4.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 111/3 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 376/2010
tat-3 ta’ Mejju 2010
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 983/2009 dwar l-awtorizzazzjoni u r-rifjut tal-awtorizzazzjoni ta' ċerti indikazzjonijiet dwar is-saħħa magħmula dwar l-ikel u li jirreferu għal tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Awtorità Ewropea għas-Sigurezza Alimentari,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurezza Alimentari (EFSA), minn hawn 'il quddiem imsejħa l-Awtorità, favur l-awtorizzazzjoni ta' indikazzjoni ta' saħħa għandha tinkludi ċerti dettalji. Għaldaqstant, dawk il-partikolaritajiet għandhom jiġu stabbiliti fl-Anness ta' indikazzjonijiet awtorizzati tar-Regolamenti li jawtorizzaw u/jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta' certi indikazzjonijiet tas-saħħa magħmula fuq l-ikel u jinkludu, skont kif ikun il-każ, it-test rivedut tal-indikazzjoni, kundizzjonijiet speċifiċi ta' użu tal-indikazzjoni, u, fejn applikabbli, il-kundizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet ta' użu tal-ikel u/jew dikjarazzjoni jew twissija addizzjonali, skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u konformi mal-opinjonijiet tal-Awtorità. |
(2) |
Wara żewġ opinjonijiet tal-Awtorità dwar l-istanols tal-pjanti u l-isterols tal-pjanti u t-tnaqqis ta' kolesterol LDL fid-demm (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2008-085 u Mistoqsija Nru EFSA-Q-2008-118) (2), il-Kummissjoni, awtorizzat l-indikazzjonijiet tas-saħħa li fihom l-istqarrija li sterols tal-pjanti/ l-esteri stanol tal-pjanti “ġie muri li jbaxxu/jnaqqsu l-kolesterol fid-demm. Il-kolesterol għoli huwa fattur ta' riskju fl-iżvilupp ta' mard tal-qalb” fir-Regolament (KE) 983/2009 (3) mal-kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu ta' “Informazzjoni lill-konsumatur li l-effett ta' benefiċċju jinkiseb meta jittieħed ta' kuljum l-ammont ta' mhux inqas minn 2 g ta' sterols tal-pjanti/stanols tal-pjanti”. |
(3) |
Fil-kuntest tal-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta' indikazzjonijiet tas-saħħa skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006, il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, fil-laqgħa tiegħu tal-20 ta' Frar 2009, ikkonkluda li, rigward l-indikazzjoni ta' effett kwantitattiv fl-indikazzjonijiet tas-saħħa, kien hemm il-ħtieġa ta' parir xjentifiku mill-Awtorità biex ikun assigurat li indikazzjonijiet tas-saħħa bħal dawn huma awtorizzati b'mod li ma jiġix imqarraq il-konsumatur u li l-kundizzjonijiet għall-użu huma stabbiliti b'mod koerenti. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni ressqet talba għal parir lill-Awtorità, skont l-Artikolu 19(2) ta' dan ir-Regolament. |
(4) |
Fit-3 ta' Awissu 2009 il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika mill-Awtorità (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2009-00530 u EFSA-Q-2009-00718) (4) li kkonkludiet li għall-konsum ta' kuljum ta' 1,5 – 2,4 g ta' sterols/stanols tal-pjanti miżjuda mal-ikel bħal xaħam isfar li jiddellek, prodotti mill-ħalib, majoneż u taħwir tal-insalata wieħed jista' jistenna t-tnaqqis medju ta' bejn 7 u 10,5 % u dan it-tnaqqis huwa wieħed ta' sinifikat bijoloġiku. Barra minn hekk, l-Awtorità indikat li l-effett tat-tnaqqis tal-kolesterol LDL fid-demm huwa normalment stabbilit fi żmien 2-3 ġimgħat u jista' jiġi sostnut permezz ta' konsum kontinwu ta' sterols/stanols tal-pjanti. |
(5) |
Għalhekk, filwaqt li tqieset l-opinjoni xjentifika mill-Awtorità u sabiex jiġi żgurat li l-indikazzjonijiet tas-saħħa li jirreferu għall-kobor tal-effett allegat huma awtorizzati b'mod li ma jqarrqux bil-konsumatur, u li l-kundizzjonijiet tagħhom ta' użu huma stabbiliti b'mod koerenti, huwa meħtieġ li jiġu emendati l-kundizzjonijiet stabbiliti tal-użu għal żewġ indikazzjonijiet tas-saħħa awtorizzati relatati mal-effetti tal-isterols tal-pjanti u l-esteri istanol tal-pjanti fit-tnaqqis tal-kolesterol fid-demm. |
(6) |
Wara l-opinjoni tal-Awtorità dwar l-aċidi grassi essenzjali u b'mod partikolari l-aċidu α-linolenic (ALA) u l-aċidu linolejiku (LA) u t-tkabbir normali u l-iżvilupp tat-tfal (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2008-079) (5), il-Kummissjoni awtorizzat l-indikazzjoni tas-saħħa “L-aċidi grassi essenzjali huma meħtieġa għat-tkabbir u l-iżvilupp normali tat-tfal” fir-Regolament (KE) 983/2009 mal-kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu ta' “Informazzjoni lill-konsumatur li l-effett ta' benefiċċju jinkiseb bil-konsum ta' kuljum tal-ammont ta' 1 % tal-enerġija totali għall-aċidu linolejiku u 0,2 % tal-enerġija totali għal aċisu α-linoleniku”. |
(7) |
Fil-kuntest tal-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet tas-saħħa skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006, il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, fil-laqgħa tiegħu tal-20 Frar 2009 kkonkluda li l-Awtorità għandha tintalab tagħti parir ġenerali dwar il-valuri ta' referenza għall-iskop tal-ittikkettar għall-aċidi grassi sabiex tista' ssir ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet tal-użu għall-indikazzjoni tas-saħħa rilevanti awtorizzata, skont l-Artikolu 19(2) ta' dan ir-Regolament. Fit-3 ta' Awissu 2009 il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika mill-Awtorità (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2009-00548) (6) li kkonkludiet li l-ittikkettar propost tal-valur ta' referenza ta' 2 g għall-aċidu grass polyunsaturated n-3 (PUFA) ALA huwa konsistenti mal-konsum rakkomandat għall-individwi fil-popolazzjoni ġenerali fil-pajjiżi Ewropej. Barra minn hekk, l-Awtorità pproponiet 10 g bħala l-valur tal-konsum ta' referenza għall-tikkettjar għal n-6 PUFA LA. |
(8) |
Għalhekk, filwaqt li tqis l-opinjoni xjentifika mill-Awtorità u sabiex tistabilixxi kundizzjonijiet xierqa tal-użu għall-indikazzonijiet tas-saħħa relatati mal-effetti tal-aċidi grassi, huwa meħtieġ li jiġu emendati l-kundizzjonijiet tal-użu stabbiliti għall-indikazzjonijiet tas-saħħa awtorizzati relatati mal-effetti tal-aċidi grassi essenzjali fuq it-tkabbir u l-iżvilupp normali tat-tfal. |
(9) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 983/2009, it-tabella għandha tkun emendata kif ġej.
(1) |
It-test tal-ewwel entrata, il-ħames kolonna (Kundizzjonijiet tal-użu tal-indikazzjoni), huwa mibdul bit-test li ġej: “Tagħrif lill-konsumatur li l-effett benefiċjali jinkiseb permezz tal-konsum ta' kuljum ta' 1,5-2,4 g ta' sterols tal-pjanti. Tista' ssir referenza għall-kobor tal-effett għal ikel fil-kategoriji li ġejjin biss: xaħam isfar li jiddellek, prodotti mill-ħalib, majoneż u taħwir tal-insalata. Meta tirreferi għall-kobor tal-effett, il-firxa sħiħa ‘7 sa 10 %’ u t-tul biex jinkiseb l-effett ‘minn 2 sa 3 ġimgħat’ għandhom jiġu kkomunikati lill-konsumatur.” |
(2) |
It-test tat-tieni entrata, il-ħames kolonna (Kundizzjonijiet tal-użu tal-indikazzjoni), huwa mibdul bit-test li ġej: “Tagħrif lill-konsumatur li l-effett benefiċjali jinkiseb permezz tal-konsum ta' kuljum ta' 1,5-2,4 g ta' stanols tal-pjanti. Tista' ssir referenza għall-kobor tal-effett għal ikel fil-kategoriji li ġejjin biss: xaħam isfar li jiddellek, prodotti mill-ħalib, majoneż u taħwir tal-insalata. Meta tirreferi għall-kobor tal-effett, il-firxa sħiħa ‘7 sa 10 %’ u t-tul biex jinkiseb l-effett ‘minn 2 sa 3 ġimgħat’ għandhom jiġu kkomunikati lill-konsumatur.” |
(3) |
It-test tat-tielet entrata, il-ħames kolonna (Kundizzjonijiet tal-użu tal-indikazzjoni), huwa mibdul bit-test li ġej: “Informazzjoni lill-konsumatur li l-effett ta' benefiċċju jinkiseb bil-konsum ta' kuljum tal-ammont ta' 2 g ta' α-aċidu linoleniku (ALA) u l-konsum ta' kuljum tal-ammont ta' 10 g ta' aċidu linoleiku (LA)”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Mejju 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.
(2) Il-Ġurnal tal-EFSA, (2008) 781, 1-2 u 825, 1-13 rispettivament.
(3) ĠU L 277, 22.10.2009, p. 3.
(4) Il-Ġurnal tal-EFSA (2009) 1175, 1-9.
(5) Il-Ġurnal tal-EFSA (2008) 783, 1-10.
(6) Il-Ġurnal tal-EFSA (2009) 1176, 1-11.