4.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 377/2010

tat-3 ta’ Mejju 2010

li jimponi dazju provviżorju antidumping fuq importazzjonijiet ta' sodium gluconate li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Bidu

(1)

Fit-30 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni rċeviet ilment li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ sodium gluconate (“SG”) niexef li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina”) ippreżentat skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku mill-Kunsill tal-Industrija Ewropea tal-Kimiċi (CEFIC) (“il-kwerelant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f’dan il-każ ta’ aktar minn 50 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ sodium gluconate niexef.

(2)

L-ilment kien jinkludi evidenza prima facie ta’ dumping u ta’ dannu materjali minn dan id-dumping li tqies li kienet suffiċjenti biex ikun iġġustifikat il-bidu ta' proċediment antidumping.

(3)

Fil-11 ta’ Awwissu 2009, ingћata bidu ta’ proċediment bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ inizjazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

2.   Il-partijiet ikkonċernati mill-proċediment

(4)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment bl-inizjazzjoni tal-proċediment lill-produtturi esportaturi fiċ-Ċina, l-importaturi, il-kummerċjanti, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet magħrufa li huma kkonċernati, l-awtoritajiet taċ-Ċina u l-produtturi tal-Unjoni li lmentaw. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż ta’ bidu.

(5)

Il-partijiet interessati kollha li talbu dan u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta ta’ smiegħ.

(6)

Sabiex il-produtturi esportaturi jkollhom l-opportunità li jressqu talba għal trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) jew għal trattament individwali (“TI”), jekk riedu, il-Kummissjoni bagħtet formoli ta’ talbiet lill-produtturi Ċiniżi li jesportaw li kien magħruf li huma kkonċernati, u lill-awtoritajiet taċ-Ċina. Produttur esportatur wieħed talab it-TES skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku u produttur esportatur ieħor, li jinkludi żewġ kumpaniji relatati, talbu t-TI skont l-Artikolu 9(5) tal-istess Regolament.

(7)

Minħabba li n-numru ta’ produtturi fiċ-Ċina u importaturi fl-Unjoni deher li kien kbir, il-Kummissjoni fl-avviż tal-bidu indikat li jista' jkun applikat it-teħid ta’ kampjuni fil-każ ta’ dawn il-partijiet skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(8)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk ikunx hemm il-ħtieġa ta' teħid ta' kampjuni u, jekk hu hekk, jingħażel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha fiċ-Ċina u l-importaturi fl-Unjoni ntalbu jippreżentaw ruħom lill-Kummissjoni u jipprovdu, kif speċifikat fl-avviż ta' bidu, tagħrif bażiku dwar l-attivitajiet tagħhom marbuta mal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta' investigazzjoni (mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009).

(9)

Minħabba n-numru limitat ta’ risposti għall-eżerċizzju ta’ teħid ta’ kampjuni, kien deċiż li ma kienx hemm bżonn ta' teħid ta’ kampjuni għall-produtturi esportaturi Ċiniżi jew għall-importaturi fl-Unjoni.

(10)

Intbagħtu l-kwestjonarji lill-kumpaniji kollha fiċ-Ċina u lill-importaturi fl-Unjoni li rrispondew għall-eżerċizzju tat-teħid tal-kampjun, lill-produtturi fl-Unjoni, u lill-importaturi u l-utenti kollha magħrufa fl-Unjoni. Waslu r-risposti minn żewġ produtturi esportaturi jew gruppi ta' produtturi esportaturi fiċ-Ċina, żewġ produtturi fl-Unjoni u erba' importaturi/utenti.

(11)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li qieset li kien meħtieġ gћad-determinazzjoni provviżorja ta' dumping, għad-dannu li rriżultat kif ukoll għall-interess tal-Unjoni u għamlet żjarat ta’ verifika fil-post fil-kumpaniji li ġejjin:

(1)

Il-produtturi fl-Unjoni:

Jungbunzlauer (JBL), Marckolsheim, Franza, u kumpaniji tal-bejgħ relatati

Roquette Italia S.p.A., Cassano Spinola, l-Italja, u kumpaniji tal-bejgħ relatati

(2)

Produtturi esportaturi fiċ-Ċina:

Shandong Kaison Biochemical Co., Ltd

Qingdao Kehai Biochemistry Co., Ltd

(3)

Utenti/Importaturi fl-Unjoni:

Chryso SAS, Issy les Moulineaux, Franza

Henkel AG, Dusseldorf, il-Ġermanja

CHT R. Beitlich GmbH, Tuebingen, il-Ġermanja

(12)

Minћabba l-ћtieġa li jiġi stabbilit valur normali gћall-produtturi li jesportaw fiċ-Ċina li jista’ ma jingћatalhomx TES, saret verifika fil-bini tal-kumpanija li ġejja sabiex jiġi stabbilit il-valur normali fuq il-bażi tad-dejta tal-pajjiż analogu, f’dan il-każ l-Istati Uniti tal-Amerika:

Produttur fl-Istati Uniti tal-Amerika

3.   Il-perjodu tal-investigazzjoni

(13)

L-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009 (“perjodu ta' investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-aħħar tal-perjodu għall-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(14)

Il-prodott ikkonċernat huwa s-sodium gluconate niexef li joriġina miċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”), bin-numru tal-Unjoni Doganali u tal-Istatistika (CUS) 0023277-9 u n-numru tar-reġistrazzjoni tas-Servizz tal-Astratti Kimiċi (CAS) 527-07-1, attwalment ikklassifikat bil-kodiċi tan-NM ex 2918 16 00.

(15)

Is-sodium gluconate niexef jintuża l-iktar fl-industrija tal-bini bħala ritardatur tat-tgħaqqid u plastiċizzatur tal-konkos u f'industriji oħra bħala trattament tal-wiċċ għall-metalli (tneħħija ta' sadid, ossidi u xaħam) u għat-tindif ta' fliexken u apparat industrijali. Il-prodott jista’ jintuża wkoll fl-industriji tal-ikel u tal-farmaċewtiċi.

2.   Il-prodott simili

(16)

L-investigazzjoni wriet li s-sodium gluconate niexef prodott u mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni, is-sodium gluconate niexef prodott u mibjugħ fis-suq domestiku tal-Istati Uniti tal-Amerika, li ntgħażlu bħala l-pajjiż analogu, is-sodium gluconate niexef prodott u mibjugħ fis-suq domestiku fiċ-Ċina u s-sodium gluconate niexef prodott fiċ-Ċina u mibjugħ lill-Unjoni essenzjalment għandhom l-istess karatteristiċi fiċiżi u tekniċi bażiċi.

(17)

Għalhekk dawn il-prodotti jitqiesu provviżorjament bħala li jixxiebħu skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   DUMPING

1.   It-Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq (“TES”)

(18)

Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, fl-investigazzjonijiet kontra d-dumping dwar l-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina, il-valur normali gћal dawk il-produtturi esportaturi li nstabu li qed jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku gћandu jiġi ddeterminat skont il-paragrafi 1 sa 6 tal-Artikolu msemmi.

(19)

Fil-qosor, u għal faċilità ta’ referenza biss, il-kriterji tat-TES huma elenkati f’forma mqassra hawn taħt:

(1)

Id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż kummerċjali jsiru b’reazzjoni għas-sinjali tas-suq u mingħajr indħil sinifikanti min-naħa tal-Istat; l-ispejjeż tal-materjal ewlieni użat fil-produzzjoni jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq;

(2)

Id-ditti għandhom sett wieħed ċar ta’ rekords bażiċi tal-kontabilità li jiġu indipendentement ivverifikati skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-finijiet kollha;

(3)

Ma hemm l-ebda distorsjoni sinifikanti li ntirtet mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq;

(4)

Il-liġijiet tal-falliment u tal-proprjetà jiggarantixxu ċ-ċertezza u l-istabbiltà legali;

(5)

Il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jitwettqu skont ir-rati tas-suq.

(20)

Wara l-bidu tal-proċedura, produttur esportatur Ċiniż wieħed, Shandong Kaison Biochemical Co., Ltd, talab TES skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku u wieġeb għall-formola tat-talba tat-TES fl-iskadenzi taż-żmien mogħtija.

(21)

Il-kumpanija wriet li hi ssodisfat il-kriterji tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku u setgħet tingħata TES.

2.   Trattament individwali (“TI”)

(22)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, dazju fuq skala nazzjonali, jekk jeżisti, għandu jkun stabbilit għal pajjiżi li jaqgħu taħt dak l-Artikolu, ħlief f'dawk il-każijiet fejn il-kumpaniji jkunu jistgħu juru li jissodisfaw il-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku biex jingħataw TI.

(23)

Fil-qosor, u għal referenza aktar faċli biss, dawn il-kriterji huma stabbiliti hawn taħt:

(1)

Fil-każ ta’ kumpaniji jew impriżi konġunti totalment jew parzjalment f’idejn barranin, l-esportaturi huma liberi li jibagħtu lura lejn pajjiżhom il-kapital u l-profitti;

(2)

Il-prezzijiet tal-esportazzjoni u l-kwantitajiet u l-kondizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ huma determinati liberament;

(3)

Il-parti l-kbira tal-ishma jappartjenu lil persuni privati. L-uffiċjali tal-Istat li jidhru fuq il-bord tad-diretturi jew li għandhom pożizzjonijiet ta’ maniġment ewlenin għandhom jew ikunu f’minoranza jew għandu jintwera li l-kumpanija hija madankollu indipendenti biżżejjed minn indħil mill-Istat;

(4)

Il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq; kif ukoll

(5)

L-indħil mill-Istat mhux tali li jkun possibbli li l-esportaturi individwali ma jimxux mal-miżuri jekk jingħatawlhom rati differenti tad-dazju.

(24)

Wara l-bidu tal-proċedura, produttur esportatur Ċiniż wieħed, Qingdao Kehai Biochemistry Co., Ltd, talab TI skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u wieġeb għall-formola tat-talba tat-TI fl-iskadenzi taż-żmien mogħtija.

(25)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, instab li l-produttur esportatur Ċiniż issodisfa l-ħtiġijiet kollha għat-TI kif stabbilit fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku.

3.   Valur normali

3.1.   Il-pajjiż analogu

(26)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, f’ekonomiji fi transizzjoni l-valur normali għall-produtturi li jesportaw li ma ngħatawx it-TES irid jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew valur kostrutt f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq (‘pajjiż analogu’).

(27)

Fl-avviż ta’ bidu, l-Istati Uniti tal-Amerika ġew proposti bħala pajjiż analogu xieraq biex ikun stabbilit il-valur normali għaċ-Ċina. Il-Kummissjoni ħeġġet lill-partijiet interessati kollha biex jagħtu l-kummenti tagħhom dwar din il-proposta.

(28)

Ma kien hemm l-ebda kummenti minn kwalunkwe parti interessata.

(29)

'Il hinn mill-UE, is-sodium gluconate niexef huwa prodott f'għadd żgħir ħafna ta' pajjiżi, jiġifieri l-Istati Uniti tal-Amerika, iċ-Ċina u l-Korea t'Isfel. Għaldaqstant l-unika alternattiva possibbli għall-Istati Uniti tal-Amerika kienet il-Korea t’Isfel. Il-Kummissjoni kkuntattjat lill-kumpaniji magħrufa li jipproduċu s-sodium gluconate fil-Korea t'Isfel, iżda ma waslet lura ebda risposta minn għand dawk il-produtturi.

(30)

Il-produttur fl-Istati Uniti tal-Amerika kkoopera bis-sħiħ fl-investigazzjoni billi ssottometta tweġiba kompluta għall-kwestjonarju u aċċetta li ssir żjara ta’ verifika.

(31)

Il-Kummissjoni sabet li l-Istati Uniti tal-Amerika jissodisfaw il-kriterji bħala pajjiż analogu xieraq billi l-kwantitajiet mibjugħa f’dan is-suq kienu kbar biżżejjed u kien hemm biżżejjed kompetizzjoni fis-suq kemm mal-produzzjoni domestika kif ukoll mal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra, jiġifieri ċ-Ċina, l-Italja u Franza. Barra minn hekk, l-Istati Uniti tal-Amerika ma kellhom ebda dazju kontra d-dumping fir-rigward tal-prodott ikkonċernat.

(32)

Minħabba dak li ntqal aktar ’il fuq, qed jiġi konkluż b’mod provviżorju li l-Istati Uniti tal-Amerika jikkostitwixxu pajjiż analogu xieraq skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

3.2.   Il-metodoloġija applikata għad-determinazzjoni tal-valur normali

3.2.1.   Għall-kumpanija li ngħatat TES

(33)

Għall-kumpaniji li ngħatat TES, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet jekk il-bejgħ domestiku tas-sodium gluconate niexef lil konsumaturi indipendenti kienx rappreżentattiv matul il-PI, jiġifieri jekk il-volum totali ta’ dan il-bejgħ kienx jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-ammont totali ta’ bejgħ mill-esportazzjoni Ċiniża tal-prodott lejn l-Unjoni.

(34)

Il-Kummissjoni sussegwentement identifikat dawk it-tipi ta’ prodotti mibjugħa b’mod domestiku mill-kumpanija li għandha bejgħ domestiku rappreżentattiv globali, li kienu identiċi jew direttament komparabbli mat-tipi mibjugħa għall-esportazzjoni lill-Unjoni.

(35)

Għal kull tip mibjugħ mill-produttur esportatur fis-suq lokali tiegħu u misjub li huwa komparabbli direttament mat-tipi ta’ sodium gluconate niexef mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, ġie stabbilit jekk il-bejgħ lokali kienx rappreżentattiv biżżejjed għall-għanijiet tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Bejgħ domestiku ta’ tip ta’ prodott partikolari kien ikkunsidrat suffiċjentement rappreżentattiv meta l-ammont ta’ dak it-tip ta’ prodott mibjugħ fis-suq domestiku lil klijenti indipendenti matul il-PI rrappreżenta tal-anqas 5 % tal-ammont totali tat-tip ta’ prodott kumparabbli mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

(36)

Il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat jekk il-bejgħ domestiku ta’ sodium gluconate niexef mibjugħ fis-suq domestiku fi kwantitajiet rappreżentattivi setax jitqies li sar tul l-andament normali tal-kummerċ skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan sar billi gћal kull tip ta’ prodott ġie stabbilit il-proporzjon tal-bejgћ bi qligħ lill-klijenti indipendenti fis-suq domestiku matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(37)

Fejn il-volum tal-bejgħ ta’ tip ta’ prodott, mibjugħ bi prezz nett ta’ bejgħ daqs jew ogħla mill-ispiża tal-produzzjoni rrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dan it-tip, u fejn il-prezz medju differenzjat ta’ dan it-tip kien daqs jew ogħla mill-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali ġie bbażat fuq il-prezz domestiku effettiv. Dan il-prezz ġie kkalkulat bħala l-medja differenzjata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta' dan it-tip matul il-PI, sew jekk dan il-bejgħ kienx bi qligħ u sew jekk le.

(38)

Fejn il-volum ta’ bejgħ bi profitt ta’ tip ta’ prodott irrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dan it-tip, jew fejn il-prezz medju differenzjat ta’ dan it-tip kien taħt il-kost ta’ produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku attwali, ikkalkulat bħala medja differenzjata ta’ bejgħ bi profitt ta’ dan it-tip biss.

(39)

Billi l-investigazzjoni wriet li l-bejgħ domestiku kien kemm rappreżentattiv kif ukoll sar fl-andament ordinarju tal-kummerċ, il-valur normali kien għaldaqstant ibbażat fuq il-prezz domestiku attwali tat-tranżazzjonijiet kollha matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

3.2.2.   Għall-kumpanija li ngħatat TI

(40)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għaċ-Ċina ġie stabbilit fuq il-bażi tal-informazzjoni vverifikata li ġiet ipprovduta mill-produttur li qed jikkoopera fil-pajjiż analogu. Il-bejgħ domestiku tal-produttur Amerikan tal-prodott simili nstab li kien rappreżentattiv meta mqabbel mal-prodott ikkonċernat esportat lejn l-Unjoni mill-uniku produttur esportatur fiċ-Ċina li kkoopera.

(41)

Sar ukoll eżami dwar jekk il-bejgħ domestiku jistax jitqies li sar fl-andament normali tal-kummerċ, billi ġie stabbilit il-proporzjon ta’ bejgħ bi profitt lil klijenti indipendenti. Għaldaqstant, il-valur normali ġie bbażat fuq il-prezz domestiku attwali għal kull tip ta’ prodott, ikkalkulat bħala medja differenzjata tal-prezzijiet għall-bejgħ domestiku kollu magħmul matul il-PI.

3.3.   Il-Prezz tal-Esportazzjoni

(42)

Il-bejgħ tal-esportazzjoni kollu tal-prodott ikkonċernat mill-produtturi esportaturi li kkooperaw sar direttament lil konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, u għalhekk il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet li attwalment tħallsu jew li huma pagabbli għall-prodott ikkonċernat fil-PI skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

3.4.   Tqabbil

(43)

It-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni sar fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika.

(44)

Sabiex ikun żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffetwaw il-prezzijiet u l-paragunabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Għall-kumpaniji kollha investigati (produtturi li jesportaw li qed jikkooperaw fil-pajjiż analogu) saru aġġustamenti għad-differenzi fil-prezz tat-trasport, spejjeż tal-ġarr u assikurazzjoni, tassazzjoni indiretta, miżati tal-banek, spejjeż tal-ippakkjar, spejjeż tal-kreditu u kummissjonijiet, fejn applikabbli u ġustifikat.

4.   Il-marġnijiet tad-dumping

(45)

Għall-kumpanija li ngħatat TES, il-marġini ta’ dumping ġie stabbilit abbażi ta’ tqabbil tal-valur normali b'piż differenzjat ma’ prezz tal-esportazzjoni b’piż differenzjat, kif jipprevedu l-Artikoli 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(46)

Gћall-kumpanija li ngћatat TI, il-valur normali medju differenzjat stabbilit gћall-pajjiż analogu kien imqabbel mal-koeffiċjent medju tal-prezz tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, kif stipulat skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku.

(47)

Il-marġini tad-dumping medji differenzjati temporanji espressi bħala perċentwali tal-prezz CIT fil-fruntiera tal-Unjoni, dazju mhux imħallas, huma:

Kumpanija

Marġni ta’ dumping provviżorju

Shandong Kaison Biochemical Co., Ltd

5,6  %

Qingdao Kehai Biochemistry Co. Ltd

51,1  %

(48)

Fir-rigward tal-esportaturi Ċiniżi l-oħra kollha, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet il-livell ta’ kooperazzjoni. Sar paragun bejn il-kwantitajiet tal-esportazzjoni totali indikati fit-tweġibiet tal-kwestjonarju tal-produtturi li jesportaw li qed jikkooperaw u l-importazzjonijiet totali miċ-Ċina, kif miġbura mill-istatistiċi tal-importazzjoni tal-Eurostat.

(49)

Billi l-livell ta’ kooperazzjoni kien baxx, jiġifieri 56 %, u minħabba n-nuqqas ta’ dejta adatta tal-Eurostat dwar il-prezz billi din inkludiet prodotti oħra bi prez għoli li ma jistgħux jitnaqqsu b’mod preċiż, il-marġini tad-dumping mal-pajjiż kollu ġiet ikkalkulata billi ntużat id-dejta mill-ilment aġġornata għall-PI.

(50)

Fuq din il-bażi l-livell ta’ dumping mal-pajjiż kollu ġie stabbilit b’mod provviżorju gћal 79,2 % tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas.

D.   DANNU

1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-produzzjoni tal-Unjoni

(51)

Il-gruppi industrijali li kkooperaw Jungbunzlauer (JBL) u Roquette Frères (RF) ammontaw għal 100 % tal-produzzjoni tal-Unjoni.

(52)

Huma għalhekk meqjusin li jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni (‘IU’) fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

(53)

Peress li l-IU b’hekk hija magħmula minn żewġ produtturi biss, iċ-ċifri kollha relatati ma’ dejta sensittiva kellhom jiġu indiċjati jew jingħataw f’firxa għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.

2.   Konsum tal-Unjoni

(54)

Il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit abbażi tal-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, flimkien mal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni skont id-dejta tal-Eurostat. Billi din id-dejta tal-aħħar tinkludi mhux biss il-prodott ikkonċernat iżda wkoll xi prodotti oħra apparti s-sodium gluconate, saru l-aġġustamenti xierqa għaċ-ċifri tal-Eurostat ħalli jiġu stmati valuri ta' importazzjoni raġjonevoli tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni.

(55)

Il-konsum fis-suq tal-Unjoni żdied bi 12 % bejn l-2005 u l-2007. Wara, naqas b’21 % taħt il-livelli tal-2005 sal-PI. Kumplessivament, matul il-perjodu li qed jiġi kkunsidrat il-konsum naqas bi 8 %.

Tabella 1

 

2005

2006

2007

2008

PI

Konsum tal-Unjoni (f’tunnellati) Indiċi

100

106

112

104

91

Sors: Volumi tal-importazzjoni mill-Eurostat aġġustati u risposti tal-kwestjonarju

3.   Importazzjonijiet lejn l-Unjoni miċ-Ċina

3.1.   Volum u sehem tas-suq tal-importazzjonijiet

(56)

Il-volum tal-importazzjoni Ċiniża żdied b'mod sinifikanti minn madwar 2 300 tunnellata fl-2005 għal madwar 4 000 tunnellata matul il-PI, jiġifieri b’77 %, bl-ogħla rata ta' madwar 5 300 tunnellata tintlaħaq fl-2008. Sehem is-suq Ċiniż korrispondenti kważi rdoppja minn 12,8 % fl-2005 għal 24,8 % matul il-PI. Huwa nnutat li sehem is-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi laħaq it-28,6 % fl-2008 kemxejn qabel il-PI u niżel matul il-PI għal 24,8 %.

Tabella 2

 

2005

2006

2007

2008

PI

Volumi tal-importazzjoni Ċiniża (f’tunnellati)

2 291

3 470

5 204

5 348

4 065

Importazzjonijiet Ċiniżi (tunnellati) Indiċi

100

152

227

234

177

Sehem is-suq Ċiniż

12,8  %

18,3  %

26  %

28,6  %

24,8  %

Sehem is-suq Ċiniż, indiċi

100

143

203

224

194

Sors: Volumi tal-importazzjoni mill-Eurostat aġġustati

3.2.   Il-prezz tal-bejgħ tal-unitajiet

(57)

Il-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniża medja kienu ta' EUR 482 kull tunnellata fl-2005. Dawn żdiedu b'mod regolari sakemm laħqu livell ta' EUR 524 kull tunnellata fl-2008 u mbagħad niżlu f'daqqa matul il-PI għal EUR 502 kull tunnellata. Kumplessivament, tul il-perjodu meqjus dawn żdiedu b’4 %.

Tabella 3

 

2005

2006

2007

2008

PI

Prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniża (EUR/tunnellati)

482

511

514

524

502

Indiċi

100

106

107

109

104

Sors: Prezzijiet tal-importazzjoni mill-Eurostat aġġustati

3.3.   Bejgħ taħt il-prezz

(58)

Sabiex ikun analizzat it-traħħis tal-prezzijiet taħt il-prezz normali, il-prezzijiet medji u mgħobbija tal-bejgħ skont it-tip ta’ prodott tal-IU lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal livell barra mill-fabbrika, kienu pparagunati mal-prezzijiet medji u mgħobbija korrispondenti tal-importazzjonijiet ikkonċernati, stabbiliti fuq bażi CIF b’aġġustament xieraq għad-dazji doganali u għall-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni. Il-paragun sar wara t-tnaqqis tar-ribassi u tal-iskonti.

(59)

Fuq il-bażi tal-metodoloġija ta’ hawn fuq, id-differenza bejn il-prezzijiet hawn fuq imsemmija, imfissra bħala perċentwali tal-medja differenzjata tal-prezz tal-IU (prezzijiet tal-fabbrika), turi marġini ta’ roħs ta’ prezz li jvarja minn 13 % sa 29 %, bl-ogħla livell attribwit għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx.

4.   Il-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(60)

Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet li kienu oġġetti ta' dumping fuq l-IU inkluda valutazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti kollha li għandhom rilevanza għall-istat tal-IU matul il-perjodu meqjus.

4.1.   Il-kapaċità ta’ produzzjoni, il-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(61)

Il-kapaċità tal-produzzjoni żdiedet b’4 % fil-perjodu mill-2005 sal-2007, u baqgħet f’dak il-livell sa tmiem il-perjodu meqjus.

(62)

Il-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat żdiedet bejn l-2005 u l-2007 qabel ma naqset fil-perjodu dal-PI. Kumplessivament, il-produzzjoni naqset bi 12 % tul il-perjodu meqjus. Il-produttività totali matul il-PI kienet ta’ bejn 30 000 u 40 000 tunnellata.

(63)

Minħabba t-tnaqqis fil-volumi tal-produzzjoni, tul il-perjodu meqjus l-użu tal-kapaċità tnaqqas bi 15 %.

Tabella 4

 

2005

2006

2007

2008

PI

Kapaċità ta’ produzzjoni Indiċi

100

100

104

104

104

Volum ta’ produzzjoni Indiċi

100

104

105

84

88

Użu ta’ kapaċità Indiċi

100

104

101

81

85

Sors: Risposti għall-kwestjonarju

4.2.   Il-volum tal-bejgħ, l-ishma mis-suq u l-prezzijiet medji tal-unitajiet fl-Unjoni

(64)

Il-bejgħ f'volum tal-prodott ikkonċernat mill-IU lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni żamm livelli simili mill-2005 sal-2007 u mbagħad naqas f’daqqa bi 13-il punt perċentwali. Tul il-perjodu meqjus, it-tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ kien ta’ 21 %.

(65)

Sehem is-suq tal-IU naqas tul il-perjodu meqjus, b'waqgħa minn 74,9 % fl-2005 għal 64,7 % matul il-PI.

(66)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ lil klijenti li mhumiex relatati fis-suq tal-Unjoni naqsu bi 12 % matul il-perjodu meqjus. Mill-2006 sal-2008 il-prezzijiet medji tal-bejgħ żammew f'livelli simili iżda mbagħad niżlu f'daqqa b'9 % matul il-PI.

Tabella 5

 

2005

2006

2007

2008

PI

Volum ta’ bejgħ Indiċi

100

104

99

86

79

Sehem is-suq tal-IU

74,9  %

73,4  %

66,5  %

61,4  %

64,7  %

Indiċi

100

98

89

82

86

Prezzijiet medji Indiċi

100

97

97

97

88

Sors: Risposti għall-kwestjonarju

4.3.   Ħażniet

(67)

Tul il-perjodu meqjus, il-ħażniet naqsu b’37 %. Fi tmiem il-PI, il-livell tal-ħażna kien bejn 1 000 u 5 000 tunnellata.

Tabella 6

 

2005

2006

2007

2008

PI

Ħażniet Indiċi

100

92

120

92

63

Sors: Risposti għall-kwestjonarju

4.4.   Profittabilità, investimenti, redditu mill-investimenti u l-likwidità tal-flus

(68)

Il-bejgħ tal-IU tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni kienu profittabbli matul il-perjodu meqjus, iżda l-profittabilità naqset drammatikament mill-2005 sal-PI.

(69)

Minkejja li l-investiment baqgħu għaddejjin tul il-perjodu bejn l-2005 u l-2007, bi tnaqqis fl-2006, dawn naqsu bil-qawwi fl-2008 u matul il-PI. Tul il-perjodu meqjus l-investimenti naqsu b’76 %.

(70)

Fuq xejra simili, ir-redditu fuq l-investimenti mill-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat kien stabbli mill-2005 sal-2007, iżda naqas fl-2008 u matul il-PI.

(71)

Bħal fil-każ tal-indikaturi finanzjarji l-oħrajn, il-likwidità tal-flus iġġenerata mill-IU naqset b'51 % tul il-perjodu meqjus.

Tabella 7

 

2005

2006

2007

2008

PI

Profittabilità Indiċi

100

90

86

52

19

Investimenti Indiċi

100

61

140

16

24

Redditi fuq l-investimenti Indiċi

100

100

100

60

21

Likwidità tal-flus Indiċi

100

92

20

106

49

Sors: Risposti għall-kwestjonarju

4.5.   Ix-xogħol, il-produttività u l-pagi

(72)

L-impjiegi żdiedu ftit mill-2005 sal-2007 u mbagħad naqsu fl-2008 u tul il-PI. Matul il-perjodu meqjus l-impjiegi naqsu bi 13 %.

(73)

Il-pagi naqsu b’6 % fl-2006 iżda reġgħu lura għal-livelli tal-2005 fl-2007 u mbagħad żdiedu fl-2008 u matul il-PI. Matul il-perjodu kkunsidrat il-pagi żdiedu b’10 %.

(74)

Il-produttività għal kull impjegat baqgħet stabbli matul il-perjodu meqjus, b’żieda ta’ 1 % mill-2005 sal-PI.

Tabella 8

 

2005

2006

2007

2008

PI

Impjiegi Indiċi

100

99

104

85

87

Pagi Indiċi

100

94

100

104

110

Produttività Indiċi

100

104

101

99

101

Sors: Risposti għall-kwestjonarju

4.6.   Tkabbir

(75)

Filwaqt li l-konsum tal-Unjoni tul il-perjodu meqjus naqas b’9 %, il-volum tal-bejgħ tal-IU naqas b’21 %. Dan wassal għal telf tas-sehem mis-suq mill-IU tul il-perjodu meqjus ta’ 10 punti perċentwali.

4.7.   Id-daqs tal-marġini ta' dumping

(76)

Il-marġnijiet ta’ dumping għaċ-Ċina, speċifikati hawn fuq fit-taqsima dwar id-dumping, huma sinifikanti. Minħabba l-ammonti u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-oġġetti ta’ dumping, l-impatt tal-marġini tad-dumping ma jistax jiġi kkunsidrat bħala negliġibbli.

5.   Konklużjoni dwar id-dannu

(77)

Tul il-perjodu meqjus, il-parti l-kbira tal-indikaturi tad-dannu li għandhom x’jaqsmu mal-IU żviluppaw negattivament. L-indikaturi relatati mal-prestazzjoni finanzjarja tal-IU, inklużi r-redditu fuq l-investimenti, il-likwidità tal-flus u l-profittabilità, ukoll żviluppaw negattivament.

(78)

L-investigazzjoni wriet ukoll li l-importazzjonijiet irħas Ċiniżi kienu qed jinbiegħu taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’sa 29 % matul il-PI. L-IU sofriet tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ u waqgħa fis-sehem mis-suq.

(79)

Fid-dawl ta' dak li ssemma, huwa konkluż provviżorjament li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu materjali fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

E.   KAWŻALITÀ

1.   Introduzzjoni

(80)

Skont l-Artikoli 3(6) u 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni Ewropea eżaminat jekk l-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping ta’ sodium gluconate niexef li oriġinaw miċ-Ċina kkawżawx dannu lill-IU sal-punt li jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala wieħed materjali. Fatturi magħrufa oħra differenti mill-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping, li setgħu fl-istess ħin ikunu qed jikkawżaw dannu lill-IU, ġew ukoll eżaminati biex ikun żgurat li l-ħsara li possibbilment kienet ikkaġunata minn dawn il-fatturi l-oħra ma kinitx attribwita lill-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping.

2.   L-effett tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping

(81)

Tul il-perjodu kkunsidrat l-importazzjonijiet ta’ oġġetti ta’ dumping bi prezz irħis miċ-Ċina żdiedu fil-volum b’77 %, biex wasslu f’żieda tas-sehem tal-importazzjonijiet Ċiniżi mis-suq tal-Unjoni ta’ 94 % tul l-istess perjodu. It-tnaqqis ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina bejn l-2008 u l-PI inkluż it-telf tas-sehem mis-suq mhux meqjus bħala sinfikanti meta mqabbel mal-qagħda kumplessiva osservata matul il-perjodu kkunsidrat.

(82)

Din iż-żieda fl-importazzjonijiet miċ-Ċina matul il-perjodu kkunsidrat ħabtet ma’ xejra ’l isfel fil-biċċa l-kbira tal-indikaturi ta' dannu tal-IU. L-IU sofriet tnaqqis fil-bejgħ tagħha, kemm fil-volumi kif ukoll fil-valuri, fis-suq tal-Unjoni, li rriżulta f'telf ta' sehem mis-suq ta' 10 punti perċentwali tul il-perjodu kkunsidrat kif issemma hawn fuq fil-premessa (65). Il-bejgħ taħt il-prezz tal-importazzjonijiet Ċiniżi li kienu oġġett ta’ dumping żamm lill-IU milli żżomm il-livelli tal-prezzijiet tagħha fis-suq tal-Unjoni. Dan wassal għal tnaqqis sinifikanti fil-profittabilità taħt livelli li jħallu lok għall-investimenti neċessarji.

(83)

Fuq il-bażi ta’ dak li ssemma aktar ’il fuq, qed jiġi provviżorjament konkluż li l-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi li kienu suġġetti għal dumping miċ-Ċina li kienu ferm irħas mill-prezzijiet tal-IU matul il-perjodu kkunsidrat kellhom rwol determinanti fid-dannu li sofriet l-industrija tal-Unjoni, li huwa rifless fis-sitwazzjoni finanzjarja batuta tagħha u fid-deterjorament tal-indikaturi tad-dannu l-oħra matul il-perjodu kkunsidrat, kif ukoll fit-telf tas-sehem mis-suq.

3.   L-effett ta’ fatturi oħra

3.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

(84)

L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi mhux ikkonċernati f'din l-investigazzjoni naqsu bi 23 % tul il-perjodu kkunsidrat bir-riżultat ta' telf ta' sehem mis-suq ta' 2 punti perċentwali tul il-perjodu kkunsidrat. Matul il-perjodu ikkunsidrat, il-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet żdied b’102 %.

(85)

It-tendenzi fl-ammonti u l-prezzijiet ta’ importazzjoni minn pajjiżi terzi matul il p-perjodu kkunsidrat kienu kif ġej:

Tabella 9

Pajjiżi terzi oħra

2005

2006

2007

2008

PI

Importazzjonijiet oħra totali f’volum (tunnellati)

2 210

1 566

1 502

1 867

1 709

Indiċi

100

71

68

84

77

Prezz medju ta’ importazzjonijiet oħra (€/tunnellata)

914

1 275

1 305

1 680

1 844

Indiċi

100

140

143

184

202

Sors: Dejta tal-Eurostat aġġustata

(86)

Il-volumi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi oħra naqsu bi 23 % matul il-perjodu kkunsidrat, filwaqt li l-prezzijiet tal-importazzjoni rduppjaw matul l-istess perjodu. Il-prezzijiet tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi oħra kienu sinifikament ogħla mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-IU matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Abbażi ta’ dan, hu provviżorjament konkluż li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn ma kisrux ir-rabta kawżali bejn id-dumping misjub u d-dannu materjali kkawżat lill-IU mill-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping miċ-Ċina.

3.2.   Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(87)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-bejgħ għall-esportazzjoni mill-IU naqas b’10 % u l-prezzijiet żdiedu bi 8 %.

(88)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-bejgħ għall-esportazzjoni tal-IU lil pajjiżi terzi oħra jitqies li ma jiksirx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li kienu oġġett ta' dumping miċ-Ċina u d-dannu materjali li sofriet.

3.3.   Użu intern

(89)

Matul il-perjodu kkunsidrat l-użu intern mill-IU żdied b’56 % kif turi t-tabella li ġejja:

Tabella 10

 

2005

2006

2007

2008

PI

Użu intern Indiċi

100

126

115

148

156

Sors: Risposti għall-kwestjonarju

(90)

Madankollu, huwa nnotat li l-IU xorta kellha kapaċità żejda f'firxa bejn 10 000 u 20 000 tunnellata. Dan ifisser li trasferiment għal użu intern jista’ jidher bħala reazzjoni tan-negozju għall-importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping miċ-Ċina, billi jaf iħalli iktar qliegħ li tipproduċi prodotti 'l isfel fil-katina tal-bejgħ (downsteam products) minħabba l-livelli baxxi fil-prezz tas-sodium gluconate. Il-fatt li għadha disponibbli kapaċità żejda konsiderevoli għas-sodium gluconate jindika li l-IU ma tfittix li tittrasferixxi b'mod definittiv il-produzzjoni lejn prodotti downstream u li l-produzzjoni ta' prodotti downstream tista' titqies bħala miżura ta' difiża kontra l-importazzjonijiet li kienu oġġett ta' dumping.

(91)

Għaldaqstant jitqies li ż-żieda fl-użu intern ma kisritx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina u d-dannu materjali li sofriet l-IU.

3.4.   L-iżvilupp tal-konsum fl-UE

(92)

Huwa nnutat li l-konsum fl-UE naqas b’9 % matul il-perjodu kkunsidrat, u dan jista’ jidher bħala konsegwenza tan-nuqqas fir-ritmu ekonomiku ta' bħalissa. Għaldaqstant ġie mistħarreġ jekk it-tnaqqis fil-konsum setax kellu effett fuq il-qagħda dannuża fl-IU.

(93)

Madankollu, il-volum tal-bejgħ tal-IU naqas sa punt ferm akbar, jiġifieri b’21 % filwaqt li l-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu b’77 % matul l-istess perjodu. Meta wieħed iqis is-sehem mis-suq, tista’ tiġi osservata l-istess xejra. L-IU tilfet madwar 10 punti perċentwali tas-sehem mis-suq tagħha filwaqt li l-importaturi Ċiniżi kważi rduppjaw tagħhom, minn 12,8 % fl-2005 għal 24,9 % fil-PI.

(94)

Fid-dawl ta’ dan t'hawn fuq, qed jiġi provviżorjament konkluż li t-tnaqqis fil-konsum tal-UE ma jistax minnu nniffsu jitqies bħal kawża li tikser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet miċ-Ċina li kienu oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali sofrut mill-IU.

4.   Il-konklużjoni dwar il-kawża tad-danni

(95)

L-analiżi t’hawn fuq uriet li kien hemm żieda sostanzjali fil-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li kienu oġġett ta' dumping li oriġinaw miċ-Ċina matul il-perjodu kkunsidrat flimkien ma bejgħ taħt il-prezz sinifikanti. Din iż-żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi miċ-Ċina ħabtet ma’ tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-IU li, flimkien mal-pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet, irriżultat f’deterjorazzjoni tal-qagħda tal-IU tul il-perjodu kkunsidrat. Min-naħa l-oħra, l-eżami tal-fatturi l-oħra li setgħu kienu ta’ ħsara għall-IU wrew li ebda wieħed minnhom ma seta’ kellu impatt negattiv sinifikanti.

(96)

Fuq il-bażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, li għamlet distinzjoni xierqa u sseparat l-effetti tal-fatturi magħrufa kollha li kellhom effett fuq is-sitwazzjoni tal-IU, mill-effett dannuż tal-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping, qed jiġi konkluż provviżorjament li l-importazzjonijiet miċ-Ċina kkawżaw dannu materjali lill-IU fit-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

F.   L-INTERESS TAL-UNJONI

1.   Rimarka preliminari

(97)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni Ewropea eżaminat jekk, minkejja l-konklużjoni dwar id-dumping li huwa ta’ ħsara, kinux jeżistu raġunijiet kostrinġenti li m’huwiex fl-interess tal-Unjoni li tadotta miżuri kontra d-dumping f’dan il-każ partikolari. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tal-interessi kollha differenti involuti, jiġifieri dawk tal-IU, tal-importaturi u tal-utenti tal-prodott ikkonċernat.

2.   L-industrija tal-Unjoni

2.1.   L-effetti tal-impożizzjoni jew tan-nuqqas ta’ impożizzjoni tal-miżuri fuq l-industrija tal-Unjoni

(98)

Kif spjegat hawn fuq, minħabba l-importazzjonijiet li kienu oġġett ta' dumping, seħħ dannu fl-għamla ta' tnaqqis sinifikanti fil-volum tal-bejgħ u l-prezzijiet, li min-naħa tiegħu rriżulta f'deterjorament tal-qagħda tal-IU. Huwa mistenni li, wara l-impożizzjoni ta’ dazji kontra d-dumping, il-volumi u l-prezzijiet tas-sodium gluconate niexef mibjugħa mill-IU jiżdiedu u dan konsegwentement jippermetti lill-IU biex tilħaq livell aċċettabbli ta’ profittabilità.

(99)

Jitqies li l-impożizzjoni tal-miżuri għandha terġa’ ġġib il-kompetizzjoni ġusta fis-suq. Għandu jiġi nnotat li t-tnaqqis fil-profitti tal-IU hija r-riżultat tad-diffikultà li għandha biex tikkompeti mal-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping, bi prezzijiet baxxi li joriġinaw miċ-Ċina. L-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping probabbilment tqiegħed lill-IU fil-pożizzjoni li tikseb mill-ġdid għallinqas parti mis-sehem mis-suq mitluf tagħha b’impatt pożittiv konsegwenti fuq il-profittabilità.

(100)

Jekk ma jkunux imposti miżuri, huwa probabbli li s-sitwazzjoni tal-IU tkompli tiddeterjora. L-effett dipressiv tal-prezz tal-importazzjonijiet iddampjati se jkompli jġib fix-xejn l-isforzi mill-IU, biex terġa’ tilħaq livell suffiċjentement profittabbli. Jekk ma jittieħdux miżuri tkun qed titqiegħed f’riskju l-preżenza tul perjodu twil ta’ żmien tal-IU.

(101)

Fl-aħħarnett, huwa mistenni li l-miżuri jkunu effettivi biex jagħtu lill-industrija tal-Unjoni l-opportunità li tirkupra mid-dumping dannuż li nstab matul l-investigazzjoni.

3.   Importaturi/kummerċjanti

(102)

Intbagħtu kwestjonarji lil ħames importaturi. Ebda wieħed fosthom ma kkoopera mal-investigazzjoni.

(103)

F’dawn iċ-ċirkustanzi, qed jiġi konkluż provviżorjament li l-effett tal-miżuri kontra d-dumping, jekk ikun hemm, aktarx ma jkollux impatt materjali fuq l-importaturi/kummerċjanti.

4.   L-utenti

(104)

Intbagħtu kwestjonarji lil 23 utent. Madankollu, erba’ utenti biss ikkooperaw fl-investigazzjoni, li fosthom tlieta biss kienu jużaw u jimportaw direttament il-prodott ikkonċernat miċ-Ċina. L-importazzjonijiet diretti ta’ dawn it-tliet utenti li kkooperaw ammontaw għal 10 % tal-importazzjonijiet totali tas-sodium gluconate niexef miċ-Ċina matul il-PI. Ir-raba' utent li kkoopera ma kienx qed juża l-prodott ikkonċernat importat miċ-Ċina.

(105)

Dawn l-erba’ utenti, li jinsabu fil-Ġermanja, fi Franza u fir-Renju Unit, huma attivi fl-industrija tal-kimiċi, u jipproduċu varjetà estensiva ta' prodotti, li xi wħud minnhom jużaw is-sodium gluconate bħala materja prima. Bħala medja, is-sodium gluconate ma jirrappreżentax parti sinifikanti mill-ispiża tal-input. B’mod ġenerali, l-effett massimu tad-dazju kontra d-dumping propost, bis-suppożizzjoni li ż-żidiet fil-prezz ma jistgħux jingħaddu lill-konsumatur finali, ġie stmat bħala baxx ħafna. Għandu jiġi nnutat ukoll li l-valur ta' bejgħ ta' dawn il-kumpaniji għall-prodotti li jużaw is-sodium gluconate kien ta' inqas minn 5 % tal-valur ta' bejgħ totali tagħhom.

(106)

Fid-dawl ta’ dan t'hawn fuq, qed jiġi provviżorjament konkluż li, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta, l-effett tal-miżuri kontra d-dumping, jekk kien hemm, probabbilment mhux se jkollu impatt materjali fuq l-utenti.

5.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(107)

Meta jitqies dak li ngħad hawn fuq, qed jiġi provviżorjament konkluż li f’dan il-każ mhemm ebda raġuni konvinċenti kontra l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping.

G.   IL-MIŻURI PROVVIŻORJI ANTIDUMPING

1.   Il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu

(108)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaћqu dwar id-dumping, id-dannu li rriżulta, il-kawża u l-interess tal-Unjoni, gћandhom jiġu imposti miżuri provviżorji sabiex jiġi evitat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping.

(109)

Bl-iskop li jiġi ddeterminat il-livell ta' dawn il-miżuri, kienu kkunsidrati l-marġini ta' dumping li nstabu u l-ammont ta' dazju neċessarju biex ikun eliminat id-dannu sostnut mill-IU.

(110)

Meta ġie kkalkulat l-ammont ta’ dazju meħtieġ biex jitneħħew l-effetti tad-dumping li jagħmel dannu, tqies li kwalunkwe miżura li tittieħed għandha tippermetti lill-IU tkopri l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħha u tikseb qligħ qabel it-taxxa li jista’ jinkiseb b’mod raġonevoli minn industrija ta’ dan it-tip fis-settur f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, jiġifieri fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta' dumping, fuq il-bejgħ tal-prodott simili fl-Unjoni. Il-marġini tal-profitt qabel it-taxxa mitlub mill-kwerelant tqies bħala raġjonevoli u ntuża għal dan il-għan.

(111)

Fuq din il-bażi, kien ikkalkulat prezz mhux ta’ ħsara għall-IU għall-prodott simili. Il-prezz li ma jagħmilx ħsara nkiseb billi ġie magħdud il-marġini ta' qligħ imsemmi hawn fuq mal-ispiża tal-produzzjoni.

(112)

Iż-żieda meħtieġa fil-prezz kienet imbagħad determinata fuq il-bażi ta’ tqabbil bejn il-prezz medju aġġustat b'piż differenzjat tal-importazzjonijiet, kif kien stabbilit għall-kalkoli tat-traħħis fil-prezz, mal-prezz medju differenzjat li ma jagħmilx ħsara lill-prodotti mibjugħa mill-IU fis-suq tal-Unjoni. Kull differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ġiet imbagħad espressa bħala perċentwali tal-valur CIF totali tal-importazzjoni.

(113)

Fir-rigward tal-kalkolu tal-livell tat-tneħħija tad-dannu mal-pajjiż kollu gћall-produtturi kollha fiċ-Ċina li jesportaw, ta' min ifakkar li l-livell ta' kooperazzjoni kien baxx. Għaldaqstant dan il-marġini dannuż ġie kkalkulat abbażi tad-dejta mingħand il-kwerelant aġġornata għall-PI.

2.   Miżuri provviżorji

(114)

Fid-dawl ta’ dak ta' hawn fuq, huwa meqjus li skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping provviżorji għandhom jiġu imposti fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina fuq il-livell tal-anqas mill-marġini tad-dumping u mill-marġini tad-dannu, skont ir-regola ta’ inqas dazju.

(115)

Id-dazji antidumping proposti huma dawn li ġejjin:

Kumpanija

Il-marġni ta’ tneħħija ta’ ħsara

Marġini tad-dumping

Ir-rata tad-dazju antidumping

Shandong Kaison Biochemical Co., Ltd

29,9  %

5,6  %

5,6  %

Qingdao Kehai Biochemistry Co. Ltd

27,3  %

51,1  %

27,3  %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

53,4  %

79,2  %

53,4  %

(116)

Ir-rati ta’ dazju antidumping ta’ kumpanija individwali li ġew speċifikati f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Gћalhekk, jirriflettu l-qagħda misjuba matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta' dazju (għall-kuntrarju tad-dazju madwar il-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”) huma għalhekk applikabbli esklussivament għal importazzjonijiet ta' prodotti li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat u prodotti mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet ġuridiċi speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati prodotti minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament bl-isem u bl-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma' dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

(117)

Kull talba għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ta’ dazju ta’ antidumping ta’ kumpaniji individwali (pereżempju wara tibdil fl-isem tal-entità jew wara l-istabbiliment ta’ entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew tal-bejgħ) għandha tiġi indirizzata minnufih lill-Kummissjoni (3) bl-informazzjoni rilevanti kollha, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kull modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni, mal-bejgħ domestiku u mal-esportazzjoni li jkunu assoċjati, pereżempju, ma’ bidla fl-isem jew ma’ bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament jiġi emendat skont dan billi tiġi aġġornata l-lista ta’ kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali.

(118)

Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazju antidumping, il-livell ta’ dazju li jibqa’ ma għandux japplika biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx, iżda wkoll għal dawk il-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-PI.

3.   Sorveljanza speċjali

(119)

Sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji ta’ ċirkonvenzjoni minħabba d-differenza għolja fir-rati tad-dazju, huwa meqjus li jinħtieġu miżuri speċjali f’dan il-każ biex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tad-dazji kontra d-dumping. Dawn il-miżuri speċjali jinkludu dan li ġej:

(120)

Il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida li tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn din il-fattura għandhom ikunu soġġetti għad-dazju residwu ta’ antidumping applikabbli għall-esportaturi l-oħra kollha.

(121)

Jekk l-esportazzjonijiet mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati aktar baxxi ta’ dazju individwali jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, din iż-żieda fil-volum tista’ titqies bћala waħda li tikkostitwixxi fiha nnifisha bidla fil-mudell ta’ kummerċ dovuta għall-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sakemm jintlaħqu l-kundizzjonijiet, jista’ jingħata bidu għal investigazzjoni kontra l-qerq. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ћtieġa għat-tneћћija tar-rati tad-dazju individwali u għall-impożizzjoni konsegwenti tad-dazju għall-pajjiż kollu.

H.   DISPOŻIZZJONI FINALI

(122)

Fl-interessi ta’ amministrazzjoni tajba, gћandu jiġi ffissat perjodu li fih il-partijiet interessati li ppreżentaw ruħom fil-limitu ta' żmien speċifikat fl-avviż tal-bidu jkunu jistgћu jagћtu l-opinjonijiet tagћhom bil-miktub u jitolbu smigћ. Barra minn hekk, irid jiġi ddikjarat li s-sejbiet dwar l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping magћmula gћall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament huma provviżorji u jistgћu jitqiesu mill-ġdid gћall-gћan ta' kwalunkwe dazju definittiv,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju definittiv antidumping huwa b’dan impost fuq importazzjonijiet ta’ sodium gluconate niexef bin-numru tal-Unjoni Doganali u l-Istatistika (CUS) 0023277-9 u n-numru tar-reġistrazzjoni tas-Servizz tal-Astratti Kimiċi (CAS) 527-07-1, li attwalment huwa klassifikat bil-kodiċi NM ex 2918 16 00 (kodiċi TARIC 2918160010) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju definittiv antidumping applikabbli għall-prezz liberu fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u prodotti mill-kumpaniji ta’ hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Id-dazju

Kodiċijiet addizzjonali TARIC

Shandong Kaison Biochemical Co., Ltd

5,6  %

A972

Qingdao Kehai Biochemistry Co. Ltd

27,3  %

A973

Il-kumpaniji l-oħra kollha

53,4  %

A999

3.   L-applikazzjoni tar-rati individwali tad-dazju speċifikati gћall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 gћandha sseћћ bil-kondizzjoni li tkun ippreżentata lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fattura kummerċjali valida, li trid tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness. Jekk ma tiġix ippreżentata din il-fattura, gћandha tapplika r-rata tad-dazju applikabbli gћall-kumpaniji l-oћra kollha.

4.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-Unjoni tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għall-għotja ta' garanzija ekwivalenti għall-ammont ta' dazju provviżorju.

5.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieћor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-dazji doganali li huma fis-seħħ.

Artikolu 2

Bla ħsara gћall-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-iżvelar tal-fatti u tal-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie adottat dan ir-Regolament, jagћtu l-opinjonijiet tagћhom bil-miktub u japplikaw biex jinstemgћu oralment mill-Kummissjoni fi żmien xhar mid-data tad-dћul fis-seћћ ta’ dan ir-Regolament.

Skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jikkummentaw dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fi żmien xahar mid-data tad-dħul tiegħu fis-seħħ.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament gћandu japplika gћal perjodu ta’ sitt xhur.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Mejju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU C 188, 11.8.2009, p. 24.

(3)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat-Ġenerali gћall-Kummerċ, id-Direttorat H, 1049 Brussell, il-Belġju.


ANNESS

Dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej trid tkun tidher fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3):

(1)

L-isem u l-funzjoni tal-uffiċjal tal-entità li qed joħroġ il-fattura kummerċjali.

(2)

Id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Jiena, hawn taћt iffirmat, niċċertifika li (il-volum) ta’ sodium gluconate niexef li nbiegћ gћall-esportazzjoni fl-Unjoni Ewropea u li huwa kopert b’din il-fattura ġie manifatturat minn (l-isem u l-indirizz reġistrat tal-kumpanija) (il-kodiċi addizzjonali TARIC) fi (il-pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li t-tagħrif mogħti f’din il-fattura huwa sħiħ u korrett.

Data u firma”