mill-ipproċessar tar-ram’ eċċ., ma tapplikax u minflok tapplika l-annotazzjoni (tal-OECD) Nru GB040 fil-Parti II;

(e)

l-annotazzjoni Nru B1110 fil-klassifikazzjoni ta’ Basel ma tapplikax u minflok japplikaw l-annotazzjonijiet (tal-OECD) Nri GC010 u GC020 fil-Parti II;

(f)

l-annotazzjoni Nru B2050 fil-klassifikazzjoni ta’ Basel ma tapplikax u minflok tapplika l-annotazzjoni (tal-OECD) Nru GG040 fil-Parti II;

(g)

ir-referenza fl-annotazzjoni Nru B3010 fil-klassifikazzjoni ta’ Basel għall-iskart ta’ polimers fluworinati għandu jitqies li jinkludi polimers u kopolimers tal-etilene fluworinat (PTFE).”

2.

Fil-Parti II tal-Anness IV, l-annotazzjoni Nru AA010 għandha tinbidel b’dan li ġej:

“AA010

261900

Ħmieġ tal-metalli, scalings u skart ieħor mill-industrija tal-ħadid u l-azzar (3).”

3.

Fil-lista B tal-Parti 3 tal-Anness V, l-annotazzjoni Nru AA010 għandha tinbidel b’dan li ġej:

“AA010

261900

Ħmieġ tal-metalli, scalings u skart ieħor mill-industrija tal-ħadid u l-azzar (5).”