28.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 361/2010

tas-27 ta’ April 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 690/2008 li jirrikonoxxi żoni protetti esposti għal riskji partikolari għas-saħħa tal-pjanti fil-Komunità

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1)(h) tagħha,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 (2) ċerti Stati Membri jew ċerti żoni fi Stati Membri ġew rikonoxxuti bħala żoni protetti fir-rigward ta’ ċerti organiżmi ta’ ħsara. F’ċerti każi ir-rikonoxximent ingħata għal żmien limitat biex jippermetti lill-Istat Membru kkonċernat li jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa li turi li l-organiżmu ta’ ħsara kkonċernat ma kienx jeżisti fl-Istat Membru jew fiż-żona kkonċernata jew biex ikompli l-isforzi tiegħu biex jeqred l-organiżmu rilevanti.

(2)

It-territorju kollu tal-Greċja ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tad-Dendroctonus micans Kugelan, Gilpinia hercyniae (Hartig), Gonipterus scutellatus Gyll., Ips amitinus Eichhof, Ips cembrae Heer u Ips duplicatus Sahlberg sal-31 ta' Marzu 2010.

(3)

Fl-2009 l-Greċja wettqet stħarriġ u nnotifikat ir-riżultati lill-Kummissjoni b'konformità mat-tielet u l-ħames subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(h) tad-Direttiva 2000/29/KE. Madankollu, dawk ir-riżultati ma kinux kompluti. Żjara mill-esperti tal-Kummissjoni bejn it-2 u l-10 ta' Frar 2010 kkonfermat li l-Greċja għamlet progress sinifikanti fir-rigward tal-organizzazzjoni u t-twettiq ta' dak l-istħarriġ u fir-rigward tan-notifikazzjoni tar-riżulati tiegħu. Fid-dawl tal-fatt li r-riżultati nnotifikati ma kinux kompluti, l-esperti kkonkludew li kien jinħtieġ aktar progress.

(4)

Skont ir-riżultati tal-istħarriġ ma kien hemm l-ebda sejba tal-organiżmi kkonċernati fil-Greċja. Meta jitqiesu dawk ir-riżultati u l-eżitu taż-żjara tal-esperti tal-Kummissjoni fil-Greċja, hu xieraq li l-Greċja tkompli tiġi rikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward ta' dawk l-organiżmi għal sena oħra, sabiex il-Greċja tingħata ż-żmien meħtieġ biex tippreżenta t-tagħrif li jikkonferma li dawk l-organiżmi mhumiex preżenti fit-territorju tagħha.

(5)

L-Irlanda, il-Litwanja u ċerti reġjuni u partijiet ta’ reġjuni fl-Italja, is-Slovakkja u s-Slovenja ġew rikonoxxuti bħala żoni protetti fir-rigward tal-Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al. sal-31 ta’ Marzu 2010. Mit-tagħrif mibgħut minn dawk l-Istati Membri dwar ir-riżultati tal-istħarriġ u mir-rapporti mill-esperti tal-Kummissjoni li żaru l-Italja, il-Litwanja, is-Slovakkja u s-Slovenja fl-2009, jidher li dawk iż-żoni protetti għandhom jiġu rikonoxxuti għal sentejn oħra biex dawk l-Istati Membri jingħataw iż-żmien meħtieġ biex jippreżentaw it-tagħrif li juri li l-Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al. mhijiex preżenti jew, fejn meħtieġ, biex jikkonkludu l-isforzi tagħhom biex jinqered dak l-organiżmu.

(6)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 690/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 690/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fit-tieni kolonna tal-punti 4, 5 u 7 sa 10 tal-intestatura (a), wara l-kelma “Greċja”, il-kliem “(sal-31 ta' Marzu 2010)” qed jitbiddlu bil-kliem “(sal-31 ta' Marzu 2011)”.

(2)

Fit-tieni kolonna tal-punt 2 tal-intestatura (b), fit-tieni inċiż il-kliem “sal-31 ta' Marzu 2010” qed jitbiddlu bil-kliem “sal-31 ta' Marzu 2012”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  ĠU L 193, 22.7.2008, p. 1.