27.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/10


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 357/2010

tat-23 ta’ April 2010

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 185/2010 tal-4 ta' Marzu 2010 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 820/2008 tat-8 ta’ Awwissu 2008 li jistipula miżuri għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni (2) fih proċeduri ta' sigurtà għall-provvisti ta' likwidi u boroż li jekk jitbagħbsu jkun evidenti (tamper-evident). Madankollu, ir-Regolament se jiġi revokat mid-29 ta' April 2010.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010 tal-4 ta' Marzu 2010 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (3) se jieħu post ir-Regolament (KE) Nru 820/2008. Ir-Regolament (UE) Nru 185/2010 ma fihx proċeduri ta' sigurtà għall-provvisti ta' likwidi u boroż li jekk jitbagħbsu jkun evidenti.

(3)

Sabiex l-avjazzjoni ċivili tiġi protetta kontra atti illeġittimi ta' interferenza li jipperikolaw is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, għandhom jinżammu l-proċeduri ta' sigurtà għall-provvisti ta' likwidi, aerosols u ġellijiet (LAGs) u l-boroż tas-sigurtà li jekk jitbagħbsu jkun evidenti (STEBs) mibjugħa fiż-żoni tal-ajru fl-ajruporti tal-Unjoni. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiddaħħlu fir-Regolament (UE) Nru 185/2010.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 185/2010 għandu japplika mid-29 ta' April 2010. Id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament huwa għalhekk urġenti billi għandu japplika mill-istess data.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 185/2010 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili stabbilit bl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 185/2010 huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mid-29 ta’ April 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72

(2)  ĠU L 221, 19.8.2008, p. 8.

(3)  ĠU L 55, 5.3.2010, p. 1.


ANNESS

L-Anness għar-Regolament (UE) Nru 185/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-Kapitolu 8, il-punt 8.3 li ġej huwa miżjud:

“8.3   DISPOŻIZZJONIJIET ADDIZZJONALI TAS-SIGURTÀ GĦALL-PROVVISTI GĦAL MATUL IT-TITJIRA TA' LAGS U STEBS

1.

Il-provvisti għal matul it-titjira ta' STEBs għandhom jaslu f'żona tal-ajru jew f'żona ristretta ta' sigurtà f'pakkett li jekk jitbagħbas ikun evidenti.

2.

Wara l-ewwel ilqugħ tagħhom f'żona tal-ajru jew f'żona ristretta ta' sigurtà u sakemm jaslu għall-bejgħ finali fuq l-ajruplan, l-LAGs u l-STEBs għandhom jiġu protetti minn interferenzi mhux awtorizzati.

3.

Id-dispożizzjonijiet dettaljati għad-dispożizzjonijiet addizzjonali tas-sigurtà għall-provvisti għal matul it-titjira ta' LAGs u STEBs huma stipulati f'Deċiżjoni separata.”

(2)

Fil-Kapitolu 9, il-punt 9.3 li ġej huwa miżjud:

“9.3   DISPOŻIZZJONIJIET ADDIZZJONALI TAS-SIGURTÀ GĦALL-PROVVISTI TA' LAGS U STEBS

1.

Il-provvisti ta' STEBs għandhom jaslu f'żona tal-ajru lil hinn mill-punt fejn jiġu kkontrollati l-karti tal-imbarkazzjoni jew f'żona ristretta ta' sigurtà f'pakkett li jekk jitbagħbas ikun evidenti.

2.

Wara l-ewwel ilqugħ tagħhom f'żona tal-ajru jew f'żona ristretta ta' sigurtà u sakemm jaslu għall-bejgħ finali fil-ħanut, l-LAGs u l-STEBs għandhom jiġu protetti kontra interferenzi mhux awtorizzati.

3.

Id-dispożizzjonijiet dettaljati għad-dispożizzjonijiet addizzjonali tas-sigurtà għall-provvisti ta' LAGs u STEBs huma stipulati f'Deċiżjoni separata.”