29.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/6


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 364/2010

tas-26 ta’ April 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1487/2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq ċerti importazzjonijiet ta' ċerti tessuti lesti magħmulin minn filamenti tal-polyester li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1487/2005 (2),

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 1487/2005, il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ġewwa l-Unjoni Ewropea ta' tessuti minsuġa minn ħajt sintetiku mibrum li fihom piż ta’ 85 % jew aktar ta’ filament ta’ polyester tessili u/jew mhux tessili, miżbugħa (inklużi miżbugħa bajda) jew stampati, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 5407 51 00, 5407 52 00, 5407 54 00, ex 5407 61 10, 5407 61 30, 5407 61 90, ex 5407 69 10, u ex 5407 69 90 (“il-prodott ikkonċernat”).

(2)

Billi kien hemm numru kbir ta’ partijiet li kkooperaw, intgħażel kampjun ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi waqt l-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri.

(3)

Il-kumpaniji fil-kampjun ġew attribwiti rati individwali tad-dazju li ġew stabbiliti waqt l-investigazzjoni. Dawk il-kumpaniji li kkooperaw imma li ma kinux fil-kampjuni li ngħataw trattament ta' ekonomija tas-suq (“MET”), b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 (3), ġew attribwiti d-dazju medju differenzjat ta’ 14, % li ġie stabbilit għall-kumpaniji fil-kampjun li ngħataw MET. Il-kumpaniji li kkooperaw li ma ttiħdux fil-kampjun u li ngħataw trattament individwali (“IT”), skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(5) tal-istess Regolament, irċevew id-dazju medju differenzjat ta’ 37,1 % li ġie stabbilit għall-kumpaniji fil-kampjun li ngħataw l-IT. Rata ta' dazju komuni għall-pajjiż kollu ta' 56,2 % ġiet imposta fuq il-kumpaniji l-oħra kollha.

(4)

Wara investigazzjoni mill-ġdid għall-antiassorbiment skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 384/96, il-Kunsill, skont ir-Regolament (KE) Nru 1087/2007 (4) żied id-dazju mal-pajjiż kollu għal 74,8 %. B'żieda ma' dan, il-produtturi esportaturi Ċiniżi b'rati ta' dazju individwali li ma kkooperawx fl-investigazzjoni mill-ġdid ġew attribwiti dazji ogħal tal-anti-dumping b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96.

(5)

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1487/2005 jagħti l-possibilità lill-produtturi esportaturi Ċiniżi li jissodisfaw l-erba' kriterji stipulati fl-istess Artikolu li jingħataw l-istess trattament bħal dak stabbilit fil-premessa 3 għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun (“Trattament ta’ Produttur Esportatur Ġdid” jew “NEPT”).

2.   IT-TALBA TAL-PRODUTTURI ESPORTATURI L-ĠODDA

(6)

Grupp ta' kumpaniji magħmul minn żewġ kumpaniji relatati, jiġifieri AlbaChiara Printing and Dyeing (Jiaxing) Co. Ltd, u Jiaxing E. Boselli Textile Trading Co. Ltd. (“l-applikant”), talab li jingħata NEPT.

(7)

Sar eżami biex jiġi stabbilit jekk l-applikant jissodisfax il-kriterji biex jingħata NEPT kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1487/2005, billi ġie vverifikat li:

(a)

ma esportax l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni Ewropea waqt il-perjodu tal-investigazzjoni li l-miżuri ġew ibbażati fuqu (mill-1 ta’ April 2003 sal-31 ta’ Marzu 2004) (“l-ewwel kriterju”),

(b)

mhux relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huma suġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti minn dak ir-Regolament (“it-tieni kriterju”),

(c)

esporta effetivament il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni Ewropea wara l-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jew għandu obbligu kuntrattwali irrevokabbli li jesporta kwantità sinifikanti tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni Ewropea (“it-tielet kriterju”),

(d)

jopera skont kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq kif definiti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, jew alternattivament li jissodisfa r-rekwiżiti biex ikollu dazju individwali skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (“ir-raba’ kriterju”).

(8)

Intbagħtu kwestjonarji lill-applikant li ntalab jipprovdi evidenza sabiex juri li ssodisfa l-ewwel, it-tieni u t-tielet kriterju.

(9)

Peress li r-raba' kriterju jimplika li l-applikanti jibagħtu talba għal MET u/jew IT, il-Kummissjoni bagħtet formoli ta' rikjesta għal MET u IT lill-applikant. L-applikant talab għal MET skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku.

(10)

Fil-qosor, u għal faċilità ta’ referenza biss, il-kriterji tal-MET huma elenkati f’forma mqassra hawn taħt:

(a)

id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż kummerċjali jsiru b’reazzjoni għas-sinjali tas-suq u mingħajr interferenza sinifikanti min-naħa tal-Istat; u l-ispejjeż ewlenin jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq,

(b)

id-ditti għandhom ġabra waħda ċara ta’ reġistri bażiċi tal-kontabilità li jiġu vverifikati indipendentement skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità (5) u jiġu applikati għall-finijiet kollha,

(c)

ma hemm l-ebda tagħwiġ sinifikanti li ntiret mis-sistema preċedenti li ma kinitx ibbażata fuq ekonomija tas-suq,

(d)

il-liġijiet tal-falliment u tal-proprjetà jiggarantixxu ċ-ċertezza u l-istabilità legali,

(e)

il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jitwettqu skont ir-rati tas-suq.

(11)

Il-produtturi esportaturi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fil-premessa 7 jistgħu, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1487/2005, jingħataw jew ir-rata tad-dazju ta’ 14,1 % li tapplika għall-kumpaniji li ngħataw l-MET b’konformità mal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, jew ir-rata tad-dazju medju differenzjat ta’ 37,1 % applikabbli għall-kumpaniji li ngħataw IT b’konformità mal-Artikolu 9(5) tal-istess Regolament.

(12)

Il-Kummissjoni Ewropea fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li qieset li kien meħtieġ biex jiġi ddeterminat jekk ġewx sodisfatti l-erba’ kriterji stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1487/2005. Iż-żjarat ta’ verifika twettqu fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:

AlbaChiara Printing and Dyeing (Jiaxing) Co. Ltd, Jiaxing,

Jiaxing E. Boselli Textile Trading Co. Ltd., Jiaxing.

3.   IS-SEJBIET

(13)

L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza biex jipprova li ssodisfa l-erba' kriterji msemmija fil-premessa 7. L-applikant seta' fil-fatt juri li i) ma kienx esporta il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni Ewropea matul il-perjodu mill-1 ta’ April 2003 sal-31 ta’ Marzu 2004, ii) mhux konness mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 1487/2005, iii) kien effettivament esporta kwantità sinifikanti tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni Ewropea mis-sena 2008, iv) issodisfa r-rekwiżiti kollha għal MET u għalhekk jista' jingħata dazju individwali skont l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, l-applikant jista' jingħata r-rata tad-dazju medju differenzjat applikabbli għall-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun li ngħataw MET (jiġifieri 14,1 %) skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1487/2005, u għandu jiżdied mal-lista ta’ produtturi esportaturi tal-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament.

4.   IL-MODIFIKA TAL-LISTA TA’ KUMPANIJI LI JGAWDU MINN RATI INDIVIDWALI TAD-DAZJU

(14)

Wara li ġew ikkunsidrati s-sejbiet tal-investigazzjoni kif indikati fil-premessa 13, ġie konkluż li l-kumpaniji AlbaChiara Printing and Dyeing (Jiaxing) Co. Ltd, u Jiaxing E. Boselli Textile Trading Co. Ltd. għandhom jiżdiedu mal-lista ta' kumpaniji individwali msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1487/2005 b'rata tad-dazju ta' 14,1 %.

(15)

L-applikant u l-industrija tal-Unjoni ġew informati bis-sejbiet tal-investigazzjoni u kellhom l-opportunità li jibagħtu l-kummenti tagħhom. Ma ngħata l-ebda tagħrif addizzjonali li seta' jwassal għal kwalunkwe konklużjonijiet differenti għall-appliakant,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1487/2005 għandu jiġi emendat billi jiżdiedu l-kumpaniji li ġejjin fit-tabella tal-kumpaniji b'rati ta' dazju individwali:

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv

Kodiċi addizzjonali TARIC

“AlbaChiara Printing and Dyeing (Jiaxing) Co. Ltd

14,1  %

A617

Jiaxing E. Boselli Textile Trading Co. Ltd.

14,1  %

A617 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta’ April 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 240, 16.9.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(4)  ĠU L 246, 21.9.2007, p. 1.

(5)  L-istandards internazzjonali tal-kontabilità jirreferu għall-istandards internazzjonali tal-kontabilità ewlenin kollha li huma rikonoxxuti, inklużi US GAAP u x-xogħol tal-International Accounting Standard Committee Foundation (“IASCF”) użati mill-International Accounting Standards Board (“IASB”), li jkopri l-International Accounting Standard Board Framework (“IASBF”), l-International Accounting Standard (“IAS”), l-International Financial Reporting Standards (“IFRS”) u l-International Financial Reporting Interpretations Committee publications (“IFRIC”).