27.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 356/2010

tas-26 ta’ April 2010

li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 215(1) u (2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta’ April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (minn issa “il-Kunsill tal-Sigurtà”), li aġixxa taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, adotta Riżoluzzjoni 1844 (2008) li tikkonferma l-emabrgo ġenerali u komplet tal-armi kontra s-Somalja impost mir-Riżoluzzjoni 733 (1992) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) u bl-introduzzjoni ta’ miżuri restrittivi ulterjuri.

(2)

Il-miżuri restrittivi addizzjonali jikkonċernaw miżuri restrittivi ta' ammissjoni u dawk finanzjarji kontra individwi u entitajiet imfassla mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont il-UNSCR 751 (1992) rigward is-Somalja (minn issa “il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”). Barra mill-embargo ġenerali tal-armi, ir-Riżoluzzjoni tintroduċi projbizzjoni speċifika fuq il-forniment, bejgħ jew trasferiment dirett jew indirett ta’ armi u tagħmir militari u projbizzjoni speċifika fuq il-provvista ta’ għajnuna u servizzi relatati, lil individwi u entitajiet elenkati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

(3)

Il-miżuri restrittivi huma mmirati għal individwi u entitatjiet deskritti min-Nazzjonijiet Uniti (NU) bħala li jidħlu u jipprovdu appoġġ f’dawk l-atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja, inklużi atti li jheddu l-Ftehim ta’ Djibouti tat-18 ta’ Awwissu 2008 jew il-proċess politiku, jew jheddu l-Istituzzjonijiet Federali Tranżizzjonali (TFIs) jew il-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) bil-forza, li jkunu aġixxew bi ksur tal-embargo tal-armi u miżuri relatati, jew li jkunu xekklu t-wassil ta’ għajnuna umanitarja lejn is-Somalja, jew l-aċċess jew id-distribuzzjoni ta’ għajnuna umanitarja fis-Somalja.

(4)

Fis-16 ta' Frar 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja (2) li tipprevedi, inter alia, miżuri restrittivi finanzjarji diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati min-NU, kif ukoll projbizzjoni fuq il-provvista diretta jew indiretta ta’ għajnuna u servizzi relatati ma’ armi u tagħmir militari lil persuni, entitajiet jew korpi bħal dawn.

(5)

Fid-19 ta’ Marzu 2010 m il-Kunsill tas-Sigurtà adotta l-UNSCR 1916 (2010) li, inter alia, iddeċidiet li ttaffi xi restrizzjonijiet u obbligi taħt ir-reġim ta' sanzjonijiet biex tippermetti l-kunsenja ta' fornituri u l-għoti ta' assistenza teknika minn organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u subreġjonali u biex tiżgura l-għoti f'waqtu min-NU ta' assistenza umanitarja li hija meħtieġa b'mod urġenti.

(6)

Fit-12 ta’ April 2010, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet adotta l-lista tal-persuni u tal-entitatjiet li huma soġġetti għal miżuri restrittivi.

(7)

Fuq dik il-bażi, tas-26 April 2010 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK.

(8)

Dawn il-miżuri jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, huwa meħtieġ att tal-Unjoni sabiex jimplimentahom f'dak li jirrigwarda l-Unjoni.

(9)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tas-Somalja (3) impona projbizzjoni ġenerali fuq il-provvista ta’ pariri tekniċi, assistenza, taħriġ, finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatata ma’ attivitajiet militari, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Somalja. Għandu jiġi adottat Regolament ġdid tal-Kunsill li jimplimenta l-miżuri li jikkonċernaw il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati min-NU.

(10)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4) u b'mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Dan ir-Regolament għandu jkun applikat f'konformità ma' dawk id-drittijiet u prinċipji.

(11)

Dan ir-Regolament jirrispetta bis-sħiħ ukoll l-obbligi tal-Istati Membri taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u n-natura legalment vinkolanti tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà.

(12)

Is-setgħa biex tiġi emendata l-lista fl-Anness I għal dan ir-Regolament għandha tiġi eżerċitata mill-Kunsill, fid-dawl tat-theddida speċifika għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali fir-reġjun ikkawżata mis-sitwazzjoni fis-Somalja u sabiex tiġi assigurata l-konsistenza mal-proċess għall-emendar u r-reviżjoni tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK.

(13)

Il-proċedura għall-emendar tal-lista fl-Anness I għal dan ir-Regolament għandha tinkludi li tipprevedi li jingħataw lill-persuni naturali jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi maħtura, ir-raġunijiet għall-elenkar tagħhom kif ippreżentati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, sabiex tingħatalhom opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet. Fejn jiġu mressqa osservazzjonijiet jew jiġu preżentati provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu fid-dawl ta' dawk l-osservazzjonijiet u jinforma lill-persuna, entità jew korp ikkonċernat skont il-każ.

(14)

Sabiex tinħoloq l-ogħla ċertezza legali fi ħdan l-Unjoni, l-ismijiet u data oħra relevanti għall-identifikar ta' persuni naturali jew ġuridiċi, entitatijiet jew korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati skont dan ir-Regolament, għandhom jiġu ppubblikati.

(15)

Kull ipproċessar ta' data personali ta' persuni fiżiċi taħt dan ir-Regolament għandu jirrispetta r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (5) u d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (6).

(16)

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Il-pieni stipulati għandhom ikunu proporzjonati, effettivi u dissważivi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(a)

“fondi” tfisser assi u benefiċċji finanzjarji ta’ kull tip, li jinkludu iżda mhux limitati għal:

(i)

flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flejjes, drafts, money-orders u strumenti oħra ta’ ħlas;

(ii)

depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi f’kontijiet, dejn u obbligazzjonijiet ta’ dejn;

(iii)

titoli negozjabbli kemm pubbliċi kif ukoll privati u strumenti li joħolqu jew jirrikonoxxu debitu, inklużi titoli u ishma, ċertifikati li jirrapreżentaw sigurtajiet, bonds, noti, digrieti, obbligazzjonijiet u kuntratti derivattivi;

(iv)

imgħax, dividendi jew dħul ieħor fuq assi, jew valur akkumulat jew iġġenerat minnhom;

(v)

kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, bonds ta’ prestazzjoni jew impenji finanzjarji oħra;

(vi)

ittri ta’ kreditu, poloz tat-tagħbija, dokumenti ta’ bejgħ;

(vii)

dokumenti li jixhdu xi interess f’fondi jew riżorsi finanzjarji;

(b)

“iffriżar ta' fondi” tfisser il-projbizzjoni ta' ċaqliq, trasferiment, bidla, użu jew traffikar ta' fondi li jistgħu b'xi mod iwasslu għal bidla fil-volum, fl-ammont, fil-lokalizzazzjoni, fid-dritt tal-pussess, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni jew f'bidla oħra li tagħmel possibbli l-użu tal-fondi, inkluż il-ġestjoni tal-portafolli;

(c)

“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta’ kull xorta, kemm tanġibbli jew intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, prodotti jew servizzi;

(d)

“iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu tagħhom biex jinkisbu fondi, prodotti jew servizzi f’kull mod, li jinkludu, iżda mhux limitati għal, bejgħ, kiri jew ipoteki tagħhom;

(e)

“il-Kumitat tas-Sanzjonijiet” tfisser il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit skont l-UNSCR (1992) dwar is-Somalja;

(f)

“assistenza teknika” tfisser kull appoġġ tekniku relatat ma’ tiswijiet, żvilupp, manifattura, assemblaġġ, ittestjar, manutenzjoni, jew kull servizz tekniku ieħor, u tista’ tieħu forom bħalma huma t-tagħlim, il-konsulenza, it-taħriġ, it-trażmissjoni tal-għarfien tax-xogħol jew ħiliet jew servizzi ta’ konsulenza; inklużi forom ta' għajnuna verbali;

(g)

“servizzi ta’ investiment” tfisser

(i)

ir-riċeviment u t-trażmissjoni tal-ordnijiet b’rabta ma' strument finanzjarju wieħed jew iktar;

(ii)

it-twettiq tal-ordnijiet f'isem il-klijenti;

(iii)

in-negozju li jsir minn xi ħadd għal rasu;

(iv)

il-ġestjoni tal-portafoll.

(v)

il-pariri dwar l-investiment;

(vi)

is-sottoskrizzjoni ta' istrumenti finanzjarji u/jew it-tqegħid tal-istrumenti finanzjarji fuq bażi soda ta' impenn;

(vii)

it-tqegħid tal-istrumenti finanzjarji mingħajr bażi soda ta' impenn; jew

(viii)

it-tħaddim ta’ faċilitajiet ta’ kummerċ multilaterali,

sakemm l-attività hi marbuta ma’ kwalunkwe mill-istrumenti finanzjarji elenkati fis-Sezzjoni C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (7);

(h)

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji li għalihom huma applikabbli t-Trattati, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati.

(i)

“dikjarazzjoni ta' raġunijiet” tfisser il-parti tad-dikjarazzjoni ta' każ li tista' tinħareġ għall-pubbliku u/jew, fejn applikabbli, is-sintesi tar-raġunijiet għall-elenkar kif ipprovduti mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, qegħdin fil-pussess jew huma kkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet, jew korpi elenkati fl-Anness I, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom ikunu mqegħdin għad-disposizzjoni, direttament jew indirettament, jew għall-beneficċju tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi kif elenkati fl-Anness I.

3.   L-Anness I għandu jikkonsisti minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi nnominati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont UNSCR 1844 (2008).

4.   Is-sehem, b'intenzjoni u apposta, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom hu, b'mod dirett jew indirett, l-evitar tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandu jiġi pprojbit.

5.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 m’għandhiex twassal għal responsabbiltà ta’ ebda xorta fuq in-naħa tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li poġġew għad-dispożizzjoni fondi jew riżorsi ekonomiċi, fejn huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu se jiksru din il-projbizzjoni.

Artikolu 3

1.   L-Artikolu 2(2) m’għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta’:

(a)

imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b)

pagamenti dovuti taħt il-kuntratti, ftehimiet jew obbligi li kienu ġew konklużi jew qamu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li għalih hemm referenza fl-Artikolu 2 kien innominat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew il-Kunsill tas-Sigurtà,

bil-kundizzjoni li tali interess, qligħ u ħlasijiet oħra jibqgħu jiġu suġġetti għall-Artikolu 2(1).

2.   L-Artikolu 2(2) m'għandux jipprevjeni lill-istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu fl-Unjoni milli jikkreditaw il-kontijiet iffriżati meta jirċievu fondi trasferiti fil-kont ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati, dment li kwalunkwe żieda għal dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif indikat fil-websajts elenkati fl-Anness II, dwar kull tranżazzjoni bħal din mingħajr dewmien.

Artikolu 4

1.   L-Artikolu 2(1) u (2) m'għandux japplika għat-tagħmil disponibbli ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi oħra meħtieġa biex jiġi żgurat l-għoti f'waqtu ta' assistenza umanitarja meħtieġa b'mod urġenti fis-Somalja, min-Nazzjonijiet Uniti, l-aġenziji jew il-programmi speċjalizzati tagħha jew organizzazzjonijiet umanitarji li għandhom status ta' osservatur fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li jipprovdu assistenza umanitarja, jew is-sħab tagħhom inkarigati mill-implimentazzjoni.

2.   L-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 m’għandhiex twassal għal responsabbiltà ta’ ebda xorta fuq in-naħa tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li poġġew għad-dispożizzjoni fondi jew riżorsi ekonomiċi, fejn huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom ma kinux ser ikunu koperti b'din l-eżenzjoni.

Artikolu 5

1.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif indikat fil-websajts elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw, taħt il-kundizzjonijiet li huma jikkunsidraw xierqa, ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew iqiegħdu għad-dispożizzjoni ċertu fondi jew riżorsi ekonomiċi, jekk jintlaħqu l-kundizzjonjonijiet li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti kkonċernata ddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma:

(i)

meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness I, u l-membri tal-familja dipendenti fuqhom, inklużi ħlasijiet għal ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, poloz tal-assigurazzjoni, u l-ħlasijiet għall-użu ta’ servizzi pubbliċi;

(ii)

maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta’ spejjeż li huma konnessi mal-għoti ta’ servizzi legali; jew

(iii)

maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji jew ħlasijiet għal servizzi ta’ rutina fiż-żamma ta’ fondi ffriżati u riżorsi ekonomiċi; kif ukoll

(b)

l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet b'din id-determinazzjoni u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni, u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx oġġezzjona għal din l-azzjoni fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol min-notifika.

2.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew id-disponibbiltà ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, wara li jkunu ddeterminaw li dawn huma meħtieġa sabiex ikopru spejjeż straordinarji, sakemm din id-determinazzjoni tkun ġiet notifikata mill-Istat Membru lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u dik id-determinazzjoni tkun ġiet approvata minn dak il-Kumitat.

3.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li tkun ingħatat taħt il-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 6

B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif indikat fil-websajts elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti.

(a)

dawn il-fondi jew riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta' garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali, li kienet stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġudizzjarja, entità jew korp li għalih saret referenza fl-Artikolu 2 kien innominat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew il-Kunsill tas-Sigurtà jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew aribitrali li ngħatat qabel dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jiġu użati b'mod esklussiv sabiex jissodisfaw il-pretensjonijiet żgurati b'tali garanzija jew rikkonoxxuti bħala validi f'tali sentenza, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

(c)

il-garanzija jew sentenza mhijiex għal benefiċċju ta' persuna naturali jew ġuridika, entità jew korp imniżżla fl-Anness I;

(d)

il-garanzija jew sentenza ma jmorrux kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat; kif ukoll

(e)

il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ġie nnotifikat mill-Istat Membru bil-garanzija jew is-sentenza.

Artikolu 7

L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew iċ-ċaħda li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fondi jew riżorsi ekonomiċi, imwettaq bona fide fuq il-bażi li din l-azzjoni hija skont dan ir-Regolament, m’għandha twassal għal ebda forma ta’ responsabbiltà fuq in-naħa ta’ persuna fiżika jew ġuridika jew entità li qed timplimentaha, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħha, sakemm ma jkunx ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kienu ffriżati b’riżultat ta’ negliġenza.

Artikolu 8

1.   Għandu jiġi pprojbit li wieħed jipprovdi direttament jew indirettament, xi wieħed minn dawn li ġejjin lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I:

(a)

assistenza teknika relatata ma' attivitajiet militari u mal-provvista, il-bejgħ, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (8);

(b)

l-iffinanzjar jew assistenza finanzjarja relatata ma' attivitajiet militari u mal-provvista, il-bejgħ, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea;

(c)

servizzi ta’ investiment relatati ma' attivitajiet militari u mal-provvista, il-bejgħ, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f'attivitajiet li l-għan u l-effett tagħhom huwa, direttament jew indirettament, biex iduru mal-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkunu projbita.

3.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(b) m’għandhiex twassal għal responsabbiltà ta’ ebda xorta fuq in-naħa tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li pprovdew finanzjament jew assistenza finanzjarja, fejn huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu se jiksru din il-projbizzjoni.

Artikolu 9

1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi għandhom:

(a)

jgħaddu immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti, kif indikat fil-websajts elenkati fl-Anness II għall-pajjiż fejn huma residenti jew fejn jinsabu, kull informazzjoni li tista’ tiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, bħal kontabbiltà u ammonti ffriżati skont l-Artikolu 2, u għandhom jgħaddu din l-informazzjoni direttament jew permezz ta’ dawn l-awtoritajiet kompetenti, lill-Kummissjoni; kif ukoll

(b)

jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti kif indikat fil-websajts elenkati fl-Anness II għall-verifika ta' din l-informazzjoni.

2.   Kwalunkwe informazzjoni li tingħata jew tiġi rċevuta skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-għanijiet li għalihom tkun ġiet ipprovduta jew irċevuta.

Artikolu 10

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom immedjatament jinformaw lil xulxin bil-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u għandhom jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni oħra relevanti konnessa ma’ dan ir-Regolament li hija għad-dispożizzjoni tagħhom, partikolarment informazzjoni dwar problemi ta’ ksur u ta’ infurzar u sentenzi mgħotija mill-qrati nazzjonali.

Artikolu 11

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

Artikolu 12

1.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jelenka persuna naturali jew ġuridika, entità jew korp u jkun provda dikjarazzjoni tar-raġunijiet għall-ħatra, il-Kunsill għandu jinkludi dik il-persuna naturali jew ġuridika, entità jew korp fl-Anness I. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu u d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet lill-persuna naturali jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat, jew b'mod dirett, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, li jipprovdi lil tali persuna naturali jew ġuridika, entità jew korp opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet.

2.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna, entità jew korp ikkonċernat skont il-każ.

Artikolu 13

Fejn in-NU tiddeċiedi li tneħħi mil-lista persuna, entità, jew korp, jew li temenda d-data li tidentifika persuna, entità jew korp elenkat, il-Kunsill għandu jemenda l-Anness I skont il-każ.

Artikolu 14

L-Anness I għandu jinkludi, fejn disponibbli, informazzjoni pprovduta mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li hija meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni naturali jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni naturali, tali informazzjoni tista' tinkludi ismijiet inkluż laqmijiet, data u post tat-twelid, ċittadinanza, in-numru tal-passaport u tal-karta tal-identità, sess, indirizz, jekk magħruf, u funzjoni jew professjoni. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi ismijiet, post u data tar-reġistrazzjoni, numru tar-reġistrazjoni u post tan-negozju. L-Anness I għandu jinkludi wkoll id-data tal-ħatra mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

Artikolu 15

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti għalih.

Artikolu 16

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru lill-awtoritajiet kompetenti msemmijin f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fil-websajts elenkati fl-Anness II jew permezz ta' dawn il-websajts.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti għalih.

3.   Fejn dan ir-Regolament jippreżenta obbligu li tiġi nnotifikata jew infurmata l-Kummissjoni, jew li ssir xi komunikazzjoni oħra magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li għandhom jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.

Artikolu 17

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)

abbord kull inġenju tal-ajru jew bastiment li jaqa' taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru;

(c)

għal kwalunkwe persuna fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu li hija ċittadina ta' Stat Membru;

(d)

għal kull persuna ġuridika, entità jew korp li huwa inkorporat jew kostitwit taħt il-liġi ta' Stat Membru;

(e)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kwalunkwe negozju li jsir b'mod sħiħ jew parzjali fl-Unjoni.

Artikolu 18

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta’ April 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Ara paġna 17 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 46, 17.2.2009, p. 73.

(3)  ĠU L 24, 29.1.2003, p. 2.

(4)  ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(6)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(7)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(8)  ĠU C 69, 18.3.2010, p. 19.


ANNESS I

PERSUNI FIŻIĊI U ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 2 U 8

I.   Persuni naturali

(1)

Yasin Ali Baynah (magħruf ukoll bħala a) Ali, Yasin Baynah, b) Ali, Yassin Mohamed, c) Baynah, Yasin, d) Baynah, Yassin, e) Baynax, Yasiin Cali, f) Beenah, Yasin, g) Beenah, Yassin, h) Beenax, Yasin, i) Beenax, Yassin, j) Benah, Yasin, k) Benah, Yassin, l) Benax, Yassin, m) Beynah, Yasin, n) Binah, Yassin, o) Cali, Yasiin Baynax) Data tat-twelid: madwar l-1966. Nazzjonalità: Somalja. Nazzjonalità alternattiva: Żvezja. Fejn jinsab: Rinkeby, Stokkolma, Żvezja; Mogadixu, Somalja.

(2)

Hassan Dahir Aweys (magħruf ukoll bħala a) Ali, Sheikh Hassan Dahir Aweys, b) Awes, Hassan Dahir, c) Awes, Shaykh Hassan Dahir, d) Aweyes, Hassen Dahir, e) Aweys, Ahmed Dahir, f) Aweys, Sheikh, g) Aweys, Sheikh Hassan Dahir, h) Dahir, Aweys Hassan, i) Ibrahim, Mohammed Hassan, j) OAIS, Hassan Tahir, k) Uways, Hassan Tahir, l) “Hassan, Sheikh”) Data tat-twelid: 1935. Ċittadinanza: Somalja. Nazzjonalità: Somalja. Fejn jinsab: Somalja; Eritrea.

(3)

Hassan Abdullah Hersi Al-Turki (magħruf ukoll bħala a) Al-Turki, Hassan, b) Turki, Hassan, c) Turki, Hassan Abdillahi Hersi, d) Turki, Sheikh Hassan, e) Xirsi, Xasan Cabdilaahi, f) Xirsi, Xasan Cabdulle) Data tat-twelid: madwar l-1944. Post tat-twelid: Reġjun Ogaden, Etjopja. Nazzjonalità: Somalja. Fejn jinsab: Somalja.

(4)

Ahmed Abdi aw-Mohamed (magħruf ukoll bħala a) Abu Zubeyr, Muktar Abdirahman, b) Abuzubair, Muktar Abdulrahim, c) Aw Mohammed, Ahmed Abdi, d) Aw-Mohamud, Ahmed Abdi, e) “Godane”, f) “Godani”, g) “Mukhtar, Shaykh”, h) “Zubeyr, Abu”) Data tat-twelid: 10 ta’ Lulju 1977. Post tat-twelid: Hargeysa, Somalja. Nazzjonalità: Somalja.

(5)

Fuad Mohamed Khalaf (magħruf ukoll bħala a) Fuad Mohamed Khalif, b) Fuad Mohamed Qalaf, c) Fuad Mohammed Kalaf, d) Fuad Mohamed Kalaf, e) Fuad Mohammed Khalif, f) Fuad Khalaf, g) Fuad Shongale, h) Fuad Shongole, i) Fuad Shangole, j) Fuad Songale, k) Fouad Shongale, l) Fuad Muhammad Khalaf Shongole) Nazzjonalità: Somalja. Fejn jinsab: Mogadixu, Somalja. Lokalità alternattiva: Somalja.

(6)

Bashir Mohamed Mahamoud (magħruf ukoll bħala a) Bashir Mohamed Mahmoud, b) Bashir Mahmud Mohammed, c) Bashir Mohamed Mohamud, d) Bashir Mohamed Mohamoud, e) Bashir Yare, f) Bashir Qorgab, g) Gure Gap, h) “Abu Muscab”, i) “Qorgab”) Data tat-twelid: madwar 1979-1982. Data tat-twelid alternattiva: 1982. Nazzjonalità: Somalja. Fejn jinsab: Mogadixu, Somalja.

(7)

Mohamed Sa’id (magħruf ukoll bħala a) “Atom”, b) Mohamed Sa’id Atom, c) Mohamed Siad Atom) Data tat-twelid: madwar l-1966. Post tat-twelid: Galgala, Somalja. Fejn jinsab: Galgala, Somalja. Lokalità alternattiva: Badhan, Somalja.

(8)

Fares Mohammed Mana’a (magħruf ukoll bħala: a) Faris Mana’a, b) Fares Mohammed Manaa) Data tat-twelid: 8 ta’ Frar 1965. Post tat-twelid: Sadah, Jemen. Nru tal-Passaport: 00514146; post tal-ħruġ: Sanaa, Jemen. Nru tal-Karta tal-Identità: 1417576; post tal-ħruġ: Al-Amana, Jemen; data tal-ħruġ: 7 ta’ Jannar 1996.

II.   Persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi

AL-SHABAAB (magħrufa wkoll bħala a) Al-Shabab, b) Shabaab, c) The Youth, d) Mujahidin Al-Shabaab Movement, e) Mujahideen Youth Movement, f) Mujahidin Youth Movement, g) MYM, h) Harakat Shabab Al-Mujahidin, i) Hizbul Shabaab, j) Hisb’ul Shabaab, k) Al-Shabaab Al-Islamiya, l) Youth Wing, m) Al-Shabaab Al-Islaam, n) Al-Shabaab Al-Jihaad, o) The Unity Of Islamic Youth, p) Harakat Al-Shabaab Al-Mujaahidiin, q) Harakatul Shabaab Al Mujaahidiin, r) Mujaahidiin Youth Movement) Tinsab: Somalja.


ANNESS II

WEBSAJTS LI JIPPROVDU TAGĦRIF DWAR L-AWTORITAJIET KOMPETENTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 3(2), 5, 6 U 9 U L-INDIRIZZ GĦAN-NOTIFIKI LILL-KUMMISSJONI EWROPEA

 

IL-BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

 

IL-BULGARIJA

http://www.mfa.government.bg

 

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

 

ID-DANIMARKA

http://www.um.dk/da/menu/Udenrigspolitik/FredSikkerhedOgInternationalRetsorden/Sanktioner/

 

IL-ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/BMWi/Navigation/Aussenwirtschaft/Aussenwirtschaftsrecht/embargos.html

 

L-ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

 

L-IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

 

IL-GREĊJA

http://www.ypex.gov.gr/www.mfa.gr/en-US/Policy/Multilateral+Diplomacy/International+Sanctions/

 

SPANJA

www.mae.es/es/MenuPpal/Asuntos/Sanciones+Internacionales

 

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

 

L-ITALJA

http://www.esteri.it/UE/deroghe.html

 

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

 

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

 

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

 

IL-LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

 

L-UNGERIJA

http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/felelos_illetekes_hatosagok.htm

 

MALTA

http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

 

L-OLANDA

www.minbuza.nl/nl/Onderwerpen/Internationale_rechtsorde/Internationale_Sancties/Bevoegde_instanties_algemeen

 

L-AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

 

IL-POLONJA

http://www.msz.gov.pl

 

IL-PORTUGALL

http://www.mne.gov.pt/mne/pt/AutMedidasRestritivas.htm

 

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/index.php?unde=doc&id=32311&idlnk=1&cat=3

 

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

 

SLOVAKKJA

http://www.foreign.gov.sk

 

IL-FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

 

L-IŻVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

 

IR-RENJU UNIT

http://www.fco.gov.uk/en/about-us/what-we-do/services-we-deliver/business-services/export-controls-sanctions/

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

Il-Kummissjoni Ewropea

DĠ għar-Relazzjonijiet Esterni

Direttorat A. Struttura għall-Kriżijiet u Koordinament Politiku fil-PESK

Unità A.2. Ġestjoni tal-Kriżijiet u Prevenzjoni tal-Kunflitt

CHAR 12/106

B-1049

Bruxelles/Brussel (Belgium)

E-mail: relex-sanctions@ec.europa.eu

Tel.: (32-2) 295 55 85

Fax: (32 -2) 299 08 73