31.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 271/2010

tal-24 ta’ Marzu 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, f’dak li għandu x’jaqsam mal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(3), l-Artikolu 38(b), u l-Artikolu 40 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 jistabbilixxi li l-logo Komunitarju huwa waħda mill-indikazzjonijiet obbligatorji li għandhom jintużaw fuq l-imballaġġ tal-prodotti li juri termini li jirreferu għall-metodu tal-produzzjoni organika kif imsemmi fl-Artikolu 23(1), u li l-użu ta’ dan il-logo huwa fakultattiv għal prodotti impurtati minn pajjiżi terzi. L-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 jippermetti l-użu tal-logo Komunitarju fit-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti skont dak ir-Regolament.

(2)

L-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 tal-24 ta’ Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti tal-ikel (2), li nbidel bir-Regolament (KE) Nru 834/2007, uriet li l-logo Komunitarju li jista’ jintuża fuq bażi volontarja ma għadux jilħaq l-aspettattivi tal-operaturi fis-settur u lanqas tal-konsumaturi.

(3)

Ir-regoli l-ġodda li jikkonċernaw il-logo għandhom jiġu introdotti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (3). Dawk ir-regoli għandhom jippermettu li l-logo jkun adattat iktar għall-iżviluppi fis-settur, b’mod partikolari permezz ta’ identifikazzjoni aħjar mill-konsumaturi tal-prodotti organiċi li jaqgħu taħt ir-regolamenti tal-UE li jikkonċernaw il-produzzjoni organika.

(4)

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, huwa xieraq li wieħed jirreferi għal-“logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea” minflok il-“logo Komunitarju tal-produzzjoni organika”.

(5)

Il-Kummissjoni organizzat kompetizzjoni fost l-istudenti tal-arti u d-disinn mill-Istati Membri, bl-għan li tiġbor il-proposti għal logo ġdid, u ġurija indipendenti għażlet u kklassifikat l-aħjar 10 proposti. Iktar skrutinju mil-lat tal-proprjetà intelletwali ppermetta li jiġu identifikati l-aqwa tliet disinji minn dak il-lat, li sussegwentement tressqu għal konsultazzjoni fuq l-Internet li kienet miftuħa bejn is-7 ta’ Diċembru 2009 u l-31 ta’ Jannar 2010. Il-logo propost magħżul mill-maġġoranza ta’ dawk li żaru l-websajt matul dak il-perjodu għandu jiġi adottat bħala l-logo l-ġdid tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Il-bidla tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Lulju 2010 ma għandhiex toħloq diffikultajiet fis-suq, u b’mod partikolari l-prodotti organiċi li jkunu diġà tpoġġew fis-suq għandhom jitħallew jinbiegħu mingħajr l-indikazzjonijiet obbligatorji meħtieġa bl-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, sakemm il-prodotti inkwistjoni jikkonformaw mar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 jew mar Regolament (KE) Nru 834/2007.

(7)

Sabiex l-użu tal-logo ikun possibbli hekk kif isir obbligatorju skont il-leġiżlazzjoni tal-UE u biex ikun żgurat it-tħaddim effettiv tas-suq intern, biex tiġi garantita l-kompetizzjoni ġusta u biex jiġu mħarsal-interessi tal-konsumaturi, il-logo l-ġdid tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea ġie rreġistrat bħala Marka Kollettiva tal-Biedja Organika fl-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intelletwali u konsegwentement huwa fis-seħħ, jista’ jintuża u huwa protett. Il-logo se jiġi rreġistrat ukoll fir-Reġistri Komunitarji u Internazzjonali.

(8)

L-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 jistabbilixxxi li n-numru tal-kodiċi tal-entità jew l-awtorità ta’ kontroll għandu jitpoġġa immedjatament taħt il-logo Komunitarju mingħajr indikazzjoni speċifika dwar il-format u l-attribuzzjoni ta’ dawn il-kodiċijiet. Sabiex tiġi stabbilita applikazzjon armonizzata ta’ dawn in-numri tal-kodiċi, għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar il-format u l-attribuzzjoni ta’ dawn il-kodiċijiet.

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat regolatorju għall-produzzjoni organika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 huwa emendat kif ġej:

1)

Fit-Titolu III, it-titolu tal-Kapitolu I għandu jinbidel b’dan li ġej:

 

“Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea”

2)

L-Artikolu 57 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 57

Il-logo organiku tal-UE

Skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea (minn issa ‘l quddiem “Il-logo organiku tal-UE”) għandu jsegwi l-mudell stabbilit fil-Parti A tal-Anness XI għal dan ir-Regolament.

Il-logo organiku tal-UE għandu jintuża biss jekk il-prodott konċernat jiġi manifatturat skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 u r-regolamenti tal-implimentazzjoni tiegħu jew ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 u r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.”

3)

Fl-Artikolu 58(1), il-punti (b), (c) u (d) għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“(b)

jinkludi terminu li jistabbilixxi rabta bejn il-metodu tal-produzzjoni organika, kif imsemmi fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 skont il-Parti B (2) tal-Anness XI għal dan ir-Regolament;

(c)

jinkludi numru ta’ referenza li jrid jiġi deċiż mill-Kummissjoni jew mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont il-Parti B (3) tal-Anness XI għal dan ir-Regolament; u

(d)

jitpoġġa fl-istess kamp viżiv tal-logo organiku tal-UE, meta l-logo organiku tal-UE jintuża fit-tikkettar.”

4)

Fl-Artikolu 95, il-paragrafi 9 u 10 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“9.   Il-ħażniet ta’ prodotti manifatturati, ippakkjati u ttikkettati qabel l-1 ta’ Lulju 2010 skont ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 jew ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u juru termini li jirreferu għall-produzzjoni organika sakemm jinħlew il-ħażniet.

10.   Il-materjal tal-imballaġġ skont ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 jew ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 jista’ jibqa’ jintuża għal prodotti mqiegħda fis-suq li juru termini li jirreferu għall-produzzjoni organika sal-1 ta’ Lulju 2012, jekk mill-bqija l-prodott ikun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 834/2007.”

5)

L-Anness XI għandu jinbidel bit-test stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 198, 22.7.1991, p. 1.

(3)  ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1.


ANNESS

“ANNESS XI

A.   Il-logo organiku tal-UE, imsemmi fl-Artikolu 57

1.

Il-logo organiku tal-UE għandu jikkonforma mal-mudell ta’ hawn taħt:

Image

2.

Il-kulur ta’ referenza fil-Pantone huwa Pantone Aħdar bin-numru 376 u Aħdar [50 % Cyan + 100 % Isfar], meta jintuża proċess ta’ erba’ kuluri.

3.

Il-logo organiku tal-UE jista’ jintuża wkoll bl-iswed u l-abjad kif muri, iżda biss meta ma jkunx prattiku li jiġi applikat bil-kulur:

Image

4.

Jekk il-kulur tal-isfond tal-imballaġġ jew tat-tikketta ikun skur, is-simboli jistgħu jintużaw fil-format negattiv, billi jintuża l-kulur tal-isfond tal-imballaġġ jew tat-tikketta.

5.

Jekk simbolu jintuża bil-kulur fuq sfond bil-kulur, li jagħmlu diffiċli biex jintgħaraf, għandu jintuża ċirku estern ta’ delinjazzjoni madwar is-simbolu sabiex jittejjeb il-kuntrast mal-kuluri tal-isfond.

6.

F’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi fejn ikun hemm indikazzjonijiet b’kulur wieħed fuq l-imballaġġ, il-logo organiku tal-UE jista’ jintuża bl-istess kulur.

7.

Il-logo organiku tal-UE għandu jkun mill-inqas 9 mm għoli u mill-inqas 13.5 mm wiesa’; il-proporzjon ta’ tul/wisa’ dejjem għandu jkun 1:1.5. Id-daqs minimu għandu eċċezzjonalment jitnaqqas għal tul ta’ 6 mm għal imballaġġ żgħir ħafna.

8.

Il-logo organiku tal-UE jista’ jiġi assoċjat ma’ elementi grafiċi jew testwali li jirreferu għall-biedja organika, bil-kundizzjoni li ma jimmodifikawx jew ma jbiddlux in-natura tal-logo organiku tal-UE, u lanqas l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 58. Meta assoċjat ma’ logos nazzjonali jew privati li jużaw kulur aħdar differenti mill-kulur ta’ referenza msemmi fil-punt 2, il-logo organiku tal-UE jista’ jintuża dak li mhuwiex kulur ta’ referenza.

9.

L-użu tal-logo organiku tal-UE għandu jkun skont ir-regoli li jakkumpanjaw ir-reġistrazzjoni tiegħu bħala Marka Kollettiva tal-Biedja Organika fl-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intelletwali u fir-Reġistri tal-Marki Kummerċjali Komunitarji u Internazzjonali.

B.   In-numri tal-kodiċi msemmija fl-Artikolu 58

Il-format ġenerali tan-numri tal-kodiċi huwa kif ġej:

AB-CDE-999

Fejn:

1.

“AB” huwa l-kodiċi ISO kif speċifikat fl-Artikolu 58(1)(a) għall-pajjiż fejn il-kontrolli jsiru, u

2.

“CDE” huwa terminu, indikat bi tliet ittri li jiġu deċiżi mill-Kummissjoni jew minn kull Stat Membru, bħal “bio” jew “öko” jew “org” jew “eko” li jistabbilixxu rabta bejn il-metodu ta’ produzzjoni organika kif speċifikat fl-Artikolu 58(1)(b), u

3.

“999” huwa n-numru ta’ referenza, indikat b’massimu ta’ tliet karattri, li jista’ jiġi attribwit, kif speċifikat fl-Artikolu 58(1)(c):

(a)

minn kull awtorità kompetenti tal-Istati Membri lill-Awtoritajiet ta’ Kontroll jew mill-Entitajiet ta’ Kontroll ddelegati b’ħidmiet ta’ kontroll skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 834/2007,

(b)

mill-Kummissjoni:

(i)

lill-Awtoritajiet ta’ Kontroll u l-Entitajiet ta’ Kontroll imsemmijin fl-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 (*) u elenkati fl-Anness I għal dak ir-Regolament,

(ii)

lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi jew l-Entitajiet ta’ Kontroll imsemmijin fl-Artikolu 7(2)(f) tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008 u elenkati fl-Anness III għal dak ir-Regolament,

(iii)

lill-Awtoritajiet ta’ Kontroll u l-Entitajiet ta’ Kontroll imsemmijin fl-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008, u elenkati fl-Anness IV għal dak ir-Regolament,

(c)

minn kull awtorità kompetenti tal-Istati Membri lill-Awtorità ta’ Kontroll jew Entità ta’ Kontroll li ġiet awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 2012 biex toħroġ iċ-ċertifikat tal-ispezzjoni skont l-Artikolu 19(1), ir-raba’ subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008 (awtorizzazzjonijiet tal-importazzjoni), fuq proposta tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha tagħmel in-numri tal-kodiċi disponibbli għall-pubbliku bi kwalunkwe mezz tekniku xieraq, inkluż il-pubblikazzjoni fuq l-Internet.


(*)  ĠU L 334, 12.12.2008, p. 25.”