29.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 365/2010

tat-28 ta’ April 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2073/2005 dwar kriterji mikrobijoloġiċi għal oġġetti tal-ikel fir-rigward ta’ Enterobacteriaceae fil-ħalib pasturizzat u prodotti oħrajn ta’ likwidi tal-ħalib ippasturizzat u Listeria monocytogenes fil-melħ tajjeb għal mal-ikel

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (1), u partikolarment l-Artikoli 4(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta' Novembru 2005 dwar il-kriterji mikro-bijoloġiċi għall-oġġetti ta' l-ikel (2) jistipula l-kriterji mikro-bijoloġiċi għal ċerti mikro-organiżmi u r-regoli ta' implimentazzjoni li jridu jikkonformaw magħhom l-operaturi fis-settur ta' l-ikel fl-implimentazzjoni tal-miżuri ġenerali u speċifiċi ta' iġjene msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004.

(2)

Skont l-artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 il-kriterji mikrobijoloġiċi għandhom jiġu riveduti sabiex iqisu l-progress fix-xjenza, t-teknoloġija u l-metodoloġija, il-mikroorganiżmi patoġeniċi li qed jitfaċċaw fl-oġġetti tal-ikel, u l-informazzjoni minn valutazzjonijiet ta’ riskju.

(3)

Il-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 jistipula kriterji ta’ sikurezza tal-ikel għal Listeria monocytogenes f’ċertu ikel lest biex jittiekel. Il-Parti 1.3 tipprovdi limiti għal ikel lest biex jittiekel mhux favorevoli għall-iżvilupp ta' L. Monocytogenes, għajr dak maħsub għat-trabi u għal skopijiet mediċi speċjali. Operaturi tan-negozju tal-ikel huma meħtieġa li jipprovdu evidenza tal-konformità mal-kriterji fi mqiegħda fis-suq matul il-perjodu ta' konservabilità tagħhom.

(4)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (3), il-melħ tajjeb għal mal-ikel huwa ikel lest biex jittiekel. Skont evidenza xjentifika, il-preżenza u s-sopravivenza ta’ L. monocytogenes fil-melħ mhix probabbli f’ċirkostanzi normali. Għaldaqstant, il-melħ tajjeb għal mal-ikel għandu jiżdied man-nota 4 f’qiegħ il-paġna tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 li jistipula ikel lest biex jittiekel li ma jeħtieġx ittestjar regolari ta' L. monocytogenes.

(5)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 2073/2005, kriterju ta’ iġjene ta’ proċess japplika għal Enterobacteriaceae fil-ħalib pasturizzat u prodotti oħrajn ta’ likwidi tal-ħalib pasturizzat inkluż metodu analitiku ta’ referenza u limiti.

(6)

Il-metodu analitiku ta’ referenza stipulat għal Enterobacteriaceae fil-ħalib pasturizzat u prodotti oħrajn ta’ likwidi tal-ħalib pasturizzat ISO 21528-1 wera li hu diffiċli biex jintuża għal analiżi ta’ rutina fil-kontrolli tiegħu stess minħabba li fih ħafna xogħol u jieħu ħafna ħin. Minħabba żvilupp metodoloġiku l-metodu analitiku ta’ referenza ta’ Enterobacteriaceae fil-ħalib pasturizzat u prodotti oħrajn ta’ likwidi tal-ħalib pasturizzat għandu jinbidel għal ISO 21528-2 li hu eħfef u iżjed faċli biex isir.

(7)

Metodi analitiċi ta’ referenza għandhom effett fuq ir-riżultati tat-testijiet. Għaldaqstant, il-limitu tal-kriterju ta’ Enterobacteriaceae fil-ħalib pasturizzat u prodotti oħrajn ta’ likwidi tal-ħalib pasturizzat jeħtieġ. Il-bidla xorta għandha tiggarantixxi limitu biżżejjed ta’ tkixxif għall-iġjene ta’ proċess minħabba li problemi simili fil-proċess ta’ manifattura jikkawżaw żvilupp ħafna akbar ta’ Enterobacteriaceae.

(8)

Minħabba bidla riċenti fit-tassonomija l-isem ta’ Enterobacter sakazakii fir-Regolament (KE) Nru 2073/2005 għandu jinbidel għal Cronobacter spp. (Enterobacter sakazakii).

(9)

Uħud mid-dispożizzjonijiet kienu applikabbli sal-1 ta’ Jannar 2010 u dawk ġodda diġà stabbiliti fir-Regolament se japplikaw minn hemm 'il quddiem. Biex tkun iffaċilitata l-leġġibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, huwa xieraq li jitħassru l-antiki.

(10)

Għaldaqstant ir-Regolament (KE) Nru 2073/2005 għandu jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 qed jiġi emendat kif ġej:

1.

Il-Kapitolu 1 jiġi emendat kif ġej:

(a)

Ir-ringiela 1.5 għandha tinbidel b'dan li ġej:

“1.5

Ikkapuljat u preparazzjonijiet tal-laħam magħmula minn laħam tat-tjur ta' l-irziezet maħsuba biex jittieklu msajra

Salmonella

5

0

Assenza f'25 g

EN/ISO 6579

Prodotti mqiegħda fis-suq matul il-perjodu ta' konservabilità tagħhom”

(b)

Ir-ringiela 1.9 għandha tinbidel b'dan li ġej:

“1.9

Prodotti tal-laħam magħmula minn laħam tat-tjur maħsuba biex jittieklu msajra

Salmonella

5

0

Assenza f'25 g

EN/ISO 6579

Prodotti mqiegħda fis-suq matul il-perjodu ta' konservabilità tagħhom”

(c)

Ir-ringiela 1.24 għandha tinbidel b'dan li ġej:

“1.24

Formoli mnixxfa tat-trabi u ikel djetetiku mnixxef għal skopijiet mediċi speċjali maħsuba għal trabi ta’ inqas minn sitt xhur (14)

Cronobacter spp. (Enterobacter sakazakii)

30

0

Assenza f'10 g

ISO/TS 22964

Prodotti mqiegħda fis-suq matul il-perjodu ta' konservabilità tagħhom”

2.

Fin-nota 4 f’qiegħ il-paġna tal-Kapitolu 1 jiżdied dan il-punt li ġej:

“—

melħ tajjeb għal mal-ikel”

3.

Parti 2.2 tal-Kapitolu 2 hi emendata kif ġej:

(a)

Ir-ringiela 2.2.1 tiġi mibdula b’dan li ġej:

“2.2.1

Ħalib ippasturizzat u prodotti oħra likwidi tal-ħalib ippasturizzat(4)

Entero-bacteriaceae

5

0

10 cfu/ml

ISO 21528-2

Tmiem il-proċess tal-manifattura

Kontrolli fuq l-effiċjenza tat-trattament bis-sħana u l-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni mill-ġdid kif ukoll il-kwalità tal-materji primi”

(b)

Nota ta’ qiegħ il-paġna (2) hija mibdula b’li ġej:

(2)

Għall-punti 2.2.1, 2.2.7, 2.2.9 u 2.2.10 m = M”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(2)   ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1.

(3)   ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.