30.3.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 83/8 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 268/2010
tad-29 ta’ Marzu 2010
li jimplimenta d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċċess għal settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika tal-Istati Membri mill-istituzzjoniiet u l-entitajiet Komunitarji skont kundizzjonijiet armonizzati
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 17(8) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2007/2/KE teħtieġ li Istati Membri jipprovdu lill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji b’aċċess għal settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika skont kundizzjonijiet armonizzati. |
(2) |
Sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti għall-għoti tal-aċċess għas-settijiet u s-servizzi tad-dejta ġeografika, dan ir-Regolament għandu jiddefinixxi sett minimu ta’ kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati. |
(3) |
Id-Direttiva 2007/2/KE tippermetti l-eċċezzjonijiet mill-kondiviżjoni tad-dejta skont l-Artikolu 17(7). Madankollu, anki meta l-Istati Membri japplikaw dawk l-eċċezzjonijiet, għandhom ikunu ħielsa li jistipulaw miżuri, bħal miżuri ta’ sigurtà, li l-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji għandhom jieħdu sabiex jibqa’ jkollhom permess jaċċessaw dawn is-settijiet u servizzi ta’ dejta. |
(4) |
Kull ftehim, inkluż ftehimiet dwar liċenzji, kuntratti u skambji ta’ e-Mails jew kull arranġament ieħor dwar l-aċċess mill-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji għal settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika tal-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi skont dan ir-Regolament, għandhom jużaw it-terminoloġija definita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/2/KE. |
(5) |
Sabiex iwettqu l-kompiti pubbliċi tagħhom u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politiiki Ewropej marbuta mal-ambjent, l-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji għandhom ikunu jistgħu jagħmlu disponibbli settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika għall-kuntratturi li qed jaħdmu f’isimhom. |
(6) |
Bħala rekwiżit ġenerali, l-arranġamenti għandhom jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament minn timintax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Madankollu, billi jafu jkunu għadhom fis-seħħ arranġamenti stabbiliti qabel, hemm bżonn dispożżjoni ta’ transizzjoni. Għalhekk, l-arranġamenti mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jinġiebu konformi ma’ dan ir-Regolament mit-tiġdid jew l-iskadenza ta’ dawk l-arranġamenti, iżda mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
(7) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 22 tad-Direttiva 2007/2/KE, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Is-suġġett
Ir-Regolament jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati ta’ aċċess għal settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2007/2/KE.
Artikolu 2
Restrizzjonijiet fuq l-aċċess
Fuq talba tal-istituzzjoni jew l-entità Komunitarja, l-Istati Membri għandhom jagħtu raġunijiet għal kwalunkwe limitazzjoni ta’ kondiviżjoni skont l-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2007/2/KE.
L-Istati Membri jistgħu jiddikjaraw skont liema kundizzjonijiet jista’ jkun premess l-aċċess ristrett konformi mal-Artikolu 17(7).
Artikolu 3
Arranġamenti
1. Kull arranġament dwar l-aċċess għal settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika għandu jkun għal kollox kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
2. Id-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/2/KE għandhom jintużaw fi kwalunkwe arranġament dwar l-aċesss għas-settijiet u s-servizzi tad-dejta ġeografika.
Artikolu 4
L-użu ta’ settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika
1. Istituzzjonijiet jew entitajiet tal-Komunità jistgħu jagħmlu disponibbli settijet jew servizzi ta’ dejta ġeografika lill kuntratturi li jkunu qed jaġixxu f’isimhom.
2. Meta settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika jkunu saru disponibbli skont il-paragrafu 1, l-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji għandhom jagħmlu kull sforz possibbli sabiex jevitaw l-użu mhux awtorizzat ta’ settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika.
3. Meta sett jew servizz ta’ dejta ġeografika jkun sar disponibbli skont il-paragrafu 1, il-parti li tkun irċivietu ma tistax tagħmel is-sett jew is-servizz ta’ dejta ġeografika disponibbli għal kwalunkwe parti oħra mingħajr il-kunsens bil-miktub tal-fornitur oriġinali tad-dejta jew tas-servizz.
Artikolu 5
Metadejta
Il-kundizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji f’konformità mar-Regolament għandhom jiġu espressi f’elementi tal-metadejta 8.1, imsemmija fil-Parti B tal-Anness għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1205/2008 (2).
Artikolu 6
Trasparenza
1. Meta istituzzjoni jew entità tal-Komunità titlob l-għoti tal-aċċess għal sett jew servizz ta’ dejta ġoegrafika, l-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu disponibbli, fuq talba, informazzjoni għall-evalwazzjoni u l-użu, dwar il-mekkaniżmi għall-ġbir, l-ipproċessar, il-produzzjoni, il-kontrolll tal-kwalità u l-kisba tal-aċċess għas-settijiet u s-servizzi tad-dejta ġeografika, meta dik l-informazzjoni addizzjonali tkun disponibbli u jkun raġonevoli li dik id-dejta tiġi estratta u fornuta.
2. Meta mitluba, l-offerti magħmula mill-Istati Membri għall-għoti tal-aċċess lis-settijiet u s-servizzi tad-dejta ġeografika għandhom jinkludu l-bażi għall-ħlasijiet u l-fatturi meqjusa.
Artikolu 7
Żminijiet ta’ Reazzjoni
L-Istati Membri għandhom jipprovdu aċċess għas-settijiet u s-servizzi tad-dejta mingħajr dewmien u mhux aktar minn 20 jum wara li tkun waslet talba bil-miktub, sakemm mhux maqbul mod ieħor bi ftehim reċiproku bejn l-Istat Membru u l-istituzzjoni jew l-entità Komunitarja.
Artikolu 8
Dispożizzjonijiet transizzjonali
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti jkunu konformi minn tmintax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.
Meta l-arranġamenti għall-għoti tas-settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika jkunu implimentati fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-arranġamenti jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament mit-tiġdid jew l-iskadenza ta’ dawn l-arranġamenti, iżda mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 9
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Marzu 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1.
(2) ĠU L 326, 4.12.2008, p. 12.