15.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/27


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 310/2010

tad-9 ta’ April 2010

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura statistika u tariffarja (1) u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna nru (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikata fil-kolonna nru (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna nru (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf l-Kodiċi Doganali tal-Komunità. (2)

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament tfasslu b’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu klassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

Informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tista’ tibqa’ tkun invokata għal perjodu ta’ tliet xhur taħt l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fit-totalità tiegħu, u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi tan-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Apparat li jidher bħal arkata li wieħed jgħaddi minnha fil-punti ta’ sigurtà fl-ajruport (l-hekk imsejjaħ “spetrometru tal-massa”). Huwa maħsub biex jagħraf sustanzi illeċiti, bħall-esplussivi u narkotiċi, billi juża t-tekonoloġija ta’ Spetrometru tal-Mobilità Jonika bi Trappola (ITMS-Ion Trap Mobility Spectrometer).

L-analiżi hi bbażata fuq kampjuni tal-arja li jgħaddu minn membrana semi-permeabbli u jidħlu f’kompartiment ta’ jonizzazzjoni fejn sors ta’ jonizzazzjoni jitfa’ partiċelli beta li jwasslu fil-formazzjoni tal-jonji fil-fażi gassuża. L-ijonizzazzjoni hija mbagħad mgħoddija permezz ta’ pulsazzjonijiet f’tubu ta’ propogazzjoni fejn kamp elettriku jaċċelera l-ijonji lejn elettrodu kollettur. Il-kampjun huwa mbagħad analizzat abbażi tal-ħin li jieħdu l-ijonji biex jilħqu l-kollettur. Konsegwentament, l-apparat jissepara l-fwar ijonizzat u mbagħad ikejjel il-mobilità tal-ijonji f’kamp elettriku.

L-apparat ma jużax radjazzjoni ottika.

9027 80 17

Il-klassifikazzjoni hija determinata permezz tar-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Maqgħuda u mill-kliem tal-kodiċi NM 9027 , 9027 80 u 9027 80 17 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9022 bħala apparat ibbażat fuq l-użu tar-radjazzjoni beta hija eskluża, minħabba li r-radjazzjoni hija użata biss f’pass ta’ tħejjija, qabel l-analiżi, biex jonizza il-kampjun. Ir-radjazzjoni hija biss stadju inizjali tal-proċess ta’ analiżi kimika li tuża t-teknoloġija tal-ispettrometrija.

Dan l-apparat għall-analiżi fiżika u kimika – spettrometri – huwa speċifikament imsemmi taħt l-intestatura 9027 .

Ladarba l-apparat ma jużax ir-radjazzjoni ottika (UV, viżibbli, IR), huwa għalhekk ikklassifikat taħt il-kodiċi ta’ NM 9027 80 17 bħal apparat ieħor għall-analiżi fiżika u kimika.